LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g01 5/8 pp. 16-18
  • “Għala Għandi Nsir Naf lin-Nanniet Tiegħi?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Għala Għandi Nsir Naf lin-Nanniet Tiegħi?
  • Stenbaħ!—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Sors taʼ Għerf u Pariri
  • Rabta Speċjali taʼ Mħabba
  • Kif Tistaʼ Tpattilhom
  • Kif Jistaʼ Jkolli Relazzjoni Iktar mill-Qrib man-Nanniet Tiegħi?
    Stenbaħ!—2001
  • Nikbru fl-Età Flimkien
    Is-Sigriet taʼ l-Hena fil-Familja
Stenbaħ!—2001
g01 5/8 pp. 16-18

Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu . . .

“Għala Għandi Nsir Naf lin-​Nanniet Tiegħi?

“Meta kien ikun diffiċli għalija u għal ommi biex nikkomunikaw, in-​nanna kienet tgħinna nirranġaw l-​affarijiet.”—Damaris.

“MATUL l-​istorja, in-​nanniet kienu l-​fattur ewlieni għall-​armonija tal-​familja u li jgħaddu l-​valuri fil-​familja.” Hekk jikteb it-​Tabib Arthur Kornhaber fil-​ktieb tiegħu Grandparent Power! Hu jżid: “Bħala għalliema, uħud li jappoġġaw lill-​ġenituri, uħud li jgħaddu l-​istorja tal-​familja, edukaturi, konsulenti, u saħansitra wħud li jipprovdu divertiment, ix-​xogħol psikoloġiku, soċjali, u spiritwali tagħhom kien taʼ importanza kbira. Bejni u bejn ruħi nistaqsi kif is-​soċjetà tagħna setgħet tasal biex tinjora dan l-​irwol qawwi tan-​nanniet li għandu diversi aspetti importanti.”

Fl-imgħoddi, in-​nanniet kienu l-​pedament fil-​ħajja tal-​familja, partikolarment fost l-​adoraturi t’Alla Jehovah. Il-​Bibbja kkmandat lill-​Iżraelin biex jirrispettaw u jistmaw lil dawk imdaħħlin fiż-​żmien. (Levitiku 19:32) In-​nanniet kienu meqjusin b’mod speċjali li jixirqilhom il-​ġieħ.—1 Timotju 5:4.

B’sogħba, iż-​żminijiet inbidlu. Xi familji jistgħu jkunu separati minħabba li jgħixu ’l bogħod minn xulxin, u ħafna żgħażagħ ftit li xejn ikollhom kuntatt man-​nanniet tagħhom. Anki l-​attitudnijiet inbidlu. F’ħafna partijiet tad-​dinja, dawk imdaħħlin fiż-​żmien—inkluż il-​qraba—m’għadhomx jingħataw rispett xieraq. (2 Timotju 3:1-3) Dik li qabel kienet differenza bejn il-​ġenerazzjonijiet issa iktar saret firda kbira. Ħafna żgħażagħ jaħsbu li n-​nanniet tagħhom huma xjuħ u antikwati. Ma jistgħux jifhmu li dawn l-​uħud imdaħħlin fiż-​żmien jistgħu jifhmu l-​pressjonijiet u l-​problemi li jiffaċċjaw iż-​żgħażagħ illum.

Jekk tħossok hekk, kun lest li terġaʼ tikkunsidra l-​kwistjoni! Għax li ssir taf lin-​nanniet tiegħek huwa ferm taʼ siwi—speċjalment jekk huma għandhom il-​biżaʼ t’Alla. U jekk ma sirtx tafhom, għandek mnejn qed titlef opportunità tajba. Kif?

Sors taʼ Għerf u Pariri

Ħafna żgħażagħ skoprew li n-​nanniet jistgħu jkunu bħala kenn matul is-​snin diffiċli taż-​żgħożija. Ir-​rivista Seventeen osservat: “B’diversi snin taʼ esperjenza li għandhom fil-​ħajja, taʼ spiss huma iktar jistgħu jgħinuk issolvi l-​problemi milli l-​ħbieb taʼ l-​età tiegħek, li jkunu qed jissieltu maʼ l-​istess affarijiet bħalek. Int u dawk taʼ mparek għaddejjin mid-​dwejjaq taʼ l-​ewwel proċess taʼ tibdil f’ħajjitkom; filwaqt li n-​nanniet tiegħek ikunu għaddew minn ħafna tibdil bħal dan b’suċċess. Taʼ spiss ikunu għaqlin kif ukoll intelliġenti.” Dan il-​parir qiegħed sempliċement jirrepeti dak li qalet il-​Bibbja sekli ilu, jiġifieri: “Ix-​xagħar abjad kuruna taʼ ġieh; jekk jinsab fi triq is-​sewwa.”—Proverbji 16:31, Karm Żammit.

Veru, forsi n-​nanniet tiegħek trabbew f’dinja differenti ħafna minn din li qed tgħix fiha int illum. Imma tistaʼ tibqaʼ ċert li xi darba jew oħra, dawn kellhom propju l-​istess sentimenti li qed titħabat magħhom bħalissa. Filwaqt li tkun għadek relattivament mingħajr esperjenza dwar kif tkampa maʼ sentimenti bħal dawn, in-​nanniet tiegħek kellhom ħajja sħiħa biex jitgħallmu jagħmlu hekk. (Proverbji 1:4) “M’hux fix-​xjuħija ssibu l-​għerf? M’hux il-​ħajja twila li ġġib id-​dehen?” staqsa r-​raġel twajjeb Ġob. (Ġob 12:12) Iva, u għal din ir-​raġuni li n-​nanniet taʼ spiss jistgħu jkunu verament bżonnjużi meta żagħżugħ ikollu bżonn xi parir, inkuraġġiment, jew appoġġ bilanċjat.

Per eżempju, in-​nanna taż-​żagħżugħa Damaris kienet tgħix magħha u m’ommha fl-​istess appartament fil-​belt. “Meta kien ikun diffiċli għalija u għal ommi biex nikkomunikaw,” tiftakar Damaris, “in-​nanna kienet tgħinna nirranġaw l-​affarijiet. Hi kienet turini kif nistaʼ nara l-​affarijiet minn angolu differenti.”

Alexandria kellha esperjenza simili meta l-​familja tagħha marret toqgħod xi mkien ieħor u kellha tibdel l-​iskola. “L-​għalliema tiegħi kienet ħarxa u kultant kienet titlef il-​boxxla,” qalet Alexandria. Għalhekk, li tidra l-​iskola ġdida kien diffiċli għaliha. Madankollu, in-​nanna tagħha għenitha u appoġġatha. Għenet lil Alexandria tidra billi inkuraġġietha jkollha ħarsa iktar pożittiva lejn is-​sitwazzjoni. “Issa nħobbha l-​iskola u lill-​għalliema tiegħi,” tgħid Alexandria.

Żagħżugħ fil-​Brażil li jismu Rafael jiftakar dwar l-​għajnuna li n-​nanniet tiegħu tawh meta rċieva edukazzjoni supplimentarja wara li spiċċa l-​iskola sekondarja: “Tawni ħafna pariri dwar is-​sħubija u kif nirreżisti l-​problemi li għandhom x’jaqsmu mad-​droga.” Rafael issa jaqdi bħala evanġelizzatur full-time.

Fil-ktieb tagħha Grandparenting in a Changing World, Eda LeShan tirrakkonta l-​esperjenza tagħha stess bħala nanna. Hi tikteb: “Darba waħda n-​neputija tiegħi ċemplitli u qaltli, ‘Nanna, għandi bżonn l-​għajnuna tiegħek rigward il-​pressjoni minn dawk taʼ mpari.’ Sħabha tal-​klassi bdew jipprovaw iġagħluha toħroġ mal-​ġuvintur, li saħansitra xi wħud minnhom bdew iċemplulha.” Minħabba li n-​neputija talbitha l-​għajnuna, in-​nanna setgħet tagħtiha l-​parir li kellha bżonn. Int ukoll għandek mnejn issib li konversazzjoni qasira maʼ xi ħadd min-​nanniet taʼ qalb tajba tistaʼ tkun tassew sors t’appoġġ morali.

Taʼ spiss, in-​nanniet ikunu t’għajnuna b’mod partikulari meta l-​familja tkun għaddejja minn xi kriżi, bħal mard jew mewt. Wara li missier iż-​żagħżugħa Lacey miet minħabba marda serja, in-​nanna tagħha għenitha tegħleb din is-​sitwazzjoni. “Ir-​rabta taʼ bejnietna ssaħħet ħafna iktar minn qabel,” tgħid Lacey.

Rabta Speċjali taʼ Mħabba

Ir-​relazzjoni li jkollok man-​nanniet tiegħek għandha mnejn ma jkunx fiha daqstant nuqqas taʼ qbil bħalma kultant ikun hemm bejn iż-​żgħażagħ u l-​ġenituri tagħhom. Għala jistaʼ jkun dan? Raġuni waħda hi li taʼ spiss in-​nanniet igawdu rabta speċjali man-​neputijiet tagħhom. Il-​Bibbja tgħid: “Ulied l-​ulied huma l-​ġieħ tax-​xjuħ.”—Proverbji 17:6.

Ftakar ukoll li l-​ġenituri—u mhux in-​nanniet—iridu jerfgħu r-​responsabbiltà tqila taʼ li jrawmuk “fid-​dixxiplina u t-​twiddib tal-​Mulej.” (Efesin 6:4) Peress li l-​irwol tagħhom jitlob inqas minnhom, in-​nanniet tiegħek għandhom mnejn ma tantx jikkritikawk daqs il-​ġenituri tiegħek. Ukoll, in-​nanniet normalment ma jkunux mgħobbijin bir-​responsabbiltajiet u l-​pressjonijiet li jieħdu ħsieb familja taʼ kuljum. Ladarba jistaʼ jkun li ma tantx ikollhom stress bħal dan, għandhom mnejn jgħinuk iktar fil-​bżonnijiet tiegħek jew jagħtuk iktar attenzjoni. Tom, li għandu sbatax-il sena, jiftakar kemm in-​nanniet kienu jagħtuh attenzjoni. Kienu jibagħtulu “xi rigali żgħar talli kien iġib rapport tajjeb”; saħansitra ħallsulu l-​lezzjonijiet tal-​pjanu.

M’għandniex xi ngħidu, mhux in-​nanniet kollha jistgħu jagħtu rigali bħal dawn, imma xorta jistgħu juru l-​interess tagħhom fik, billi jfaħħruk u jinkuraġġuk jew billi minn żmien għal żmien joqogħdu jisimgħuk b’attenzjoni. Dan jistaʼ jifforma rabtiet sodi taʼ ħbiberija bejnietkom. Damaris tgħid dwar in-​nanna tagħha: “Hi ġġagħalni nħossni komda, u nistaʼ mmur fuqha u nkellimha fi kwalunkwe ħin għax dejjem lesta li tismagħni—saħansitra anki jekk dak li nkun qed ngħid ma jibdiex jagħmel sens dak il-​ħin.” Żagħżugħ li jismu Jônatas igawdi b’mod simili l-​fatt li jistaʼ jitkellem liberament u għandu l-​opportunità li jitkellem dwar suġġetti serji man-​nanniet tiegħu.

Kif Tistaʼ Tpattilhom

Filwaqt li n-​nanniet jistgħu joffrulek l-​għerf u l-​imħabba tagħhom, jistgħu jibbenefikaw ukoll mis-​sħubija u l-​enerġija taʼ żgħożitek. Kif? Sewwa, x’aktarx li hemm diversi modi li bihom tistaʼ tgħin u tappoġġa lin-​nanniet tiegħek. Taʼ spiss, is-​saħħa fiżika tagħhom tkun qed tmajna. Jew forsi jkunu qed jikkumbattu maʼ xi mard. Mingħajr ebda dubju, int tistaʼ tinkuraġġihom billi tgħinhom fix-​xogħol tad-​dar u tmur tixtrilhom.

Ħafna nanniet huma romol u xi drabi jħossuhom waħedhom. Billi b’mod attiv tieħu interess fihom, tistaʼ tagħmel ħafna biex tgħinhom jissieltu mas-​sentimenti taʼ solitudni u biex jibqgħu entużjasti fil-​ħajja. Li tagħmel dan hu mod wieħed kif issegwi l-​kmand Bibliku biex ‘trodd [“lin-​nanniet,” NW] tiegħek dak li ħaqqhom; għax dan jogħġob lil Alla.’—1 Timotju 5:4.

Żgur li jekk tkun qrib tan-​nanniet tiegħek tistaʼ ttejjeb ħajtek—kif ukoll ħajjithom! Forsi ma kontx qrib tagħhom s’issa. Għandek mnejn tixtieq tagħmel dan imma ma tafx minfejn se tibda. Jistaʼ jkun ukoll li n-​nanniet tiegħek jgħixu ’l bogħod jew li l-​ġenituri tiegħek m’għadhomx flimkien u dan ġagħlek titbiegħed min-​nanniet tiegħek. Artiklu li se joħroġ ’il quddiem se joffri xi suġġerimenti prattiċi dwar kif tistaʼ tkampa maʼ sitwazzjonijiet bħal dawn.

[Stampa f’paġna 17]

In-​nanniet jistgħu jkunu semmiegħa tajba u sors taʼ pariri u appoġġ

[Stampa f’paġna 18]

Kun t’għajnuna għan-​nanniet tiegħek

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja