LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w15 8/15 pp. 9-14
  • Ibqaʼ stenna!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ibqaʼ stenna!
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • GĦALA GĦANDNA NIBQGĦU NISTENNEW LI T-​TMIEM DALWAQT SE JIĠI?
  • KEMM IRRIDU NDUMU NISTENNEW?
  • NIBQGĦU NIPPRITKAW WAQT LI NISTENNEW
  • “Ibqgħu Għassa”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Għala għandna ‘nibqgħu għassa’?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2016
  • “Ishru!”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Żomm Quddiem Għajnejk il-Jum taʼ Jehovah
    Qim lill-Uniku Alla Veru
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
w15 8/15 pp. 9-14
Raġel jibqaʼ għassa u jwissi lil oħrajn

Ibqaʼ stenna!

“Saħansitra jekk iddum, int ibqaʼ stennieha.”—ĦABAKKUK 2:3.

GĦANJIET: 128, 45

INT KIF TWIEĠEB?

  • Għala aħna ċerti li qed ngħixu fl-​aħħar jiem?

  • Anki jekk ilna nistennew għal żmien twil, għala għandna nibqgħu nagħmlu dan?

  • Kif nistgħu nuru li aħna konvinti li t-​tmiem wasal biex jiġi?

1, 2. Il-​qaddejja taʼ Ġeħova x’attitudni għandhom?

IL-​QADDEJJA taʼ Ġeħova minn dejjem stennew bil-​paċenzja biex jitwettqu l-​profeziji. Pereżempju, Ġeremija kien qed jistenna li l-​Babiloniżi kienu se jeqirdu lil Ġuda, u proprju hekk ġara fis-​sena 607 qabel Kristu (QK). (Ġeremija 25:8-​11) Isaija pprofetizza li Ġeħova kien se jġib l-​eżiljati Lhud lura Ġuda, u qal: “Henjin dawk kollha li jibqgħu jistennewh.” (Isaija 30:18) Mikea wkoll stenna biex il-​wegħdi taʼ Ġeħova jitwettqu, u qal: “Jien lil Ġeħova nibqaʼ nfittex. Jien se nistenna b’attitudni xierqa lill-​Alla tas-​salvazzjoni tiegħi.” (Mikea 7:7) U għal mijiet taʼ snin, il-​qaddejja t’Alla kienu ċerti li l-​Messija, jew il-​Kristu, imwiegħed kien se jiġi.—Luqa 3:15; 1 Pietru 1:10-​12.a (Ara n-​nota taʼ taħt.)

2 Illum il-​ġurnata, aħna wkoll qed nistennew biex jitwettqu profeziji dwar is-​Saltna taʼ Ġeħova. Ġesù, bħala s-​Sultan taʼ din is-​Saltna, dalwaqt se jeħles lill-​qaddejja t’Alla minn din id-​dinja perikoluża. Se jeqred lin-​nies mill-​agħar u jġib fix-​xejn it-​tbatija kollha. (1 Ġwanni 5:19) Allura, aħna rridu nibqgħu nistennew li l-​jum taʼ Ġeħova se jiġi ħabta u sabta u rridu nagħmlu kulma nistgħu biex inkunu lesti għalih.

3. Jekk ilna żmien twil nistennew biex jiġi t-​tmiem, x’jistaʼ jkun li nibdew naħsbu?

3 Għandna sebaʼ mitt sena biex jasal il-​jum meta r-​rieda t’Alla tkun qed issir fuq l-​art. (Mattew 6:10) Imma jekk ilna bosta snin nistennew għat-​tmiem, jistaʼ jkun li nibdew naħsbu, ‘Għala għandna nibqgħu nistennew li t-​tmiem dalwaqt se jiġi?’

GĦALA GĦANDNA NIBQGĦU NISTENNEW LI T-​TMIEM DALWAQT SE JIĠI?

4. Għala hu importanti għalina li ‘nibqgħu għassa’?

4 Ġesù kkmanda lis-​segwaċi tiegħu biex ‘jibqgħu għassa’ u ‘jibqgħu mqajmin.’ Hu għalhekk li hu importanti għalina li nibqgħu nistennew li t-​tmiem dalwaqt se jiġi. (Mattew 24:42; Luqa 21:34-​36) Ukoll, l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova tibqaʼ tfakkarna biex ‘nistennew u nżommu dejjem f’moħħna l-​preżenza tal-​jum taʼ Ġeħova’ u biex nibqgħu ffokati fuq il-​wegħda taʼ Ġeħova tad-​dinja l-​ġdida.—Aqra t-​2 Pietru 3:11-​13.

