LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w23 Frar pp. 8-13
  • Ibbenefika Iktar Meta Taqra l-Bibbja

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ibbenefika Iktar Meta Taqra l-Bibbja
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2023
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • AQRA BIEX TIFHEM
  • FITTEX LEZZJONIJIET IMPORTANTI META TAQRA
  • ĦALLI L-QARI TAL-BIBBJA JAFFETTWAK
  • META NAQRAW IL-BIBBJA SE NĦOSSUNA FERĦANIN
  • Nibbenefikaw mill-Qari taʼ Kuljum tal-Bibbja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • Agħmel Ħiltek fil-Qari
    Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
  • “Il-kelma t’Alla hi . . . qawwija”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2017
  • Sebaʼ Passi Biex Tibbenefika mill-Qari tal-Bibbja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2023
w23 Frar pp. 8-13

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 7

Ibbenefika Iktar Meta Taqra l-Bibbja

“Qed tifhem verament x’int taqra?”—ATTI 8:30.

GĦANJA 97 Ħajjitna tiddependi mill-Kelma t’Alla

ĦARSA BIL-QUDDIEMa

1. Kif nafu li l-Iskrittura kienet importanti għal Ġesù?

IMMAĠINA lil Ġesù jgħallem lin-nies. Hu kien jikkwota mill-Iskrittura bl-amment! Fil-fatt, wara li tgħammed u qabel ma miet, Ġesù kkwota mill-Iskrittura.b (Dt. 8:3; Salm 31:5; Lq. 4:4; 23:46) U matul it-tliet snin u nofs tal-ministeru tiegħu, Ġesù spiss qara, ikkwota, u spjega l-Iskrittura lin-nies.—Mt. 5:17, 18, 21, 22, 27, 28; Lq. 4:16-20.

Grupp taʼ stampi: 1. Meta kien tifel, Ġesù kien jagħti kas il-ġenituri tiegħu meta jkellmuh. 2. Meta sar żagħżugħ, Ġesù u l-familja tiegħu kienu joqogħdu attenti meta jisimgħu l-qari tal-Iskrittura fis-sinagoga. 3. Meta kiber Ġesù kien jaqra mill-Iskrittura.

Matul ħajtu Ġesù wera li kien iħobb l-Iskrittura u ħallieha taffettwah f’kulma għamel (Ara paragrafu 2)

2. Meta kien qed jikber, x’għen lil Ġesù biex jitgħallem l-Iskrittura sew? (Ara l-istampa tal-qoxra.)

2 Snin qabel ma beda l-ministeru tiegħu, Ġesù kien jaqra l-Kelma t’Alla u jismagħha tinqara spiss. Bla dubju, id-dar kien jismaʼ lil Marija u lil Ġużeppi jikkwotaw mill-Iskrittura matul il-konversazzjonijiet li kien ikollhom.c (Dt. 6:6, 7) U nistgħu nkunu ċerti li kull Sabat, Ġesù kien imur is-sinagoga mal-familja tiegħu. (Lq. 4:16) Meta kien ikun qiegħed hemm, hu kien joqgħod attent meta l-Iskrittura tkun qed tinqara. Maż-żmien, Ġesù tgħallem jaqra l-Iskrittura waħdu. Għalhekk, Ġesù mhux biss tgħallem l-Iskrittura sew imma sar iħobbha u ħallieha taffettwah f’kulma jagħmel. Pereżempju, tiftakar x’ġara fit-tempju meta hu kien għad kellu 12-il sena? L-għalliema li kienu jafu l-Liġi Mosajka sew “baqgħu mistagħġbin b’kemm kien jifhem u bit-tweġibiet tiegħu.”—Lq. 2:46, 47, 52.

3. X’se niddiskutu f’dan l-artiklu?

3 Meta naqraw il-Bibbja b’mod regulari, aħna wkoll nistgħu nitgħallmu minnha u nsiru nħobbu dak li hemm miktub fiha. Allura kif nistgħu nibbenefikaw iżjed meta naqrawha? Nistgħu nitgħallmu minn dak li qal Ġesù lil dawk li kienu jafu l-Liġi, bħall-iskribi, il-Fariżej, u s-Sadduċej. Dawn il-mexxejja reliġjużi kienu jaqraw l-Iskrittura spiss imma ma kinux jibbenefikaw minnha. Ġesù wera tliet affarijiet li kellhom jagħmlu dawn l-irġiel biex jibbenefikaw iżjed mill-Iskrittura. Dak li qalilhom se jgħinna (1) nifhmu aħjar dak li naqraw, (2) infittxu lezzjonijiet importanti, u (3) inħallu l-Bibbja taffettwana.

