Il-Ħażen—Jistaʼ Jiġi Kontrollat?
Tfajjel ċkejken u kurjuż jiġbor oġġett f’nofs għalqa —mina li tisplodi—u jispiċċa agħma u mmankat għal ħajtu. Omm tabbanduna lit-tarbija tagħha li tkun għadha kif twieldet, billi taħbiha fiż-żibel maġenb it-triq. Ħaddiem imkeċċi jmur lura fil-post fejn kien jaħdem, jispara lil kulmin isib quddiem wiċċu, u mbagħad, joqtol lilu nnifsu. Ċittadin rispettat jabbuża sesswalment lil tfal li huma bla difiża.
B’SOGĦBA, rapporti t’għemejjel mill-agħar saru tassew komuni fi żmienna. Agħar minn hekk, dawn ir-rapporti spiss ikunu riżultat taʼ tindif etniku, ġenoċidju, u terroriżmu. “Fl-agħar tiegħu, dan kien is-seklu taʼ Satana,” qal artiklu editorjali pubblikat fl-1995. “F’ebda żmien ieħor daqs illum in-nies ma wrew daqstant sengħa u ħerqa biex joqtlu lil miljuni taʼ nies oħrajn għal raġunijiet razzjali, reliġjużi jew minħabba l-klassi tagħhom.”
Fl-istess waqt, il-bnedmin qed iniġġsu l-arja, jikkontaminaw l-art, jaħlu r-riżorsi tagħha, u jġagħlu li għadd kbir taʼ speċi jsiru estinti. Tistaʼ l-umanità tegħleb dan il-ħażen kollu u tagħmel id-dinja post aħjar u iktar fis-sigurtà? Jew jekk tipprova, ma tkunx hi bħallikieku qed tipprova twaqqaf il-marea bi xkupa? Professur li kiteb ħafna dwar is-suġġett tal-ħażen qal: “Ili b’xewqa kbira li nġib bidla fid-dinja, biex intejjibha. Imma ma tantx jidher li d-dinja sejra għall-aħjar.” Forsi int tħossok l-istess.
Ix-xejra li qed tieħu d-dinja tistaʼ titqabbel maʼ vapur li qed ibaħħar f’ilmijiet li qed isiru dejjem iktar imqallbin u perikolużi minn jum għall-ieħor. Għalkemm ħadd ma jixtieq imur f’dik id-direzzjoni, l-isforzi kollha biex issir bidla qed ifallu. Il-bastiment sempliċement jibqaʼ miexi ’l quddiem fit-tempesta fatali, mingħajr waqfien.
Sa ċertu punt, din is-sitwazzjoni li dejjem sejra għall-agħar nistgħu ngħidu li hija tort taʼ l-imperfezzjoni umana. (Rumani 3:23) Xorta waħda, l-iskala tal-ħażen, il-fatt li hu tant mifrux, u l-fatt li dejjem jiżdied jidhru li huma fatturi kbar wisq biex il-malizzja warajh tkun tort tal-bnedmin biss. Jistaʼ jkun li l-umanità qed tiġi manipulata minn qawwa potenti u mill-agħar? Jekk inhu hekk, x’inhi din il-qawwa, u kif nistgħu nipproteġu lilna nfusna? L-artiklu li jmiss se jwieġeb dawn il-mistoqsijiet.
[Sors tal-Istampa f’paġna 3]
© Heldur Netocny/Panos Pictures