Il-Ħajja—Prezzjuża jew Le?
“Ladarba l-bniedem ġie maħluq fuq ix-xbieha t’Alla, mela allura l-qtil taʼ bniedem huwa l-qerda taʼ l-iktar ħaġa prezzjuża u taʼ l-iktar ħaġa qaddisa fid-dinja.”—The Plain Man’s Guide to Ethics, minn William Barclay.
‘L-IKTAR ħaġa prezzjuża fid-dinja.’ Tħares int lejn il-ħajja bl-istess mod? Mill-imġiba tan-nies huwa ovvju li ħafna ma jaqblux maʼ dan l-awtur. Miljuni taʼ persuni nqatlu b’mod mill-iktar kiefer minn nies vjolenti li fittxew li jissodisfaw il-miri persunali tagħhom mingħajr ma ħasbu fil-benesseri tal-bnedmin sħabhom.—Koħèlet 8:9.
Tintuża u Tintrema
L-ewwel gwerra dinjija hija eżempju klassiku. Il-kittieb taʼ l-istorja A.J.P. Taylor jgħid li matul dak il-konflitt terribbli “l-iġsma tal-bnedmin ġew sagrifikati għalxejn” darba wara l-oħra. Fil-ġirja tagħhom għall-prestiġju u l-glorja, il-mexxejja militari użaw is-suldati bħallikieku kienu xi ħaġa bla valur u li ma tiswa xejn. Fil-battalja għal Verdun fi Franza kien hemm ’il fuq minn nofs miljun ruħ li tilfu ħajjithom. “Ma kien hemm l-ebda premju [taʼ valur strateġiku] x’jintrebaħ jew x’jintilef,” jikteb Taylor. “Kien hemm biss bnedmin x’jinqatlu u glorja x’tintrebaħ.”—The First World War.
Stmerrija bħal din lejn il-valur tal-ħajja għadha mifruxa ħafna. L-istudjuż Kevin Bales jinnota li dan l-aħħar, “żjieda kbira fil-popolazzjoni mliet is-swieq tax-xogħol fid-dinja b’miljuni taʼ persuni fqar u vulnerabbli.” Tul ħajjithom kollha, dawn għandhom ġlieda sempliċement biex jirnexxilhom jibqgħu ħajjin f’sistema kummerċjali oppressiva li fiha “l-ħajja ssir bla valur.” Dawk li jieħdu vantaġġ minnhom, jgħid Bales, jittrattawhom daqslikieku skjavi—‘bħallikieku għodda li wara li tużaha biex tagħmel il-flus tistaʼ tarmiha faċilment.’—Disposable People.
“Ġiri wara r-Riħ”
Hemm ħafna raġunijiet oħra għala miljuni taʼ nies iħossuhom iddisprati u ma jiswew assolutament xejn—li ħadd ma jimpurtah verament jekk humiex ħajjin jew mejtin. Illum, minbarra l-gwerer u l-inġustizzji, l-umanità kollha hija mgħakksa mill-ġuħ, il-mard, il-mewt, il-qerda li ġġib magħha n-nixfa, u numru bla għadd t’affarijiet oħra. U dan kollu jġiegħel lin-nies jiddubitaw jekk wara kollox il-ħajja hijiex taʼ min jgħixha.—Koħèlet 1:8, 14.
M’għandniex xi ngħidu, mhux kulħadd jgħix ħajja t’għaks estrem u wġigħ kbir. Iżda, anki dawk li ma jesperjenzawx tbatija ħarxa bħal din spiss jaqblu mal-kliem tas-Sultan Salamun taʼ Iżrael tal-qedem, li staqsa: “X’se jmissu l-bniedem mit-taħbit u l-kedda li jkun ħa taħt ix-xemx?” Wara li joqogħdu jaħsbu, ħafna jirrealizzaw li l-biċċa l-kbira minn dak li għamlu kien “frugħa u ġiri wara r-riħ.”—Koħèlet 2:22, 26.
“Dak kollox?” jistaqsu ħafna wħud meta joqogħdu jaħsbu fuq kif qattgħu ħajjithom. Iva, kemm hawn min jasal fit-tmiem taʼ ħajtu u jħossu ġenwinament sodisfatt bil-mod kif ikun għexha, bħall-patrijarka Abraham? (Ġenesi 25:8) Il-maġġuranza jibqgħu jħossuhom li ma jiswew għalxejn. Madankollu, il-ħajja mhux bilfors tkun bla skop. Alla jqis kull ħajja umana bħala li hi prezzjuża u jrid li lkoll kemm aħna ngħixu ħajja li tkun mimlija u sodisfaċenti tassew. Kif jistaʼ jkun dan? Ikkunsidra dak li għandu x’jgħid l-artiklu li jmiss fuq dan is-suġġett.