AQRA BIEX TIFHEM

4. Luqa 10:25-29 x’jgħallimna dwar li naqraw il-Bibbja?

4 Aħna rridu nifhmu dak li naqraw mill-Bibbja, inkella ma nibbenefikawx minnu. Pereżempju, innota x’qal Ġesù lil “raġel li kien jaf il-Liġi.” (Aqra Luqa 10:25-29.) Meta r-raġel saqsieh xi jrid jagħmel biex ikollu l-ħajja taʼ dejjem, Ġesù għenu jsib it-tweġiba mill-Kelma t’Alla. Ġesù saqsieh: “X’hemm miktub fil-Liġi? Kif taqraha?” Ir-raġel wieġbu tajjeb għax ikkwota l-Iskrittura dwar li tħobb lil Alla u lill-oħrajn. (Lev. 19:18; Dt. 6:5) Imma aħseb x’saqsieh wara: “Min tassew hu l-proxxmu tiegħi?” Dan wera li ma kienx fehem eżatt dak li qara. Allura ma kienx jaf japplika dawk il-versi sew f’ħajtu.

Aħna nistgħu nitgħallmu nifhmu dak li qed naqraw

5. Meta titlob u taqra bil-mod, kif se jgħinuk tifhem aħjar?

5 Jekk ikollna drawwiet tajbin meta naqraw il-Bibbja, se nkunu nistgħu nifhmu l-Kelma t’Alla aħjar. Is-suġġerimenti li ġejjin jistgħu jgħinuk. Itlob qabel tibda taqra. Aħna għandna bżonn l-għajnuna taʼ Ġeħova biex nifhmu l-Bibbja, allura għandna nitolbuh għall-ispirtu qaddis biex jgħinna nikkonċentraw. Imbagħad aqra bil-mod. Dan se jgħinek tifhem dak li tkun qed taqra. Tistaʼ ssibha t’għajnuna jekk tismaʼ lilek stess taqra jew taqra f’qalbek waqt li tismaʼ r-rekordings bl-awdjo tal-Bibbja. Jekk tismaʼ r-rekording u taqra miegħu se jgħinek iżjed biex tifhem, tiftakar, u titgħallem dak li qed taqra mill-Bibbja. (Ġoż. 1:8) Meta tlesti, erġaʼ itlob lil Ġeħova biex tirringrazzjah talli tak il-Bibbja u biex jgħinek tapplika dak li qrajt.

Grupp taʼ stampi: 1. Oħt tikteb nota biex tpoġġiha fil-Bibbja. 2. Ħu qed jimmarka u jieħu n-noti fuq l-artiklu li qed jistudja fuq it-tablet tiegħu. 3. Oħt tuża l-“JW Library” biex timmarka u tieħu n-noti fuq il-Bibbja.

In-noti kif jgħinuk tiftakar u tifhem dak li taqra? (Ara paragrafu 6)

6. Il-mistoqsijiet u n-noti kif se jgħinuk meta taqra? (Ara l-istampa.)

6 Ejja naraw żewġ suġġerimenti oħra li se jgħinuk tifhem il-Bibbja aħjar. L-ewwel, saqsi l-mistoqsijiet. Inti u taqra l-Bibbja fittex it-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet: ‘Min huma n-nies fir-rakkont? Min qed jitkellem? Ma’ min qed jitkellem, u għala? Fejn, u meta ġraw l-affarijiet?’ Mistoqsijiet bħal dawn se jgħinuk taħseb u tifhem dak li qed taqra. It-tieni, ħu n-noti. Meta tikteb, se jgħinek biex taħseb iktar dwar dak li qed taqra u tifhem aħjar. Se jgħinek ukoll biex tiftakar iżjed. Tistaʼ tikteb mistoqsijiet bħalma semmejna qabel, informazzjoni li sibt f’xi riċerka li għamilt, punti prinċipali, noti kif tistaʼ tapplika dak li qrajt f’ħajtek, jew kif qed tħossok dwar dak li qrajt. Noti bħal dawn se jgħinuk tqis il-Bibbja bħala messaġġ persunali għalik mingħand Alla.

7. Xi rridu nagħmlu meta naqraw il-Bibbja, u għala? (Mattew 24:15)

7 Ġesù wera xi ħaġa importanti oħra li rridu nagħmlu biex nifhmu dak li naqraw fil-Bibbja. Aħna rridu nużaw moħħna. (Aqra Mattew 24:15.) X’jiġifieri? Dan ifisser li nifhmu kif żewġ ħsibijiet imorru flimkien, u li nifhmu xi ħaġa li mhix faċli biex nifhmuha mill-ewwel. Ġesù wera wkoll li rridu nużaw moħħna biex inkunu nafu meta jitwettqu l-profeziji tal-Bibbja. Mhux hekk biss, imma għandna nużaw moħħna biex nibbenefikaw minn kulma hemm fil-Bibbja.

8. Kif nużaw moħħna meta naqraw il-Bibbja?

8 Ġeħova jgħinna biex nifhmu meta naqraw il-Bibbja. Mela itolbu biex jgħinek. (Prov. 2:6) X’tistaʼ tagħmel fi qbil mat-talb tiegħek? Aħseb sew dwar dak li qed taqra u ara kif jaqbel m’affarijiet oħra li diġà taf. Biex jgħinuk, uża pubblikazzjonijiet bħall-Gwida għall-Pubblikazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Dawn se jgħinuk tifhem il-Bibbja u tara kif tistaʼ tapplika dak li qed taqra f’ħajtek. (Ebr. 5:14) Meta taqra u tuża moħħok, se tifhem iktar l-Iskrittura.

FITTEX LEZZJONIJIET IMPORTANTI META TAQRA

9. Is-Sadduċej liema verità importanti mill-Bibbja m’aċċettawx?

9 Is-Sadduċej kienu jafu sew l-ewwel ħames kotba tal-Iskrittura Ebrajka, imma huma m’aċċettawx il-veritajiet importanti li hemm fihom. Pereżempju, ara kif wieġeb Ġesù meta s-Sadduċej saqsewh dwar l-irxoxt. Hu qalilhom: “Ma qrajtux fil-ktieb taʼ Mosè, fir-rakkont dwar l-għollieqa, kif Alla qallu, ‘Jien l-Alla t’Abraham u l-Alla taʼ Iżakk u l-Alla taʼ Ġakobb’?” (Mk. 12:18, 26) Is-Sadduċej żgur li kienu qraw dan ir-rakkont ħafna drabi, imma l-mistoqsija taʼ Ġesù wriet li huma m’aċċettawx il-verità importanti mill-Bibbja dwar l-irxoxt.—Mk. 12:27; Lq. 20:38.d

10. Għal liema affarijiet għandna noqogħdu attenti meta naqraw?

10 X’nistgħu nitgħallmu? Dejjem irridu nkunu attenti għal dak li nistgħu nitgħallmu mill-vers jew mir-rakkont li qed naqraw. Aħna ma rridux nifhmu affarijiet faċli biss, imma anki veritajiet u prinċipji oħra. Dawn qishom bħal teżor moħbi għax trid tfittex iktar biex issibhom.

11. Kif tistaʼ tuża t-2 Timotju 3:16, 17 biex issib lezzjonijiet importanti mill-Bibbja?

11 Kif tistaʼ ssib lezzjonijiet importanti int u taqra l-Bibbja? Aħseb x’jgħid it-2 Timotju 3:16, 17. (Aqra.) Il-vers jgħid li “l-Iskrittura kollha . . . tiswa” biex (1) tgħallem, (2) twiddeb, (3) tikkoreġi, u (4) tiddixxiplina. Permezz taʼ dawn l-erbaʼ affarijiet, int tistaʼ tibbenefika wkoll mill-kotba tal-Bibbja li ma taqrax spiss. Ara x’jgħallmek ir-rakkont dwar Ġeħova jew l-iskop u l-prinċipji tiegħu. Ara kif dak li qed taqra qed iwiddbek. Agħmel dan billi toqgħod attent kif il-versi qed jgħinuk tara fuqiex għandek taħdem biex tibqaʼ leali lejn Ġeħova. Aħseb kif tistaʼ tuża l-versi biex tikkoreġi lil xi ħadd li forsi tkun iltqajt miegħu fil-ministeru li jkollu idea ħażina. Fittex xi dixxiplina mill-versi li tistaʼ tgħinek tara l-affarijiet kif jarahom Ġeħova. Meta żżomm dawn l-erbaʼ affarijiet f’moħħok, se ssib lezzjonijiet importanti li jgħinuk tibbenefika iżjed mill-qari tal-Bibbja.

ĦALLI L-QARI TAL-BIBBJA JAFFETTWAK

12. Ġesù għala saqsa lill-Fariżej “Ma qrajtux?”

12 Raġuni oħra għala Ġesù saqsa lill-Fariżej “Ma qrajtux?” hi għax huma ma kellhomx attitudni tajba lejn l-Iskrittura. (Mt. 12:1-7)e Dakinhar, il-Fariżej qalu li d-dixxipli taʼ Ġesù m’obdewx is-Sabat. Ġesù wiġibhom billi qalilhom żewġ eżempji mill-Iskrittura u kkwota vers minn Ħosea. Dan wera li l-Fariżej ma fehmux għala teżisti l-liġi tas-Sabat u ma wrewx ħniena. Dawn l-irġiel għala ma ħallewx il-Kelma t’Alla teffettwahom? Għax huma kienu jaqraw il-Liġi biex isibu l-iżbalji f’ħaddieħor. Minħabba din l-attitudni huma ma setgħux jifhmu dak li qraw.—Mt. 23:23; Ġw. 5:39, 40.

13. Liema attitudni għandu jkollna meta naqraw il-Bibbja, u għala?

13 Dak li qal Ġesù jgħallimna li meta naqraw il-Bibbja jrid ikollna attitudni tajba. Aħna rridu nkunu umli u lesti li nitgħallmu, mhux bħall-Fariżej. Biex il-Kelma t’Alla tidħol fina, irridu naċċettawha bil-ħlewwa. (Ġak. 1:21) Jekk inkunu umli, se nħallu l-Bibbja tbiddilna. Dak li tgħallem il-Bibbja dwar il-ħniena, l-empatija, u l-imħabba jistaʼ jaffettwana biss jekk ma nkunux kburin.

Kif inkunu nafu li qed inħallu l-Bibbja taffettwana? (Ara paragrafu 14)f

14. Kif nistgħu nkunu nafu jekk hux qed inħallu l-Bibbja taffettwana? (Ara l-istampi.)

14 Il-mod kif nittrattaw lil oħrajn jistaʼ juri jekk hux qed inħallu l-Bibbja taffettwana. Il-Fariżej ma ħallewx il-Kelma t’Alla teffettwahom, u għalhekk bdew ‘jikkundannaw lil dawk bla ħtija.’ (Mt. 12:7) B’mod simili, il-mod kif naħsbu u nittrattaw lil oħrajn juri jekk hux qed inħallu l-Bibbja taffettwana. Pereżempju, insibuha faċli biex insemmu t-tajjeb t’oħrajn jew dejjem infittxu n-nuqqasijiet tagħhom? Lesti li nuru ħniena u naħfru jew dejjem nikkritikaw u nibqgħu rrabjati meta jweġġgħuna? It-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet se jgħinuna nkunu nafu jekk il-qari tal-Bibbja hux qed ibiddel il-mod taʼ kif naħsbu, inħossu, u naġixxu.—1 Tim. 4:12, 15; Ebr. 4:12.

META NAQRAW IL-BIBBJA SE NĦOSSUNA FERĦANIN

15. Ġesù kif kien iħossu dwar l-Iskrittura?

15 Ġesù kien iħobb l-Iskrittura. Il-kliem li nsibu f’​Salm 40:8 jurina kif Ġesù kien se jħossu dwar il-Kelma t’Alla. Il-vers jgħid: “Vera nieħu pjaċir nagħmel dak li trid int, Alla tiegħi, u l-liġi tiegħek qiegħda f’qalbi.” Minħabba li Ġesù kien iħobb l-Iskrittura, hu kien ferħan u baqaʼ jaqdi lil Ġeħova. Aħna wkoll nistgħu nkunu ferħanin u nirnexxu jekk naqraw il-Bibbja u nsiru nħobbuha.—Salm 1:1-3.

16. Kif tistaʼ tibbenefika iktar mill-qari tal-Bibbja? (Ara l-kaxxa “Il-Kliem ta’ Ġesù Jistaʼ Jgħinek Tifhem Dak li Taqra.”)

16 Fi qbil mal-kliem u l-eżempju taʼ Ġesù ejja nkomplu ntejbu l-mod kif naqraw il-Bibbja. Nistgħu nibdew nifhmu l-Bibbja aħjar billi nitolbu, naqraw bil-mod, insaqsu mistoqsijiet, u nieħdu n-noti. Nistgħu nużaw moħħna billi nistudjaw dak li naqraw minn fuq il-pubblikazzjonijiet tagħna li huma bbażati fuq il-Bibbja. Nistgħu nitgħallmu nużaw il-Bibbja aħjar, anki versi li ma tantx nafuhom. Nagħmlu dan billi nfittxu iktar biex insibu lezzjonijiet importanti. U rridu nħallu l-Kelma t’Alla taffettwana billi jkollna attitudni tajba meta naqrawha. Meta nagħmlu l-aħjar li nistgħu biex nagħmlu dawn l-affarijiet, se nibbenefikaw iżjed mill-qari tal-Bibbja u nersqu eqreb lejn Ġeħova.—Salm 119:17, 18; Ġak. 4:8.

Il-Kliem ta’ Ġesù Jistaʼ Jgħinek Tifhem Dak li Taqra

  • Aħdem iebes biex tifhem dak li taqra, u uża moħħok biex tkun taf kif tistaʼ tapplikah.—Mt. 24:15; Lq. 10:25-37.

  • Eżamina sew ir-rakkonti tal-Bibbja biex issib lezzjonijiet importanti li trid tfittex iżjed biex issibhom.—Mk. 12:18-27.

  • Ħalli l-Kelma t’Alla taffettwak biex tittratta lil oħrajn b’qalb tajba.—Mt. 12:1-8.

META TAQRA L-BIBBJA, X’SE JGĦINEK  . . .

  • biex tifhem?

  • biex issib lezzjonijiet importanti?

  • tħalliha taffettwak?

GĦANJA 95 Id-dawl qed jitqawwa

a Bħala qaddejja taʼ Ġeħova aħna nipprovaw naqraw il-Kelma tiegħu kuljum. Ħafna oħrajn ukoll jaqraw il-Bibbja, però ma jifhmux eżatt dak li jkunu qed jaqraw. Xi nies fi żmien Ġesù wkoll hekk ġralhom. Meta neżaminaw dak li qal Ġesù lil dawk li kienu jaqraw il-Kelma t’Alla, se nitgħallmu affarijiet li jistgħu jgħinuna nibbenefikaw iktar meta naqraw il-Bibbja.

b Meta Ġesù tgħammed u ġie magħżul bl-ispirtu qaddis, beda jiftakar fil-ħajja li kellu qabel ma ġie fuq l-art.—Mt. 3:16.

c Marija kienet taf sew l-Iskrittura u anki kkwotat minnha. (Lq. 1:46-55) X’aktarx li Ġużeppi u Marija ma kellhomx flus biżżejjed biex jixtru kopji tal-Iskrittura. Għalhekk, meta kienu jmorru s-sinagoga biex jisimgħu l-Iskrittura tinqara, kienu joqogħdu attenti ħalli jiftakru dak li jisimgħu.

d Ara l-artiklu “Ersaq Qrib Lejn Alla—‘Hu l-Alla tal-Ħajjin’” f’It-Torri tal-Għassa tal-1 taʼ Marzu 2013.

e Ara wkoll Mattew 19:4-6 meta Ġesù saqsa lill-Fariżej l-istess mistoqsija: “Ma qrajtux?” Minkejja li kienu qraw ir-rakkont tal-ħolqien, ma tawx kas x’jgħallimhom dwar kif Alla jqis iż-żwieġ.

f X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Waqt il-laqgħa, wieħed mill-aħwa li jieħdu ħsieb is-sound jagħmel ħafna żbalji. Wara l-laqgħa, l-aħwa ma jiffokawx fuq l-iżbalji imma jfaħħruh tal-isforz li għamel.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja