-
Periklu li Jikkonċerna lil Kull ĠeniturStenbaħ!—2008 | Jannar
-
-
Periklu li Jikkonċerna lil Kull Ġenitur
HEATHER u Scott huma koppja vivaċi u ferħanin u huma l-ġenituri taʼ tifel taʼ tliet snin intelliġenti u f’saħħtu.a Huma jieħdu ħsieb binhom sew. Fid-dinja taʼ llum, dan m’huwiex faċli. Jinvolvi ħafna inkwiet u responsabbiltajiet. Hemm ħafna affarijiet li t-tfal għandhom bżonn jiġu mgħallmin. Heather u Scott għandhom sentimenti qawwijin dwar responsabbiltà partikulari li għandhom: Huma jridu jipproteġu lil binhom mill-perikli taʼ l-abbuż sesswali. Għala?
“Missieri kien sakranazz irrabjat u ma kienx juri affezzjoni,” tgħid Heather. “Hu kien isawwatni bl-aħrax, u kien jabbuża minni u minn ħuti l-bniet sesswalment.”b Il-biċċa l-kbira min-nies jaqblu li abbuż bħal dan jistaʼ jħalli feriti emozzjonali kbar. Mhux taʼ b’xejn li Heather hija determinata li tipproteġi lil binha! Scott iħossu l-istess dwar li jipproteġih.
Ħafna ġenituri huma konċernati dwar l-abbuż fuq it-tfal. Forsi anki int konċernat dwaru. Għandu mnejn m’esperjenzajtx personalment xi abbuż u l-effetti li jħalli bħalma esperjenzaw Scott u Heather, imma żgur li smajt rapporti xokkanti dwar kemm inxterdet din il-prattika diżgustanti. Madwar id-dinja, ġenituri li juru l-imħabba jibżgħu meta jsiru jafu dwar dak li qed jiġrilhom it-tfal fl-inħawi fejn jgħixu huma.
Mhux taʼ b’xejn li riċerkatur wieħed fil-qasam taʼ l-abbuż sesswali sejjaħ l-ammont t’abbuż fuq it-tfal bħala “wieħed mill-iktar skoperti tal-biżaʼ fl-era tagħna.” Din tassew hi aħbar taʼ niket, imma għandna għalfejn nistagħġbu b’din iż-żjieda t’abbuż fuq it-tfal? Dawk li jistudjaw il-Bibbja ma jistagħġbux b’dan. Il-Kelma t’Alla tispjega li aħna qed ngħixu f’perijodu taʼ żmien taʼ inkwiet imsejjaħ “l-aħħar jiem,” żmien immarkat bi mġiba “feroċi” li qed tinfirex, meta n-nies kellhom ikunu “jħobbu lilhom infushom” u ma jkollhomx “imħabba naturali.”—2 Timotju 3:1-5.
L-abbuż sesswali huwa problema allarmanti. Tabilħaqq, xi ġenituri jħossuhom imnikktin ferm meta jaħsbu dwar kemm huma ħżiena n-nies li jfittxu tfal biex jabbużawhom sesswalment. Madankollu, hija din il-problema kbira wisq għall-ġenituri biex jittrattaw magħha? Jew hemm xi passi prattiċi li jistgħu jieħdu l-ġenituri biex iżommu lil uliedhom fis-sigurtà? L-artikli li ġejjin se jikkunsidraw dawn il-mistoqsijiet.
[Noti taʼ taħt]
a L-ismijiet f’din is-serje t’artikli ġew mibdulin.
b L-abbuż sesswali fuq it-tfal iseħħ meta adult juża tifel, jew tifla, biex jissodisfa x-xewqat sesswali tiegħu stess. Dan taʼ spiss jinvolvi dik li l-Bibbja ssejħilha fornikazzjoni, jew pornea, li tinkludi tmesmis taʼ l-organi sesswali, l-att sesswali, u s-sess orali jew anali. Xi atti abbużivi—bħal tmesmis tas-sider, proposti immorali espliċiti, turija tal-pornografija lil tifel, tnemmis, u kxif indeċenti taʼ partijiet mill-ġisem—jistgħu jitqiesu maʼ dawk li l-Bibbja tikkundannahom bħala “kondotta laxka” jew ‘nuqqas taʼ ndafa b’regħba.’—Galatin 5:19-21; Efesin 4:19.
-
-
Kif Tipproteġi lil UliedekStenbaħ!—2008 | Jannar
-
-
Kif Tipproteġi lil Uliedek
ĦADD minna ma jixtieq joqgħod jaħseb għal tul taʼ ħin dwar is-suġġett taʼ l-abbuż sesswali fuq it-tfal. Il-ġenituri jitkexkxu meta jaħsbu dwar dan! Madankollu, abbuż bħal dan huwa realtà tal-biżaʼ u xejn pjaċevoli fid-dinja taʼ llum, u l-effetti li jħalli fuq it-tfal jistgħu jkunu taʼ ħsara kbira. Huwa taʼ siwi li nikkunsidraw il-kwistjoni? Tajjeb, int x’lest li tagħti sabiex uliedek ikunu fis-sigurtà? Żgur li m’hijiex xi ħaġa kbira li titgħallem dwar ir-realtajiet xejn pjaċevoli taʼ l-abbuż sabiex iżżommhom fis-sigurtà. Għarfien bħal dan jistaʼ tassew jagħmel differenza kbira.
Tħallix il-pjaga taʼ l-abbuż iżżommok lura milli tagħmel il-qalb biex tittratta maʼ din il-kwistjoni. Anki jekk ma tħossokx kapaċi, int għandek qawwa li wliedek m’għandhomx—abbiltajiet li wliedek jieħdu s-snin, saħansitra għaxriet taʼ snin biex jiksbuhom. Matul is-snin int akkumulajt għarfien, esperjenza, u għerf. Huwa fundamentali li ttejjeb dawn l-abbiltajiet u tużahom biex tipproteġi lil uliedek. Se niddiskutu tliet passi bażiċi li kull ġenitur jistaʼ jieħu. Dawn huma: (1) Kun is-sors primarju taʼ protezzjoni kontra l-abbuż għal uliedek, (2) agħti lil uliedek biżżejjed informazzjoni dwar is-sess, u (3) għallem lil uliedek xi punti bażiċi dwar kif jipproteġu lilhom infushom.
Qed Tkun Int is-Sors Primarju taʼ Protezzjoni?
Huma l-ġenituri li għandhom ir-responsabbiltà primarja biex jipproteġu lil uliedhom kontra l-abbuż, u mhux it-tfal. Għalhekk, il-ġenituri għandhom jiġu mgħallmin dwar l-abbuż fuq it-tfal qabel l-ulied. Jekk int ġenitur, hemm bżonn tkun taf xi affarijiet dwar l-abbuż fuq it-tfal. Għandek bżonn tkun taf x’tip taʼ nies jabbużaw mit-tfal u kif jipprovaw jagħmlu dan. Spiss, il-ġenituri jaħsbu li dawk li jabbużaw ikunu stranġieri li jistaħbew fid-dlam, waqt li jfittxu modi kif jisirqu u jistupraw lit-tfal. Veru li jeżistu nies krudili bħal dawn. L-aħbarijiet fuq il-mezzi tax-xandir spiss isemmuhom. Madankollu, huma relattivament rari. F’madwar 90 fil-mija mill-każijiet t’abbuż sesswali fuq it-tfal, dak li jwettaq l-att ikun xi ħadd li t-tfal ikunu diġà jafuh u jafdawh.
Naturalment, ma tiħux pjaċir taħseb li xi ġâr dħuli, xi għalliem, xi ħaddiem fil-kura tas-saħħa, xi kowċ, jew xi qarib jistaʼ jixxennaq għal uliedek. Fir-realtà, il-biċċa l-kbira min-nies m’humiex hekk. M’għandekx għalfejn tibda tissuspetta f’kulmin għandek madwarek. Xorta waħda, int tistaʼ tipproteġi lil uliedek billi titgħallem dwar it-tattiki li juża wieħed li jabbuża mit-tfal.—Ara l-kaxxa f’paġna 6.
Il-fatt li tkun taf tattiki bħal dawn jistaʼ jagħmel lilek, bħala ġenitur, iktar preparat biex taġixxi bħala s-sors primarju taʼ protezzjoni għal uliedek. Per eżempju, jekk xi ħadd li jidher iktar interessat fit-tfal milli fl-adulti jagħżel lil xi ħadd minn uliedek u jagħtih attenzjoni u rigali speċjali jew joffri li joqgħod magħhom bla ħlas jew joħroġ waħdu magħhom, kieku x’tagħmel? Tikkonkludi li l-individwu hu wieħed li jabbuża? Le. Tgħaġġilx biex tasal għal konklużjoni bħal din. Imġiba bħal din tistaʼ tkun innoċenti għalkollox. Minkejja dan, jistaʼ jġiegħlek toqgħod għassa. Il-Bibbja tgħid: “Min hu nieqes minn moħħu jemmen kollox, min moħħu jilħaqlu jara sewwa qabel jemmen.”—Proverbji 14:15.
Ftakar li kull offerta li tidher ideali tistaʼ ma tkunx ġenwina. Eżamina bir-reqqa lil kulmin joffri li jqattaʼ ftit ħin waħdu maʼ xi ħadd minn uliedek. Għid lil dan l-individwu li se tittawwal lil uliedek minn ħin għall-ieħor. Melissa u Brad, il-ġenituri żgħar taʼ tliet subien, joqogħdu attenti meta jkunu se jħallu lil xi ħadd minn uliedhom waħdu maʼ xi adult. Meta wieħed mis-subien kien ikollu l-lezzjonijiet tal-mużika fid-dar, Melissa kienet tgħid lill-għalliem: “Sakemm tkun hawnhekk jien se noqgħod dieħla u ħierġa mill-kamra.” Għassa bħal din tistaʼ tinstemaʼ esaġerata, imma dawn il-ġenituri jippreferu joqogħdu għassa issa milli jbatu l-konsegwenzi mhux pjaċevoli wara.
Involvi ruħek b’mod attiv fl-attivitajiet, fil-ħbiberiji, u fix-xogħol taʼ l-iskola taʼ wliedek. Kun af id-dettalji kollha dwar xi ħruġ li jkun ġie pjanat li jsir. Wieħed professjonista dwar is-saħħa mentali li qattaʼ 33 sena jaħdem fuq każijiet t’abbuż sesswali jgħid li hu ra każijiet bla għadd li setgħu jiġu evitati b’daqsxejn t’attenzjoni min-naħa tal-ġenituri. Hu jikkwota dak li wieħed ħabsi li wettaq abbuż sesswali qal: “Prattikament il-ġenituri jagħtuna lil uliedhom. . . . Lili tassew għamluhieli faċli.” Ftakar li l-biċċa l-kbira minn dawk li jabbużaw jippreferu jagħżlu tfal li jkunu faċli li jagħmluhom vittmi tagħhom. Il-ġenituri li jinvolvu ruħhom b’mod attiv fil-ħajja taʼ wliedhom ikunu qed jagħmlu lil uliedhom mira diffiċli.
Mod ieħor kif taġixxi bħala s-sors primarju taʼ protezzjoni għal uliedek hu li tkun semmiegħ tajjeb. It-tfal rari jgħidu li ġew abbużati; jistħu wisq u jinkwetaw dwar kif jistaʼ jirreaġixxi ħaddieħor. Għalhekk, ismaʼ b’attenzjoni anki għall-iċken ħjiel.a Jekk xi ħadd minn uliedek jgħid xi ħaġa li tinkwetak, bil-kalma kollha uża mistoqsijiet biex tħeġġu jitkellem.b Jekk jgħid li ma jridx li ċertu individwu jerġaʼ jieħu ħsiebu, staqsih għaliex. Jekk jgħid li xi adult jilgħab logħob stramb miegħu, staqsih: “Liema tip taʼ logħob? X’joqgħod jagħmel?” Jekk jilmenta li xi ħadd ikun għarrxu, staqsih, “Fejn għarrxek?” Tkunx ħafif biex tnaqqas mill-importanza tat-tweġibiet taʼ wliedek. Dawk li jabbużaw jgħidu lit-tfal li ħadd m’hu se jemminhom; b’dispjaċir spiss hekk jiġri. U meta t-tfal jiġu abbużati, pass kbir biex jirkupraw mill-effetti taʼ l-abbuż hu li ġenituri jemmnuhom u jappoġġawhom.
Agħti lil Uliedek Informazzjoni dwar is-Sess
Xogħol taʼ referenza dwar is-suġġett taʼ l-abbuż fuq it-tfal jikkwota ħabsi li kien wettaq abbuż meta qal: “Agħtini tifel li ma jaf xejn dwar is-sess, u tkun tajtni l-vittma li jmiss tiegħi.” Dan il-kliem li jkexkxek huwa taʼ tfakkira utli għall-ġenituri. Dawk li jabbużaw isibuha iktar faċli li jqarrqu bi tfal li ma jafu xejn dwar is-sess. Il-Bibbja tgħid li l-għarfien u l-għerf jistgħu jeħilsuna “minn nies taʼ kliem il-għawġ.” (Proverbji 2:10-12) Mhux hekk tixtieq għal uliedek? Imbagħad bħala t-tieni pass bażiku biex tipproteġih, iżżommx lura milli tgħallmu dwar dan is-suġġett importanti.
Iżda, kif tistaʼ tagħmel dan? Ħafna ġenituri jsibu li s-suġġett tas-sess hu daqsxejn imbarazzanti biex jiddiskutuh maʼ wliedhom. Għandu mnejn li wliedek isibu li s-suġġett hu saħansitra iktar imbarazzanti, u x’aktarx li mhux se jkunu huma li jibdew il-konversazzjoni miegħek. Għalhekk, ħu l-inizjattiva. Melissa tgħid: “Aħna bdejna minn kmieni, billi ngħidulhom il-partijiet tal-ġisem b’isimhom. Konna nużaw l-ismijiet proprji, mhux ismijiet li jużaw għat-trabi, biex nuruhom li m’hemm xejn tad-daħq jew tal-mistħija dwar kwalunkwe parti taʼ ġisimhom.” Imbagħad, jiġi naturali li tgħallimhom dwar l-abbuż. Ħafna ġenituri sempliċement jgħidu lil uliedhom li l-partijiet taʼ ġisimhom li jitgħattew bil-malja taʼ l-għawm huma privati u speċjali.
Heather, li ssemmiet fl-artiklu taʼ qabel, tgħid: “Jien u Scott għedna lit-tifel li l-organu sesswali tiegħu hu privat, persunali, u mhux xi ġugarell. Ħadd m’għandu jilgħab bih—la l-mamà, la l-papà, u lanqas saħansitra tabib. Meta niħduh għand it-tabib, jien nispjegalu li t-tabib se jagħmel ċert li kollox sejjer tajjeb, u għalhekk forsi jmisslu hemm.” Minn żmien għal żmien, kemm il-missier u kemm l-omm iridu jieħdu sehem f’dawn il-konversazzjonijiet informali, u jassiguraw lit-tifel li hu dejjem jistaʼ jmur għandhom u jgħidilhom jekk xi ħadd imissu b’mod mhux xieraq jew iġiegħlu jħossu mhux komdu. L-esperti fit-trobbija tat-tfal u l-prevenzjoni kontra l-abbuż huma tal-parir li l-ġenituri kollha jkollhom konversazzjonijiet bħal dawn maʼ wliedhom.
Ħafna sabu li l-ktieb Tgħallem mill-Għalliem il-Kbirc hu tassew t’għajnuna biex jgħallmu dwar dan is-suġġett. Kapitlu 32, “Kif Ġesù Ġie Protett,” għandu messaġġ dirett imma taʼ faraġ għat-tfal dwar il-perikli taʼ l-abbuż u l-importanza li jipproteġu lilhom infushom. “Il-ktieb ipprovdielna mezz ideali biex insaħħu dak li konna għedna lil uliedna personalment,” tgħid Melissa.
Fid-dinja taʼ llum it-tfal għandhom bżonn ikunu jafu li hemm xi nies li jkunu jridu jmissu t-tfal jew iġiegħlu lit-tfal imissuhom b’modi mhux xierqa. Dawn it-twissijiet m’għandhomx ibeżżgħu lit-tfal jew iġegħluhom ma jafdawx lill-adulti kollha. “Din hi sempliċement informazzjoni sabiex jipproteġu lilhom infushom,” tgħid Heather. “U hi waħda mill-ħafna informazzjonijiet oħrajn, li l-biċċa l-kbira minnhom m’għandhomx x’jaqsmu maʼ l-abbuż. It-tifel tiegħi ma beżax minn din l-informazzjoni.”
L-edukazzjoni taʼ wliedek għandha tinkludi ħarsa bilanċjata lejn l-ubbidjenza. Huwa importanti u diffiċli li tgħallem tifel biex jobdi. (Kolossin 3:20) Madankollu, dawn il-lezzjonijiet jistgħu jmorru fl-estrem. Jekk tifel jiġi mgħallem li għandu dejjem jobdi lil kwalunkwe adult, minkejja ċ-ċirkustanzi, ikun hemm iktar riskju li jiġi abbużat. Dawk li jabbużaw malajr jindunaw meta t-tfal ikunu lesti li jobdu kollox. Ġenituri għaqlin jgħallmu lil uliedhom li l-ubbidjenza hija relattiva. Għall-Kristjani, dan jistaʼ ma jkunx daqshekk komplikat. Dan sempliċement ifisser li tgħidilhom: “Jekk xi ħadd jgħidlek biex tagħmel xi ħaġa li Alla Ġeħova jgħid li hi ħażina, m’għandekx tagħmilha. Anki l-mamà u l-papà qatt m’għandhom jgħidulek biex tagħmel xi ħaġa li Ġeħova jgħid li hi ħażina. U dejjem tistaʼ tgħid lill-mamà jew lill-papà jekk xi ħadd jipprova jġiegħlek tagħmel xi ħaġa ħażina.”
Fl-aħħar, għallem lit-tifel li ħadd m’għandu jgħidlu biex iżomm sigriet minnkom. Għidulu li jekk xi ħadd jgħidlu biex iżomm xi sigriet minnkom, hu dejjem għandu jiġi u jgħidilkom. Jgħidulu x’jgħidulu—anki jekk dak li jkun abbuża minnu jkun heddu bil-biżaʼ jew hu stess ikun għamel xi ħaġa ħażina—dejjem hu tajjeb li jiġi għand il-mamà jew il-papà u jgħidilhom x’ġara. Istruzzjoni bħal din m’għandhiex għalfejn tbeżżaʼ lit-tifel. Tistgħu tassigurawh li l-biċċa l-kbira min-nies qatt m’huma se jagħmlu dawn l-affarijiet—imissuh fejn mhux suppost, jgħidulu biex ma jobdix lil Alla, jew jgħidulu biex iżomm sigriet. L-istess bħalma jkun hemm postijiet minfejn taħrab f’każ taʼ nar, din hi informazzjoni għal li jistaʼ jinqalaʼ u li x’aktarx qatt ma se jkun hemm bżonnha.
Għallem lil Uliedek Xi Punti Bażiċi dwar Kif Jipproteġu Lilhom Infushom
It-tielet pass li se niddiskutu f’dan l-artiklu hu li tgħallem lil uliedek xi azzjonijiet sempliċi li għandhom jieħdu f’każ li xi ħadd jipprova jipprofitta ruħu minnhom meta int ma tkunx hemm. Metodu minnhom li taʼ spiss jiġi suġġerit hu bħal logħba. Il-ġenituri jistaqsu “X’tagħmel li kieku . . . ?” u t-tifel iwieġeb. Int tistaʼ tgħid, “Kieku x’tagħmel jekk inkunu qed nixtru flimkien u nitilfu lil xulxin? Kif issibni?” It-tweġiba tat-tifel forsi ma tkunx eżatt kif tixtieq int, imma tistaʼ tiggwidah permezz taʼ iktar mistoqsijiet, bħal “Tistaʼ taħseb dwar xi ħaġa li tkun iktar taʼ sigurtà?”
Tistaʼ tuża mistoqsijiet simili biex tistaqsi lit-tifel xi tkun l-aħjar reazzjoni jekk xi ħadd jipprova jmissu b’mod mhux xieraq. Jekk it-tifel faċilment jitfixkel b’mistoqsijiet bħal dawn, tistaʼ tipprova tgħidlu storja dwar tfal oħrajn. Per eżempju: “Tifla żgħira qiegħda maʼ qarib li tħobb, imma mbagħad jipprova jmissha fejn mhux suppost. X’taħseb li għandha tagħmel biex tibqaʼ fis-sigurtà?”
X’għandek tgħallmu jagħmel lit-tifel tiegħek f’sitwazzjonijiet bħal din li semmejna? Innota x’qal awtur wieħed: “Meta tkun sod u tgħid ‘Le!’ jew ‘Tagħmilx hekk!’ jew ‘Ħallini!’ tassew jirnexxilek tbeżżaʼ lil dak li qed jipprova jisseduċi biex jieqaf u jbiddel l-għażla tiegħu jew tagħha tal-vittma.” Għin lit-tifel jirreċta xeni qosra sabiex iħossu kunfidenti f’li jirrifjuta b’vuċi għolja, jaħrab malajr, u jiġi jgħidlek b’dak kollu li jkun ġara. Tifel li jidher li jkun fehem it-taħriġ bir-reqqa jistaʼ faċilment jinsieh fi ftit ġimgħat jew xhur. Għalhekk, irripeti dan it-taħriġ regolarment.
Dawk kollha li jieħdu ħsieb it-tifel, inkluż l-irġiel—kemm jekk il-missier, il-missier tar-rispett, jew xi qraba rġiel oħrajn—għandhom jieħdu sehem f’dawn id-diskussjonijiet. Għala? Għax dawk kollha involuti f’dan it-taħriġ huma, fil-fatt, qed iwiegħdu lit-tifel li qatt m’huma se jagħmlu atti t’abbuż bħal dawn. B’sogħba, ħafna abbużi sesswali fil-fatt iseħħu fil-familja. L-artiklu li jmiss se jiddiskuti kif tistaʼ tagħmel lill-familja tiegħek post taʼ protezzjoni f’dinja abbużiva.
[Noti taʼ taħt]
a L-esperti jgħidu li ħafna mit-tfal li jkunu ġew abbużati, mingħajr ma jitkellmu, jagħtu indikazzjonijiet li hemm xi ħaġa ħażina. Per eżempju, jekk tifel għal għarrieda jerġaʼ jibda jaġixxi bħalma kien jaġixxi meta kien iżgħar, bħal per eżempju, jagħmel taħtu fis-sodda, ma jkunx irid jitlaq lill-ġenituri, jew jibżaʼ joqgħod waħdu, hu għandu mnejn ikun qed jagħti indikazzjoni li hemm xi ħaġa serja li qed iddejqu. Sintomi bħal dawn mhux bilfors ifissru li t-tifel ikun ġie abbużat. Bil-kalma kollha ġiegħlu jitkellem bil-miftuħ biex tifhem il-kaġun tad-dwejjaq tiegħu ħalli tkun tistaʼ tagħtih il-faraġ, l-assigurazzjoni, u l-protezzjoni tiegħek.
b Biex ikun iktar faċli, qed nirreferu għal dak li jabbuża u għall-vittma fil-maskil. Iżda, l-istess prinċipji japplikaw hu x’inhu s-sess taʼ l-individwu.
c Pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
[Kumment f’paġna 5]
Kun is-sors primarju taʼ protezzjoni għal uliedek
[Kumment f’paġna 7]
Agħti lil uliedek informazzjoni dwar is-sess
[Kumment f’paġna 8]
Għallem lil uliedek xi punti bażiċi dwar kif jipproteġu lilhom infushom
[Kaxxa f’paġna 4]
L-ABBUŻ SESSWALI—PROBLEMA GLOBALI
Fl-2006, is-segretarju ġenerali tal-Ġnus Magħquda wassal rapport dinji lill-Assemblea Ġenerali tal-ĠM dwar il-vjolenza kontra t-tfal, liema rapport kien miġbur minn espert indipendenti għall-ĠM. Skond ir-rapport, matul sena reċenti, bejn wieħed u ieħor 150 miljun tifla u 73 miljun tifel taħt it-18-il sena esperjenzaw “sess sforzat jew forom oħrajn taʼ vjolenza sesswali.” Dawn in-numri jġibulek għajnejk wara widnejk, imma r-rapport jgħid: “Ċertament li n-numru attwali huwa ferm ogħla.” Stħarriġ li sar bir-reqqa minn 21 pajjiż indika li f’xi pajjiżi madwar 36 fil-mija min-nisa u 29 fil-mija mill-irġiel kienu ġew suġġetti għal xi forma taʼ moħqrija sesswali fittfulija. Il-maġġorparti taʼ dawk li wettqu l-att kienu qraba!
[Kaxxa f’paġna 6]
METODU TIPIKU TAʼ SEDUZZJONI
Wieħed li jabbuża x’aktarx li jħaddem moħħu u ma jużax il-forza fuq il-vittmi tiegħu. Pjuttost, hu forsi jippreferi jisseduċi lit-tfal bil-mod il-mod. Hu jibda billi jagħżel vittma, taʼ spiss tifel, jew tifla, li jkun jidher vulnerabbli u li jafda, u b’hekk relattivament faċli biex jikkontrollah. Imbagħad hu jagħżel lil dak it-tifel biex jagħtih attenzjoni speċjali. Hu għandu mnejn jipprova wkoll jirbaħ il-fiduċja tal-ġenituri tiegħu. Dawk li jabbużaw spiss ikunu esperti f’li jagħmlu taʼ bir-ruħhom li jinteressahom sinċerament mit-tifel u mill-familja.
Maż-żmien, dak li jabbuża jibda jipprepara lit-tifel għall-abbuż. Hu bil-mod il-mod jibda jkollu kuntatt fiżiku mat-tifel permezz taʼ wiri t’affezzjoni li tidher innoċenti, logħob taʼ l-idejn, u tagħrix. Għandu mnejn jagħti rigali kbar u jibda jifred lit-tifel mill-ħbieb, minn ħutu, u mill-ġenituri, sabiex iqattaʼ ħin waħdu miegħu. F’xi mument jew ieħor, hu forsi jgħid lit-tifel biex iżomm xi sigriet żgħir mill-ġenituri—forsi xi rigal jew pjanijiet għal xi ħarġa li jkunu se jagħmlu fil-futur. Tattiki bħal dawn iwittu t-triq għas-seduzzjoni. Meta dak li jabbuża jkun rebaħ il-fiduċja tat-tifel u l-fiduċja tal-ġenituri, hu jkun lest biex jabbużah.
Għal darb’oħra, x’aktarx li hu jagħmel kollox b’mod sottili minflok b’mod vjolenti jew bil-forza. Għandu mnejn jipprofitta ruħu mill-kurżità naturali tat-tifel dwar is-sess, billi joffri li jagħmilha taʼ l-“għalliem,” jew forsi jissuġġerixxi li jilagħbu “logħba speċjali” flimkien li huma biss ikunu jafu biha. Jistaʼ juri l-pornografija lit-tifel sabiex din l-imġiba jagħmilha tidher normali.
Jekk jirnexxilu jabbuża mit-tifel, imbagħad ikun ansjuż sakemm jaċċerta ruħu li t-tifel ma jgħid lil ħadd dwar x’ġara. Hu għandu mnejn juża diversi tattiki, inkluż theddid, rikatt, u ħtija, jew forsi juża wħud minnhom flimkien. Per eżempju, hu jistaʼ jgħid: “It-tort tiegħek. Int m’għedtlix biex nieqaf.” Jistaʼ jżid jgħid: “Jekk tgħid lill-ġenituri tiegħek, huma jċemplu lill-pulizija u jibagħtuni l-ħabs għal għomri.” Jew forsi jgħid: “Dan hu s-sigriet tagħna. Jekk titkellem, ħadd m’hu se jemmnek. Jekk xi darba l-ġenituri tiegħek isiru jafu, nagħmlilhom il-ħsara.” Individwi bħal dawn m’għandhom ebda limitu għat-tattiki qarriqin u malizzjużi li jistgħu jużaw.
[Stampa f’paġna 5]
Involvi ruħek fl-attivitajiet taʼ wliedek
[Stampa f’paġna 7]
Iżżommx lura milli tgħallem lil uliedek dwar is-sess
[Stampa f’paġna 8]
Għallem lil uliedek ikunu sodi u determinati jekk huma qatt jiffaċċjaw lil xi ħadd li jabbuża minnhom
-
-
Agħmel lill-Familja Tiegħek Post taʼ ProtezzjoniStenbaħ!—2008 | Jannar
-
-
Agħmel lill-Familja Tiegħek Post taʼ Protezzjoni
“MINGĦAJR imħabba naturali.” B’dan il-kliem taʼ diqa, il-Bibbja tiddeskrivi ħafna min-nies taʼ żmienna, perijodu msejjaħ “l-aħħar jiem.” (2 Timotju 3:1, 3, 4) Iż-żjieda taʼ l-abbuż fuq it-tfal fil-familja tagħti prova ċara kemm hi vera din il-profezija. Fil-fatt, il-kelma Griega oriġinali astorgos, tradotta bil-Malti “mingħajr imħabba naturali,” tirreferi għan-nuqqas taʼ l-imħabba li kellha teżisti fost il-membri tal-familja, speċjalment bejn il-ġenituri u t-tfal.a U spiss l-abbuż fuq it-tfal iseħħ fil-familja.
Xi riċerkaturi jgħidu li l-iktar individwu komuni li jwettaq abbuż sesswali hu l-figura tal-ġenitur maskili. Spiss anki qraba maskili oħrajn jabbużaw. Filwaqt li l-biċċa l-kbira mill-vittmi huma bniet, anki ħafna subien jiġu abbużati. Uħud tas-sess femminil li jwettqu l-abbuż sesswali huma iktar komuni milli tistaʼ tobsor. Forsi l-inqas forom t’abbuż li jiġu rapportati huma l-inċest bejn l-aħwa, fejn tifel akbar jew iktar b’saħħtu jhedded jew jisseduċi lil ħuh jew oħtu iżgħar jew iktar dgħajfa biex tieħu sehem f’atti sesswali. Bħala ġenitur, żgur li tistmerr atti bħal dawn.
Kif jistaʼ jirnexxilek tevita li jqumu dawn il-problemi fil-familja tiegħek? Jidher ċar li kull membru taʼ kull familja jrid jitgħallem u jgħożż xi prinċipji li jevitaw kondotta abbużiva. L-aqwa post fejn wieħed jistaʼ jsib dan it-tip taʼ gwida hu fil-Kelma t’Alla, il-Bibbja.
Il-Kelma t’Alla u r-Relazzjonijiet Fiżiċi
Kull familja trid issegwi l-livelli Bibliċi dwar il-moralità sabiex tkun post taʼ protezzjoni. Il-Bibbja ma żżommx lura milli tiddiskuti dwar is-sess. Hi dinjituża, però ma toqgħodx iddur mal-lewża. Din turi li Alla ddisinja l-intimità sesswali tassew bħala barka għar-raġel u l-mara miżżewġin. (Proverbji 5:15-20) Madankollu, hi tikkundanna l-kondotta sesswali barra l-arranġament taż-żwieġ. Per eżempju, il-Bibbja titkellem bil-miftuħ kontra l-inċest. F’Levitiku kapitlu 18 insibu varjetà kbira taʼ relazzjonijiet inċestużi li huma projbiti. Innota dan il-kliem partikulari: “Ħadd ma għandu jersaq lejn ebda qariba tiegħu biex jikxef l-għera tagħha [biex ikollu x’jaqsam magħha sesswalment]. Jien hu l-Mulej.”—Levitiku 18:6.
Ġeħova jsemmi l-atti taʼ inċest fost “il-qżiżijiet” li jiġu kastigati bil-mewt. (Levitiku 18:26, 29) Jidher ċar li l-Ħallieq għandu livelli tassew għoljin rigward din il-kwistjoni. Illum, ħafna gvernijiet iqisuha b’mod simili, billi jipprojbixxu l-abbuż sesswali fuq it-tfal fil-familja. Taʼ spiss, skond il-liġi tifel li jkun suġġett għal relazzjonijiet sesswali minn xi ħadd adult ikun ġie stuprat. Għala tintuża din il-kelma soda jekk ma kienx hemm forza fiżika?
Ħafna awtoritajiet irrikonoxxew dak li l-Bibbja minn dejjem qalet dwar it-tfal—li għandhom it-tendenza li ma jirraġunawx bħalma jirraġunaw l-adulti. Per eżempju, Proverbji 22:15 jgħid: “Il-bluha b’għeruqha fil-qalb taʼ kull tifel.” U l-appostlu Pawlu ġie ispirat biex jikteb: “Meta kont tifel ċkejken, kont . . . naħseb taʼ tifel, nirraġuna taʼ tifel; imma issa li sirt raġel, neħħejt il-karatteristiki taʼ tifel ċkejken.”—1 Korintin 13:11.
Tifel ma jistax jifhem kompletament xi jfissru l-atti sesswali, u lanqas ma jistaʼ jimmaġina l-konsegwenzi li jiġu hekk kif igerbu s-snin. Għalhekk, nistgħu nifhmu sew li t-tfal ma jistgħux japprovaw bis-sħiħ biex jieħdu sehem f’relazzjonijiet sesswali. Fi kliem ieħor, jekk adult (jew żagħżugħ akbar sew) ikollu relazzjonijiet maʼ tifel, l-individwu akbar ma jistax jiskuża l-att billi jgħid li t-tifel m’oġġezzjonax jew li t-tifel stidinha b’idejh. L-adult hu ħati taʼ stupru. Dan hu att kriminali, u spiss jiġi kastigat b’sentenza fil-ħabs. Dak li jistupra huwa responsabbli taʼ l-istupru, u mhux il-vittma li ma riditx.
B’sogħba, iżda, il-biċċa l-kbira minn dawn l-atti kriminali ma jiġux kastigati mill-awtoritajiet illum. Per eżempju, ġie kalkulat li fl-Awstralja 10 fil-mija biss taʼ dawk li jwettqu l-offiżi jiġu mħarrkin, u ftit jiġu dikjarati ħatjin. Pajjiżi oħrajn kellhom rekord simili. Filwaqt li l-gvernijiet ftit li xejn jistgħu jipproteġu lill-familja Kristjana, l-applikar tal-prinċipji Bibliċi jistaʼ jkun ferm iktar taʼ protezzjoni.
Il-Kristjani veri jirrealizzaw li l-Alla li ġiegħel li dawn il-prinċipji jiġu dokumentati fil-Kelma tiegħu ma nbidilx. Hu jara kull azzjoni li nagħmlu, saħansitra dawk li huma moħbijin għall-biċċa l-kbira mill-bnedmin. Il-Bibbja tgħid: “Kollox hu għeri u mikxuf beraħ quddiem dak li rridu nagħtuh kont.”—Ebrej 4:13.
Alla jżommna responsabbli jekk niksru l-kmandi tiegħu u nweġġgħu lill-oħrajn. Mill-banda l-oħra, hu jberikna jekk inżommu mal-kmandi tiegħu rigward il-ħajja tal-familja li huma taʼ benefiċċju. X’inhuma xi ftit minnhom?
Familja Magħquda bl-Imħabba
“L-imħabba,” tgħidilna l-Bibbja, “hi rabta perfetta li tgħaqqad.” (Kolossin 3: 14) Bħalma hi deskritta fil-Bibbja, l-imħabba m’hijiex sempliċement sentiment. Hi definita mill-mod kif tqanqal—mill-kondotta li tinkuraġġixxi u l-azzjonijiet li tipprojbixxi. (1 Korintin 13:4-8) Fil-familja, li nuru l-imħabba jfisser li nittrattaw lil kull membru b’dinjità, b’rispett, u b’qalb tajba. Ifisser li ngħixu b’mod li juri li aħna fi qbil mal-mod kif iqisha Alla. Alla jagħti lil kull wieħed irwol onorabbli u importanti.
Bħala l-kap tal-familja, il-missier għandu jieħu t-tmexxija f’li juri l-imħabba. Hu jifhem li missier Kristjan m’għandux il-libertà li jkun tirann, billi jabbuża mill-qawwa tiegħu fuq martu u wliedu. Minflok, hu jħares lejn Kristu bħala eżempju rigward l-istat taʼ kap. (Efesin 5:23, 25) Għalhekk, huwa teneru u kollu mħabba maʼ martu u paċenzjuż u ġentili maʼ wliedu. Hu lealment jipproteġihom u jagħmel ħiltu kollha biex jevita li tiġri xi ħaġa li tistaʼ tfixklilhom il-paċi u l-innoċenza tagħhom, jew il-fiduċja u s-sigurtà tagħhom.
Bl-istess mod, il-mara u omm għandha rwol taʼ importanza vitali u dinjità. Il-Bibbja tuża l-istinti protettivi taʼ l-ommijiet fost l-annimali biex turi kemm Ġeħova u Ġesù jistgħu jkunu protettivi. (Mattew 23:37) Omm umana għandha tipproteġi lil uliedha bis-sħiħ. Hekk kif turi mħabbitha, hi ma toqgħodx taħsibha biex tpoġġi s-sigurtà u l-benesseri tagħhom qabel tagħha stess. Il-ġenituri ma jħallux l-abbuż taʼ qawwa, theddid, jew biżaʼ jeżisti bejniethom jew maʼ wliedhom; u lanqas ma jħallu lil uliedhom jużaw tattiki bħal dawn bejniethom.
Hekk kif kull membru tal-familja jittratta lil xulxin b’rispett u b’dinjità, se tiżdied il-komunikazzjoni tajba. L-awtur William Prendergast jgħid: “Il-ġenituri kollha jrid ikollhom komunikazzjoni kuljum, kostanti, u mill-qrib maʼ wliedhom żgħar jew adoloxxenti.” Hu jżid jgħid: “Din tidher li hi l-aqwa soluzzjoni għall-problema taʼ l-abbuż sesswali.” Tabilħaqq, il-Bibbja tagħtina l-parir li jintuża proprju dan it-tip taʼ komunikazzjoni kostanti u kollha mħabba. (Dewteronomju 6:6, 7) Meta tiġi applikata din id-direzzjoni, id-dar tkun post fejn kull membru jistaʼ jitkellem mill-qalb, bil-miftuħ, u fis-sigurtà.
Huwa minnu li qed ngħixu f’dinja ħażina u mhux kull abbuż jistaʼ jiġi evitat. Minkejja dan, dar fis-sigurtà tistaʼ tkun t’għajnuna kbira. Jekk xi membru tal-familja jiġi mweġġaʼ barra mid-dar, hu jew hi taf eżattament fejn tistaʼ tmur għall-faraġ u s-simpatija. Dar bħal din hi verament kenn, post taʼ protezzjoni f’dinja mimlija inkwiet. Jalla Alla jbierek l-isforzi tiegħek biex tagħmel lill-familja tiegħek post taʼ protezzjoni!
[Nota taʼ taħt]
a Din il-kelma Griega antika kienet ġiet definita: “Bla ħniena lejn il-familja.” B’hekk, traduzzjoni Biblika tittraduċi dan il-vers: “Huma se . . . jonqsu li jkollhom imħabba normali għall-familji tagħhom.”
[Kaxxa/Stampa f’paġna 10]
SUĠĠERIMENTI GĦAL DAR FIS-SIGURTÀ
L-Internet: Jekk uliedek għandhom aċċess għall-Internet, huma għandhom bżonn xi istruzzjonijiet dwar kif jużawh b’tali mod li ma jkunx taʼ periklu. Jeżistu siti pornografiċi bla għadd kif ukoll chat rooms u sistemi soċjali oħrajn fejn il-pedofili jfittxu lit-tfal u jisseduċuhom. Ikun għaqli li l-kompjuter jinżamm f’post fejn il-ġenituri jistgħu faċilment jaraw kif uliedhom qed jużawh. Mingħajr is-superviżjoni tal-ġenituri t-tfal qatt m’għandhom jagħtu informazzjoni persunali jew jirranġaw li jiltaqgħu personalment maʼ xi ħadd li jkunu ltaqgħu miegħu fuq l-Internet.—Salm 26:4.
Ix-Xorb Alkoħoliku: F’ħafna każijiet t’abbuż sesswali fuq it-tfal sar użu mill-alkoħol. L-esperjenza turi li l-adulti li jixorbu żżejjed għandhom it-tendenza li ma jikkontrollawx lilhom infushom; u b’hekk xi wħud iċedu għal xewqat li jirnexxilhom irażżnu meta jkunu f’sensihom. Li nafu hu li dan il-periklu jipprovdi raġuni oħra biex nagħtu kas il-parir Bibliku ħalli nevitaw is-sokor u x-xorb żejjed.—Proverbji 20:1; 23:20, 31-33; 1 Pietru 4:3.
Il-Privatezza: Waħda mara tiftakar: “Wara li mietet ommi, missieri kien l-uniku wieħed fid-dar li kellu l-purtieri mat-twieqi jew bieb għall-kamra tiegħu. Lilna ma tana l-ebda privatezza—lanqas fil-kamra tal-banju.” Dan ir-raġel abbuża minn uliedu l-bniet kollha. Kull membru tal-familja għandu bżonn jifhem l-importanza tal-privatezza. Bħalma l-ġenituri għandhom bżonn il-privatezza minn uliedhom f’ċerti mumenti, l-istess għandhom bżonn jagħtu ammont xieraq taʼ privatezza lil uliedhom hekk kif jimmaturaw. Ġenituri għaqlin jittrattaw lill-oħrajn l-istess bħalma jixtiequ jiġu trattati huma.—Mattew 7:12.
-