LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • ‘Kemm huwa profond l-għerf t’Alla!’
    Ersaq Qrib Lejn Ġeħova
    • Għerf bl-istint fl-annimali li ħalaq Alla: il-wiżż ipassi flimkien

      KAPITLU 17

      ‘Kemm Huwa Profond l-​Għerf t’Alla!’

      1, 2. X’kien l-​iskop taʼ Jehovah għas-​seba’ jum, u l-​għerf divin kif kellu jgħaddi minn prova fil-​bidu taʼ dan il-​jum?

      X’ĦERBA! L-​umanità, l-​isbaħ ħaġa tas-​sitt jum kreattiv, f’daqqa waħda ħadet tisbita kbira ’l isfel għal kundizzjoni mill-​iktar baxxa. Jehovah kien iddikjara li “kull ma kien għamel,” inkluż il-​bnedmin, kien “tajjeb ħafna.” (Ġenesi 1:31) Imma malli beda s-​seba’ jum, Adam u Eva għażlu li jirribellaw ma’ Satana. Huma għodsu fid-​dnub, l-​imperfezzjoni, u l-​mewt.

      2 Għandu mnejn deher li l-​iskop taʼ Jehovah għas-​seba’ jum kien ġie mfixkel għalkollox. Dak il-​jum, bħas-​sitta l-​oħra li ġew qablu, kien se jkun twil eluf taʼ snin. Jehovah kien iddikjarah sagru, u matulu l-​art kollha kienet fl-​aħħar mill-​aħħar se ssir ġenna mimlija b’familja taʼ bnedmin perfetti. (Ġenesi 1:28; 2:3) Imma wara l-​irvell katastrofiku, kif setgħet tiġri ħaġa bħal din? X’kien se jagħmel Alla? Hawnhekk kienet ġejja prova impressjonanti taʼ l-​għerf taʼ Jehovah—forsi l-​akbar prova.

      3, 4. (a) Il-​mod kif irreaġixxa Jehovah għall-​irvell fl-​Għeden għala huwa eżempju taʼ l-​għerf tiegħu li jqanqal riverenza profonda? (b) L-​umiltà liema verità għandha tqanqalna nżommu f’moħħna aħna u nistudjaw dwar l-​għerf taʼ Jehovah?

      3 Jehovah irreaġixxa minnufih. Hu qataʼ s-​sentenza fuq ir-​ribelli fl-​Għeden, u fl-​istess ħin ipprovda dehra ħafifa taʼ xi ħaġa meraviljuża: l-​iskop tiegħu li jirranġa l-​inkwiet li kienu għadhom kemm qalgħu. (Ġenesi 3:15) L-​iskop taʼ Jehovah, li kien iwassal ’il bogħod fiż-​żmien, jibda mill-​Għeden u jibqaʼ sejjer tul l-​eluf taʼ snin taʼ storja umana u iktar ’il quddiem, fil-​futur imbiegħed. Huwa verament sempliċi imma fl-​istess ħin tant profond li qarrej tal-​Bibbja jistaʼ jitpaxxa għomru kollu jistudja u jaħseb dwaru. Iktar minn hekk, l-​iskop taʼ Jehovah żgur se jirnexxi. Se jtemm kull ħażen, dnub, u mewt. Se jwassal lill-​bnedmin leali għall-​perfezzjoni. Dan kollu se jseħħ qabel jispiċċa s-​seba’ jum, sabiex, minkejja kollox, Jehovah ikun wettaq l-​iskop tiegħu għall-​art u għall-​umanità eżatt fil-​ħin!

      4 Għerf bħal dan inissel riverenza profonda, hux veru? L-​appostlu Pawlu tqanqal jikteb: ‘Kemm huwa profond l-​għerf t’Alla!’ (Rumani 11:33, NW ) Hekk kif nistudjaw diversi aspetti taʼ din il-​kwalità divina, l-​umiltà għandha tqanqalna nżommu f’moħħna verità vitali—li, l-​iktar l-​iktar, aħna nistgħu nsiru nafu biss nitfa mill-​għerf vast taʼ Jehovah. (Ġob 26:14) L-​ewwel, ejja naraw xi tfisser din il-​kwalità taʼ l-​għaġeb.

      X’Inhu l-​Għerf Divin?

      5, 6. L-​għarfien u l-​għerf x’għandhom x’jaqsmu flimkien, u kemm huwa kbir l-​għarfien li għandu Jehovah?

      5 L-​għerf m’huwiex l-​istess bħall-​għarfien. Il-​kompjuters jistgħu jerfgħu ammont kbir t’għarfien, imma ma nistgħux nimmaġinaw lil xi ħadd isejjaħ lil dawn il-​magni għorrief. Però, l-​għarfien u l-​għerf għandhom x’jaqsmu flimkien. (Proverbji 10:14) Per eżempju, jekk tkun tixtieq parir għaqli dwar x’għandek tagħmel f’każ taʼ problema serja tas-​saħħa, se tfittex lil xi ħadd li għandu ftit għarfien jew xejn dwar il-​mediċina? Żgur li le! Mela għarfien eżatt huwa essenzjali biex wieħed ikollu l-​għerf veru.

      6 Jehovah għandu ħażna bla tarf t’għarfien. Bħala “Sultan taʼ l-​eternità,” hu biss ilu jgħix minn dejjem. (Rivelazzjoni 15:3, NW ) U tul iż-​żmien kollu bla għadd li ilu jeżisti, hu ra kulma kien qed jiġri. Il-​Bibbja tgħid: “Xejn ma hemm fil-​ħolqien li hu moħbi għalih, imma kollox hu miftuħ għal għajnejn Alla, li lilu rridu nagħtu kont.” (Lhud 4:13; Proverbji 15:3) Bħala l-​Ħallieq, Jehovah għandu fehma sħiħa dwar dak li ħalaq, u ilu josserva l-​attività kollha tal-​bnedmin mill-​bidunett. Hu jeżamina kull qalb umana, u xejn ma jaħrablu. (1 Kronaki 28:9) Ladarba ħalaqna bil-​libertà taʼ l-​għażla, hu jieħu gost meta jarana nieħdu deċiżjonijiet għaqlin fil-​ħajja. Bħala Semmiegħ it-​talb, hu jismaʼ t-​talb taʼ ħafna wħud fl-​istess ħin! (Salm 65:3 [65:2, NW]) U m’għandniex xi ngħidu, Jehovah għandu memorja perfetta.

      7, 8. Jehovah kif juri l-​fehma, id-​dixxerniment, u l-​għerf?

      7 Jehovah m’għandux biss għarfien. Hu jara wkoll il-​konnessjoni li jkun hemm bejn fatt u ieħor u jara l-​istampa ġenerali magħmula minn għadd kbir taʼ dettalji. Hu jqis l-​affarijiet u jiġġudika, waqt li jagħraf bejn it-​tajjeb u l-​ħażin, dak li hu importanti u dak li m’huwiex. Iktar minn hekk, hu ma jħarisx biss lejn dak li jidher imma jeżamina l-​qalb mill-​qrib. (1 Samwel 16:7) B’hekk, Jehovah għandu l-​fehma u d-​dixxerniment, kwalitajiet li huma superjuri għall-​għarfien. Imma l-​għerf jerġaʼ huwa taʼ kalibru ogħla.

      8 L-​għerf jgħaqqad l-​għarfien, id-​dixxerniment, u l-​fehma biex jipproduċi r-​riżultat mixtieq. Fil-​fatt, ftit mill-​kliem oriġinali tal-​Bibbja li jiġi tradott “għerf” letteralment ifisser “ħidma effettiva” jew “għaqal.” Mela l-​għerf taʼ Jehovah ma jinkludix biss teorija. Huwa prattiku, u jirnexxi. Billi juża l-​għarfien kbir u l-​fehma profonda li għandu, Jehovah dejjem jieħu l-​aħjar deċiżjonijiet possibbli, u jwettaqhom billi jaġixxi bl-​aqwa mod li wieħed jistaʼ jimmaġina. Dak għerf veru! Jehovah juri kemm hu minnu dak li qal Ġesù: “L-​Għerf . . . tawh raġun l-​opri tiegħu stess.” (Mattew 11:19) L-​affarijiet li għamel Jehovah fl-​univers kollu jixhdu bil-​qawwa x’għerf għandu.

      Evidenzi taʼ l-​Għerf Divin

      9, 10. (a) Liema tip t’għerf juri Jehovah, u kif urieh? (b) Iċ-​ċellula kif tagħti evidenza dwar l-​għerf taʼ Jehovah?

      9 Qatt bqajt mistagħġeb bil-​bravura taʼ bniedem tas-​sengħa li jagħmel affarijiet sbieħ u li fl-​istess ħin jaħdmu tajjeb? Dan it-​tip taʼ għerf huwa għerf li jimpressjona. (Eżodu 31:1-​3) Jehovah innifsu huwa s-​sors taʼ għerf bħal dan u l-​iktar wieħed li għandu minnu. Is-​Sultan David qal dwar Jehovah: “Nroddlok ħajr, għax b’mod taʼ l-​għaġeb għamiltni: taʼ l-​għaġeb huma l-​għemejjel tiegħek. U ’l ruħi inti tafha tajjeb.” (Salm 139:14) Tabilħaqq, iktar ma nitgħallmu dwar il-​ġisem uman, iktar nibqgħu mistagħġbin bl-​għerf taʼ Jehovah.

      10 Biex nagħtu eżempju: Int bdejt bħala ċellula waħda—ċellula ovulu minn ommok, fertilizzata minn sperma taʼ missierek. Dik iċ-​ċellula malajr bdiet tinqasam. Int, ir-​riżultat finali, magħmul minn xi 100 triljun ċellula. Dawn fihom daqs naqra. Madwar 10,000 ċellula normali joqogħdu fuq ras taʼ labra. Madankollu, kull waħda minnhom hija ħolqien tant komplikat li ġġiblek għajnejk wara widnejk. Iċ-​ċellula hija bil-​wisq iktar kumplessa minn kwalunkwe magna jew fabbrika magħmula mill-​bniedem. Ix-​xjenzati jgħidu li ċellula hija bħal belt imdawra bis-​swar—belt b’postijiet kontrollati taʼ dħul u ħruġ, sistema taʼ trasportazzjoni, sistema taʼ komunikazzjoni, impjanti taʼ l-​elettriku, fabbriki, faċilitajiet għar-​riċiklaġġ u r-​rimi taʼ l-​iskart, sistemi taʼ difiża, u anki tip taʼ gvern ċentrali fin-​nukleu tagħha. Iktar minn hekk, iċ-​ċellula tistaʼ tagħmel kopja eżatta tagħha nfisha fi ftit sigħat biss!

      11, 12. (a) Xi jġiegħel liċ-​ċelluli li jiżviluppaw fl-​embriju jibdew iwettqu affarijiet differenti minn xulxin, u dan kif jaqbel ma’ Salm 139:16? (b) Il-​moħħ tal-​bniedem b’liema modi juri li aħna ‘magħmulin b’mod taʼ l-​għaġeb’?

      11 Ovvjament, mhux iċ-​ċelluli kollha huma l-​istess. Hekk kif iċ-​ċelluli t’embriju jkomplu jinqasmu, huma jibdew iwettqu xogħlijiet differenti ħafna minn xulxin. Xi wħud minnhom se jkunu ċelluli tan-​nervituri; oħrajn ċelluli taʼ l-​għadam, tal-​muskoli, tad-​demm, jew taʼ l-​għajnejn. Din id-​differenza kollha hija programmata fil-​“librerija” tad-​disinn ġenetiku taċ-​ċellula, id-​DNA. Ħaġa taʼ interess hi li David kien imnebbaħ jgħid lil Jehovah: “Għajnejk raw saħansitra l-​embriju tiegħi, u fil-​ktieb tiegħek il-​partijiet kollha tiegħu kienu miktubin.”—Salm 139:16, NW.

      12 Ċerti partijiet tal-​ġisem huma verament komplikati. Per eżempju, ħu l-​moħħ tal-​bniedem. Xi wħud sejħulu l-​iktar oġġett komplikat li għadu ġie skopert s’issa fl-​univers. Fih xi 100 biljun ċellula tan-​nervituri—bejn wieħed u ieħor daqs kemm hemm stilel fil-​galassja tagħna. Kull waħda minn dawk iċ-​ċelluli għandha eluf taʼ friegħi mqabbdin ma’ ċelluli oħrajn. Ix-​xjenzati jgħidu li moħħ il-​bniedem jistaʼ jesa’ l-​informazzjoni kollha li hemm f’kull librerija tad-​dinja u li fil-​fatt lanqas jistaʼ jitkejjel kemm jesa’. Minkejja l-​ħafna snin li qattgħu jistudjaw dan l-​organu ‘magħmul b’mod taʼ l-​għaġeb,’ ix-​xjenzati jammettu li forsi qatt m’huma se jifhmu eżatt kif jaħdem.

      13, 14. (a) In-​nemel u ħlejjaq oħra kif juru li huma “għorrief” bl-​istint, u dan x’jgħallimna dwar il-​Ħallieq tagħhom? (b) Għala nistgħu ngħidu li ħolqien bħall-​għanqbut huwa magħmul “bl-​għerf”?

      13 Madankollu, il-​bnedmin huma biss eżempju wieħed taʼ l-​għerf kreattiv taʼ Jehovah. Salm 104:24 jgħid: “Kemm huma kotrana l-​għemejjel tiegħek, Mulej! Kollha bl-​għerf għamilthom; mimlija l-​art bil-​ħlejjaq tiegħek.” L-​għerf taʼ Jehovah jidher ċar f’kull ħaġa maħluqa madwarna. Per eżempju, in-​nemla hija ‘għarfa’ bl-​istint. (Proverbji 30:24) Iva, il-​gruppi tan-​nemel huma organizzati ferm. Xi gruppi taʼ nemel jirgħu, jipproteġu, u jieħdu n-​nutriment minn insetti li jgħidulhom afidi bħallikieku dawn kienu xi merħla. Nemel ieħor jagħmilha taʼ bdiewa, billi jkabbar u jikkultiva l-​fungu bħala “wiċċ tar-​raba.” Ħafna ħlejjaq oħra ġew programmati biex jagħmlu affarijiet taʼ l-​għaġeb bl-​istint. Dubbiena komuni tagħmel manuvri taʼ l-​għaġeb fl-​ajru li lanqas l-​iktar ajruplan modern li għandu l-​bniedem ma jistaʼ jagħmilhom. L-​għasafar li jpassu jinnavigaw jew permezz taʼ l-​istilel, jew billi jsibu l-​pożizzjoni tal-​kamp manjetiku taʼ l-​art, jew b’xi tip taʼ mappa interna. Il-​bijoloġi jqattgħu snin sħaħ jistudjaw l-​imġiba sofistikata li ġiet programmata f’dawn il-​ħlejjaq. Mela, min jaf kemm hu għaref il-​Programmatur divin!

      14 Ix-​xjenzati tgħallmu ħafna mill-​għerf kreattiv taʼ Jehovah. Fil-​fatt hemm qasam taʼ inġinerija, imsejjaħ bijomimetika, li jipprova jimita l-​mod kif inhi magħmula n-​natura. Per eżempju, forsi xi drabi bqajt iċċassat tħares lejn is-​sbuħija taʼ għanqbuta. Imma inġinier jara l-​meravilja taʼ kif inhi magħmula. Dawk il-​ħjut li jidhru tant fraġli huma iktar b’saħħithom minn ħjut taʼ l-​azzar bl-​istess ħxuna, u jifilħu iktar mill-​ħjut f’ġakketta magħmula biex ma jinfduhiex il-​balal. Eżattament kemm hu b’saħħtu? Immaġina għanqbuta kbira daqs xibka li tintuża għas-​sajd. Għanqbuta bħal din tkun tistaʼ taqbad ajruplan tal-​passiġġieri f’nofs titjira! Iva, Jehovah għamel dawn l-​affarijiet kollha “bl-​għerf.”

      Id-disinn u l-istint fl-annimali: għanqbuta taʼ brimba, nemel bl-ordni jġorr il-weraq imqatta’, il-wiżż ipassi flimkien

      Min ipprogramma l-ħlejjaq ta’ l-art biex ikunu “għorrief” bl-istint?

      Għerf lil Hinn mill-​Art

      15, 16. (a) Is-​smewwiet mimlijin kwiekeb kif juru l-​għerf taʼ Jehovah? (b) Il-​pożizzjoni taʼ Jehovah bħala l-​Kmandant Suprem fuq għadd vast t’anġli kif tixhed li dan l-​Amministratur huwa għaref?

      15 L-​għerf taʼ Jehovah jidher f’dak li hu għamel fl-​univers kollu. Is-​smewwiet mimlijin kwiekeb, li ddiskutejna fit-​tul dwarhom f’Kapitlu 5, m’humiex imxerrdin kif ġie ġie fl-​ispazju. Grazzi għall-​għerf tal-​“liġijiet tas-​sema” taʼ Jehovah, is-​smewwiet huma organizzati b’mod sabiħ f’galassji kontrollati, li mbagħad huma mqassmin f’għenieqed taʼ galassji, li jerġaʼ mbagħad flimkien jifformaw għenieqed ġganti. (Ġob 38:33) Mhux taʼ b’xejn li Jehovah jirreferi għall-​pjaneti bħala “eżerċti”! (Isaija 40:26) Imma hemm eżerċtu ieħor li saħansitra juri b’mod iktar ħaj l-​għerf taʼ Jehovah.

      16 Bħalma rajna f’Kapitlu 4, Alla għandu t-​titlu Jehovah “ta’ l-​eżerċti” minħabba l-​pożizzjoni tiegħu bħala l-​Kmandant Suprem t’armata vasta taʼ mijiet taʼ miljuni taʼ ħlejjaq spirti. Din hija prova tal-​qawwa taʼ Jehovah. Imma l-​għerf tiegħu fejn jidħol? Ikkunsidra ftit: Jehovah u Ġesù qatt ma jieqfu jaħdmu. (Ġwanni 5:17) Mela hija ħaġa loġika li l-​ministri anġeliċi taʼ l-​Iktar Għoli wkoll għandhom ħafna x’jagħmlu. U ftakar li huma ogħla mill-​bniedem, ħafna iktar intelliġenti u qawwijin minnu. (Lhud 1:7; 2:7) Madankollu, Jehovah żamm lil dawk l-​anġli kollha okkupati, ferħanin jagħmlu xogħol sodisfaċenti—‘jagħmlu l-​ordni tiegħu’ u ‘jagħmlu r-​rieda tiegħu’—għal biljuni taʼ snin. (Salm 103:20, 21) Kemm bilfors huwa kbir l-​għerf taʼ dan l-​Amministratur!

      Jehovah “Waħdu fl-​Għerf”

      17, 18. Il-​Bibbja għala tgħid li Jehovah huwa “waħdu fl-​għerf,” u l-​għerf tiegħu għala għandu jġagħalna nħossu sens taʼ riverenza lejh?

      17 Meta nqisu evidenza bħal din, għandna għalfejn niskantaw li l-​Bibbja turi li l-​għerf taʼ Jehovah huwa suprem? Per eżempju, din tgħid li Jehovah “waħdu fl-​għerf.” (Rumani 16:27) Jehovah biss għandu l-​għerf fis-​sens assolut. Huwa s-​sors taʼ l-​għerf veru kollu. (Proverbji 2:6) Kien għalhekk li Ġesù, għalkemm l-​iktar wieħed għaref mill-​ħlejjaq taʼ Jehovah, ma straħx fuq l-​għerf tiegħu stess imma tkellem kif qallu Missieru.—Ġwanni 12:48-​50.

      18 Innota kif l-​appostlu Pawlu esprima ruħu dwar l-​għerf uniku taʼ Jehovah: “O kemm huma profondi r-​rikkezzi u l-​għerf u l-​għarfien t’Alla! Kemm ma jistgħux jinkixfu l-​ġudizzji tiegħu, u kemm huma bla tarf triqatu!” (Rumani 11:33, NW ) Billi beda l-​vers bl-​esklamazzjoni “O,” Pawlu wera emozzjoni qawwija—f’dan il-​każ, stagħġib profond. Il-​kelma Griega li għażel għal “profondi” għandha x’taqsam ħafna mal-​kelma għal “abbiss.” Għaldaqstant, kliemu jgħinna nimmaġinaw stampa ċara. Meta naħsbu dwar l-​għerf taʼ Jehovah, ikun bħallikieku qed nittawlu f’abbiss bla qiegħ, bla limitu, qasam tant fond, tant vast li qatt ma nistgħu nifhmu kemm hu immens, aħseb u ara kemm se niddeskrivuh jew nagħmlu mappa tiegħu fid-​dettall. (Salm 92:6 [92:5, NW]) M’huwiex dan ħsieb li jġagħlek tkun umli?

      19, 20. (a) L-​ajkla għala hija simbolu xieraq taʼ l-​għerf divin? (b) Jehovah kif wera l-​abbiltà tiegħu li jittawwal fil-​futur?

      19 Jehovah huwa “waħdu fl-​għerf” f’sens ieħor: Hu biss kapaċi jittawwal fil-​futur. Ftakar li Jehovah juża l-​ajkla li tara fil-​bogħod biex tissimbolizza l-​għerf divin. L-​ajkla rjali forsi veru tiżen biss ħames kilogrammi, imma għajnejha huma akbar minn dawk taʼ raġel adult. Il-​vista taʼ l-​ajkla hija tajba ħafna, u biha l-​għasfur kapaċi jilmaħ priża żgħira minn mijiet taʼ metri għoli, forsi saħansitra minn kilometri ’l bogħod! Jehovah stess darba qal dwar l-​ajkla: “[Jaraw] mill-​bogħod għajnejha.” (Ġob 39:29) F’sens simili, Jehovah jistaʼ ‘jara ’l bogħod’ fiż-​żmien—fil-​futur!

      20 Il-​Bibbja mimlija evidenza li dan huwa minnu. Fiha mijiet taʼ profeziji, jiġifieri storja miktuba bil-​quddiem. Ir-​riżultat tal-​gwerer, il-​bidu u t-​tmiem taʼ qawwiet dinjin, u anki l-​istrateġiji speċifiċi li kienu se jużaw kmandanti militari fil-​battalji ġew imbassrin fil-​Bibbja—f’xi każi, mijiet taʼ snin minn qabel.—Isaija 44:25–45:4; Danjel 8:2-​8, 20-​22.

      21, 22. (a) Għala m’hemm l-​ebda bażi biex nikkonkludu li Jehovah ra bil-​quddiem l-​għażliet kollha li se tagħmel f’ħajtek? Agħti eżempju. (b) Kif nafu li l-​għerf taʼ Jehovah ma jistax ikun bla sentiment jew bla empatija?

      21 Iżda jfisser dan li Alla diġà ra x’għażliet se tagħmel int fil-​ħajja? Xi wħud favur id-​duttrina tad-​destin jinsistu li t-​tweġiba hija iva. Madankollu, din l-​idea fil-​fatt iddgħajjef l-​għerf taʼ Jehovah, għax timplika li hu ma jistax jikkontrolla l-​abbiltà tiegħu li jħares fil-​futur. Biex nagħtu eżempju: Kieku kellek l-​isbaħ leħen li jeżisti għall-​kant, kien se jkollok bilfors toqgħod tkanta l-​ħin kollu? L-​idea ma tagħmilx sens! Bl-​istess mod, Jehovah għandu l-​abbiltà li jkun jaf il-​futur, imma ma jużahiex il-​ħin kollu. Kieku kellu jagħmel hekk kien ikun qed jikser il-​libertà tagħna taʼ l-​għażla, rigal prezzjuż li Jehovah qatt m’hu se jiħodulna lura.—Dewteronomju 30:19, 20.

      22 Jerġaʼ agħar minn hekk, l-​istess idea tal-​predestinazzjoni tissuġġerixxi li l-​għerf taʼ Jehovah huwa bla sentiment, bla qalb, bla empatija, jew bla mogħdrija. Imma dan żgur li huwa ’l bogħod mill-​verità! Il-​Bibbja tgħallem li Jehovah huwa “għaref f’qalbu.” (Ġob 9:4, KŻ, korsiv tagħna.) Mhux għax għandu qalb letterali, imma l-​Bibbja taʼ spiss tuża dak it-​terminu f’konnessjoni mal-​persuna ġewwinija, li tinkludi l-​motivazzjonijiet u s-​sentimenti, bħall-​imħabba. Mela l-​għerf taʼ Jehovah, bħall-​kwalitajiet l-​oħra tiegħu, huwa mmexxi mill-​imħabba.—1 Ġwanni 4:8.

      23. Is-​superjorità taʼ l-​għerf taʼ Jehovah x’għandha tqanqalna nagħmlu?

      23 Naturalment, l-​għerf taʼ Jehovah huwa taʼ min jafda fih għalkollox. Huwa tant ogħla mill-​għerf tagħna li l-​Kelma t’Alla bi mħabba tħeġġiġna: “Ittama fil-​Mulej b’qalbek kollha, u tafdax fl-​għaqal tiegħek. Fih aħseb f’kull ma tagħmel, u hu jwittilek triqatek.” (Proverbji 3:5, 6) Ejja issa nħaffru fl-​għerf taʼ Jehovah sabiex inkunu nistgħu nersqu iktar qrib t’Alla tagħna li huwa għaref b’mod assolut.

      Mistoqsijiet għall-​Meditazzjoni

      • Ġob 28:11-​28 L-​għerf divin kemm hu prezzjuż, u liema riżultat tajjeb jistaʼ joħroġ meta wieħed jimmedita fuq dan is-​suġġett?

      • Salm 104:1-​25 L-​għerf taʼ Jehovah kif jintwera fil-​ħolqien, u dan xi jġagħlek tħoss?

      • Proverbji 3:19-​26 Jekk naħsbu fil-​fond dwar l-​għerf taʼ Jehovah u napplikawh, x’jistaʼ jkun l-​effett fuq il-​ħajja tagħna taʼ kuljum?

      • Danjel 2:19-​28 Jehovah għala jissejjaħ Wieħed “li jikxef il-​misteri,” u kif għandna nirreaġixxu għall-​għerf profetiku li jinsab fil-​Kelma tiegħu?

  • L-għerf fil-“Kelma ta’ Alla”
    Ersaq Qrib Lejn Ġeħova
    • Kittieb uman iggwidat mill-ispirtu qaddis biex jikteb ktieb mill-Bibbja

      KAPITLU 18

      L-​Għerf fil-​“Kelma taʼ Alla”

      1, 2. Liema “ittra” kitbilna Jehovah, u għala?

      TIFTAKAR l-​aħħar darba li rċivejt ittra mingħand xi ħadd maħbub li joqgħod ħafna ’l bogħod minnek? Ftit huma l-​affarijiet li nieħdu pjaċir bihom daqskemm nieħdu pjaċir b’ittra miktuba mill-​qalb minn xi ħadd għażiż għalina. Nieħdu gost ferm nisimgħu kif inhu sejjer, minn xiex għadda, u x’bi ħsiebu jagħmel. Komunikazzjoni bħal din tressaqna eqreb lejn dawk li nħobbu, avolja jkunu ’l bogħod ħafna fiżikament.

      2 Allura x’jistaʼ jkun isbaħ milli nirċievu messaġġ miktub mill-​Alla li nħobbu? Jehovah, f’ċertu sens, kitbilna “ittra”—il-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja. Fiha jgħidilna min hu, x’għamel, x’qed jippjana li jagħmel, u ħafna iktar. Jehovah tana l-​Kelma tiegħu għax iridna nkunu qribu. Alla tagħna li għandu għerf assolut għażel l-​aħjar mod possibbli biex jikkomunika magħna. Il-​mod kif inhi miktuba l-​Bibbja u dak li fiha juru għerf li ma jitqabbel ma’ xejn.

      Għala Kelma Miktuba?

      3. Jehovah b’liema mod għadda l-​Liġi lil Mosè?

      3 Xi wħud għandhom mnejn jistaqsu, ‘Jehovah għala m’użax metodu iktar drammatiku—ngħidu aħna, xi leħen mis-​sema—biex jikkomunika mal-​bnedmin?’ Fil-​fatt, Jehovah xi drabi tkellem mis-​sema permezz taʼ rappreżentanti anġeliċi. Per eżempju, dan għamlu meta ta l-​Liġi lil Iżrael. (Galatin 3:19) Il-​leħen mis-​sema nissel il-​biżaʼ—tant li l-​Iżraelin imwerwrin talbu li Jehovah ma jitkellimx magħhom b’dan il-​mod imma li jikkomunika permezz taʼ Mosè. (Eżodu 20:18-​20) B’hekk il-​Liġi, li kienet tikkonsisti minn xi 600 regola, ġiet mgħoddija lil Mosè bil-​fomm, kelma b’kelma.

      4. Spjega għala ma kienx ikun mezz taʼ min joqgħod fuqu li l-​liġijiet t’Alla jgħaddu minn nisel għal ieħor bil-​fomm.

      4 Iżda, xi ngħidu kieku l-​Liġi qatt ma nkitbet? Kien Mosè se jkun kapaċi jiftakar il-​kliem preċiż taʼ dik il-​kodiċi dettaljata u jwassalha bla żball lill-​bqija tal-​ġens? Xi ngħidu għall-​ġenerazzjonijiet taʼ wara? Kellhom jistrieħu biss fuq il-​komunikazzjoni bil-​fomm? Dan żgur ma kienx se jkun metodu taʼ min joqgħod fuqu biex il-​liġijiet t’Alla jgħaddu minn nisel għal ieħor. Immaġina x’jiġri kieku kellek tgħid storja lil filliera nies wara xulxin u tibda billi tgħidha lill-​ewwel persuna ħdejk, imbagħad din tgħidha lil taʼ warajha u nibqgħu sejrin hekk sa l-​aħħar. X’aktarx li dak li tismaʼ l-​aħħar persuna fil-​filliera jkun differenti ħafna mill-​istorja oriġinali. Il-​kliem tal-​Liġi t’Alla ma kienx f’periklu bħal dan.

      5, 6. Jehovah x’qallu biex jagħmel lil Mosè bil-​kliem Tiegħu, u għala hija barka għalina li jkollna l-​Kelma taʼ Jehovah miktuba?

      5 Jehovah bl-​għerf għażel li kliemu jitniżżel bil-​miktub. Hu qal lil Mosè: “Ikteb dawn il-​kelmiet; għax fuq dawn il-​kelmiet jien għamilt patt miegħek u ma’ Iżrael.” (Eżodu 34:27) Hekk bdiet l-​era tal-​kitba tal-​Bibbja, fl-​1513 Q.E.K. Matul l-​1,610 snin taʼ wara, Jehovah ‘kellem ħafna drabi u b’ħafna manjieri’ lil xi 40 raġel li mbagħad niżżlu l-​Bibbja bil-​miktub. (Lhud 1:1) Sadanittant, skribi devoti bl-​attenzjoni kollha ħadu ħsieb li jipproduċu kopji eżatti sabiex jippreservaw l-​Iskrittura.—Esdra 7:6; Salm 45:2 (45:1, NW ).

      6 Jehovah verament berikna billi kkomunika magħna bil-​kitba. Qatt irċivejt ittra li tant kienet għażiża għalik—forsi għax tatek il-​faraġ meħtieġ—li rfajtha u qrajtha darba wara l-​oħra? Hekk hu bl-​“ittra” li tana Jehovah. Peress li Jehovah niżżel kliemu bil-​miktub, aħna nistgħu naqrawh regolarment u nimmeditaw fuq dak li jgħid. (Salm 1:2) Nistgħu nirċievu “l-​faraġ li tagħtina l-​Iskrittura” kulmeta jkollna bżonnu.—Rumani 15:4.

      Għala Ntużaw Bnedmin Bħala Kittieba?

      7. Il-​fatt li Jehovah uża bnedmin bħala kittieba kif juri l-​għerf tiegħu?

      7 Fl-​għerf tiegħu, Jehovah uża l-​bnedmin biex iniżżlu l-​Kelma tiegħu bil-​miktub. Ikkunsidra dan: Kieku Jehovah uża l-​anġli biex iniżżlu l-​Bibbja bil-​miktub, kienet se tolqotna bl-​istess mod? Veru, l-​anġli setgħu jiddeskrivu lil Jehovah mill-​fehma għolja tagħhom, jesprimu d-​devozzjoni tagħhom stess lejh, u jirrapportaw dwar il-​qaddejja leali t’Alla fuq l-​art. Imma konna se nħossu li hemm xi ħaġa komuni bejn il-​ħarsa tagħna u dik taʼ dawn il-​ħlejjaq spirti perfetti, li l-​għarfien, l-​esperjenza, u s-​saħħa tagħhom huma bil-​wisq superjuri minn tagħna?—Lhud 2:6, 7.

      “L-Iskrittura kollha hija mnebbħa minn Alla”

      8. Il-​kittieba tal-​Bibbja b’liema mod tħallew jużaw l-​abbiltajiet mentali tagħhom stess? (Ara wkoll in-​nota taʼ taħt.)

      8 Billi uża bnedmin bħala kittieba, Jehovah ipprovda eżatt dak li għandna bżonn—kitba li hija “mnebbħa minn Alla” imma li fl-​istess ħin iżżomm l-​element uman. (2 Timotju 3:16) Kif irnexxielu jagħmel dan? F’ħafna każi, hu milli jidher ħalla lill-​kittieba jużaw l-​abbiltajiet mentali tagħhom stess biex jagħżlu ‘qwiel sbieħ u jiktbu bir-​reqqa kliem is-​sewwa.’ (Koħèlet 12:10, 11) Din hija r-​raġuni għala hemm varjetà taʼ stili fil-​Bibbja; il-​kitbiet jirriflettu l-​esperjenzi u l-​personalità tal-​kittieba individwali.a Madankollu, dawn l-​irġiel “tkellmu f’isem Alla . . . għax kienu mqanqlin mill-​Ispirtu s-​Santu.” (2 Pietru 1:21) Għaldaqstant, il-​prodott finali tassew li hu l-​“kelma taʼ Alla.”—1 Tessalonikin 2:13.

      9, 10. Peress li ntużaw bnedmin bħala kittieba, il-​Bibbja kif tittrasmetti iżjed emozzjoni u tolqotna iktar?

      9 Peress li ntużaw bnedmin bħala kittieba, il-​Bibbja tittrasmetti ħafna emozzjoni u tolqotna ħafna. Il-​kittieba tagħha kienu nies b’sentimenti bħal tagħna. Billi kienu imperfetti, huma ffaċċjaw provi u pressjonijiet bħalna. F’xi każi, l-​ispirtu taʼ Jehovah nebbaħhom biex jiktbu dwar dak li kienu qed iħossu u t-​taħbit li kienu għaddejjin minnu. (2 Korintin 12:7-​10) Għalhekk kitbu dwar dak li għaddew minnu huma stess, xi ħaġa li l-​ebda anġlu ma setaʼ jagħmel.

      10 Ħu, per eżempju, lis-​Sultan David taʼ Iżrael. Wara li kkommetta xi dnubiet serji, David ikkompona salm li fih fetaħ qalbu m’Alla u talbu għall-​maħfra. Hu kiteb: “Aħsilni kollni mill-​ħtija tiegħi; naddafni mid-​dnub tiegħi. Għax jien nagħrafhom ħtijieti; id-​dnub tiegħi dejjem quddiemi. Ara, jiena ssawwart fil-​ħtija, u fid-​dnub nisslitni ommi. La twarrabnix minn quddiemek, tneħħix minni l-​ispirtu qaddis tiegħek. Is-​sagrifiċċju tiegħi, o Alla, hu l-​qalb niedma; qalb maqsuma u sogħbiena ma twarrabhiex, o Alla.” (Salm 51:4, 5, 7, 13, 19 (51:2, 3, 5, 11, 17, NW ) Ma tħosshiex hawn id-​diqa tal-​kittieb? Min ħlief bniedem imperfett setaʼ jesprimi sentimenti bħal dawn mill-​qalb?

      Għala Ktieb dwar in-​Nies?

      11. Liema eżempji taʼ veru huma mniżżlin fil-​Bibbja “għat-​tagħlim tagħna”?

      11 Hemm raġuni oħra għala l-​Bibbja tolqotna. Fil-​biċċa l-​kbira, hija ktieb dwar in-​nies—nies taʼ veru—dawk li qdew lil Alla u dawk li ma qdewhx. Naqraw dwar l-​esperjenzi, it-​tbatijiet, u l-​ferħ tagħhom. Naraw ir-​riżultat taʼ l-​għażliet tagħhom fil-​ħajja. Rakkonti bħal dawn tniżżlu “għat-​tagħlim tagħna.” (Rumani 15:4) Permezz taʼ dawn l-​eżempji taʼ veru, Jehovah jgħallimna b’modi li jmissulna qalbna. Ikkunsidra xi eżempji.

      12. Ir-​rakkonti tal-​Bibbja dwar bnedmin żleali kif jgħinuna?

      12 Il-​Bibbja tgħidilna dwar bnedmin mhux leali, dawk saħansitra mill-​agħar, u xi ġralhom. F’dawn ir-​rakkonti, nistgħu naraw kwalitajiet koroh fl-​azzjonijiet tagħhom, u b’hekk inkunu nistgħu nifhmu dawn il-​kwalitajiet aħjar. Per eżempju, liema kmand kontra ż-​żlealtà setaʼ jkun iktar qawwi mill-​eżempju ħaj taʼ din il-​kwalità f’​Ġuda, hekk kif wettaq il-​pjan taʼ tradiment tiegħu kontra Ġesù? (Mattew 26:14-​16, 46-​50; 27:3-​10) Rakkonti bħal dan huma iktar effettivi f’li jilħqulna qalbna, u jgħinuna nagħrfu u nirrifjutaw kwalitajiet moqżieża.

      13. Il-​Bibbja kif tgħinna nifhmu kwalitajiet mixtieqa?

      13 Il-​Bibbja tiddeskrivi wkoll ħafna qaddejja leali t’Alla. Nistgħu naqraw dwar id-​devozzjoni u l-​lealtà tagħhom. Naraw eżempji ħajjin tal-​kwalitajiet li għandna bżonn nikkultivaw sabiex nersqu qrib lejn Alla. Ejja nieħdu l-​fidi, per eżempju. Il-​Bibbja tispjega x’inhi l-​fidi u tgħidilna kemm din hija essenzjali jekk irridu nogħġbu lil Alla. (Lhud 11:1, 6) Imma l-​Bibbja fiha wkoll eżempji ħajjin taʼ fidi murija b’azzjonijiet. Aħseb dwar il-​fidi li wera Abraham meta pprova joffri lil Iżakk. (Ġenesi, kapitlu 22; Lhud 11:17-​19) Permezz taʼ rakkonti bħal dawn, il-​kelma “fidi” jibda jkollha tifsir akbar u jkun iktar faċli għalina li nifhmu x’inhi. Kemm hu għaref Jehovah li mhux biss iħeġġiġna biex nikkultivaw kwalitajiet mixtieqa imma wkoll jipprovdilna eżempji ħajjin taʼ kif intwerew dawn il-​kwalitajiet!

      14, 15. Il-​Bibbja x’tgħidilna dwar waħda mara li marret fit-​tempju, u x’nitgħallmu dwar Jehovah minn dan ir-​rakkont?

      14 Ir-​rakkonti taʼ veru misjubin fil-​Bibbja taʼ spiss jgħallmuna xi ħaġa dwar x’tip taʼ persuna hu Jehovah. Ikkunsidra dak li naqraw dwar waħda mara li Ġesù ra fit-​tempju. Waqt li kien bil-​qiegħda ħdejn il-​kaxxi tat-​teżor, Ġesù kien qed iħares hekk kif in-​nies kienu qed jitfgħu l-​kontribuzzjonijiet tagħhom. Ġew ħafna nies għonja, li taw “miż-​żejjed tagħhom.” Imma Ġesù baqaʼ jħares lejn waħda armla fqira. L-​għotja tagħha kienet taʼ “biċċtejn żgħar,” muniti li għandhom valur żgħir ferm.b Dawn kienu l-​aħħar ftit flus li kien fadlilha. Ġesù, li kien jirrifletti b’mod perfett il-​ħarsa taʼ Jehovah lejn l-​affarijiet, innota: “Din l-​armla fqira tefgħet iktar minn dawk kollha li tefgħu fit-​teżor.” Skond dan il-​kliem, hi tefgħet iktar minn kulħadd f’daqqa.—Mark 12:41-​44; Luqa 21:1-​4; Ġwanni 8:28.

      15 M’hijiex xi ħaġa notevoli li minn daqs dawk nies li dakinhar marru fit-​tempju, din l-​armla ntgħażlet u ssemmiet fil-​Bibbja? Permezz taʼ dan l-​eżempju, Jehovah jgħallimna li huwa Alla li jaf japprezza. Hu jogħġbu jaċċetta l-​għotjiet li nagħtu b’ruħna kollha, ikunu kemm ikunu meta tqabbilhom ma’ dak li jistgħu jagħtu oħrajn. Jehovah ma setax isib mod aħjar kif jgħallimna din il-​verità li tant tqawwi l-​qalb!

      X’Ma Fihiex il-​Bibbja

      16, 17. L-​għerf taʼ Jehovah kif jidher saħansitra minn dak li għażel li ma jinkludix fil-​Kelma tiegħu?

      16 Meta tikteb ittra lil xi ħadd li tħobb, hemm limitu t’affarijiet li tistaʼ tinkludi. Għalhekk, toqgħod attent meta tagħżel dak li tikteb. Bl-​istess mod, Jehovah għażel li jsemmi ċerti individwi u ġrajjiet fil-​Kelma tiegħu. Imma f’dawn ir-​rakkonti deskrittivi, il-​Bibbja ma tispjegax dejjem id-​dettalji kollha. (Ġwanni 21:25) Per eżempju, meta l-​Bibbja titkellem dwar il-​ġudizzju t’Alla, l-​informazzjoni li tagħti għandha mnejn ma twiġibx kull mistoqsija li tqumilna. L-​għerf taʼ Jehovah jidher saħansitra f’dak li għażel li ma jinkludix fil-​Kelma tiegħu. Dan kif?

      17 Il-​mod kif inhi miktuba l-​Bibbja qiegħed biex jiġi eżaminat x’hemm f’qalbna. Lhud 4:12 jgħid: “Il-​kelma [jew, messaġġ] taʼ Alla hi ħajja u qawwija, taqtaʼ aktar minn xabla b’żewġt ixfar; hija tinfed sa tifred minn xulxin ir-​ruħ u l-​ispirtu . . . u tgħarbel il-​ħsibijiet u l-​fehmiet tal-​qalb.” Il-​messaġġ tal-​Bibbja jinfed fil-​fond, u jikxef x’inhuma verament il-​ħsibijiet u l-​motivi tagħna. Dawk li jaqrawha b’qalb kritika taʼ spiss jitfixklu b’rakkonti li ma jkunx fihom informazzjoni biżżejjed li tissodisfahom. Uħud bħal dawn saħansitra jistgħu jiddubitaw jekk Jehovah jurix verament imħabba, għerf, u ġustizzja.

      18, 19. (a) Għala m’għandniex għalfejn ninkwetaw jekk naqraw xi rakkont partikulari fil-​Bibbja u jqumulna xi mistoqsijiet li ma nkunux nistgħu nsibu t-​tweġibiet għalihom mill-​ewwel? (b) X’hemm bżonn sabiex nifhmu l-​Kelma t’Alla, u dan kif inhu evidenza taʼ l-​għerf kbir taʼ Jehovah?

      18 Mill-​banda l-​oħra, meta l-​Bibbja nistudjawha bir-​reqqa u b’qalb sinċiera, naslu biex naraw lil Jehovah kif jidher fil-​kuntest tal-​Bibbja kollha kemm hi. Għalhekk, aħna ma ninkwetawx meta naqraw xi rakkont u jqumulna xi mistoqsijiet li ma nkunux nistgħu nsibu t-​tweġibiet għalihom mill-​ewwel. Biex nagħtu eżempju: Meta nkunu qed ngħaqqdu jigsaw puzzle kbira, forsi għall-​ewwel ma nkunux nistgħu nsibu biċċa partikulari jew ma nkunux nistgħu naraw fejn trid tiġi xi biċċa. Madankollu, forsi nkunu għaqqadna biżżejjed biċċiet biex ikollna idea taʼ x’inhi l-​istampa sħiħa. B’mod simili, meta nistudjaw il-​Bibbja, ftit ftit nibdew nitgħallmu dwar x’tip t’Alla hu Jehovah, u nibdew naraw stampa ċara. Avolja għall-​ewwel ma nkunux nistgħu nifhmu ċertu rakkont jew naraw kif dan jaqbel mal-​personalità t’Alla, l-​istudju tagħna tal-​Bibbja jkun diġà għallimna iktar milli għandna bżonn dwar Jehovah biex bih inkunu nistgħu naraw li bla dubju huwa Alla li jħobb u li jimxi b’mod ġust.

      19 Mela, biex nifhmu l-​Kelma t’Alla, irridu naqrawha u nistudjawha b’qalb sinċiera u moħħ miftuħ. M’hijiex din evidenza taʼ l-​għerf kbir taʼ Jehovah? Bnedmin intelliġenti jafu jiktbu kotba li “l-​għorrief u l-​intellettwali” biss ikunu jistgħu jifhmuhom. Imma biex wieħed ikun l-​awtur taʼ ktieb li jistaʼ jinftiehem biss minn dawk li għandhom il-​motivazzjoni t-​tajba f’qalbhom hemm bżonn l-​għerf t’Alla!—Mattew 11:25, NW.

      Ktieb t’“Għerf Kbir”

      20. Għala Jehovah biss jistaʼ jgħidilna kif l-​aħjar li ngħixu, u l-​Bibbja x’fiha li jistaʼ jgħinna?

      20 Fil-​Kelma tiegħu, Jehovah jgħidilna l-​aħjar mod kif ngħixu. Bħala l-​Ħallieq tagħna, hu jaf il-​bżonnijiet tagħna aħjar minna. U l-​bżonnijiet bażiċi tal-​bniedem—inkluż ix-​xewqa li jsib l-​imħabba, li jkun ferħan, u li jirnexxi fir-​relazzjonijiet tiegħu—baqgħu l-​istess. Il-​Bibbja fiha abbundanza taʼ “għerf kbir” li jistaʼ jgħinna ngħixu ħajjiet sinifikanti. (Proverbji 2:7, KŻ) Kull taqsima taʼ dan il-​ktieb taʼ studju fiha kapitlu li juri kif nistgħu napplikaw il-​pariri għaqlin tal-​Bibbja, imma hawnhekk ejja nikkunsidraw biss eżempju wieħed.

      21-23. Liema parir għaqli jistaʼ jgħinna ma nżommux f’qalbna r-​rabja u l-​imrar?

      21 Qatt innotajt li min iżomm fil-​komma jew jibqaʼ rrabjat f’qalbu spiss jispiċċa jweġġa’ lilu nnifsu? Ir-​rabja jew l-​imrar huwa piż tqil xi ġġorr f’ħajtek. Meta nżommuh ġo fina, dan jixorbilna ħsibijietna, jisirqilna l-​paċi, u joħonqilna l-​ferħ tagħna. L-​istudji xjentifiċi jindikaw illi jekk nibqgħu rrabjati nistgħu nżidu r-​riskju taʼ mard tal-​qalb u ħafna mard kroniku ieħor. Ħafna żmien qabel ma bdew isiru studji xjentifiċi bħal dawn, il-​Bibbja bl-​għerf qalet: “Ħallik mill-​korla u la tirrabjax.” (Salm 37:8) Imma dan kif nistgħu nagħmluh?

      22 Il-​Kelma t’Alla toffri l-​parir għaqli: “Bniedem bil-​għaqal [“dehen,” NW] idum ma jagħdab, hu ġieħ għalih jagħlaq għajnejh għall-​offiża.” (Proverbji 19:11) Meta jkollok id-​dehen ma tarax l-​affarijiet sempliċement kif jidhru minn barra jew tara dak li huwa ovvju biss. Id-​dehen jagħtina l-​fehma, għax jistaʼ jgħinna nagħrfu għala persuna tkellmet jew aġixxiet b’ċertu mod. Jekk nipprovaw nifhmu l-​motivi, is-​sentimenti, u ċ-​ċirkustanzi ġenwini tagħha, inkunu nistgħu nwarrbu ħsibijiet u sentimenti negattivi dwarha.

      23 Il-​Bibbja fiha dan il-​parir ukoll: “Stabru b’xulxin, u . . . aħfru lil xulxin.” (Kolossin 3:13) L-​espressjoni “stabru b’xulxin” tindika li nkunu paċenzjużi m’oħrajn, u nittolleraw xi karatteristiċi fihom li forsi jdejquna. Din it-​tolleranza tistaʼ tgħinna biex ma nżommux f’qalbna xi offiżi żgħar. Il-​fatt ‘li taħfer’ jagħti l-​idea taʼ li ma tibqax tħoss imrar ġo fik. L-​Alla għaref tagħna jaf li jeħtieġ naħfru lil oħrajn meta jkollna bażi xierqa biex nagħmlu hekk. Dan mhux biss huwa taʼ ġid għalihom imma wkoll jagħmel tajjeb għall-​paċi taʼ moħħna u qalbna stess. (Luqa 17:3, 4) X’għerf hemm fil-​Kelma t’Alla!

      24. Xi jkun ir-​riżultat meta ħajjitna nġibuha taqbel ma’ l-​għerf divin?

      24 Imqanqal mill-​imħabba bla tarf li għandu, Jehovah ried jikkomunika magħna. Hu għażel l-​aħjar mod possibbli biex jagħmel dan—“ittra” miktuba minn kittieba umani bil-​gwida taʼ l-​ispirtu qaddis. Bħala riżultat, fil-​paġni tagħha nsibu l-​għerf taʼ Jehovah stess. Dan l-​għerf huwa ‘ta’ min joqgħod fuqu’ ħafna. (Salm 93:5) Hekk kif ħajjitna nġibuha taqbel miegħu u hekk kif naqsmuh m’oħrajn, aħna naturalment se nersqu qrib lejn Alla tagħna li għandu għerf assolut. Fil-​kapitlu li jmiss, se niddiskutu eżempju kbir ieħor taʼ l-​għerf taʼ Jehovah li kapaċi jara fil-​bogħod: l-​abbiltà li għandu li jbassar il-​futur u li jwettaq l-​iskop tiegħu.

      a Per eżempju, David, li kien ragħaj, juża eżempji meħudin mill-​ħajja tiegħu bħala ragħaj. (Salm 23) Mattew, li darba kien kollettur tat-​taxxi, kemm-​il darba jirreferi għaċ-​ċifri u l-​valur tal-​flus. (Mattew 17:27; 26:15; 27:3) Luqa, li kien tabib, juża kliem li jirrifletti l-​ħarsa medika tiegħu.—Luqa 4:38; 14:2; 16:20.

      b Kull waħda minn dawn il-​muniti kienet lepton, l-​iżgħar munita Lhudija li kienet tintuża dak iż-​żmien. Żewġ muniti bħal dawn kienu jiswew daqs 1/64 taʼ paga taʼ ġurnata. Lanqas biss kienu biżżejjed biex jinxtara għasfur tal-​bejt wieħed, l-​orħos għasfur li l-​fqar kienu jużaw għall-​ikel.

      Mistoqsijiet għall-​Meditazzjoni

      • Proverbji 2:1-​6 Liema sforz huwa meħtieġ sabiex niksbu l-​għerf li jinsab fil-​Kelma t’Alla?

      • Proverbji 2:10-​22 B’liema modi se nibbenefikaw jekk ngħixu fi qbil mal-​pariri għaqlin tal-​Bibbja?

      • Rumani 7:15-​25 Din is-​silta kif tispjega l-​għerf li wera Jehovah meta uża bnedmin biex iniżżlu bil-​miktub il-​Kelma tiegħu?

      • 1 Korintin 10:6-​12 X’nistgħu nitgħallmu mill-​eżempji taʼ twissija fil-​Bibbja li jinvolvu lil Iżrael?

  • “L-għerf t’Alla f’sigriet sagru”
    Ersaq Qrib Lejn Ġeħova
    • Abraham iħares ’il fuq lejn in-numru bla għadd taʼ stilel fis-sema

      KAPITLU 19

      “L-​Għerf t’Alla f’Sigriet Sagru”

      1, 2. Liema “sigriet sagru” għandu jinteressana, u għala?

      IS-​SIGRIETI! Peress li huma interessanti, iqajmu l-​kurżità, kif ukoll isaħħru bil-​misteru li fihom, spiss il-​bnedmin isibuha diffiċli li jżommuhom għalihom. Madankollu, il-​Bibbja tgħid: “Hu ġieħ għal Alla li ħaġa jaħbiha.” (Proverbji 25:2) Iva, bħala l-​Ħakkiem u l-​Ħallieq Sovran, Jehovah bi dritt iżomm xi affarijiet sigrieti mill-​bnedmin sakemm ikun il-​waqt li jikxifhom.

      2 Madankollu, hemm sigriet interessanti ferm li Jehovah urieh fil-​Kelma tiegħu. Dan jissejjaħ “is-​sigriet sagru tar-​rieda [t’Alla].” (Efesin 1:9, NW ) Jekk issir taf dwaru se tagħmel iktar milli taqtaʼ l-​kurżità. L-​għarfien dwar dan is-​sigriet jistaʼ jwasslek għas-​salvazzjoni u jistaʼ jagħtik idea taʼ l-​għerf bla tarf taʼ Jehovah.

      Mikxuf Ftit Ftit

      3, 4. Il-​profezija f’​Ġenesi 3:15 kif ipprovdiet tama, u liema misteru, jew “sigriet sagru,” kienet tinvolvi?

      3 Meta Adam u Eva dinbu, forsi setaʼ deher li l-​iskop taʼ Jehovah li jkollu ġenna taʼ l-​art mimlija bnedmin perfetti kien falla. Imma Alla mill-​ewwel tefaʼ l-​attenzjoni tiegħu fuq il-​problema. Hu qal: “Jien inqajjem mibegħda bejnek [is-​serp] u bejn il-​mara, bejn nislek u nisilha, u hu jisħaqlek rasek u int tisħaqlu għarqubu.”—Ġenesi 3:15.

      4 Dan kien kliem li jħawwad u misterjuż. Min kienet din il-​mara? Min kien is-​serp? Min kien ‘in-​nisel’ li kien se jisħaq ras is-​serp? Adam u Eva setgħu biss jipprovaw jaqtgħu. Imma xorta waħda l-​kliem t’Alla pprovda tama għal kwalunkwe wild leali li setaʼ jkollha dik il-​koppja li ma wrietx fedeltà. Il-​ġustizzja kienet se toħroġ rebbieħa. L-​iskop taʼ Jehovah kellu jitwettaq. Imma kif? Dak kien il-​misteru! Il-​Bibbja ssejjaħlu “l-​għerf t’Alla f’sigriet sagru, l-​għerf moħbi.”—1 Korintin 2:7, NW.

      5. Spjega għala Jehovah kixef is-​sigriet tiegħu ftit ftit.

      5 Bħala Dak “li jikxef il-​misteri,” Jehovah maż-​żmien kien se jikxef dettalji li kellhom x’jaqsmu ma’ kif kellu jiżvolġi dan is-​sigriet. (Danjel 2:28) Imma dan kien se jagħmlu ftit ftit, pass pass. Biex nagħtu eżempju, nistgħu naħsbu dwar kif missier iwieġeb lil ibnu ż-​żgħir meta dan jistaqsih, “Pa, jien minfejn ġejt?” Missier għaref jagħti biss l-​informazzjoni li tifel żgħir bħal dan jistaʼ jifhem. Hekk kif it-​tifel ikompli jikber, il-​missier jgħidlu iktar. B’mod simili, Jehovah jiddeċiedi meta n-​nies tiegħu jkunu lesti biex jikxfilhom iktar affarijiet dwar ir-​rieda u l-​iskop tiegħu.—Proverbji 4:18; Danjel 12:4.

      6. (a) Xi skop għandu patt, jew kuntratt? (b) Għala hija xi ħaġa taʼ l-​għaġeb li Jehovah ħaseb li jagħmel pattijiet mal-​bnedmin?

      6 Jehovah kif kixifhom dawn l-​affarijiet? Ħafna minnhom billi uża serje taʼ pattijiet, jew kuntratti. X’aktarx, xi darba jew oħra int għamilt xi tip taʼ kuntratt—forsi biex tixtri dar jew biex tissellef jew issellef il-​flus. Dan il-​kuntratt ipprovda garanzija legali li l-​kundizzjonijiet li qbilt fuqhom kienu se jseħħu. Imma Jehovah għala kellu bżonn jagħmel pattijiet, jew kuntratti, formali mal-​bnedmin? Żgur li kelmtu kienet se tkun biżżejjed bħala garanzija tal-​wegħdi tiegħu. Dan huwa minnu, però xorta waħda, f’diversi drabi Alla b’qalb tajba saħħaħ kelmtu b’kuntratti legali. Dawn l-​arranġamenti sodi jagħtu lilna l-​bnedmin imperfetti bażi iżjed solida biex nafdaw fil-​wegħdi taʼ Jehovah.—Lhud 6:16-​18.

      Il-​Patt m’Abraham

      7, 8. (a) Jehovah liema patt għamel m’Abraham, u b’hekk x’ġie ċċarat dwar is-​sigriet sagru? (b) Jehovah kif iċċara ftit ftit minn liema linja taʼ dixxendenza kien ġej in-​Nisel imwiegħed?

      7 Iktar minn elfejn sena wara li l-​bniedem tkeċċa mill-​Ġenna, Jehovah qal lill-​qaddej leali tiegħu Abraham: “Inkattarlek sewwa lil nislek bħall-​kwiekeb tas-​sema . . . U jitbierku b’nislek il-​ġnus kollha taʼ l-​art talli smajt minn kelmti.” (Ġenesi 22:17, 18) Din ma kinitx biss wegħda; Jehovah għamilha f’forma taʼ patt legali u saħħaħha permezz tal-​ħalfa tiegħu li ma tinkisirx. (Ġenesi 17:1, 2; Lhud 6:13-​15) Kemm hija ħaġa straordinarja li l-​Mulej Sovran fil-​fatt intrabat b’kuntratt biex ibierek lill-​bnedmin!

      “Jien . . . inkattarlek sewwa lil nislek bħall-kwiekeb tas-sema”

      8 Il-​patt Abrahamiku kixef li n-​Nisel imwiegħed kellu jiġi bħala bniedem, għax kellu jkun dixxendent t’Abraham. Imma min kellu jkun? Maż-​żmien, Jehovah wera li minn ulied Abraham, Iżakk kellu jkun l-​antenat tan-​Nisel. Miż-​żewġ subien taʼ Iżakk intgħażel Ġakobb. (Ġenesi 21:12; 28:13, 14) Iktar tard, Ġakobb lissen dan il-​kliem profetiku lil wieħed mit-​tnax-​il tifel tiegħu: “Ix-​xettru minn id Ġuda ma jitneħħiex; u l-​ħatar minn bejn riġlejh, sakemm [“jiġi taʼ min hu,” Saydon], u minnu l-​ġnus jisimgħu.” (Ġenesi 49:10) Issa sar magħruf li n-​Nisel kien se jkun sultan, wieħed li kellu jiġi minn Ġuda!

      Il-​Patt ma’ Iżrael

      9, 10. (a) Jehovah liema patt għamel mal-​ġens taʼ Iżrael, u liema protezzjoni pprovda dak il-​patt? (b) Il-​Liġi kif uriet li l-​bnedmin kellhom bżonn fidwa?

      9 Fl-​1513 Q.E.K., Jehovah għamel provvediment li ħejja t-​triq biex ikomplu jinkixfu iktar affarijiet dwar is-​sigriet sagru. Hu għamel patt mad-​dixxendenti t’Abraham, il-​ġens taʼ Iżrael. Għalkemm issa m’għadux jgħodd, il-​patt tal-​Liġi Mosajka kien parti essenzjali mill-​iskop taʼ Jehovah biex iġib in-​Nisel imwiegħed. Dan kif? Ikkunsidra tliet modi. L-​ewwel, il-​Liġi kienet bħal ħajt protettiv. (Efesin 2:14) Ir-​regoli ġusti li kien fiha servew taʼ lqugħ bejn il-​Lhud u l-​Ġentili. B’hekk, il-​Liġi għenet biex tħares il-​linja tan-​Nisel tal-​wegħda. Kien primarjament minħabba din il-​protezzjoni li l-​ġens kien għadu jeżisti meta wasal il-​waqt t’Alla biex jitwieled il-​Messija fit-​tribù taʼ Ġuda.

      10 It-​tieni, il-​Liġi wriet b’mod ċar kemm il-​bnedmin kellhom bżonn fidwa. Bħala Liġi perfetta, din kixfet li l-​bnedmin midinbin ma setgħux iżommu magħha kompletament. B’hekk, din setgħet “tagħmel in-​nuqqasijiet jidhru, sakemm jasal in-​nisel li lilu saret il-​wegħda.” (Galatin 3:19, NW ) Permezz tas-​sagrifiċċji taʼ l-​annimali, il-​Liġi pprovdiet tpattija temporanja għad-​dnubiet. Imma peress li, bħalma kiteb Pawlu, “ma jistax ikun li d-​demm tal-​gniedes u tal-​mogħoż ineħħi d-​dnubiet,” dawn is-​sagrifiċċji kienu qed jagħtu biss ħjiel tas-​sagrifiċċju taʼ fidwa li kien se jagħmel Ġesù. (Lhud 10:1-​4) Mela, għal-​Lhud li wrew fedeltà dak il-​patt sar bħal xi ħadd ‘li jmexxihom qishom tfal lejn Kristu.’—Galatin 3:24.

      11. Il-​patt tal-​Liġi liema prospett glorjuż offra lil Iżrael, imma l-​ġens b’mod ġenerali għala tilfuh?

      11 It-​tielet, il-​patt offra lill-​ġens taʼ Iżrael prospett glorjuż. Jehovah qalilhom li jekk kienu se jibqgħu jżommu l-​lealtà lejn il-​patt, kienu se jsiru “saltna taʼ qassisin u ġens qaddis.” (Eżodu 19:5, 6) Huwa veru li eventwalment, minn Iżrael tal-​laħam ħarġu l-​ewwel membri taʼ saltna taʼ qassisin fis-​sema. Madankollu, b’mod ġenerali, Iżrael irribella kontra l-​patt tal-​Liġi, ċaħad in-​Nisel Messjaniku, u tilef dak il-​prospett. Allura, min kellu jkompli jifforma s-​saltna taʼ qassisin? U x’relazzjoni kellu jkun hemm bejn dak il-​ġens imbierek u n-​Nisel imwiegħed? Dawk l-​aspetti tas-​sigriet sagru kellhom jinkixfu meta Alla jara li kien il-​waqt.

      Il-​Patt ma’ David għal Saltna

      12. Jehovah liema patt għamel ma’ David, u dan il-​patt x’kompla jiċċara dwar is-​sigriet sagru t’Alla?

      12 Fis-​seklu 11 Q.E.K., Jehovah kompla jiċċara iżjed affarijiet dwar is-​sigriet sagru meta għamel patt ieħor. Hu wiegħed lis-​Sultan leali David: “Jiena nqajjem nislek warajk, . . . u nsaħħaħ is-​saltna tiegħu. . . . Jiena nsaħħaħ it-​tron tas-​saltna tiegħu għal dejjem.” (2 Samwel 7:12, 13; Salm 89:4 [89:3, NW]) Issa l-​linja tan-​Nisel imwiegħed kienet ġiet limitata għad-​dar taʼ David. Imma setaʼ bniedem komuni jaħkem “għal dejjem”? (Salm 89:21, 30, 35-​37 [89:20, 29, 34-​36, NW]) U setaʼ sultan uman bħal dan jeħles lill-​bnedmin mid-​dnub u l-​mewt?

      13, 14. (a) Skond Salm 110, Jehovah liema wegħda għamel lis-​Sultan midluk tiegħu? (b) Liema affarijiet oħra nkixfu rigward in-​Nisel permezz tal-​profeti taʼ Jehovah?

      13 David ġie mnebbaħ jikteb: “Il-​kelma tal-​Mulej lil Sidi: ‘Oqgħod fuq leminti, sa ma nqiegħed l-​għedewwa tiegħek mirfes taħt riġlejk.’ Ħalef il-​Mulej, u ma jisgħobx bih: ‘Int qassis għal dejjem bħal Melkisedek!’” (Salm 110:1, 4) Il-​kliem taʼ David kien japplika direttament għan-​Nisel imwiegħed, jew il-​Messija. (Atti 2:35, 36) Dan is-​Sultan kien se jaħkem, mhux minn Ġerusalemm, imma mis-​sema fuq il-​‘leminija’ taʼ Jehovah. Minħabba f’hekk hu kien se jkollu mhux biss l-​awtorità fuq l-​art taʼ Iżrael imma fuq l-​art kollha. (Salm 2:6-​8) Hawnhekk inkixfet xi ħaġa oħra. Innota li Jehovah għamel il-​wegħda solenni li l-​Messija kien se jkun “qassis . . . bħal Melkisedek.” Bħal Melkisedek, li fi żmien Abraham qeda bħala qassis kif ukoll sultan, in-​Nisel li kien ġej kellu jingħata l-​inkarigu dirett minn Alla biex jaqdi bħala Sultan u Qassis!—Ġenesi 14:17-​20.

      14 Matul is-​snin, Jehovah uża lill-​profeti tiegħu biex jikxef affarijiet oħrajn dwar is-​sigriet sagru. Per eżempju, Isaija wera li n-​Nisel kellu jmut mewta taʼ sagrifiċċju. (Isaija 53:3-​12) Mikea bassar il-​post tat-​twelid tal-​Messija. (Mikea 5:1 [5:2, NW]) Danjel saħansitra pprofetizza ż-​żmien eżatt meta kellu jidher in-​Nisel u meta kellu jmut.—Danjel 9:24-​27.

      Is-​Sigriet Sagru Mikxuf!

      15, 16. (a) Bin Jehovah kif “twieled minn mara”? (b) Ġesù x’wiret mill-​ġenituri umani tiegħu, u meta wasal bħala n-​Nisel tal-​wegħda?

      15 Il-​mod kif dawn il-​profeziji kellhom jitwettqu baqaʼ misteru sakemm fil-​fatt deher in-​Nisel. Galatin 4:4 jgħid: “Meta waslet il-​milja taż-​żmien, Alla bagħat lil Ibnu, mwieled minn mara.” Fit-​2 sena Q.E.K., anġlu qal lil verġni Lhudija jisimha Marija: “Ara, inti se tnissel fil-​ġuf u jkollok iben u ssemmih Ġesù. Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin l-​Għoli. Il-​Mulej Alla jagħtih it-​tron taʼ David missieru . . . L-​Ispirtu s-​Santu jiġi fuqek, u l-​qawwa taʼ l-​Għoli tixħet id-​dell tagħha fuqek. U għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis, u jissejjaħ Bin Alla.”—Luqa 1:31, 32, 35.

      16 Iktar tard, Jehovah ittrasferixxa l-​ħajja taʼ Ibnu mis-​sema għall-​ġuf taʼ Marija, u b’hekk twieled minn mara. Marija kienet mara imperfetta. Imma Ġesù ma wiritx l-​imperfezzjoni minnha, għax hu kien “Bin Alla.” Fl-​istess ħin, il-​ġenituri umani taʼ Ġesù, bħala dixxendenti taʼ David, tawh id-​drittijiet naturali u legali bħala werriet taʼ David. (Atti 13:22, 23) Fil-​magħmudija taʼ Ġesù fid-​29 E.K., Jehovah dilku bl-​ispirtu qaddis u qal: “Dan hu Ibni l-​għażiż.” (Mattew 3:16, 17) Sa fl-​aħħar kien wasal in-​Nisel! (Galatin 3:16) Kien il-​waqt li jinkixfu iktar affarijiet dwar is-​sigriet sagru.—2 Timotju 1:10.

      17. Kif kompla jiċċara t-​tifsir taʼ Ġenesi 3:15?

      17 Matul il-​ministeru tiegħu, Ġesù identifika s-​serp taʼ Ġenesi 3:15 bħala Satana u n-​nisel tas-​serp bħala s-​segwaċi taʼ Satana. (Mattew 23:33; Ġwanni 8:44) Iktar tard, inkixef kif dawn kollha kellhom jinsaħqu għal dejjem. (Apokalissi 20:1-​3, 10, 15) U l-​mara ntweriet li kienet “Ġerusalemm taʼ fuq,” l-​organizzazzjoni taʼ ħlejjaq spirti fis-​sema li għal Jehovah hi bħal martu.a—Galatin 4:26; Apokalissi 12:1-​6.

      Il-​Patt il-​Ġdid

      18. X’inhu l-​iskop tal-​“Patt il-​Ġdid”?

      18 Forsi l-​iktar kxif drammatiku minnhom kollha seħħ fil-​lejl qabel il-​mewt taʼ Ġesù meta hu qal lid-​dixxipli leali tiegħu dwar il-​“Patt il-​Ġdid.” (Luqa 22:20) Bħall-​patt taʼ qablu, il-​patt tal-​Liġi Mosajka, dan il-​patt il-​ġdid kellu jipproduċi “saltna taʼ qassisin.” (Eżodu 19:6; 1 Pietru 2:9) Madankollu, dan il-​patt kellu jistabbilixxi, mhux ġens tal-​laħam, imma wieħed spiritwali, “Iżrael taʼ Alla,” magħmul biss mis-​segwaċi midlukin taʼ Kristu li juru fedeltà. (Galatin 6:16) Dawn l-​uħud li magħhom sar il-​patt il-​ġdid kellhom jieħdu sehem ma’ Ġesù biex ibierku r-​razza umana!

      19. (a) Il-​patt il-​ġdid għala jirnexxilu jipproduċi “saltna taʼ qassisin”? (b) Il-​Kristjani midlukin għala jissejħu “ħolqien ġdid,” u kemm hemm uħud li se jaqdu fis-​sema ma’ Kristu?

      19 Imma l-​patt il-​ġdid għala jirnexxilu jipproduċi “saltna taʼ qassisin” biex tbierek lill-​bnedmin? Għax minflok ma jikkundanna lid-​dixxipli taʼ Kristu bħala midinbin, dan jagħmel possibbli l-​maħfra taʼ dnubiethom permezz tas-​sagrifiċċju tiegħu. (Ġeremija 31:31-​34) Meta Jehovah iqishom nodfa, hu jadottahom fil-​familja ċelestjali tiegħu u jidlikhom bl-​ispirtu qaddis. (Rumani 8:15-​17; 2 Korintin 1:21) B’hekk, huma jesperjenzaw ‘twelid mill-​ġdid għal tama ħajja merfugħ għalihom fis-​sema.’ (1 Pietru 1:3, 4) Peress li hija xi ħaġa totalment ġdida li bnedmin ikunu f’pożizzjoni għolja bħal din, il-​Kristjani midlukin imnisslin mill-​ispirtu jissejħu “ħolqien ġdid.” (2 Korintin 5:17) Il-​Bibbja turi li maż-​żmien, 144,000 se jieħdu sehem f’li jaħkmu mis-​sema fuq l-​umanità mifdija.—Apokalissi 5:9, 10; 14:1-​4.

      20. (a) Fis-​sena 36 E.K. xi nkixef iktar dwar is-​sigriet sagru? (b) Min se jgawdi mill-​barkiet imwegħdin lil Abraham?

      20 Flimkien ma’ Ġesù, dawn il-​midlukin isiru “nisel Abraham.”b (Galatin 3:29) L-​ewwel uħud magħżulin kienu Lhud naturali. Imma fis-​sena 36 E.K. inkixef aspett ieħor tas-​sigriet sagru: il-​Ġentili, jew uħud mhux Lhud, ukoll kellhom jieħdu sehem fit-​tama għas-​sema. (Rumani 9:6-​8; 11:25, 26; Efesin 3:5, 6) Kellhom il-​Kristjani midlukin ikunu l-​uniċi wħud li jgawdu l-​barkiet imwegħdin lil Abraham? Le, għax mis-​sagrifiċċju taʼ Ġesù tibbenefika d-​dinja kollha. (1 Ġwanni 2:2) Maż-​żmien, Jehovah kixef li folla kbira li ma tingħaddx kellha ssalva fit-​tmiem tas-​sistema dinjija taʼ Satana. (Apokalissi 7:9, 14) Għadd kbir taʼ nies oħra se jiġu rxoxtati bil-​prospett li jgħixu għal dejjem fil-​Ġenna taʼ l-​art!—Luqa 23:43; Ġwanni 5:28, 29; Apokalissi 20:11-​15; 21:3, 4.

      L-​Għerf t’Alla u s-​Sigriet Sagru

      21, 22. Is-​sigriet sagru taʼ Jehovah b’liema mod juri l-​għerf tiegħu?

      21 Is-​sigriet sagru juri b’mod taʼ l-​għaġeb “l-​għerf taʼ Alla, għerf taʼ kull xorta taʼ mezzi.” (Efesin 3:8-​10) X’għerf wera Jehovah meta għamel dan is-​sigriet, u meta mbagħad kixfu ftit ftit! B’għerf hu kkunsidra l-​limitazzjonijiet tal-​bnedmin, u ħalliehom juru l-​kundizzjoni vera taʼ qalbhom.—Salm 103:14.

      22 Jehovah wera wkoll għerf uniku fl-​għażla tiegħu taʼ Ġesù bħala s-​Sultan. Bin Jehovah huwa taʼ min jafdah iktar minn kwalunkwe ħliqa oħra fl-​univers. Billi għex bħala bniedem tad-​demm u l-​laħam, Ġesù ġarrab ħafna tbatijiet differenti. Hu jifhimhom għalkollox il-​problemi tal-​bniedem. (Lhud 5:7-​9) U xi ngħidu għal dawk li se jaħkmu ma’ Ġesù? Matul is-​sekli, ġew midlukin kemm irġiel u kemm nisa, magħżulin minn kull razza, lingwa, u sfond tal-​ħajja. M’hemm l-​ebda problema li individwi fosthom ma ffaċċjawhiex u għelbuha. (Efesin 4:22-​24) X’għaxqa se tkun il-​ħajja taħt il-​ħakma taʼ dawn is-​slaten u qassisin kollhom ħniena!

      23. Liema privileġġ għandhom il-​Kristjani fejn jidħol is-​sigriet sagru taʼ Jehovah?

      23 L-​appostlu Pawlu kiteb: “[“Is-​sigriet sagru,” NW] li kien moħbi sa miż-​żminijiet u l-​ġenerazzjonijiet kollha . . . issa hu mgħarraf lill-​qaddisin tiegħu.” (Kolossin 1:26) Iva, il-​qaddisin midlukin taʼ Jehovah saru jifhmu ħafna dwar is-​sigriet sagru, u qasmu dan l-​għarfien ma’ miljuni taʼ nies. Xi privileġġ għandna lkoll kemm aħna! Jehovah “għarrfilna s-​sigriet sagru tar-​rieda tiegħu.” (Efesin 1:9, NW ) Ejja naqsmu dan is-​sigriet meraviljuż m’oħrajn, u ngħinuhom ukoll jittawlu fl-​għerf bla tarf li għandu Alla Jehovah!

      a ‘Is-​sigriet sagru tad-​devozzjoni lejn Alla’ inkixef ukoll b’Ġesù. (1 Timotju 3:16, NW ) Il-​kwistjoni jekk kienx hemm xi ħadd li setaʼ jżomm integrità perfetta lejn Jehovah kienet ilha sigriet, misteru. Ġesù wera x’kienet it-​tweġiba. Hu żamm l-​integrità f’kull prova li Satana għamillu.—Mattew 4:1-​11; 27:26-​50.

      b Ġesù għamel ukoll “patt . . . għal saltna” ma’ l-​istess grupp. (Luqa 22:29, 30, NW ) Fil-​fatt, Ġesù għamel kuntratt ma’ din il-​“merħla ċkejkna” biex dawn jaħkmu miegħu fis-​sema bħala l-​parti sekondarja tan-​nisel t’Abraham.—Luqa 12:32.

      Mistoqsijiet għall-​Meditazzjoni

      • Ġwanni 16:7-​12 Ġesù kif imita l-​mod kif Missieru jikxef il-​verità ftit ftit?

      • 1 Korintin 2:6-​16 Ħafna għala ma jistgħux jifhmu s-​sigrieti sagri taʼ Jehovah, u aħna kif nistgħu nifhmuhom dawn is-​sigrieti?

      • Efesin 3:10 Il-​Kristjani llum liema privileġġ għandhom fejn jidħol is-​sigriet sagru t’Alla?

      • Lhud 11:8-​10 Is-​sigriet sagru kif saħħaħ il-​fidi tan-​nies tal-​qedem, avolja ma setgħux jifhmu d-​dettalji?

  • “Għaref f’qalbu”—Imma umli
    Ersaq Qrib Lejn Ġeħova
    • Missier jinżel għal-livell t’ibnu, jitkellem miegħu bil-ħlewwa

      KAPITLU 20

      “Għaref f’Qalbu”—Imma Umli

      1-3. Għala nistgħu nkunu ċerti li Jehovah huwa umli?

      MISSIER irid jagħti tagħlima importanti ħafna lil ibnu ż-​żgħir. Jixtieq ħafna jilħaqlu qalbu. X’għandu jagħmel? Għandu joqgħod bil-​wieqfa quddiemu biex jidher kemm hu akbar mit-​tifel u juża kliem aħrax? Jew għandu jinżel kokka ħdejn it-​tifel u jitkellem b’mod ħelu u ħanin? Żgur li missier għaref u umli se juża l-​ħlewwa.

      2 X’tip taʼ Missier huwa Jehovah—imkabbar jew umli, aħrax jew ħelu? Jehovah jaf kollox, għandu għerf assolut. Madankollu, qatt innotajt li n-​nies mhux bilfors ikunu umlin jekk ikollhom l-​għarfien u l-​intelliġenza? Bħalma tgħid il-​Bibbja, “l-​għerf jonfoħna.” (1 Korintin 3:19; 8:1) Imma Jehovah, li huwa “għaref f’qalbu,” huwa wkoll umli. (Ġob 9:4, KŻ) Dan ma jfissirx li b’xi mod għandu pożizzjoni baxxa jew huwa nieqes mill-​maestà, imma jfisser li m’huwiex imkabbar. Dan għala?

      3 Jehovah huwa qaddis. Għalhekk, il-​kburija, kwalità li tniġġes, ma tinsabx fih. (Mark 7:20-​22) Iktar minn hekk, innota x’qal il-​profeta Ġeremija lil Jehovah: “Ruħek [Jehovah innifsu] żgur se tiftakar u titbaxxa ħdejja.”a (Lamentazzjonijiet 3:20, NW ) Immaġina ftit! Jehovah, il-​Mulej Sovran taʼ l-​univers, kien lest li ‘jitbaxxa’, jew jinżel għal-​livell taʼ Ġeremija, sabiex jagħti lil dak il-​bniedem imperfett attenzjoni favorevoli. (Salm 113:7) Iva, Jehovah huwa umli. Imma l-​umiltà li juri Alla x’tinvolvi? X’għandha x’taqsam ma’ l-​għerf? U għala hija importanti għalina?

      Kif Jehovah Juri li Hu Umli

      4, 5. (a) X’inhi l-​umiltà, kif tintwera, u għala qatt m’għandha tiġi mfixkla ma’ dgħjufija jew biżaʼ? (b) Jehovah kif wera l-​umiltà bil-​mod kif aġixxa ma’ David, u kemm hi importanti għalina l-​umiltà taʼ Jehovah?

      4 L-​umiltà hija meta wieħed ma jkunx arroganti jew kburi. L-​umiltà, kwalità ġewwinija tal-​qalb, tidher f’karatteristiċi bħalma huma l-​ħlewwa, il-​paċenzja, u r-​raġunevolezza. (Galatin 5:22, 23) Iżda dawn il-​kwalitajiet divini qatt m’għandhom jiġu mfixklin ma’ dgħjufija jew biżaʼ. U ma jfissirx li m’humiex fi qbil mar-​rabja ġusta taʼ Jehovah jew l-​użu tiegħu tal-​qawwa qerridija. Minflok, bl-​umiltà u l-​ħlewwa tiegħu, Jehovah juri s-​saħħa immensa tiegħu, il-​qawwa li jrażżan lilu nnifsu perfettament. (Isaija 42:14) L-​umiltà x’għandha x’taqsam ma’ l-​għerf? Xogħol wieħed taʼ referenza dwar il-​Bibbja jinnota: “Fl-​aħħar mill-​aħħar l-​umiltà tingħata tifsira li . . . għandha x’taqsam ma’ l-​altruiżmu u hija bażi essenzjali taʼ l-​għerf kollu.” Mela, l-​għerf ġenwin ma jistax jeżisti mingħajr l-​umiltà. L-​umiltà taʼ Jehovah kif inhi taʼ benefiċċju għalina?

      Missier għaref jittratta lil uliedu b’umiltà u ħlewwa

      5 Is-​Sultan David kanta lil Jehovah: “Int tajtni t-​tarka tas-​salvazzjoni tiegħek, lemintek għenitni, [“l-​umiltà,” NW] tiegħek kabbritni.” (Salm 18:36 [18:35, NW]) Fir-​realtà, Jehovah tbaxxa sabiex jaġixxi għall-​ġid taʼ dan is-​sempliċi bniedem imperfett, billi pproteġieh u għenu jum wara l-​ieħor. David irrealizza li kien se jsib is-​salvazzjoni—u fl-​aħħar mill-​aħħar saħansitra jikseb ċertu kobor bħala sultan—biss minħabba li Jehovah kien lest li jumilja Lilu nnifsu b’dan il-​mod. Fil-​fatt, min minna verament kien se jkollu xi tama taʼ salvazzjoni li kieku Jehovah ma kienx umli u lest li jitbaxxa sabiex jittrattana bħala Missier li juri ħlewwa u mħabba?

      6, 7. (a) Il-​Bibbja għala qatt ma tirreferi għal Jehovah bħala li hu modest? (b) X’inhi r-​relazzjoni bejn il-​ħlewwa u l-​għerf, u min jagħti l-​aqwa eżempju f’dan ir-​rigward?

      6 Taʼ min jinnota li hemm differenza bejn l-​umiltà u l-​modestja. Il-​modestja hija kwalità sabiħa li l-​bnedmin leali għandhom jikkultivaw. Bħall-​umiltà, din hija konnessa ma’ l-​għerf. Per eżempju, Proverbji 11:2 jgħid: “[“Il-​modesti,” NW] jkollhom l-​għerf.” Madankollu, il-​Bibbja qatt ma titkellem dwar Jehovah bħala li huwa modest. Għala le? Il-​modestja, kif tintuża fl-​Iskrittura, tissuġġerixxi li wieħed ikun konxju b’mod xieraq tal-​limitazzjonijiet tiegħu. Dak li jistaʼ kollox m’għandux limitazzjonijiet ħlief dawk li jpoġġi fuqu nnifsu minħabba l-​livelli ġusti tiegħu stess. (Mark 10:27; Titu 1:2) Iktar minn hekk, bħala l-​Iktar Għoli, hu ma jrid jissottometti ruħu lejn ħadd. Għalhekk, il-​kwalità tal-​modestja sempliċement ma tapplikax għal Jehovah.

      7 Madankollu, Jehovah huwa umli u ħelu. Hu jgħallem lill-​qaddejja tiegħu li l-​ħlewwa hija essenzjali biex ikollhom l-​għerf veru. Il-​Kelma tiegħu titkellem dwar “il-​ħlewwa li ġejja mill-​għerf.”b (Ġakbu 3:13, NW ) Ikkunsidra l-​eżempju taʼ Jehovah f’dan ir-​rigward.

      Jehovah Jiddelega u Jismaʼ b’Umiltà

      8-10. (a) Għala hija ħaġa taʼ l-​għaġeb li Jehovah juri li hu lest li jiddelega u li jismaʼ? (b) Dak li jistaʼ kollox kif aġixxa bl-​umiltà ma’ l-​anġli tiegħu?

      8 Evidenza inkuraġġanti li Jehovah huwa umli tidher meta naraw li huwa lest li jiddelega r-​responsabbiltà u li jismaʼ. Il-​fatt biss li jagħmel ħaġa bħal din huwa taʼ l-​għaġeb; Jehovah m’għandux bżonn għajnuna jew pariri. (Isaija 40:13, 14; Rumani 11:34, 35) Madankollu, il-​Bibbja kemm-​il darba turina li Jehovah juri umiltà b’dawn il-​modi.

      9 Per eżempju, ikkunsidra ġrajja impressjonanti fil-​ħajja t’Abraham. Lil Abraham żaruh tliet persuni, u lil wieħed minnhom hu sejjaħlu “Sidi [“Jehovah,” NW].” Dawn in-​nies fil-​fatt kienu anġli, imma wieħed minnhom ġie f’isem Jehovah u kien qed jaġixxi f’Ismu. Meta dak l-​anġlu tkellem u aġixxa, Jehovah kien, fil-​fatt, qed jitkellem u jaġixxi. Permezz tiegħu, Jehovah qal lil Abraham li Hu kien semaʼ “l-​għajta qawwija taʼ Sodoma u Gomorra.” Jehovah qal: “Issa se ninżel u nara jekk għamlux għalkollox skond l-​għajta tagħhom li waslet għandi. Jekk le, nkun naf.” (Ġenesi 18: 3, 20, 21) M’għandniex xi ngħidu, il-​messaġġ taʼ Jehovah ma kienx ifisser li Dak li jistaʼ kollox kien se ‘jinżel’ personalment. Minflok, hu reġaʼ bagħat lill-​anġli biex jirrappreżentawh. (Ġenesi 19:1) Għala? Ma setax Jehovah, li jara kollox, ‘ikun jaf’ waħdu l-​qagħda vera taʼ dawk il-​postijiet? Dażgur. Imma minflok, Jehovah b’umiltà ta lil dawk l-​anġli l-​inkarigu li jinvestigaw is-​sitwazzjoni u jżuru lil Lot u l-​familja tiegħu f’Sodoma.

      10 Iktar minn hekk, Jehovah jismaʼ. Darba minnhom staqsa lill-​anġli tiegħu biex jissuġġerixxu diversi modi kif setaʼ jtemm lis-​Sultan ħażin Aħab. Jehovah ma kellux bżonn għajnuna f’dan. Imma hu aċċetta s-​suġġeriment taʼ wieħed mill-​anġli u qabbdu jwettaq dak li qal. (1 Slaten 22:19-​22) Ma kienx dan att umli?

      11, 12. Abraham kif sar midħla taʼ l-​umiltà taʼ Jehovah?

      11 Jehovah saħansitra lest li jismaʼ lil bnedmin imperfetti li jixtiequ jesprimu dak li jinkwetahom. Per eżempju, meta Jehovah qal għall-​ewwel darba lil Abraham bl-​intenzjoni Tiegħu li jeqred lil Sodoma u Gomorra, dan ir-​raġel leali tħawwad ftit. “Ma jkun qatt minnek, l-​imħallef taʼ l-​art kollha, li ma tagħmilx ġustizzja,” qal Abraham. Hu staqsa jekk Jehovah kienx se jaħfirha lill-​bliet jekk isib 50 bniedem ġust hemmhekk. Jehovah żgurah li hekk kien se jagħmel. Imma Abraham reġaʼ staqsieh, u naqqas in-​numru għal 45, imbagħad 40, u baqaʼ sejjer hekk. Minkejja li Jehovah baqaʼ jassigurah li hekk kien se jagħmel, Abraham ippersista sakemm in-​numru niżel għal għaxra biss. Forsi Abraham kien għadu ma fehemx għalkollox kemm Jehovah huwa ħanin. Kienet x’kienet ir-​raġuni għala Abraham aġixxa hekk, Jehovah bis-​sabar u bl-​umiltà ħalla lill-​ħabib u l-​qaddej tiegħu Abraham jesprimi b’dan il-​mod dak li kien qed jinkwetah.—Ġenesi 18:23-​33.

      12 Kemm hemm nies bravi u għorrief li joqogħdu jisimgħu bis-​sabar lil xi ħadd li huwa ħafna inqas intelliġenti minnhom?c Alla tagħna b’umiltà hekk għamel. Matul l-​istess konversazzjoni, Abraham tgħallem ukoll li Jehovah “tqil biex jagħdab.” (Eżodu 34:6) Forsi għax irrealizza li ma kellu l-​ebda dritt jiddubita l-​azzjonijiet taʼ l-​Iktar Għoli, Abraham darbtejn talab bil-​ħrara: “La tagħdabx, ja Sidi.” (Ġenesi 18:30, 32) M’għandniex xi ngħidu, Jehovah m’għadabx. Hu tassew li għandu “l-​ħlewwa li ġejja mill-​għerf.”

      Jehovah Huwa Raġunevoli

      13. Xi tfisser il-​kelma “raġunevoli” kif tintuża fil-​Bibbja, u din il-​kelma għala tiddeskrivi tajjeb lil Jehovah?

      13 L-​umiltà taʼ Jehovah tidher ukoll fi kwalità sabiħa oħra—ir-​raġunevolezza. B’dispjaċir, din il-​kwalità hija nieqsa ħafna fil-​bnedmin imperfetti. Jehovah mhux biss huwa lest li jismaʼ lill-​ħlejjaq intelliġenti tiegħu imma huwa wkoll lest li jċedi meta ma jkun hemm xejn li jmur kontra l-​prinċipji ġusti tiegħu. Kif tintuża fil-​Bibbja, il-​kelma “raġunevoli” letteralment tfisser “li ċċedi.” Din il-​kwalità wkoll hija karatteristika li tispikka fl-​għerf divin. Ġakbu 3:17 (NW ) jgħid: “L-​għerf li ġej minn fuq hu . . . raġunevoli.” Jehovah, li għandu għerf assolut, f’liema sens huwa raġunevoli? L-​ewwelnett kapaċi jaddatta. Ftakar li ismu stess jgħallimna li Jehovah iġiegħel lilu nnifsu jsir kulma jkun hemm bżonn sabiex iwettaq l-​iskopijiet tiegħu. (Eżodu 3:14, NW ) Ma jindikax dan spirtu flessibbli u raġunevoli?

      14, 15. Il-​viżjoni t’Eżekjel tal-​karru ċelestjali taʼ Jehovah x’tgħallimna dwar l-​organizzazzjoni tas-​sema taʼ Jehovah, u din kif inhi differenti mill-​organizzazzjonijiet dinjin?

      14 Fil-​Bibbja hemm silta taʼ min jinnotaha li tgħinna nibdew nifhmu l-​kapaċità li Jehovah għandu biex jaddatta. Il-​profeta Eżekjel ngħata viżjoni taʼ l-​organizzazzjoni tas-​sema taʼ Jehovah magħmula minn ħlejjaq spirti. Hu ra karru taʼ daqs li jqanqal stagħġib profond, il-​“vettura” taʼ Jehovah innifsu li tinsab dejjem fil-​kontroll Tiegħu. L-​iktar ħaġa interessanti kienet il-​mod kif kien jiċċaqlaq dan il-​karru. Ir-​roti ġganteski kellhom erba’ naħat u kienu mimlijin għajnejn sabiex b’hekk setgħu jaraw kullimkien u setgħu jibdlu d-​direzzjoni fil-​pront, mingħajr ma jieqfu jew iduru. U dan il-​karru ġgantesk ma kellux għalfejn jimxi b’ħafna storbju bħal xi vettura goffa magħmula mill-​bniedem. Setaʼ jiċċaqlaq bħal leħħa taʼ berqa, saħansitra billi jagħmel dawrien taʼ disgħin grad! (Eżekjel 1:1, 14-​28) Iva, l-​organizzazzjoni taʼ Jehovah, bħas-​Sovran omnipotenti li jikkontrollaha, għandha kapaċità kbira li taddatta, u meta jkun hemm bżonn, din tirreaġixxi malajr għas-​sitwazzjonijiet u l-​bżonnijiet hekk kif dawn jinbidlu.

      15 Il-​bnedmin jistgħu biss jipprovaw jimitaw din il-​kapaċità perfetta taʼ Jehovah li jaddatta. Iżda, iktar iva milli le, il-​bnedmin u l-​organizzazzjonijiet tagħhom huma iżjed riġidi milli flessibbli, iktar m’humiex raġunevoli milli jċedu. Biex nagħtu eżempju: Tanker kbir ħafna jew ferrovija tal-​merkanzija tistaʼ tħallik mistagħġeb minħabba l-​kobor u l-​qawwa tagħha. Imma jistaʼ wieħed minnhom jirreaġixxi għal tibdil f’daqqa fiċ-​ċirkustanzi? Jekk ferrovija tkun għaddejja u taqaʼ xi ħaġa t’ostaklu fuq il-​linji taʼ quddiemha, din żgur li ma tistax iddur. Lanqas m’hu daqshekk faċli li tieqaf f’daqqa. Ferrovija b’merkanzija tqila tistaʼ tieħu kważi żewġ kilometri biex tieqaf wara li jkunu ntużaw il-​brejkijiet! Bl-​istess mod, tanker kbir ħafna jistaʼ jdum miexi ’l quddiem tmien kilometri oħra wara li jintfew il-​magni. Anki jekk il-​magni jitħaddmu biex it-​tanker jimxi b’lura, dan għandu mnejn ikompli għaddej ’il quddiem għal xi tliet kilometri! Dan jixbah lill-​organizzazzjonijiet umani li għandhom it-​tendenza li jkunu riġidi u mhux raġunevoli. Minħabba l-​kburija, in-​nies taʼ spiss jirrifjutaw li jaddattaw għall-​bżonnijiet u ċ-​ċirkustanzi li jinbidlu. Kien hemm kumpaniji li fallew u gvernijiet li waqgħu minħabba li kienu riġidi. (Proverbji 16:18) Kemm għandna għalxiex nifirħu li la Jehovah u lanqas l-​organizzazzjoni tiegħu m’huma hekk!

      Kif Jehovah Juri r-​Raġunevolezza

      16. Jehovah kif wera r-​raġunevolezza bil-​mod kif aġixxa ma’ Lot qabel il-​qerda taʼ Sodoma u Gomorra?

      16 Ikkunsidra mill-​ġdid il-​qerda taʼ Sodoma u Gomorra. Lot, flimkien mal-​familja tiegħu, irċieva istruzzjonijiet ċari mill-​anġlu taʼ Jehovah: “Aħrab lejn l-​għoljiet li ma tinqeridx.” Madankollu, dan m’għoġbux lil Lot. “Le, ja Sidi,” issupplika hu. Peress li kien konvint li kien se jmut jekk jaħrab lejn il-​muntanji, Lot talab li hu u l-​familja tiegħu jitħallew jaħarbu lejn belt fil-​qrib li kien jisimha Sogħar. Issa, Jehovah kien ippjana li jeqred dik il-​belt. Iktar minn hekk, Lot ma kellux għalfejn jibżaʼ. Żgur li Jehovah kien se jżomm lil Lot ħaj fil-​muntanji! Minkejja dan, Jehovah ċeda għas-​suppliki taʼ Lot u lil Sogħar ma qeridhiex. “Ara jien se naqtagħlek xewqtek f’din il-​ħaġa wkoll,” qal l-​anġlu lil Lot. (Ġenesi 19:17-​22) Ma kienx Jehovah raġunevoli meta għamel dan?

      17, 18. Bil-​mod kif aġixxa man-​nies taʼ Ninwè, Jehovah kif wera li hu raġunevoli?

      17 Jehovah jagħti kas ukoll l-​indiema mill-​qalb, u dejjem jimxi bil-​ħniena u jagħmel dak li hu sewwa. Ikkunsidra x’ġara meta l-​profeta Ġona ntbagħat fil-​belt vjolenti u mill-​agħar taʼ Ninwè. Hu u miexi fit-​toroq taʼ Ninwè, Ġona ħabbar messaġġ imnebbaħ li kien pjuttost sempliċi: Il-​belt setgħana kienet se tinqered fi żmien 40 jum. Madankollu, iċ-​ċirkustanzi nbidlu mil-​lejl għan-​nhar. In-​nies taʼ Ninwè nidmu!—Ġona, kapitlu 3.

      18 Nistgħu nitgħallmu ħafna meta nqabblu kif irreaġixxa Jehovah ma’ kif irreaġixxa Ġona meta nbidlu l-​affarijiet. F’din is-​sitwazzjoni, Jehovah addatta, u ġagħal lilu nnifsu jsir Wieħed li jaħfer id-​dnubiet minflok “gwerrier.”d (Eżodu 15:3) Mill-​banda l-​oħra, Ġona ma kienx flessibbli u ma tantx wera ħniena. Minflok ma rrifletta r-​raġunevolezza taʼ Jehovah, hu iktar irreaġixxa bħall-​ferrovija tal-​merkanzija jew it-​tanker kbir li semmejna qabel. Kien ħabbar qerda, u qerda kellha tkun! Iżda, bis-​sabar, Jehovah ta lil dan il-​profeta bla sabar tagħlima li baqaʼ jiftakarha dwar ir-​raġunevolezza u l-​ħniena.—Ġona, kapitlu 4.

      Xhud żagħżugħ jgħin lil ieħor avvanzat fl-età fix-xogħol tal-ministeru pubbliku

      Jehovah huwa raġunevoli u jifhem il-limitazzjonijiet tagħna

      19. (a) Għala nistgħu nkunu ċerti li Jehovah huwa raġunevoli f’dak li jippretendi minna? (b) Proverbji 19:17 kif juri li Jehovah huwa Sid ‘tajjeb u raġunevoli’ kif ukoll umli ferm?

      19 Fl-​aħħarnett, Jehovah huwa raġunevoli f’dak li jippretendi minna. Is-​Sultan David qal: “Hu jaf kif aħna magħġuna, jiftakar li aħna trab.” (Salm 103:14) Jehovah jifhem il-​limitazzjonijiet u l-​imperfezzjonijiet tagħna aħjar minna. Qatt ma jippretendi minna iktar milli nistgħu nagħmlu. Il-​Bibbja tagħmel kuntrast bejn dawk is-​sidien umani li huma “tajbin u raġunevoli” u dawk li “diffiċli biex togħġobhom.” (1 Pietru 2:18, NW ) Jehovah x’tip taʼ Sid hu? Innota x’jgħid Proverbji 19:17: “Min iħenn għall-​fqir ikun qed jislef lill-​Mulej.” B’mod ċar, sid tajjeb u raġunevoli biss se jinnota kull att taʼ ħniena li jintwera lejn il-​fqir. Iktar minn hekk, din l-​iskrittura tissuġġerixxi li l-​Ħallieq taʼ l-​univers, fil-​fatt, iqis lilu nnifsu midjun ma’ dawk is-​sempliċi bnedmin li jwettqu atti taʼ ħniena bħal dawn! Din hi umiltà taʼ l-​aqwa tip.

      20. Għala nistgħu nkunu ċerti li Jehovah jismaʼ u jwieġeb it-​talb tagħna?

      20 Bil-​mod kif jittratta lill-​qaddejja tiegħu llum, Jehovah ukoll juri l-​istess ħlewwa u raġunevolezza. Meta nitolbu bil-​fidi, hu jismaʼ. U avolja ma jibgħatx messaġġiera anġeliċi biex ikellmuna, m’għandniex naqtgħuha li hu ma jwiġibx it-​talb tagħna. Ftakar li meta l-​appostlu Pawlu talab lil sħabu fit-​twemmin biex jibqgħu jitolbu ħalli jinħeles mill-​ħabs, hu żied: “Biex nerġaʼ nkun magħkom mill-​aktar fis.” (Lhud 13:18, 19) Mela t-​talb tagħna fil-​fatt jistaʼ jqanqal lil Jehovah biex jagħmel xi ħaġa li ma kienx jagħmilha li kieku ma tlabniehx!—Ġakbu 5:16.

      21. X’qatt m’għandna nikkonkludu meta nqisu l-​umiltà taʼ Jehovah, imma minflok, x’għandna nirrealizzaw dwaru?

      21 M’għandniex xi ngħidu, l-​ebda waħda minn dawn il-​kwalitajiet li juru l-​umiltà taʼ Jehovah—il-​ħlewwa tiegħu, ix-​xewqa li jismaʼ, is-​sabar tiegħu, ir-​raġunevolezza tiegħu—ma tfisser li Jehovah jagħmel kompromess fejn jidħlu l-​prinċipji ġusti tiegħu. Il-​kleru tal-​Kristjaneżmu għandu mnejn jaħseb li jkun raġunevoli meta jgħarrax widnejn in-​nies billi jbenġel il-​livelli morali taʼ Jehovah. (2 Timotju 4:3) Imma t-​tendenza tal-​bnedmin li jagħmlu kompromess fejn ikun jaqblilhom m’għandha x’taqsam xejn mar-​raġunevolezza t’Alla. Jehovah huwa qaddis; qatt m’hu se jniġġes il-​livelli ġusti tiegħu. (Levitiku 11:44) Mela, ejja nħobbu r-​raġunevolezza taʼ Jehovah għal dak li hi—prova taʼ l-​umiltà tiegħu. Ma tiħux pjaċir meta taħseb li Alla Jehovah, l-​iktar Esseri għaref fl-​univers, huwa wkoll umli b’mod taʼ l-​għaġeb? Kemm hi ħaġa sabiħa li nersqu qrib lejn dan l-​Alla maestuż imma fl-​istess ħin li juri ħlewwa, sabar, u raġunevolezza!

      a L-​iskribi tal-​qedem, jew is-​Soferim, biddlu dan il-​vers biex jgħid li Ġeremija, mhux Jehovah, huwa l-​wieħed li jitbaxxa. Milli jidher ħasbu li ma kienx xieraq li jingħad li Alla għamel dan l-​att umli. Bħala riżultat, ħafna traduzzjonijiet ma joħorġuhx il-​punt f’dan il-​vers sabiħ. Madankollu, The New English Bible b’mod eżatt tgħid li Ġeremija qal lil Alla: “Ftakar, O ftakar, u mil ħdejja.”

      b Verżjonijiet oħra jgħidu “l-​umiltà li ġejja mill-​għerf” u “dik il-​ġentilezza li hija l-​karatteristika li tispikka taʼ l-​għerf.”

      c Ta’ interess, il-​Bibbja tagħmel kuntrast bejn is-​sabar u l-​kburija. (Koħèlet 7:8) Is-​sabar taʼ Jehovah ikompli jagħti iktar evidenza taʼ l-​umiltà tiegħu.—2 Pietru 3:9.

      d F’​Salm 86:5, Jehovah jintqal li hu ‘twajjeb u jaħfer.’ Meta dan is-​salm inqaleb għall-​Grieg, il-​kelma “jaħfer” ġiet tradotta e·pi·ei·kesʹ, jew “raġunevoli.”

      Mistoqsijiet għall-​Meditazzjoni

      • Eżodu 32:9-​14 Jehovah kif wera l-​umiltà meta wieġeb it-​talba taʼ Mosè f’isem Iżrael?

      • Mħallfin 6:36-​40 Jehovah kif wera sabar u raġunevolezza meta wieġeb għal dak li talab Gidgħon?

      • Salm 113:1-​9 Jehovah kif inhu umli bil-​mod kif jittratta lill-​bnedmin?

      • Luqa 1:46-​55 Marija liema ħarsa kienet temmen li għandu Jehovah lejn in-​nies umli? Il-​ħarsa tiegħu kif tistaʼ teffettwana?

  • Ġesù juri x’inhu “l-għerf mingħand Alla”
    Ersaq Qrib Lejn Ġeħova
    • Ġesù jgħallem bi kliem t’għerf fil-Prietka taʼ fuq il-Muntanja

      KAPITLU 21

      Ġesù Juri X’Inhu “l-​Għerf Mingħand Alla”

      1-3. Dawk li qabel kienu l-​ġirien taʼ Ġesù kif irreaġixxew għat-​tagħlim tiegħu, u x’naqsu li jagħrfu dwaru?

      IN-​NIES fl-​udjenza ma setgħux jemmnu ’l għajnejhom. Iż-​żagħżugħ Ġesù kien bil-​wieqfa quddiemhom fis-​sinagoga u kien qed jgħallem. Ma kienx xi ħadd li ma kinux jafuh—kien trabba fil-​belt tagħhom, u għal snin sħaħ kien ħadem fosthom bħala mastrudaxxa. Forsi xi wħud minnhom kienu joqogħdu fi djar li Ġesù kien għen fil-​bini tagħhom, jew forsi kienu jaħdmu r-​raba tagħhom b’xi moħriet u madmad li hu kien għamel b’idejh stess.a Imma kif kienu se jirreaġixxu għat-​tagħlim taʼ dan ir-​raġel li qabel kien mastrudaxxa?

      2 Il-​biċċa l-​kbira mis-​semmiegħa baqgħu mbellhin, u staqsew: “Mnejn ġieb dan l-​għerf?” Imma osservaw ukoll: “Dan m’huwiex il-​mastrudaxxa bin Marija?” (Mattew 13:54-​58; Mark 6:1-​3) B’dispjaċir, dawk li darba kienu l-​ġirien taʼ Ġesù rraġunaw, ‘Dan il-​mastrudaxxa m’hu ħadd ħlief raġel bħalna mill-​inħawi tagħna.’ Minkejja l-​għerf li kien hemm fi kliemu, huma ċaħduh. Ma kinux jafu li l-​għerf li kien qed jaqsam magħhom ma kienx tiegħu.

      3 Ġesù minfejn eżattament ġabu dan l-​għerf? “It-​tagħlim tiegħi m’huwiex tiegħi,” qal hu, “imma taʼ dak li bagħatni.” (Ġwanni 7:16) L-​appostlu Pawlu spjega li Ġesù “sar għalina l-​għerf mingħand Alla.” (1 Korintin 1:30) L-​għerf taʼ Jehovah stess jintwera permezz taʼ Ibnu, Ġesù. Iva, dan tant kien minnu li Ġesù setaʼ jgħid: “Jien u l-​Missier aħna ħaġa waħda.” (Ġwanni 10:30) Ejja neżaminaw tliet affarijiet li fihom Ġesù wera “l-​għerf mingħand Alla.”

      Dak li Għallem

      4. (a) X’kienet it-​tema tal-​messaġġ taʼ Ġesù, u dan għala kien importanti ferm? (b) Il-​pariri taʼ Ġesù għala dejjem kienu jkunu prattiċi u taʼ l-​akbar benefiċċju għas-​semmiegħa tiegħu?

      4 L-​ewwel, ikkunsidra dak li għallem Ġesù. It-​tema tal-​messaġġ tiegħu kienet “l-​Evanġelju tas-​Saltna.” (Luqa 4:43) Dan kien importanti ferm minħabba s-​sehem li s-​Saltna kien se jkollha f’li tivvindika s-​sovranità taʼ Jehovah u ġġib barkiet lill-​bnedmin għal dejjem. Fit-​tagħlim tiegħu, Ġesù offra wkoll pariri għaqlin għall-​ħajja taʼ kuljum. Hu wera li kien il-​“Kunsillier taʼ l-​għaġeb” imbassar minn qabel. (Isaija 9:5 [9:6, NW]) U verament, il-​pariri tiegħu kif setgħu ma jkunux taʼ l-​għaġeb? Kellu għarfien profond tal-​Kelma t’Alla u tar-​rieda tiegħu, kien jifhem sew kif inhu magħmul il-​bniedem, u kellu mħabba profonda għall-​umanità. Għaldaqstant, il-​pariri tiegħu dejjem kienu jkunu prattiċi u taʼ l-​akbar benefiċċju għas-​semmiegħa tiegħu. Ġesù lissen “il-​kliem tal-​ħajja taʼ dejjem.” Iva, il-​pariri tiegħu, jekk insegwuhom, iwasslu għas-​salvazzjoni.—Ġwanni 6:68.

      5. X’kienu xi ftit mis-​suġġetti li tkellem fuqhom Ġesù fil-​Priedka taʼ fuq il-​Muntanja?

      5 Il-​Priedka taʼ fuq il-​Muntanja hija eżempju eċċellenti taʼ l-​għerf uniku li jinsab f’dak li għallem Ġesù. Din il-​priedka, kif imniżżla f’​Mattew 5:3–7:27, x’aktarx li tieħu 20 minuta biss biex wieħed jagħmilha. Madankollu, il-​pariri li fiha ma jispiċċawx biż-​żmien—għadhom japplikaw illum daqskemm meta ngħataw l-​ewwel darba. Ġesù tkellem dwar diversi suġġetti, fosthom kif intejbu r-​relazzjoni tagħna m’oħrajn (5:23-26, 38-42; 7:1-5, 12), kif nibqgħu nodfa moralment (5:27-32), u kif ngħixu ħajja bi skop (6:19-24; 7:24-27). Imma Ġesù ma qalx biss lis-​semmiegħa tiegħu x’inhu għaqli; hu wriehom billi spjegalhom, irraġuna magħhom, u tahom il-​provi.

      6-8. (a) Ġesù liema raġunijiet konvinċenti tana biex nevitaw l-​ansjetà? (b) X’juri li l-​pariri taʼ Ġesù jirriflettu l-​għerf minn fuq?

      6 Per eżempju, ikkunsidra l-​parir għaqli taʼ Ġesù fuq kif inkampaw ma’ l-​ansjetà dwar l-​affarijiet materjali, kif imniżżel f’​Mattew kapitlu 6. “Tibqgħux tkunu ansjużi dwar ħajjitkom rigward x’se tieklu jew x’se tixorbu, jew dwar ġisimkom rigward x’se tilbsu,” wissa Ġesù. (Vers 25, NW) L-​ikel u l-​ilbies huma bżonnijiet bażiċi, u huwa naturali li naħsbu kif se niksbuhom. Imma Ġesù jgħidilna biex ‘ma nibqgħux inkunu ansjużi’ dwar affarijiet bħal dawn.b Għala?

      7 Ismaʼ waqt li Ġesù juża raġunar konvinċenti. Ladarba Jehovah tana l-​ħajja u l-​ġisem, ma jistax hu jipprovdilna l-​ikel biex isostni dik il-​ħajja u ħwejjeġ biex ilibbsu dak il-​ġisem? (Vers 25) Jekk Alla jipprovdi l-​ikel lill-​għasafar u jlibbes il-​fjuri bis-​sbuħija, kemm iktar se jieħu ħsieb il-​qaddejja umani tiegħu! (Versi 26, 28-​30) Ir-​realtà hi li ansjetà żejda xorta hi għalxejn. Lanqas tikka li hi tikka ma tistaʼ ttawlilna ħajjitna.c (Vers 27) Kif nistgħu nevitaw l-​ansjetà? Ġesù jagħtina l-​parir: Komplu agħtu l-​prijorità lill-​qima t’Alla f’ħajjitkom. Dawk li jagħmlu hekk jistgħu jkunu ċerti li l-​bżonnijiet tagħhom taʼ kuljum ‘se jingħatawlhom’ minn Missierhom tas-​sema. (Vers 33) Fl-​aħħarnett, Ġesù jagħti suġġeriment prattiku ferm—għix ġurnata b’ġurnata. Għala żżid l-​ansjetajiet t’għada ma’ dawk taʼ llum? (Vers 34) Barra minn hekk, għala tinkwieta bla bżonn dwar affarijiet li forsi qatt ma se jiġru? Jekk napplikaw pariri għaqlin bħal dawn nistgħu nevitaw ħafna wġigħ taʼ qalb f’din id-​dinja stressanti.

      8 Jidher ċar li l-​pariri li ta Ġesù huma prattiċi llum daqskemm kienu meta ngħataw kważi 2,000 sena ilu. M’huwiex dan prova li l-​għerf tiegħu ġej minn fuq? Anki l-​aqwa parir mill-​bniedem għandu ċans kbir li jsir antikwat u malajr jitranġa jew jinbidel. Madankollu, it-​tagħlim taʼ Ġesù baqaʼ validu wara dan iż-​żmien kollu. Imma dan m’għandux jissorprendina, għax dan il-​Kunsillier taʼ l-​Għaġeb tkellem “il-​kliem taʼ Alla.”—Ġwanni 3:34.

      Il-​Mod Kif Kien Jgħallem

      9. X’qalu xi suldati dwar it-​tagħlim taʼ Ġesù, u din għala ma kinitx xi esaġerazzjoni?

      9 It-​tieni ħaġa li fiha Ġesù rrifletta l-​għerf t’Alla kienet il-​mod kif kien jgħallem. Darba minnhom, xi suldati li kienu ntbagħtu biex jarrestawh marru lura b’idhom f’idhom, u qalu: “Qatt ħadd ma tkellem bħalu, dan il-​bniedem!” (Ġwanni 7:45, 46) Din ma kinitx xi esaġerazzjoni. Mill-​bnedmin kollha li qatt għexu, Ġesù, li kien “minn hemm fuq,” kellu l-​akbar ġabra t’għarfien u esperjenza x’juża. (Ġwanni 8:23) Verament, l-​ebda bniedem ieħor ma setaʼ jgħallem bħalu. Ikkunsidra biss tnejn mill-​metodi taʼ dan l-​Għalliem għaref.

      “Il-folol baqgħu mistagħġbin bil-mod kif għallimhom”

      10, 11. (a) Għala ma nistgħux ma nistagħġbux bil-​mod kif Ġesù uża t-​tixbihat? (b) X’inhuma l-​parabboli, u liema eżempju juri għala l-​parabboli taʼ Ġesù huma daqshekk effettivi biex jgħallmu?

      10 Użu effettiv tat-​tixbihat. Jintqalilna li “Ġesù [kellem] lill-​folol bit-​tixbihat. Tabilħaqq, mingħajr xi tixbiha ma kienx ikellimhom.” (Mattew 13:34, NW ) Ma nistgħux ma nistagħġbux bl-​abbiltà unika tiegħu li jgħallem veritajiet profondi permezz t’affarijiet taʼ kuljum. Bdiewa jiżirgħu ż-​żrieragħ, nisa jippreparaw biex jaħmu l-​ħobż, tfal jilagħbu fis-​suq, sajjieda jtellgħu x-​xbieki, rgħajja jfittxu n-​nagħaġ mitlufin—dawn kienu affarijiet li s-​semmiegħa tiegħu kienu rawhom kemm-​il darba. Meta veritajiet importanti jintrabtu m’affarijiet familjari, dawn il-​veritajiet jitnaqqxu malajr u fil-​fond fil-​moħħ u fil-​qalb.—Mattew 11:16-​19; 13:3-​8, 33, 47-​50; 18:12-​14.

      11 Ħafna drabi Ġesù uża l-​parabboli, stejjer qosra li minnhom jittieħdu veritajiet morali jew spiritwali. Peress li huwa iktar faċli li wieħed jifhem u jiftakar storja milli xi idea astratta, il-​parabboli għenu biex it-​tagħlim taʼ Ġesù jinżamm ħaj tul iż-​żminijiet. F’ħafna parabboli, Ġesù ddeskriva lil Missieru b’tixbihat ħajjin li ma kinux jintesew malajr. Per eżempju, min ma jistax jifhem il-​punt tal-​parabbola taʼ l-​iben il-​ħali—li meta wieħed li jkun qabad triq ħażina juri ndiema ġenwina, Jehovah jitħassru u jaċċettah lura b’tenerezza?—Luqa 15:11-​32.

      12. (a) Ġesù kif uża l-​mistoqsijiet biex jgħallem? (b) Ġesù kif sikket lil dawk li qajmu dubju dwar l-​awtorità tiegħu?

      12 Użu bis-​sengħa tal-​mistoqsijiet. Ġesù uża l-​mistoqsijiet biex jgħin lis-​semmiegħa tiegħu jaslu għal konklużjoni huma stess, jeżaminaw il-​motivi tagħhom, jew jieħdu deċiżjonijiet. (Mattew 12:24-​30; 17:24-​27; 22:41-​46) Meta l-​mexxejja reliġjużi qajmu dubju jekk Ġesù ngħatax l-​awtorità minn Alla, hu wieġeb: “Il-​magħmudija taʼ Ġwanni kienet ħaġa ġejja mis-​sema jew mill-​bnedmin?” Il-​mistoqsija mmutathom, u bdew jirraġunaw bejniethom: “Jekk inweġbuh, ‘Mis-​sema,’ jgħidilna, ‘Mela għaliex ma emmintux?’ U jekk ngħidulu, ‘Mill-​bnedmin,’ nibżgħu min-​nies, għax lil Ġwanni kulħadd iżommu bi profeta.” Fl-​aħħar wieġbu: “Ma nafux.” (Mark 11:27-​33; Mattew 21:23-​27) B’mistoqsija sempliċi, Ġesù ħalliehom bla kliem u kixef il-​ħażen li kellhom f’qalbhom.

      13-15. Il-​parabbola tal-​proxxmu Samaritan kif tirrifletti l-​għerf taʼ Ġesù?

      13 Xi drabi Ġesù uża iktar minn metodu wieħed f’daqqa billi fit-​tixbihat tiegħu daħħal mistoqsijiet li jqanqlu l-​ħsieb. Meta avukat Lhudi staqsa lil Ġesù x’kien meħtieġ biex jikseb il-​ħajja taʼ dejjem, Ġesù rreferieh għal-​Liġi Mosajka, li tikkmanda l-​imħabba lejn Alla u lejn il-​proxxmu. Billi ried juri kemm hu raġel sewwa, dan staqsa: “Il-​proxxmu tiegħi min hu?” Ġesù wieġbu billi rrakkonta storja. Ċertu raġel Lhudi kien qed jivvjaġġa waħdu meta qabżu fuqu l-​ħallelin, li ħallewh nofsu mejjet. Imbagħad għaddew żewġ Lhud, l-​ewwel qassis u wara Levita. It-​tnejn li huma ma tawx kasu. Imma mbagħad wasal fuq il-​post ċertu Samaritan. Peress li tħassru, dan bil-​ġentilezza kollha dewwa l-​ġrieħi tar-​raġel u bi mħabba ħadu f’lukanda ’l bogħod mill-​periklu fejn setaʼ jirkupra saħħtu. Fi tmiem l-​istorja, Ġesù staqsa lil dak li għamillu l-​mistoqsija: “Minn dawn it-​tlieta, int min jidhirlek li ġieb ruħu taʼ proxxmu ma’ dak li waqaʼ f’idejn il-​ħallelin?” Ir-​raġel kellu bilfors jgħid: “Min ħenn għalih.”—Luqa 10:25-​37.

      14 Il-​parabbola kif tirrifletti l-​għerf taʼ Ġesù? Fi żmien Ġesù, il-​Lhud applikaw it-​terminu “proxxmu” għal dawk biss li kienu jżommu mat-​tradizzjonijiet tagħhom—żgur li mhux għas-​Samaritani. (Ġwanni 4:9) Kieku fl-​istorja Ġesù qal li l-​vittma kien Samaritan u dak li għenu kien wieħed Lhudi, kien dan se jġib fix-​xejn il-​preġudizzju? Ġesù bl-​għerf sawwar l-​istorja b’tali mod li Samaritan ħa ħsieb Lhudi b’tenerezza. Innota wkoll il-​mistoqsija li staqsa Ġesù fl-​aħħar taʼ l-​istorja. Il-​kelma “proxxmu” ffokaha fuq xi ħadd ieħor. L-​avukat, fil-​fatt, kien staqsa: ‘Min għandu jkun il-​proxxmu li miegħu nuri l-​imħabba?’ Imma Ġesù staqsa: “Minn dawn it-​tlieta, int min jidhirlek li ġieb ruħu taʼ proxxmu?” Ġesù ffoka, mhux fuq dak li rċieva l-​qalb tajba, il-​vittma, imma fuq dak li wera l-​qalb tajba, is-​Samaritan. Proxxmu taʼ veru jieħu l-​inizjattiva biex juri l-​imħabba lil oħrajn tkun xi tkun ir-​razza tagħhom. Ġesù ma setax joħroġ il-​punt tiegħu b’mod iktar effettiv.

      15 Hemm għalfejn niskantaw li n-​nies baqgħu mistagħġbin “bil-​mod kif għallimhom” Ġesù u nġibdu lejh? (Mattew 7:28, 29, NW ) Darba minnhom “kotra kbira” baqgħet miegħu għal tlett ijiem, u saħansitra baqgħet bla ma kielet xejn!—Mark 8:1, 2.

      Il-​Mod Kif Għex

      16. Ġesù kif ‘wera b’mod prattiku’ li kien immexxi mill-​għerf divin?

      16 It-​tielet ħaġa li fiha Ġesù rrifletta l-​għerf taʼ Jehovah kienet il-​mod kif għex. L-​għerf huwa prattiku; jipproduċi r-​riżultat mixtieq. “Min hu għaref fostkom?” staqsa d-​dixxiplu Ġakbu. Imbagħad wieġeb il-​mistoqsija tiegħu stess, billi qal: “Ħalli l-​imġiba tajba tiegħu turi dan b’mod prattiku.” (Ġakbu 3:13, The New English Bible) Il-​mod kif Ġesù ġab ruħu ‘wera b’mod prattiku’ li hu kien immexxi minn għerf divin. Ejja nikkunsidraw kif wera d-​dehen, kemm bil-​mod kif għex kif ukoll bil-​mod kif ittratta lil oħrajn.

      17. X’indikazzjonijiet hemm li Ġesù kellu bilanċ perfett f’ħajtu?

      17 Qatt innotajt li nies neqsin mid-​dehen taʼ spiss imorru minn estrem għall-​ieħor? Iva, irid ikollok l-​għerf biex tkun bilanċjat. Ġesù, li rrifletta l-​għerf t’Alla, kellu bilanċ perfett. L-​ewwel u qabel kollox, hu ta l-​affarijiet spiritwali l-​ewwel post f’ħajtu. Kien imħabbat ferm fix-​xogħol taʼ li jiddikjara l-​aħbar tajba. “Għalhekk ħriġt,” qal hu. (Mark 1:38) Naturalment, l-​affarijiet materjali ma kinux taʼ importanza ewlenija għalih; jidher li ftit li xejn kellu affarijiet materjali. (Mattew 8:20) Madankollu, ma kienx axxetiku, jiġifieri jiċċaħħad minn kollox. Bħal Missieru, “l-​Alla hieni,” Ġesù kien bniedem ferrieħi, u żied il-​ferħ t’oħrajn. (1 Timotju 1:11, NW; 6:15) Meta attenda festa tat-​tieġ—li fiha normalment kien ikun hemm il-​mużika, il-​kant, u d-​divertiment—hu ma marx biex itellef il-​gost taʼ l-​okkażjoni. Meta spiċċa l-​inbid, hu bidel l-​ilma f’inbid tajjeb, xarba li ‘tferraħ qalb il-​bniedem.’ (Salm 104:15; Ġwanni 2:1-​11) Ġesù aċċetta ħafna stediniet għall-​ikel, u spiss kien juża dawn l-​okkażjonijiet biex jgħallem.—Luqa 10:38-​42; 14:1-​6.

      18. Ġesù kif wera dehen perfett bil-​mod kif ittratta lid-​dixxipli tiegħu?

      18 Ġesù wera dehen perfett bil-​mod kif ittratta lil oħrajn. Hu kien jifhem sew kif inhu magħmul il-​bniedem, u għalhekk setaʼ jkollu ħarsa ċara u realistika tad-​dixxipli tiegħu. Hu kien jaf tajjeb li ma kinux perfetti. Madankollu, hu setaʼ jara l-​kwalitajiet tajbin tagħhom. Ra l-​potenzjal f’dawn l-​irġiel li Jehovah kien ġibed lejh. (Ġwanni 6:44) Minkejja n-​nuqqasijiet tagħhom, Ġesù wera li kien lest li jafdahom. Billi wera din il-​fiduċja, hu ħalla responsabbiltà kbira f’idejn id-​dixxipli tiegħu. Hu qabbadhom biex jippridkaw l-​aħbar tajba, u kien fiduċjuż li setgħu jwettqu dak l-​inkarigu. (Mattew 28:19, 20) Il-​ktieb taʼ l-​Atti jixhed li huma għamlu fedelment ix-​xogħol li kien ikkmandahom jagħmlu. (Atti 2:41, 42; 4:33; 5:27-​32) Mela, jidher ċar li Ġesù kien wera għerf meta fdahom.

      19. Ġesù kif wera li kien “ta’ qalb ħelwa u umli”?

      19 Kif semmejna f’Kapitlu 20, il-​Bibbja torbot l-​umiltà u l-​ħlewwa ma’ l-​għerf. M’għandniex xi ngħidu, Jehovah jagħtina l-​aqwa eżempju f’dan ir-​rigward. Imma xi ngħidu għal Ġesù? Qalbna titqanqal meta naraw l-​umiltà li wera Ġesù bil-​mod kif ittratta lid-​dixxipli tiegħu. Bħala raġel perfett, hu kien aħjar minnhom. Però, lid-​dixxipli tiegħu ma rahomx dubbien. Qatt ma pprova jġagħalhom iħossuhom inferjuri jew bla ħila. Għall-​kuntrarju, hu kkunsidra l-​limitazzjonijiet tagħhom u kien paċenzjuż meta kienu jonqsu. (Mark 14:34-​38; Ġwanni 16:12) M’hijiex ħaġa taʼ min jinnotaha li anki t-​tfal ħassewhom komdi ma’ Ġesù? Żgur li ħassewhom miġbudin lejh għaliex kienu jindunaw li hu kien “ta’ qalb ħelwa u umli.”—Mattew 11:29; Mark 10:13-​16.

      20. Ġesù kif wera r-​raġunevolezza bil-​mod kif ittratta lill-​mara mill-​Ġentili li bintha kienet imxajtna?

      20 Ġesù rrifletta l-​umiltà t’Alla b’mod importanti ieħor. Hu kien raġunevoli, jew iċedi, meta kien xieraq li jagħmel dan biex juri l-​ħniena. Per eżempju, ftakar meta mara mill-​Ġentili talbitu bil-​ħniena biex ifejqilha lil bintha li kienet imxajtna ħafna. Bi tliet modi differenti, Ġesù għall-​bidu indika li ma kienx se jgħinha—l-​ewwel, billi ma weġibhiex; it-​tieni, billi qalilha direttament li kien intbagħat għal-​Lhud mhux għall-​Ġentili; u t-​tielet, billi taha tixbiha li minnha ħareġ bil-​pulit l-​istess punt. Madankollu, il-​mara ppersistiet, u wriet li kellha fidi straordinarja. Meta qies din iċ-​ċirkustanza mhux tas-​soltu, Ġesù kif irreaġixxa? Hu għamel eżatt dak li kien indika li mhux se jagħmel. Fejjaq it-​tifla taʼ dik il-​mara. (Mattew 15:21-​28) Umiltà li tispikka, hux veru? U tinsiex, l-​umiltà hija l-​bażi taʼ l-​għerf veru.

      21. Għala għandna nistinkaw li nimitaw il-​personalità taʼ Ġesù u l-​mod kif kien jitkellem u jaġixxi?

      21 Kemm għandna għalxiex inkunu grati li l-​Evanġelji juruna x’kienu l-​kliem u l-​azzjonijiet taʼ l-​iktar bniedem għaref li qatt għex! Ejja niftakru li Ġesù kien riflessjoni perfetta taʼ Missieru. Billi nimitaw il-​personalità taʼ Ġesù u l-​mod kif kien jitkellem u jaġixxi, se nkunu qed nikkultivaw l-​għerf minn fuq. Fil-​kapitlu li jmiss, se naraw kif nistgħu nużaw l-​għerf t’Alla f’ħajjitna.

      a Fiż-​żminijiet Bibliċi, il-​mastrudaxxi kienu jintużaw biex jibnu d-​djar, jagħmlu l-​għamara, u l-​għodod għax-​xogħol fir-​raba. Ġustinu Martri, tat-​tieni seklu E.K., kiteb dwar Ġesù: “Kien imdorri jaħdem bħala mastrudaxxa meta kien fost il-​bnedmin, jagħmel xi moħriet u madmad.”

      b Il-​verb Grieg tradott ‘tkun ansjuż’ ifisser ‘li taljena moħħok.’ Kif jintuża f’​Mattew 6:25, dan jirreferi għall-​biżaʼ mimli ansjetà li jaljena jew ixerred il-​moħħ fuq affarijiet oħra, u jisraq il-​ferħ mill-​ħajja.

      c Fil-​fatt, ir-​riċerka xjentifika wriet li jekk ikollna inkwiet u stress żejjed nistgħu naqgħu f’riskju taʼ mard tal-​qalb u l-​arterji u ħafna mard ieħor li jistaʼ jqassar il-​ħajja.

      Mistoqsijiet għall-​Meditazzjoni

      • Proverbji 8:22-​31 Id-​deskrizzjoni taʼ l-​għerf personifikat kif taqbel ma’ dak li tgħid il-​Bibbja dwar l-​ewwel Iben imwieled taʼ Jehovah?

      • Mattew 13:10-​15 It-​tixbihat taʼ Ġesù kif kienu effettivi f’li jikxfu l-​attitudni taʼ qalb is-​semmiegħa tiegħu?

      • Ġwanni 1:9-​18 Ġesù għala kien kapaċi juri x’inhu l-​għerf t’Alla?

      • Ġwanni 13:2-​5, 12-​17 Ġesù kif uża eżempju prattiku, u b’hekk x’għallem lill-​appostli tiegħu?

  • Qiegħed “l-għerf li ġej minn fuq” jaħdem f’ħajtek?
    Ersaq Qrib Lejn Ġeħova
    • Mara tistudja l-Bibbja u pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-Bibbja biex ikollha l-għerf mingħand Alla

      KAPITLU 22

      Qiegħed “l-​Għerf li Ġej minn Fuq” Jaħdem f’Ħajtek?

      1-3. (a) Salamun kif wera għerf taʼ l-​għaġeb fil-​mod kif ħa ħsieb it-​tilwima dwar min kienet omm it-​tarbija? (b) Jehovah xi jwiegħed li jagħtina, u liema mistoqsijiet iqumu?

      KIEN każ diffiċli—żewġ nisa kienu qed jiġġieldu fuq tarbija. In-​nisa kienu joqogħdu f’dar waħda, u t-​tnejn li huma kienu wildu iben, bi ftit jiem differenza minn xulxin. Tarbija minnhom kienet mietet, u issa kull waħda min-​nisa kienet qed tgħid li hija omm it-​tarbija l-​ħajja.a Ma kien hemm l-​ebda xhud ieħor li ra x’ġara. X’aktarx li l-​każ kien instemaʼ f’qorti iżgħar imma ma kienx ġie deċiż. Finalment, it-​tilwima ttieħdet quddiem Salamun, is-​sultan taʼ Iżrael. Kien hu se jirnexxilu jikxef il-​verità?

      2 Wara li għamel ftit tal-​ħin jismaʼ waqt li n-​nisa bdew jitlewmu, Salamun talab li jnewlulu xabla. Imbagħad, donnu b’konvinzjoni qawwija, hu ordna li t-​tifel jinqasam fi tnejn, u kull mara tieħu nofs. Fil-​pront, l-​omm vera talbet bil-​ħrara lis-​sultan biex jagħti lit-​tarbija—l-​għażiż binha—lill-​mara l-​oħra. Imma l-​mara l-​oħra baqgħet tinsisti li t-​tifel jinqasam fi tnejn. Issa Salamun skopra x’kienet il-​verità. Kien jaf il-​mogħdrija tenera li għandha omm għal bin ġufha, u uża dak l-​għarfien biex isolvi din it-​tilwima. Immaġina kemm ħadet ir-​ruħ l-​omm meta Salamun taha t-​tarbija tagħha u qal: “Dik hi ommha.”—1 Slaten 3:16-​27.

      3 Għerf taʼ l-​għaġeb, hux veru? Meta n-​nies semgħu kif Salamun kien solva l-​każ, huma baqgħu mistagħġbin, “għax raw li fih kellu l-​għerf taʼ Alla.” Iva, l-​għerf taʼ Salamun kien rigal divin. Jehovah kien tah “moħħ għaref u għaqli.” (1 Slaten 3:12, 28) Imma xi ngħidu għalina? Nistgħu aħna wkoll naqilgħu għerf mingħand Alla? Iva, għax Salamun ġie mnebbaħ jikteb: “Il-​Mulej jagħti l-​għerf.” (Proverbji 2:6) Jehovah iwiegħed li jagħti l-​għerf—l-​abbiltà li nużaw tajjeb l-​għarfien, il-​fehma, u d-​dixxerniment—lil dawk li jfittxuh bis-​sinċerità. Kif nistgħu niksbu għerf li ġej minn fuq? U kif nistgħu nħaddmuh f’ħajjitna?

      ‘Ikseb l-​Għerf’—Kif?

      4-7. X’inhuma erba’ ħtiġijiet biex niksbu l-​għerf?

      4 Irid ikollna intelliġenza jew skola kbira sabiex naqilgħu għerf mingħand Alla? Le. Jehovah lest li jaqsam l-​għerf tiegħu magħna, ġejjin minfejn ġejjin u għandna kemm għandna skola. (1 Korintin 1:26-​29) Imma rridu nieħdu l-​inizjattiva, għax il-​Bibbja tħeġġiġna biex ‘niksbu l-​għerf.’ (Proverbji 4:7) Dan kif nistgħu nagħmluh?

      5 L-​ewwel, irridu nibżgħu minn Alla. “Il-​biżaʼ tal-​Mulej hu l-​bidu taʼ l-​għerf [“l-​ewwel pass lejn l-​għerf,” The New English Bible],” jgħid Proverbji 9:10. Il-​biżaʼ minn Alla huwa l-​pedament taʼ l-​għerf veru. Għala? Tinsiex li l-​għerf jinvolvi l-​abbiltà li nużaw l-​għarfien b’suċċess. Il-​biżaʼ minn Alla ma jfissirx li ninżlu gods quddiemu bit-​twerwir, imma li mmilu quddiemu b’riverenza, rispett, u fiduċja. Dan il-​biżaʼ huwa bnin u għandu qawwa kbira li jimmotivana. Iqanqalna biex inġibu ħajjitna fi qbil ma’ l-​għarfien tagħna dwar ir-​rieda t’Alla u l-​mod kif jagħmel l-​affarijiet. Ma nistgħux naqbdu triq oħra iktar għaqlija, għax il-​livelli taʼ Jehovah dejjem jipproduċu l-​aqwa benefiċċji għal dawk li jsegwuhom.

      6 It-​tieni, għandna nkunu umlin u modesti. Ma jistax ikollna l-​għerf mingħand Alla mingħajr l-​umiltà u l-​modestja. (Proverbji 11:2) Għala? Jekk inkunu umlin u modesti, se nkunu lesti li nammettu li ma nafux kollox, li l-​opinjonijiet tagħna m’humiex dejjem tajbin, u li għandna bżonn inkunu nafu kif jaħsibha Jehovah dwar l-​affarijiet. Jehovah “jieqaf lill-​kburi,” imma jogħġbu jagħti l-​għerf lil dawk li huma umlin f’qalbhom.—Ġakbu 4:6.

      Biex niksbu għerf mingħand Alla, irridu nagħmlu l-isforz biex inħaffru għalih

      7 It-​tielet ħaġa essenzjali hi l-​istudju tal-​Kelma miktuba t’Alla. L-​għerf taʼ Jehovah jintwera fil-​Kelma tiegħu. Biex niksbu dan l-​għerf, irridu nagħmlu l-​isforz biex inħaffru għalih. (Proverbji 2:1-​5) Ir-​raba ħtieġa hi t-​talb. Jekk nitolbu bis-​sinċerità lil Alla għall-​għerf, hu se jkun ġeneruż u jagħtihulna. (Ġakbu 1:5) Hu mhux sejjer ma jweġibx it-​talb tagħna biex jgħinna bl-​ispirtu tiegħu. U bl-​ispirtu tiegħu nistgħu nsibu t-​teżori fil-​Kelma tiegħu li jistgħu jgħinuna nsolvu l-​problemi, niskansaw il-​perikli, u nieħdu deċiżjonijiet għaqlin.—Luqa 11:13.

      8. Jekk verament ksibna l-​għerf mingħand Alla, dan kif se jidher?

      8 Bħalma rajna f’Kapitlu 17, l-​għerf taʼ Jehovah huwa prattiku. Għaldaqstant, jekk verament ksibna l-​għerf mingħand Alla, dan se jidher bil-​mod kif inġibu ruħna. Id-​dixxiplu Ġakbu ddeskriva l-​frott taʼ l-​għerf divin meta kiteb: “L-​għerf li ġej minn fuq hu l-​ewwelnett safi, imbagħad iġib il-​paċi, hu raġunevoli, lest li jobdi, mimli ħniena u frott tajjeb, ma jagħmilx distinzjonijiet parzjali, mhux ipokrita.” (Ġakbu 3:17, NW ) Hekk kif niddiskutu kull wieħed minn dawn l-​aspetti taʼ l-​għerf divin, nistgħu nistaqsu lilna nfusna, ‘Qiegħed l-​għerf li ġej minn fuq jaħdem f’ħajti?’

      “Safi, Imbagħad Iġib il-​Paċi”

      9. X’jiġifieri li nkunu safjin, u għala huwa xieraq li s-​safa hi l-​ewwel kwalità taʼ l-​għerf li tissemma fil-​lista?

      9 “L-​ewwelnett safi.” Li nkunu safjin ifisser li nkunu puri u mhux imniġġsin, mhux biss minn barra imma wkoll minn ġewwa. Il-​Bibbja torbot l-​għerf mal-​qalb, imma l-​għerf mis-​sema ma jistax jidħol f’qalb li hija mniġġsa bi ħsibijiet, xewqat, u motivi ħżiena. (Qwiel 2:10, Saydon; Mattew 15: 19, 20) Madankollu, jekk qalbna hija safja—jiġifieri, kemm jistaʼ jkun għal bnedmin imperfetti—se ‘nitbiegħdu mill-​ħażen u nagħmlu t-​tajjeb.’ (Salm 37:27; Proverbji 3:7) M’huwiex xieraq li s-​safa hija l-​ewwel kwalità taʼ l-​għerf li tissemma fil-​lista? Wara kollox, jekk ma nkunux nodfa moralment u spiritwalment, kif nistgħu tassew nirriflettu l-​kwalitajiet l-​oħra taʼ l-​għerf li ġej minn fuq?

      10, 11. (a) Għala huwa importanti li nkunu wħud li nġibu l-​paċi? (b) Jekk tinduna li tkun offendejt lil xi ħadd minn sħabek fit-​twemmin, kif tistaʼ turi li int persuna li trid tagħmel paċi? (Ara wkoll in-​nota taʼ taħt.)

      10 “Imbagħad iġib il-​paċi.” L-​għerf mis-​sema jqanqalna biex infittxu l-​paċi, li hija frotta taʼ l-​ispirtu t’Alla. (Galatin 5:22) Aħna nistinkaw biex nevitaw li nfixklu r-​“rabta tas-​sliem” li tgħaqqad lin-​nies taʼ Jehovah. (Efesin 4:3) Aħna wkoll nagħmlu l-​aħjar li nistgħu biex nerġgħu nġibu l-​paċi meta din tiġi mfixkla. Dan għala hu importanti? Il-​Bibbja tgħid: “Żommu s-​sliem, u Alla taʼ l-​imħabba u s-​sliem ikun magħkom.” (2 Korintin 13:11) Għalhekk, sakemm inkomplu nżommu l-​paċi, l-​Alla tal-​paċi se jkun magħna. Il-​mod kif nittrattaw lill-​aduraturi sħabna jeffettwa direttament ir-​relazzjoni tagħna ma’ Jehovah. Kif nistgħu nuru li aħna persuni li rridu nagħmlu paċi? Ikkunsidra eżempju wieħed.

      11 X’għandek tagħmel jekk tinduna li tkun offendejt lil xi ħadd minn sħabek fit-​twemmin? Ġesù qal: “Mela jekk tkun qiegħed ittalla’ l-​offerta tiegħek fuq l-​artal u hemm tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontra tiegħek, ħalli l-​offerta tiegħek hemmhekk quddiem l-​artal u mur l-​ewwel irranġa ma’ ħuk, u mbagħad ejja talla’ l-​offerta tiegħek.” (Mattew 5:23, 24) Tistaʼ tapplika dan il-​parir billi tieħu l-​inizjattiva li tmur għand ħuk. B’liema skop? Li ‘tirranġa’ jew tagħmel paċi miegħu.b Biex tagħmel dan, forsi jkollok bżonn tirrikonoxxi, mhux tiċħad, li hu jħossu mweġġa’. Jekk tmur għandu bil-​mira li terġaʼ tikseb il-​paċi u żżomm dik l-​attitudni, x’aktarx jistaʼ jiġi ċċarat kwalunkwe nuqqas taʼ ftehim, tintalab skuża xierqa, u tingħata maħfra. Meta toħroġ barra minn triqtek biex tagħmel paċi turi li int gwidat minn għerf mingħand Alla.

      “Raġunevoli, Lest li Jobdi”

      12, 13. (a) Xi tfisser il-​kelma tradotta “raġunevoli” f’​Ġakbu 3:17? (b) Kif nistgħu nuru li aħna raġunevoli?

      12 “Raġunevoli.” X’jiġifieri li tkun raġunevoli? Skond listudjużi, il-​kelma Griega oriġinali mogħtija bħala “raġunevoli” f’​Ġakbu 3:17 hija diffiċli biex tittraduċiha. Xi tradutturi użaw kliem bħal “ġentili,” “paċenzjuż,” u “juri konsiderazzjoni.” It-​tifsira letterali tal-​kelma Griega hi “li jċedi.” Kif nistgħu nuru li dan l-​aspett taʼ l-​għerf li ġej minn fuq qed jaħdem fina?

      13 “Ħa jkun jaf kulħadd kemm intom raġunevoli,” jgħid Filippin 4:5 (NW ). Traduzzjoni oħra tgħid: “Ħa jkollok fama li int raġunevoli.” (The New Testament in Modern English, minn J.B. Phillips) Innota li m’hijiex wisq kwistjoni taʼ kif aħna naraw lilna nfusna; hija kwistjoni taʼ kif jarawna oħrajn, kif aħna magħrufin. Individwu raġunevoli ma jinsistix dejjem li l-​liġi trid tiġi applikata kelma b’kelma jew li tgħaddi tiegħu. Minflok, dan ikun lest li jismaʼ lil oħrajn u, meta jkun xieraq, iċedi għax-​xewqat tagħhom. Huwa wkoll ġentili, mhux goff jew aħrax, fil-​mod kif jittratta lil oħrajn. Filwaqt li dan hu essenzjali għall-​Kristjani kollha, huwa importanti b’mod speċjali għal dawk li jaqdu bħala anzjani. Il-​ġentilezza tiġbdek, u jekk l-​anzjani jkollhom lilha ħadd ma jibżaʼ jmur għandhom. (1 Tessalonikin 2:7, 8) Ilkoll nagħmlu tajjeb li nistaqsu lilna nfusna, ‘Għandi l-​fama li nuri konsiderazzjoni, ġentilezza, u li nħobb inċedi?’

      14. Kif nistgħu nuru li aħna ‘lesti li nobdu’?

      14 “Lest li jobdi.” Il-​kelma Griega tradotta “lest li jobdi” ma tinsab imkien ieħor fl-​Iskrittura Griega Kristjana. Skond studjuż wieħed, din il-​kelma “ta’ spiss tintuża għad-​dixxiplina militari.” Twassal il-​ħsieb taʼ li “faċli li tiġi perswadut” u li tkun “sottomess.” Xi ħadd li hu gwidat mill-​għerf li ġej minn fuq jissottometti ruħu malajr lejn dak li tgħid l-​Iskrittura. M’huwiex magħruf bħala wieħed li jwaħħal xi ħaġa f’moħħu u mbagħad ma jkunx irid jiġi influwenzat mill-​fatti li jikkontraduh. Anzi, hu jirranġa malajr meta jingħata evidenza ċara mill-​Iskrittura li hu kellu opinjoni ħażina jew wasal għal konklużjonijiet żbaljati. Int hekk magħruf m’oħrajn?

      “Mimli Ħniena u Frott Tajjeb”

      15. X’inhi l-​ħniena, u għala jixraq li l-​“ħniena” u l-​“frott tajjeb” jissemmew flimkien f’​Ġakbu 3:17?

      15 “Mimli ħniena u frott tajjeb.”c Il-​ħniena hija parti importanti mill-​għerf li ġej minn fuq, għax dan l-​għerf jintqal li hu “mimli ħniena.” Innota li l-​“ħniena” u l-​“frott tajjeb” jissemmew flimkien. Dan jixraq, għax fil-​Bibbja, il-​ħniena taʼ spiss tirreferi għal interess attiv f’oħrajn, mogħdrija li tipproduċi ħafna għemejjel taʼ qalb tajba. Xogħol wieħed taʼ referenza jispjega l-​ħniena bħala “li tħoss dwejjaq minħabba l-​qagħda ħażina taʼ xi ħadd u tipprova tagħmel xi ħaġa dwar dan.” Għaldaqstant, l-​għerf mingħand Alla m’huwiex aħrax, bla qalb, jew sempliċement intelletwali. Minflok, huwa mimli affezzjoni, sinċier, u sensittiv. Kif nistgħu nuru li aħna mimlijin ħniena?

      16, 17. (a) Flimkien ma’ l-​imħabba għal Alla, xi jqanqalna biex nieħdu sehem fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar, u għala? (b) B’liema modi nistgħu nuru li aħna mimlijin ħniena?

      16 Żgur li mod importanti huwa billi naqsmu l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla m’oħrajn. Xi jqanqalna nagħmlu dan ix-​xogħol? Primarjament, hija l-​imħabba għal Alla. Imma aħna nitqanqlu wkoll mill-​ħniena, jew il-​mogħdrija għal oħrajn. (Mattew 22:37-​39) Ħafna llum huma “mdejjqa u mitluqa bħal nagħaġ bla ragħaj.” (Mattew 9:36) Ir-​rgħajja reliġjużi foloz ittraskurawhom u għamewhom spiritwalment. Bħala riżultat, dawn in-​nies ma jafux bil-​gwida mimlija għerf li tinsab fil-​Kelma t’Alla jew bil-​barkiet li s-​Saltna dalwaqt se ġġib fuq l-​art. Għalhekk, meta nirriflettu dwar il-​bżonnijiet spiritwali taʼ dawk madwarna, il-​mogħdrija tagħna mill-​qalb tqanqalna biex nagħmlu kulma nistgħu ħalli ngħidulhom dwar l-​iskop taʼ mħabba li għandu Jehovah.

      Familja Kristjana tgħin mara avvanzata b’manutenzjoni u għotjiet t’ikel

      Meta nuru l-ħniena, jew il-mogħdrija, m’oħrajn, inkunu qed nirriflettu “l-għerf li ġej minn fuq”

      17 B’liema modi oħra nistgħu nuru li aħna mimlijin ħniena? Ftakar fit-​tixbiha taʼ Ġesù tas-​Samaritan li sab lil wieħed li kien qed jivvjaġġa mixħut mat-​triq, misruq u msawwat. Imqanqal mill-​mogħdrija, is-​Samaritan “aġixxa bil-​ħniena,” billi nfaxxa l-​ġrieħi tal-​vittma u ħa ħsiebu. (Luqa 10:29-​37, NW ) Ma jurix dan li l-​ħniena tinvolvi li noffru għajnuna prattika lil dawk fil-​bżonn? Il-​Bibbja tgħidilna biex “nagħmlu l-​ġid ma’ kulħadd, l-​iktar ma’ qrabatna fil-​fidi.” (Galatin 6:10) Ikkunsidra xi possibbiltajiet. Xi ħadd fost sħabna fit-​twemmin li jkun imdaħħal fiż-​żmien forsi jkollu bżonn it-​trasport biex imur u jiġi mil-​laqgħat Kristjani. Armla fil-​kongregazzjoni jistaʼ jkollha bżonn xi tiswijiet fid-​dar. (Ġakbu 1:27) Xi ħadd skuraġġit forsi jkollu bżonn “kelma tajba” biex tferrħu. (Proverbji 12:25) Meta nuru l-​ħniena b’modi bħal dawn, se nuru li l-​għerf li ġej minn fuq qed jaħdem fina.

      “Ma Jagħmilx Distinzjonijiet Parzjali, Mhux Ipokrita”

      18. Jekk aħna gwidati mill-​għerf li ġej minn fuq, x’għandna nistinkaw li nqaċċtu minn qlubna, u għala?

      18 “Ma jagħmilx distinzjonijiet parzjali.” L-​għerf mingħand Alla jegħleb il-​preġudizzju razzjali u l-​kburija nazzjonali. Jekk inkunu gwidati minn dan l-​għerf, aħna nistinkaw biex inqaċċtu minn qalbna kull tendenza li nħarsu lejn l-​uċuħ. (Ġakbu 2:9) Aħna ma nurux preferenzi m’oħrajn minħabba l-​edukazzjoni li jkollhom, il-​qagħda finanzjarja tagħhom, jew ir-​responsabbiltajiet li jkollhom fil-​kongregazzjoni; u ma nħarsu bi stmerrija lejn ħadd minn sħabna fit-​twemmin, jidhru kemm jidhru taʼ klassi baxxa. Jekk Jehovah ra li wħud bħal dawn jixirqilhom l-​imħabba tiegħu, żgur li għandna nqisuhom denji taʼ l-​imħabba tagħna.

      19, 20. (a) Minfejn ġejja l-​kelma Griega għal “ipokrita”? (b) Kif nuru “mħabba sinċiera taʼ l-​aħwa,” u dan għala huwa importanti?

      19 “Mhux ipokrita.” Il-​kelma Griega għal “ipokrita” tistaʼ tirreferi għal “attur li kien jirreċta parti.” Fi żmien il-​qedem, l-​atturi Griegi u Rumani kienu jilbsu maskri kbar meta kienu jirreċtaw. Għalhekk, il-​kelma Griega għal “ipokrita” saret tapplika għal bniedem li jagħmel taʼ bir-​ruħu xi ħaġa, jew juri wiċċ b’ieħor. Dan l-​aspett taʼ l-​għerf mingħand Alla għandu jinfluwenza mhux biss kif nittrattaw lil sħabna fit-​twemmin imma wkoll kif inħossuna dwarhom.

      20 L-​appostlu Pietru qal li jekk ‘noqogħdu għall-​kelma tal-​verità’ se jkollna “mħabba sinċiera taʼ l-​aħwa.” (1 Pietru 1:22) Iva, l-​imħabba tagħna għal ħutna m’għandhiex tkun għal għajn in-​nies biss. Aħna ma nilbsux maskli jew nirreċtaw sabiex inqarrqu b’oħrajn. L-​imħabba tagħna trid tkun ġenwina, mill-​qalb. Jekk tkun hekk, se niksbu l-​fiduċja taʼ sħabna fit-​twemmin, għax se jkunu jafu li aħna verament dak li nidhru li aħna. Sinċerità bħal din tiftaħ it-​triq għal relazzjonijiet sinċieri u onesti bejn il-​Kristjani u tgħin biex ikun hemm atmosfera taʼ fiduċja fil-​kongregazzjoni.

      “Żomm l-​Għaqal”

      21, 22. (a) Salamun kif naqas li jżomm l-​għaqal? (b) Kif nistgħu nżommu l-​għaqal, u kif nibbenefikaw jekk nagħmlu hekk?

      21 L-​għerf divin huwa għotja mingħand Jehovah, waħda li rridu nżommuha u nieħdu ħsiebha. Salamun qal: “Ibni, żomm l-​għaqal u l-​qjies.” (Proverbji 3:21) B’sogħba, Salamun stess m’għamilx dan. Hu baqaʼ għaqli sakemm żamm qalb ubbidjenti. Imma fl-​aħħar, il-​ħafna nisa barranin li kellu dawrulu qalbu ’l bogħod mill-​qima pura taʼ Jehovah. (1 Slaten 11:1-​8) It-​tmiem taʼ Salamun juri li l-​għarfien ma tantx jiswa jekk ma jintużax tajjeb.

      22 Kif nistgħu nżommu l-​għaqal, jew l-​għerf prattiku? Mhux biss irridu naqraw regolarment il-​Bibbja u l-​pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-​Bibbja provduti mill-​“ilsir leali u għaqli” imma rridu wkoll nistinkaw biex napplikaw dak li nitgħallmu. (Mattew 24:45, NW ) Għandna kull raġuni għalxiex napplikaw l-​għerf divin. Ifisser ħajja aħjar issa u jippermettilna li ‘niksbu l-​ħajja vera’—ħajja fid-​dinja ġdida t’Alla. (1 Timotju 6:19) U l-​iktar importanti, meta nikkultivaw l-​għerf li ġej minn fuq se nersqu eqreb lejn Alla Jehovah, is-​sors taʼ kull għerf.

      a Iż-​żewġ nisa ssejħu prostituti. Insight on the Scriptures jgħid: “Dawn in-​nisa għandhom mnejn kienu prostituti, mhux f’sens kummerċjali, imma nisa li kienu żnew, nisa Lhud jew inkella, x’aktarx, nisa taʼ dixxendenza barranija.”—Pubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

      b L-​espressjoni Griega tradotta “irranġa” ġejja minn verb li jfisser “‘li tbiddel xi ħaġa, li tibdel ħaġa m’oħra,’ u għaldaqstant, ‘li tħabbeb mill-​ġdid.’” Għalhekk il-​mira tiegħek hi li tbiddel xi ħaġa, li tneħħi, jekk jistaʼ jkun, l-​ostilità minn qalb dak li jħossu offiż.—Rumani 12:18.

      c Traduzzjoni oħra tittraduċi dan il-​kliem bħala “mimli mogħdrija u għemejjel tajbin.”—A Translation in the Language of the People, minn Charles B. Williams.

      Mistoqsijiet għall-​Meditazzjoni

      • Dewteronomju 4:4-​6 Kif nuru li aħna għorrief?

      • Salm 119:97-​105 Kif se nibbenefikaw jekk bir-​reqqa nistudjaw u napplikaw il-​Kelma t’Alla?

      • Proverbji 4:10-​13, 20-​27 Għala għandna bżonn l-​għerf taʼ Jehovah?

      • Ġakbu 3:1-​16 Dawk li ġew fdati bl-​indokrar fil-​kongregazzjoni kif jistgħu juru li huma għorrief u kapaċi jifhmu?

Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
Oħroġ
Illoggja
  • Malti
  • Ixxerja
  • Preferenzi
  • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
  • Kundizzjonijiet għall-Użu
  • Privacy Policy
  • Privacy Settings
  • JW.ORG
  • Illoggja
Ixxerja