5. Liema raġuni oħra għandna biex nibqgħu nistennew il-​jum taʼ Ġeħova?

5 Jekk is-​segwaċi taʼ Ġesù fl-​ewwel seklu kellhom bżonn jibqgħu jistennew il-​jum taʼ Ġeħova, mela kemm iktar għandna nistennewh aħna llum il-​ġurnata! Għala ngħidu hekk? Għax is-​sinjal li ta Ġesù juri li ilu jaqdi bħala s-​Sultan tas-​Saltna t’Alla mill-​1914 u juri wkoll li aħna qed ngħixu fl-​aħħar jiem, jew “il-​konklużjoni tas-​sistema.” Pereżempju, il-​kundizzjonijiet fid-​dinja sejrin mill-​ħażin għall-​agħar u l-​aħbar tajba tas-​Saltna qed tiġi ppritkata fid-​dinja kollha, eżatt bħalma bassar Ġesù. (Mattew 24:3, 7-​14) Ġesù ma qalx kemm kienu se jdumu l-​aħħar jiem, allura rridu nkunu lesti li t-​tmiem jistaʼ jiġi mil-​lum għal għada.

6. Kif nafu li l-​kundizzjonijiet tad-​dinja se jiggravaw hekk kif noqorbu lejn it-​tmiem?

6 Imma forsi aħna nsaqsu: ‘Jistaʼ jagħti l-​każ li “l-​konklużjoni tas-​sistema” tirreferi għal żmien fil-​futur meta d-​dinja se togħdos saħansitra iktar fil-​ħama tal-​ħażen tagħha?’ Ma nafux fiċ-​ċert imma dak li nafu żgur hu li l-​Bibbja tgħid li l-​bnedmin se jsiru iktar u iktar mill-​agħar “fl-​aħħar jiem.” (2 Timotju 3:1, 13; Mattew 24:21; Rivelazzjoni 12:12) Għalhekk, għalkemm l-​affarijiet huma gravi issa, nafu li se jmorru mit-​taġen għal ġon-​nar.

7. Mattew 24:37-​39 x’jgħallimna dwar il-​kundizzjonijiet tad-​dinja matul l-​aħħar jiem?

7 Xi wħud forsi jaħsbu li qabel “it-​tribulazzjoni l-​kbira” se jkun hawn gwerra f’kull pajjiż u li l-​biċċa l-​kbira tan-​nies se jkunu morda jew mhux se jkollhom x’jieklu. (Rivelazzjoni 7:14) Imma li kieku kellu jiġri dan, kien ikun ovvju għal kulħadd li qed titwettaq il-​profezija tal-​Bibbja. Kien ikun ċar daqs il-​kristall anke għal nies li mhumiex interessati f’dak li tgħid il-​Bibbja. Ftakar li Ġesù qal li fl-​aħħar jiem, il-​maġġoranza tan-​nies ma kinux se ‘jagħtu kas.’ Kienu se jkunu għaddejjin bil-​ħajja taʼ kuljum u kienu se jiskantaw meta jiġi l-​jum taʼ Ġeħova. (Aqra Mattew 24:37-​39.) Jidher ċar li m’għandniex nistennew li l-​kundizzjonijiet tad-​dinja se jsiru tant ħżiena qabel “it-​tribulazzjoni l-​kbira” li n-​nies bilfors se jkollhom jemmnu li t-​tmiem hu qrib.—Luqa 17:20; 2 Pietru 3:3, 4.

Aħna konvinti li issa stess qed ngħixu fil-​“konklużjoni tas-​sistema”

8. Peress li aħna għassa għas-​sinjal taʼ Ġesù, minn xiex aħna konvinti?

8 Ġesù ta s-​sinjal biex is-​segwaċi tiegħu jkunu jafu b’mod ċar f’liema żminijiet kienu se jkunu qed jgħixu. Is-​segwaċi taʼ Ġesù kienu u għadhom għassa. (Mattew 24:27, 42) Mill-​1914 ’il hawn, il-​partijiet differenti tas-​sinjal taʼ Ġesù kienu u għadhom qed jitwettqu. Aħna konvinti li issa stess qed ngħixu fl-​aħħar jiem, fil-​“konklużjoni tas-​sistema.” Ġeħova diġà ddeċieda meta se jeqred id-​dinja mill-​agħar taʼ Satana.

9. Għala għandna nibqgħu nistennew li t-​tmiem dalwaqt se jiġi?

9 Allura għala għandna nibqgħu nistennew li t-​tmiem dalwaqt se jiġi? Għax irridu nobdu lil Ġesù Kristu. Ukoll, naraw b’mod ċar li qed jitwettaq is-​sinjal li Ġesù ta dwar l-​aħħar jiem. Aħna ma nemmnux li t-​tmiem huwa fil-​viċin għax nibilgħu kulma nisimgħu, imma għax konvinti mija fil-​mija li l-​profezija tal-​Bibbja qed titwettaq. Irridu nibqgħu għassa u nkunu lesti għat-​tmiem.

KEMM IRRIDU NDUMU NISTENNEW?

10, 11. (a) Ġesù għala qal lid-​dixxipli tiegħu biex ‘jibqgħu għassa’? (b) Ġesù x’qal lis-​segwaċi tiegħu biex jagħmlu jekk it-​tmiem ma jiġix malajr daqs kemm ħasbu huma? (Ara l-​ewwel stampa.)

10 Ħafna minna ilhom ħafna snin jaqdu lil Ġeħova lealment u jistennew b’ħerqa biex jiġi l-​jum tiegħu. Ilna kemm ilna nistennew, irridu nibqgħu nistennew li dak il-​jum dalwaqt se jasal. Meta Ġesù jiġi biex jeqred id-​dinja taʼ Satana, aħna rridu nkunu lesti. Ftakar f’dak li Ġesù ħeġġeġ lis-​segwaċi tiegħu: “Ibqgħu għassu, ibqgħu mqajmin, għax ma tafux meta hu ż-​żmien stabbilit. Hu bħal raġel li siefer u ħalla daru u ta l-​awtorità lill-​ilsiera tiegħu, lil kull wieħed xogħlu, u ordna lil tal-​bieb jibqaʼ għassa. Għalhekk, ibqgħu għassa, għax ma tafux meta ġej sid id-​dar, jekk hux tard fil-​jum jew f’nofsillejl jew x’ħin jidden is-​serduq jew kmieni fil-​għodu; sabiex meta jasal għal għarrieda, ma jsibkomx reqdin. Imma dak li ngħid lilkom ngħidu lil kulħadd, Ibqgħu għassa.”—Marku 13:33-​37.

L-​attak k kontra r-​reliġjon falza jistaʼ jiġri f’ħakka t’għajn u fi kwalunkwe ħin

11 Meta s-​segwaċi taʼ Ġesù fehmu li kien beda jsaltan fl-​1914, irrealizzaw li t-​tmiem jistaʼ jiġi fi kwalunkwe żmien. Allura ppreparaw għalih billi taw spinta lix-​xogħol tal-​ippritkar. Ġesù qal li jistaʼ jkun li jiġi iktar tard, “x’ħin jidden is-​serduq jew kmieni fil-​għodu.” Li kieku kellu jiġri dan, is-​segwaċi tiegħu x’kien se jkollhom jagħmlu? Ġesù qal: “Ibqgħu għassa.” Għalhekk, anke jekk inħossu li ilna żmien twil nistennew, dan ma jfissirx li t-​tmiem baqagħlu ħafna biex jiġi jew li se nilħqu mmutu qabel ma jiġi.

12. Ħabakkuk xi staqsa lil Ġeħova, u Alla kif wieġbu?

12 Il-​profeta Ħabakkuk stenna bil-​paċenzja waqt li kien qed jipprietka dwar il-​qerda taʼ Ġerusalemm. Profeti oħra li ġew qablu wkoll kienu ppritkaw dan il-​messaġġ għal ħafna snin. Ħabakkuk setaʼ jara li kien hemm iktar ħażen u inġustizzja minn qatt qabel. Hu talab bil-​ħrara lil Ġeħova għall-​għajnuna, billi staqsa: “O Ġeħova, kemm se jkolli ndum ngħajjat għall-​għajnuna?” Għalkemm Ġeħova ma qalx meta se jiġi t-​tmiem, hu wiegħed lil Ħabakkuk: ‘Mhux se jkun tard.’ Minbarra dan, Ġeħova qal lil Ħabakkuk biex ‘jibqaʼ jistenna.’—Aqra Ħabakkuk 1:1-​4; 2:3.

