Saħħa Tajba għal Kulħadd—Tistaʼ Tintlaħaq Din il-Mira?
TIXTIEQ li int u l-familja tiegħek tkunu tistgħu tgawdu saħħa aħjar? Dażgur li tixtieq. Imma filwaqt li l-biċċa l-kbira minna nimirdu biss darba kultant b’mard mhux serju, miljuni taʼ nies ikollhom jgħixu għomorhom kollu bil-mard u bl-uġigħ li dan iġib miegħu.
Madankollu qed isiru sforzi kbar biex il-mard ma jibqax jiżdied daqshekk. Ikkunsidra l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (World Health Organization [WHO]), li hija waħda mill-aġenziji tal-Ġnus Magħquda. F’konferenza sponsorjata mill-WHO fl-1978, delegati minn 134 pajjiż u 67 organizzazzjoni tal-Ġnus Magħquda qablu li s-saħħa m’hijiex sempliċement li wieħed ma jkunx marid. Is-saħħa, skond kif iddikjaraw huma, hija “stat taʼ benesseri fiżiku, mentali u soċjali totali.” Id-delegati mbagħad iddikjaraw bil-kuraġġ li s-saħħa hija “dritt fundamentali tal-bniedem”! B’hekk, il-WHO għamlet mira li tilħaq “livell aċċettabbli taʼ saħħa għan-nies kollha tad-dinja.”
Din il-mira hija sabiħa, u saħansitra nobbli. Imma kemm hemm ċans li xi darba tintlaħaq? Mill-oqsma kollha taʼ l-attivitajiet tal-bniedem, il-qasam tal-mediċina żgur li sar wieħed mill-iktar fdati u ammirati. Skond il-gazzetta Britannika The European, in-nies fil-pajjiżi tal-Punent draw il-konċett mediku tradizzjonali tal-kura maġika, jiġifieri li teżisti pillola għal kull problema li tqum. Fi kliem ieħor, għal kull marda, nistennew li l-qasam tal-mediċina jagħtina kura sempliċi u eżatta. Tistaʼ l-professjoni medika tassew twettaq dawn l-affarijiet kbar li huma tant mistennija minnha?