Il-Fidi Vera—Għadha Possibbli?
“Il-fidi hija fiduċja ħajja u qawwija fil-grazzja t’Alla, tant żgura u ċerta li l-kredent ikun lest li jissogra ħajtu elf darba għaliha.”—Martin Luther, 1522.
“Effettivament aħna diġà soċjetà sekulari fejn il-fidi u l-prattiċi Kristjani tistaʼ tgħid li m’għadhomx jeżistu.”—Ludovic Kennedỵ, 1999.
HEMM ħarsiet differenti dwar x’inhi l-fidi. Fil-passat, il-fidi f’Alla kienet xi ħaġa komuni. Illum, f’dinja kollha xettiċiżmu u sofferenza, il-fidi vera f’Alla u fil-Bibbja qed tisparixxi bil-ħeffa.
Il-Fidi Vera
Għal ħafna, il-“fidi” tfisser biss li jkollok twemmin reliġjuż jew issegwi forma taʼ qima. Madankollu, kif inhi użata fil-Bibbja, il-“fidi” bażikament tfisser fiduċja totali—fiduċja kompleta u soda f’Alla u l-wegħdi tiegħu. Hija kwalità li timmarka dixxiplu taʼ Ġesù Kristu.
F’okkażjoni waħda, Ġesù Kristu tkellem dwar il-bżonn li nitolbu u ‘ma naqtgħux qalbna.’ Rigward dan, hu qajjem mistoqsija dwar jekk fi żmienna se tkunx teżisti l-fidi vera. Hu staqsa: “Meta jiġi Bin il-bniedem, isib [din] il-fidi fuq l-art?” Għala staqsa mistoqsija bħal din?—Luqa 18:1, 8, Karm Żammit.
Fidi Mitlufa
Ħafna affarijiet jistgħu jġagħlu lin-nies jitilfu kwalunkwe fidi li jistaʼ jkollhom. Fost dawn l-affarijiet hemm trawmi jew provi fil-ħajja taʼ kuljum. Per eżempju, il-Professur Michael Goulder kien kappillan taʼ parroċċa f’Manchester, l-Ingilterra, fiż-żmien taʼ l-1958 meta kien ikkraxxja l-ajruplan fi Munich u li fih kienu mietu ħafna mit-tim tal-futbol tal-Manchester United. Fi programm tat-televixin tal-BBC, l-annunzjatriċi Joan Bakewell spjegat li Goulder “ħassu li ma jistaʼ jagħmel xejn meta ra kemm kien kbir in-niket tan-nies.” Bħala riżultat “tilef il-fidi tiegħu f’Alla li jintervieni fid-destin tal-bniedem.” Goulder stqarr it-twemmin tiegħu li “l-Bibbja m’hijiex . . . il-kelma infallibbli t’Alla” imma, pjuttost, “il-kelma fallibbli tal-bniedem, forsi b’xi ispirazzjoni divina ’l hawn u ’l hemm.”
Xi drabi, il-fidi sempliċement tispiċċa fix-xejn. Hekk ġara fil-każ tal-kittieb u preżentatur Ludovic Kennedy. Hu jgħid li mit-tfulija “kultant kien [ikollu] dubji u inċertezzi [dwar Alla] u t-twemmin [tiegħu] beda jonqos.” Mid-dehra, ħadd ma setaʼ jagħtih tweġibiet sodisfaċenti għall-mistoqsijiet tiegħu. Il-mewt taʼ missieru fil-baħar kienet daqqa taʼ ħarta għall-fidi tiegħu li diġà kienet dgħajfa ħafna. Talb lil Alla, bħal “ippreservana mill-perikli tal-baħar u mill-vjolenza taʼ l-għadu” ma ġiex imwieġeb hekk kif il-bastiment tal-passiġġieri, li kienu saru xi bidliet fih u li missieru kien fuqu, ġie attakkat u meqrud mill-bastimenti tal-gwerra Ġermaniżi matul it-Tieni Gwerra Dinjija.—All in the Mind—A Farewell to God.
Esperjenzi bħal dawn huma komuni. “Mhux kulħadd għandu l-fidi,” jgħid l-appostlu Pawlu. (2 Tessalonikin 3:2) X’taħseb? Għadha possibbli l-fidi vera f’Alla u fil-Kelma tiegħu f’dinja fejn ix-xettiċiżmu dejjem jiżdied? Eżamina x’għandu x’jgħid l-artiklu li jmiss fuq dan is-suġġett.