IBQAʼ ATTENT!
Miljuni taʼ Refuġjati Jaħarbu mill-Ukrajna
Fl-24 taʼ Frar 2022, ir-Russja attakkat l-Ukrajna. Minħabba f’hekk, miljuni taʼ nies huma fil-periklu u qed jipprovaw jaħarbu malajr mill-pajjiż.a
“Kien hemm il-bombi u l-isplużjonijiet. Diffiċli biex nispjega daqskemm kienet tal-biżaʼ. Meta sirna nafu li kien hemm it-trains apposta biex naħarbu, iddeċidejna li nitilqu. Kellna nħallu kollox warajna għax kull persuna setaʼ jkollha basket wieħed biss. Kulma stajna nieħdu kienu d-dokumenti tagħna, mediċina, ilma u xi ħaġa x’nieklu. Il-bqija ħallejna kollox id-dar. Tlaqna biex naqbdu t-train waqt li kienu neżlin il-bombi.”—Nataliia, minn Kharkiv, l-Ukrajna.
“Domna sal-aħħar minuta naħsbu li mhux se jkun hemm gwerra. Bdejt nismaʼ l-bombi jisplodu fil-belt u t-twieqi bdew jitriegħdu. Iddeċidejt naqbad l-iżjed affarijiet importanti u nitlaq. Fit-8 taʼ filgħodu tlaqt mid-dar, qbadt train għal Lviv u mbagħad tal-linja għall-Polonja.”—Nadija, minn Kharkiv, l-Ukrajna.
F’dan l-artiklu
X’inhuma r-raġunijiet vera għala ħafna qed isiru refuġjati?
Ħafna fl-Ukrajna qed isiru refuġjati għax l-armata tar-Russja attakkat il-pajjiż. Imma l-Bibbja turi li hemm raġunijiet oħra għala ħafna nies qed jispiċċaw refuġjati:
Il-gvernijiet madwar id-dinja ma rnexxilhomx jagħtu lin-nies dak li għandhom bżonn. Ħafna drabi, il-gvernijiet jużaw il-qawwa li għandhom biex jikkontrollaw in-nies u jittrattawhom ħażin.—Ekkleżjasti 4:1; 8:9.
Satana x-Xitan hu “l-ħakkiem tad-dinja.” Hu tant qed jinfluwenza n-nies biex jagħmlu l-ħażin li l-Bibbja tgħid: “Id-dinja kollha qiegħda taħt il-qawwa tal-Ħażin.”—Ġwanni 14:30; 1 Ġwanni 5:19.
In-nies ilhom ibatu minħabba xi problemi għal mijiet taʼ snin. Imma issa qed ngħixu fi żmien li l-Bibbja kienet tkellmet dwaru: “Fl-aħħar jiem ikun hawn żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom.” (2 Timotju 3:1) Dawn il-jiem nistgħu nagħrfuhom minħabba l-gwerer, diżastri naturali, nuqqas t’ikel, u mard li jittieħed. Dawn l-affarijiet kollha jġiegħlu n-nies jitilqu mid-dar tagħhom.—Luqa 21:10, 11.
Ir-refuġjati fejn jistgħu jsibu tama?
Il-Bibbja turina li l-Ħallieq tagħna Ġeħova,b iħobb lir-refuġjati u jħoss għan-nies li kellhom jitilqu mid-dar tagħhom. (Dewteronomju 10:18) Hu jwiegħed li se juża l-gvern tiegħu fis-sema biex isolvi l-problemi tar-refuġjati. Dan il-gvern jismu s-Saltna t’Alla u se jieħu post il-gvernijiet tan-nies. (Danjel 2:44; Mattew 6:10) Ġeħova se juża s-Saltna tiegħu biex ineħħi lil Satana x-Xitan. (Rumani 16:20) Dik is-Saltna se tkun il-gvern tad-dinja kollha u se tneħħi l-firda bejn il-pajjiżi kollha. In-nies kollha tad-dinja se jkunu magħqudin flimkien bħal familja. Ħadd iżjed mhu se jkollu għalfejn jitlaq mid-dar tiegħu għax il-Bibbja twiegħed: “Joqogħdu bil-qiegħda, kull wieħed taħt id-dielja tiegħu u taħt is-siġra tat-tin tiegħu, u ma jkunx hemm min ibeżżagħhom; għax dan qalu fomm Ġeħova taʼ l-armati.”—Mikea 4:4.
Is-Saltna t’Alla biss tistaʼ ssolvi għal dejjem il-problemi li minħabba fihom ħafna jispiċċaw refuġjati. Ġeħova se juża s-Saltna tiegħu biex ineħħi problemi bħal:
Gwerer. Ġeħova se “jwaqqaf il-gwerer sa tarf l-art.” (Salm 46:9) Biex issir taf iżjed kif Alla se jneħħi l-gwerer, aqra l-artiklu “Il-Paċi fuq l-Art—Kif Se Tinkiseb?”
Il-moħqrija u l-vjolenza. ‘Mill-moħqrija u mill-vjolenza Ġeħova se jeħlishom.’ (Salm 72:14) Aqra l-artiklu “Int Tistaʼ Tegħleb il-Mibegħda” biex tara kif in-nies jistgħu jinbidlu anki meta jkunu ilhom żmien twil b’attitudni ħażina.
Faqar. Ġeħova “se jeħles lill-fqir li jgħajjatlu għall-għajnuna.” (Salm 72:12) Biex tara kif Alla se jsolvi l-problema tal-faqar, aqra l-artiklu “L-Ekonomija Qatt Se Tkun Tajba għal Kulħadd?”
Nuqqas t’ikel. “Se jkun hemm ħafna qmuħ fuq l-art.” (Salm 72:16) Aqra l-artiklu “A World Without Hunger?” biex tara kif Alla se jagħmel ċert li ħadd ma jkun bil-ġuħ.
Il-Bibbja tistaʼ tgħin lir-refuġjati?
Iva. Il-Bibbja tagħti lir-refuġjati tama vera għall-futur. Imma tistaʼ tgħinhom ukoll ikampaw mal-problemi issa.
Prinċipju tal-Bibbja: “Kulmin hu bla esperjenza jafda f’kull kelma li jismaʼ, imma min hu prudenti jqis il-passi tiegħu.”—Proverbji 14:15.
X’tistaʼ tagħmel: Aħseb minn qabel x’perikli jistgħu jinqalgħu u kif tistaʼ tipproteġi lilek innifsek. Oqgħod attent minn nies li jipprovaw jieħdu vantaġġ mir-refuġjati għax ikunu jafu li m’ilhomx ħafna fil-pajjiż.
Prinċipju tal-Bibbja: “La għandna x’nieklu u biex nitgħattew, għandna nkunu kuntenti b’dawn l-affarijiet.”—1 Timotju 6:8.
X’tistaʼ tagħmel: Toqgħodx taħseb biex ikollok ħafna affarijiet. Jekk tkun kuntent bl-iżjed affarijiet importanti, se tkun iżjed ferħan.
Prinċipju tal-Bibbja: “Kulma tridu li l-bnedmin jagħmlulkom, intom tridu tagħmluh lilhom ukoll.”—Mattew 7:12.
X’tistaʼ tagħmel: Uri paċenzja u qalb tajba. Jekk ikollok dawn il-kwalitajiet, se jkun iktar faċli għan-nies fil-post il-ġdid biex jirrispettawk u jaċċettawk.
Prinċipju tal-Bibbja: “Troddu lil ħadd ħsara bi ħsara.”—Rumani 12:17.
X’tistaʼ tagħmel: Jekk ġejt trattat ħażin, tħallix ir-rabja ġġiegħlek tpatti lura. Dan se jagħmel is-sitwazzjoni agħar.
Prinċipju tal-Bibbja: “Għal kollox għandi s-saħħa permezz taʼ dak li jagħtini l-qawwa.”—Filippin 4:13.
X’tistaʼ tagħmel: Agħti importanza lil Alla f’ħajtek u itolbu. Hu se jtik is-saħħa li għandek bżonn biex tibqaʼ tissaporti.
Prinċipju tal-Bibbja: “Tkunu ansjużi fuq xejn, imma f’kollox b’talb u b’suppliki flimkien maʼ radd il-ħajr ħallu lil Alla jkun jaf x’teħtieġu; u l-paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb tgħasses lil qalbkom u l-qawwa mentali tagħkom.”—Filippin 4:6, 7.
X’tistaʼ tagħmel: Saqsi lil Alla biex jgħinek tibqaʼ kalm tkun xi tkun is-sitwazzjoni. Ara l-artiklu “Philippians 4:6, 7—‘Do Not Be Anxious About Anything.’”
a Il-ġurnata taʼ wara l-attakk, il-Kummissarju Għoli tal-Ġnus Magħquda għar-Refuġjati (UNHCR) qal li din hi l-iżjed tip t’emerġenza serja. Fi 12-il ġurnata biss, iżjed minn 2 miljun refuġjati kellhom jitilqu mill-Ukrajna u jmorru f’pajjiżi oħra. U iktar minn miljun persuna kellhom jaħarbu f’partijiet oħra tal-Ukrajna.
b Ġeħova hu l-isem t’Alla. (Salm 83:18) Ara l-artiklu “Min hu Ġeħova?”