13. X’setaʼ ħaseb Ħabakkuk, u dan għala kien ikun perikoluż?

13 Immaġina li Ħabakkuk qabżitlu u ma riedx jibqaʼ jistenna għat-​tmiem u qal: ‘Ilni nistenna l-​qerda taʼ Ġerusalemm għal snin sħaħ. It-​tmiem baqagħlu ħafna biex jiġi. M’għandix għalfejn nibqaʼ nipprietka dwaru. Ħaddieħor jistaʼ jagħmel dan ix-​xogħol.’ X’kien se jiġri li kieku rraġuna b’dan il-​mod? Kieku kien jitlef l-​approvazzjoni taʼ Ġeħova. U li kieku ma kienx lest meta ġie t-​tmiem, kieku kien jitlef ħajtu.

14. Għala se nkunu grati li Ġeħova wissiena biex nibqgħu nistennew it-​tmiem?

14 Immaġina li int fid-​dinja l-​ġdida. Il-​ġrajjiet kollha li kienu ġew ipprofetizzati dwar l-​aħħar jiem seħħew eżatt bħalma kien qal Ġeħova. Int tafda f’Ġeħova iktar minn qatt qabel, u int saħansitra iktar ċert li se jagħmel l-​affarijiet l-​oħra kollha li wiegħed. (Aqra Ġożwè 23:14.) Kemm int grat li Ġeħova għażel l-​aħjar ħin biex iġib it-​tmiem u li wissa lin-​nies tiegħu biex jibqgħu jistennew!—Atti 1:7; 1 Pietru 4:7.

NIBQGĦU NIPPRITKAW WAQT LI NISTENNEW

Oħt avvanzata fl-età b’mod żeluż tieħu sehem f’li tipprietka l-aħbar tajba

Tipprietka int l-aħbar tajba biż-żelu? (Ara paragrafu 15)

15, 16. Għala għandna nagħmlu kulma nistgħu fl-​ippritkar waqt dan iż-​żmien tat-​tmiem?

15 L-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova se tibqaʼ tfakkarna biex niffokaw ħajjitna fuq li naqdu lil Ġeħova. Dawn it-​tfakkiriet ma jgħinuniex biss biex nibqgħu beżlin f’li naqdu lil Alla imma wkoll biex naraw b’mod ċar li l-​messaġġ tagħna hu urġenti. Aħna konvinti mija fil-​mija li s-​sinjal li ta Ġesù qed jitwettaq issa stess u li t-​tmiem wasal biex jiġi minn hawn u ftit ieħor. Allura npoġġu lil Ġeħova l-​ewwel f’ħajjitna u nibqgħu nippritkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna.—Mattew 6:33; Marku 13:10.

16 Meta nippritkaw l-​aħbar tajba lil oħrajn, inkunu qed ngħinu biex insalvawhom mill-​qerda tad-​dinja taʼ Satana li se sseħħ dalwaqt. Wieħed mill-​agħar diżastri li qatt seħħ fuq il-​baħar kien fl-​1945 meta għereq il-​vapur Wilhelm Gustloff. Mietu eluf taʼ nies. Oħt u r-​raġel tagħha kienu fuq dan il-​vapur u ġew salvati. Hi tiftakar li anke waqt li l-​vapur kien qed jegħreq, kien hemm waħda mara li baqgħet tgħajjat: “Il-​bagalji! Il-​bagalji! Il-​ġojjellerija! Il-​ġojjellerija kollha tiegħi qiegħda fil-​kabina. Tlift kollox!” Imma l-​passiġġieri l-​oħra fehmu x’kien l-​iktar importanti u ssograw ħajjithom billi ħadmu iebes ħalli jsalvaw lin-​nies li kienu waqgħu fl-​ilma inġazzat. Illum, hemm il-​ħajjiet tan-​nies fin-​nofs. Aħna wkoll irridu nkunu bħal dawk il-​passiġġieri mhux egoisti u niffokaw fuq kemm hu urġenti l-​ippritkar tagħna. Irridu nagħmlu kulma nistgħu biex ngħinu lin-​nies isalvaw mit-​tmiem taʼ din is-​sistema.

1. Kristjan jibqaʼ mqajjem sa tard billejl biex jara t-televixin u mbagħad jibqaʼ rieqed filgħodu; 2. Kristjan jara t-televixin sa ħin raġunevoli u jirnexxilu jqum u jieħu sehem f’li jipprietka l-aħbar tajba

Ħu deċiżjonijiet għaqlin, u ibqaʼ ffokat fuq kemm hu urġenti x-xogħol tal-ippritkar (Ara paragrafu 17)

17. Għala għandna nemmnu li t-​tmiem jistaʼ jiġi fi kwalunkwe ħin?

17 Nistgħu naraw ċar u tond li l-​profezija tal-​Bibbja qed titwettaq u li t-​tmiem taʼ din is-​sistema mill-​agħar hu fil-​qrib ferm. Qed nistennew biex “l-​għaxart iqrun” u “l-​bhima salvaġġa” jduru kontra r-​reliġjon falza, Babilonja l-​Kbira. (Rivelazzjoni 17:16) M’għandniex naqtgħuha li hemm bżonn li jgħaddi ħafna żmien qabel ma jiġri dan. Tinsiex li Alla se ‘jdaħħlilhom fi qlubhom’ il-​ħsieb biex jattakkaw ir-​reliġjon falza u li dan jistaʼ jiġri f’ħakka t’għajn u fi kwalunkwe ħin! (Rivelazzjoni 17:17) It-​tmiem tad-​dinja mill-​agħar taʼ Satana ġej dalwaqt. Allura għandna nobdu t-​twissija taʼ Ġesù: “Oqogħdu attenti għalikom infuskom li qlubkom qatt ma jitqalu b’ikel u xorb żejjed u ansjetajiet tal-​ħajja, u f’daqqa waħda dak il-​jum jiġi fuqkom għal għarrieda bħal nassa.” (Luqa 21:34, 35; Rivelazzjoni 16:15) Ejja nibqgħu għassa u nħabirku fis-​servizz taʼ Ġeħova, konvinti li hu “jaġixxi għal min jibqaʼ jistennieh.”—Isaija 64:4.

18. Liema mistoqsija se nwieġbu fl-​artiklu li jmiss?

18 Waqt li nistennew għat-​tmiem taʼ din id-​dinja mill-​agħar, għandna nisimgħu mill-​parir li ta d-​dixxiplu Ġuda: “Maħbubin, billi tinbnew fuq il-​fidi l-​iktar qaddisa tagħkom u titolbu bl-​ispirtu qaddis, żommu ruħkom fl-​imħabba t’Alla, waqt li qed tistennew il-​ħniena tal-​Mulej tagħna Ġesù Kristu bil-​ħajja taʼ dejjem quddiem għajnejkom.” (Ġuda 20, 21) Imma kif nistgħu nuru li qed nistennew li d-​dinja l-​ġdida t’Alla se tiġi dalwaqt u li qed inħarsu ’l quddiem għaliha? Se niddiskutu dan fl-​artiklu li jmiss.

a Għal lista taʼ ftit mill-​profeziji Bibliċi dwar il-​Messija u kif seħħew, ara paġna 200 tal-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament?

XI ESPRESSJONIJIET SPJEGATI

  • Ibqaʼ stenna li l-​jum taʼ Ġeħova se jiġi dalwaqt: Aħna attenti għas-​sinjal li ta Ġesù u konvinti li qed ngħixu fil-​“konklużjoni tas-​sistema.” Għalhekk, nibqgħu nistennew bil-​paċenzja, u ngħixu b’tali mod li juri li nemmnu li ġej it-​tmiem dalwaqt. Aħna npoġġu lil Ġeħova l-​ewwel f’ħajjitna u nagħmlu kulma nistgħu biex nippritkaw l-​aħbar tajba

  • Il-​konklużjoni taʼ din is-​sistema: Il-​perijodu taʼ żmien li beda fl-​1914 u li se jispiċċa meta d-​dinja taʼ Satana tiġi meqruda

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja