‘Ibqgħu Mexjin Magħqudin Maʼ Kristu’
“Intom ilqajtu lil Kristu Ġesù l-Mulej; għixu [“ibqgħu mexjin,” “NW”] mela magħqudin miegħu.”—KOLOSSIN 2:6.
1, 2. (a) Il-Bibbja kif tiddeskrivi l-ħajja taʼ servizz leali taʼ Ħenok lejn Jehovah? (b) Jehovah kif għenna nimxu miegħu, bħalma jindika Kolossin 2:6, 7?
QATT osservajt xi tifel żgħir miexi maʼ missieru? Iċ-ċkejken jimita kull mossa taʼ missieru, wiċċu jixgħel bl-ammirazzjoni; il-missier qiegħed jgħinu, b’wiċċu wkoll jixgħel bl-imħabba u bl-approvazzjoni. Bix-xieraq, Jehovah juża preċiżament stampa bħal din biex jiddeskrivi ħajja taʼ servizz leali lejh. Per eżempju, il-Kelma t’Alla tgħid li r-raġel leali Ħenok “kien jimxi sewwa maʼ Alla [veru].”—Ġenesi 5:24; 6:9.
2 Sewwa sew bħalma missier li juri konsiderazzjoni jgħin lil ibnu ċkejken biex jimxi miegħu, Jehovah tana l-aqwa għajnuna possibbli. Hu bagħat lill-Iben uniġenitu tiegħu fuq l-art. F’kull pass tal-mixja tiegħu tul ħajtu fuq l-art, Kristu Ġesù rrifletta lil Missieru tas-sema perfettament. (Ġwann 14:9, 10; Lhud 1:3) Għalhekk, sabiex nimxu m’Alla, jeħtieġ li nimxu maʼ Ġesù. L-appostlu Pawlu kiteb: “Intom ilqajtu lil Ġesù Kristu l-Mulej; għixu [“ibqgħu mexjin,” NW] mela magħqudin miegħu; niżżlu għeruqkom fih, u ibnu l-ħajja tagħkom fuqu; issaħħu fil-fidi, kif tgħallimtu, u mtlew [“furu,” NW] bil-gratitudni.”—Kolossin 2:6, 7.
3. Skond Kolossin 2:6, 7, għala nistgħu ngħidu li hemm iktar involut f’li nimxu magħqudin maʼ Kristu milli sempliċement nitgħammdu?
3 Peress li jridu jimxu magħqudin maʼ Kristu, billi jistinkaw biex isegwu l-passi perfetti tiegħu, studenti tal-Bibbja taʼ qalb onesta jitgħammdu. (Luqa 3:21; Lhud 10:7-9) Madwar id-dinja, fl-1997 biss, iktar minn 375,000 ħadu dan il-pass vitali—medja taʼ iktar minn 1,000 kull ġurnata. Din iż-żjieda hija kommoventi! Madankollu, il-kliem taʼ Pawlu ddokumentat f’Kolossin 2:6, 7 juri li hemm iktar involut f’li nimxu magħqudin maʼ Kristu milli sempliċement nitgħammdu. Il-verb Grieg mogħti “ibqgħu mexjin” jiddeskrivi azzjoni li trid tkun kontinwa, tkompli sejra. Iżjed minn hekk, Pawlu jżid li hemm erbaʼ affarijiet involuti sabiex nimxu maʼ Kristu: li nniżżlu għeruqna fi Kristu, li nkunu mibnijin fuqu, li nkunu msaħħin fil-fidi, u li nfuru bil-gratitudni. Ejjew nikkunsidraw kull frażi u naraw kif dan jgħinna nkomplu mexjin magħqudin maʼ Kristu.
Huma ‘Għeruqek Imniżżlin fi Kristu’?
4. X’ifisser li nniżżlu ‘għeruqna fi Kristu’?
4 L-ewwel, Pawlu jikteb li jeħtieġ li nniżżlu ‘għeruqna fi Kristu.’ (Qabbel Mattew 13:20, 21.) Kif jistaʼ wieħed jaħdem lejn li jniżżel għeruqu fi Kristu? Sewwa, l-għeruq taʼ xitla ma nistgħux narawhom, imma huma vitali għax-xitla—jagħtuha l-istabbiltà u jipprovdulha n-nutriment. Bl-istess mod, l-eżempju u t-tagħlim taʼ Kristu l-ewwel ma jeffettwawna huwa b’mod inviżibbli, billi jiġu mnaqqxin f’moħħna u f’qalbna. Hemmhekk isostnuna u jsaħħuna. Meta nħalluhom jiggvernaw il-ħsibijiet tagħna, l-azzjonijiet tagħna, u d-deċiżjonijiet tagħna, aħna se niġu mqanqlin biex niddedikaw ħajjitna lil Jehovah.—1 Pietru 2:21.
5. Kif nistgħu ‘nifformaw xenqa’ għall-ikel spiritwali?
5 Ġesù kien iħobbu l-għarfien mingħand Alla. Hu saħansitra xebbhu maʼ l-ikel. (Mattew 4:4) Taf xejn li, fil-Priedka tiegħu taʼ fuq il-Muntanja, hu għamel 21 kwotazzjoni minn tmien kotba differenti taʼ l-Iskrittura Ebrajka? Biex insegwu l-eżempju tiegħu, aħna rridu nagħmlu kif iħeġġiġna l-appostlu Pietru—‘nifformaw xenqa’ għall-ikel spiritwali “bħal trabi tat-twelid.” (1 Pietru 2:2, NW) Meta tarbija tat-twelid tixxennaq għal nutriment, din ma tħalli ebda dubju dwar ix-xenqa intensa li jkollha. Jekk fil-preżent ma nħossuniex hekk dwar l-ikel spiritwali, il-kliem taʼ Pietru jinkuraġġina biex ‘nifformaw’ dik ix-xenqa. Kif? Il-prinċipju misjub f’Salm 34:9 [Salm 34:8, NW] jistaʼ jgħinna: “Ippruvaw [“duqu,” NW] u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej.” Jekk ‘induqu’ l-Kelma taʼ Jehovah, il-Bibbja, regolarment, forsi billi naqraw parti minnha kuljum, se naraw li hija spiritwalment nutrittiva u tajba. Maż-żmien, ix-xenqa tagħna għaliha se tikber.
6. Għala huwa importanti li nimmeditaw fuq dak li naqraw?
6 Madankollu, huwa importanti li l-ikel niddiġerixxuh tajjeb ladarba nkunu kilnieh. Mela għandna bżonn nimmeditaw fuq dak li naqraw. (Salm 77:12, 13 [Salm 77:11, 12, NW]) Per eżempju, hekk kif naqraw il-ktieb L-Aqwa Bniedem Li Qatt Għex, kull kapitlu jkollu sinjifikat akbar għalina jekk nieqfu u nistaqsu lilna nfusna: ‘Liema aspett mill-personalità taʼ Kristu qed nara f’dan ir-rakkont, u kif nistaʼ nimitah f’ħajti stess?’ Billi nimmeditaw b’dak il-mod se jgħinna napplikaw dak li nitgħallmu. Imbagħad, meta nkunu rridu nagħmlu xi deċiżjoni, nistgħu nistaqsu lilna nfusna Ġesù kieku x’kien jagħmel. Jekk nagħmlu d-deċiżjoni tagħna skond dan, inkunu qed nagħtu evidenza li għeruqna huma verament fi Kristu.
7. X’għandha tkun il-ħarsa tagħna lejn in-nutriment spiritwali solidu?
7 Pawlu jħeġġiġna wkoll biex nieħdu “l-ikel sħiħ,” il-veritajiet iktar profondi tal-Kelma t’Alla. (Lhud 5:14) L-ewwel mira f’dan ir-rigward għandha mnejn tkun li naqraw il-Bibbja kollha kemm hi. Imbagħad hemm iktar suġġetti speċifiċi għal studju, bħalma huma s-sagrifiċċju bħala rahan taʼ Kristu, id-diversi pattijiet li Jehovah għamel mal-poplu tiegħu, jew xi wħud mill-messaġġi profetiċi fil-Bibbja. Hemm abbundanza taʼ materjal li se jgħinna nassorbu u niddiġerixxu dan l-ikel spiritwali solidu. X’inhu l-iskop taʼ li nieħdu għarfien bħal dan? M’huwiex biex ikollna għalfejn niftaħru, imma biex jibnilna l-imħabba lejn Jehovah u dejjem nersqu eqreb lejh. (1 Korintin 8:1; Ġakbu 4:8) Jekk bil-ħerqa nieħdu dan l-għarfien, napplikawh għalina nfusna, u nużawh biex ngħinu lil oħrajn, se nkunu verament qed nimitaw lil Kristu. Dan se jgħinna nniżżlu għeruqna fih kif jixraq.
Qiegħed Int ‘Tkun Mibni fi Kristu’?
8. X’ifisser li ‘nkunu mibnijin fi Kristu’?
8 Għall-aspett li jmiss biex nimxu magħqudin fi Kristu, Pawlu malajr idawwar l-attenzjoni minn immaġni viżiva għal oħra—minn dik taʼ xitla għal waħda taʼ bini. Meta naħsbu dwar bini li għadu qed jinbena, ma naħsbux biss fil-pedament imma wkoll fil-binja li tidher ċara quddiemna, b’riżultat taʼ ħafna xogħol iebes. Bl-istess mod, irridu nagħmlu ħafna xogħol iebes biex nibnu kwalitajiet u drawwiet li huma bħal taʼ Kristu. Xogħol iebes bħal dan żgur li jiġi nnotat, saħansitra bħalma kiteb Pawlu lil Timotju: ‘Ħalli kulħadd jara li int miexi ’l quddiem.’ (1 Timotju 4:15; Mattew 5:16) X’inhuma xi xogħlijiet Kristjani li jibnuna?
9. (a) Sabiex nimitaw lil Kristu fil-ministeru tagħna, x’inhuma xi miri prattiċi li nistgħu nistabbilixxu? (b) Kif nafu li Jehovah jridna nieħdu gost fil-ministeru tagħna?
9 Ġesù inkarigana biex nippridkaw u ngħallmu l-aħbar tajba. (Mattew 24:14; 28:19, 20) Hu ta l-eżempju perfett, billi ta xiehda bil-qlubija u b’mod effettiv. M’għandniex xi ngħidu, qatt ma se jirnexxilna nagħmlu dak li għamel hu. Madankollu, l-appostlu Pietru jpoġġilna din il-mira: “Lill-Mulej Kristu qaddsu f’qalbkom. Kunu dejjem lesti biex tagħtu tweġiba lil kull min jitlobkom il-għala tat-tama li għandkom; imma wieġbu bil-ħlewwa u bir-rispett.” (1 Pietru 3:15, 16) Jekk ma tħossokx dejjem ‘lest biex tagħti tweġiba,’ tiddisprax. Stabbilixxi miri raġonevoli li se jgħinuk tqarreb ftit ftit lejn dak il-livell. Preparazzjoni bil-quddiem għandha mnejn tgħinek tvarja l-preżentazzjoni tiegħek jew tinkludi xi skrittura jew tnejn. Forsi tagħmel xi miri biex tħalli iktar letteratura Biblika, tagħmel iktar żjajjar lura, jew tibda studju tal-Bibbja. L-enfasi m’għandhiex tkun strettament fuq il-kwantità—bħal ngħidu aħna fin-numru taʼ sigħat, taʼ letteratura li tħalli, jew taʼ studji—imma fuq il-kwalità. Meta nistabbilixxu miri raġonevoli u nistinkaw biex nilħquhom, dan jistaʼ jgħinna biex nieħdu gost nagħtu minna nfusna fil-ministeru. Dak hu li jrid Jehovah—li aħna naqduh “bil-ferħ.”—Salm 100:2; qabbel it-2 Korintin 9:7.
10. Liema huma xi xogħlijiet Kristjani li jeħtieġ li nwettqu, u dawn kif jgħinuna?
10 Hemm ukoll xogħlijiet li aħna nagħmlu fil-kongregazzjoni li jibnuna fi Kristu. L-iktar importanti huwa dak li nuru mħabba lejn xulxin, għax din hija l-marka li tidentifikana bħala Kristjani veri. (Ġwann 13:34, 35) Waqt li nkunu għadna nistudjaw, ħafna minna nsiru ħaġa waħda maʼ min jgħallimna, u dan huwa naturali. Madankollu, nistgħu issa nsegwu l-parir taʼ Pawlu biex ‘niftħu qalbna beraħ’ billi nsiru nafu lil oħrajn fil-kongregazzjoni? (2 Korintin 6:13) L-anzjani wkoll għandhom bżonn l-imħabba u l-apprezzament tagħna. Billi nikkooperaw magħhom, u nfittxu u naċċettaw il-pariri Skritturali li jagħtuna, aħna se nagħmlulhom xogħolhom ferm eħfef. (Lhud 13:17) Fl-istess ħin, dan se jikkontribwixxi għal li aħna niġu mibnijin fi Kristu.
11. Liema ħarsa realistika għandu jkollna tal-magħmudija?
11 Il-magħmudija hija okkażjoni eċċitanti! Madankollu, m’għandniex nistennew li kull mument taʼ ħajjitna minn dakinhar ’il quddiem se jkun daqstant kommoventi. Parti kbira milli aħna niġu mibnijin fi Kristu tinvolvi li ‘nimxu bl-ordni b’din l-istess rutina.’ (Filippin 3:16, NW) Ma jfissirx li jkollna ħajja monotona u bla skop. Ifisser sempliċement li nimxu dritt ’il quddiem—fi kliem ieħor, nibnu drawwiet spiritwali tajbin u nżommuhom minn jum għal jum, u minn sena għal sena. Ftakar, “min jibqaʼ jżomm sħiħ sa l-aħħar, dan isalva.”—Mattew 24:13.
Qiegħed Int Tkun ‘Imsaħħaħ fil-Fidi’?
12. X’ifisser li nkunu ‘msaħħin fil-fidi’?
12 Fit-tielet frażi tiegħu li tiddeskrivi l-mixja tagħna magħqudin fi Kristu, Pawlu jħeġġiġna biex inkunu ‘msaħħin fil-fidi.’ Verżjoni waħda tgħid, “ikkonfermati rigward il-fidi,” għax il-kelma Griega li Pawlu uża tistaʼ tfisser “li tikkonferma, tiggarantixxi, u tagħmilha irrevokabbli legalment.” Hekk kif nikbru fl-għarfien, niġu mogħtijin iktar raġunijiet biex naraw li l-fidi tagħna f’Alla Jehovah hija stabbilita sewwa u, fil-fatt, stabbilita legalment. Ir-riżultat huwa żjieda fl-istabbiltà tagħna. Jagħmilha dejjem iktar diffiċli li d-dinja taʼ Satana ddawwarna. Dan ifakkarna fit-twissija taʼ Pawlu biex “nimxu ’l quddiem lejn dak li hu aktar perfett [“il-maturità,” NW].” (Lhud 6:1) Il-maturità u l-istabbiltà jmorru id f’id.
13, 14. (a) Il-Kristjani taʼ l-ewwel seklu f’Kolossi liema theddid għall-istabbiltà tagħhom iffaċċjaw? (b) Liema ħaġa għandu mnejn kien ikkonċernat dwarha l-appostlu Pawlu?
13 Il-Kristjani taʼ l-ewwel seklu f’Kolossi ħabbtu wiċċhom maʼ theddid għall-istabbiltà tagħhom. Pawlu wissa: “Qisu li ħadd ma ijassarkom b’filosofija u kliem qarrieq u fieragħ skond dak li hu ġej mill-bnedmin; skond il-prinċipji tad-dinja u mhux taʼ Kristu.” (Kolossin 2:8) Pawlu ma riedx li l-Kolossin, li kienu saru sudditi fis-“Saltna taʼ Ibnu l-maħbub,” jinġarru, jittieħdu ’l bogħod mill-istat spiritwali mbierek tagħhom. (Kolossin 1:13) Imqarrqin b’liema mezzi? Pawlu jipponta lejn il-“filosofija,” l-unika darba fejn tidher din il-kelma fil-Bibbja. Kien qiegħed hu jitkellem dwar il-filosfi Griegi, bħal Platone u Sokrate? Għalkemm dawn kienu taʼ theddida għall-veri Kristjani, dak iż-żmien, il-kelma “filosofija” kellha użu ġenerali. Kienet tirreferi b’mod komuni għall-ħafna gruppi u nies b’opinjonijiet simili—saħansitra dawk reliġjużi. Per eżempju, il-Lhud taʼ l-ewwel seklu bħal Josefus u Filo lir-reliġjon tagħhom stess sejħulha filosofija—forsi biex iġagħluha tappella iktar.
14 Xi filosofiji, li Pawlu għandu mnejn kien ikkonċernat dwarhom kienu taʼ natura reliġjuża. Iktar tard fl-istess kapitlu taʼ l-ittra tiegħu lill-Kolossin, hu indirizza lil dawk li għallmu, “La tiħux dan, la dduqx din, la tmissx dak,” u b’hekk alluda għall-karatteristiċi tal-Liġi Mosajka li ntemmu bil-mewt taʼ Kristu. (Rumani 10:4) Flimkien mal-filosofiji pagani, kien hemm ukoll influwenzi li kienu qegħdin jeffettwaw u jheddu l-ispiritwalità tal-kongregazzjoni. (Kolossin 2:20-22) Pawlu wissa kontra l-filosofija li kienet parti mill-“prinċipji tad-dinja.” Istruzzjoni falza bħal din oriġinat mill-bniedem.
15. Kif nistgħu nevitaw li niġu ddominati minn ħsibijiet mhux skritturali li taʼ spiss inħabbtu wiċċna magħhom?
15 Li wieħed jippromwovi ideat u ħsibijiet tal-bniedem li m’humiex ibbażati bis-sħiħ fuq il-Kelma t’Alla jistaʼ jkun taʼ theddida għall-istabbiltà Kristjana. Illum, irridu noqogħdu b’sebaʼ għajnejn għal theddid bħal dan. L-appostlu Ġwanni ħeġġeġ: “Għeżież, mhux lil kull xorta taʼ spirti [“espressjoni mnebbħa,” NW] għandkom temmnu. L-ispirti [“espressjonijiet imnebbħin,” NW] stħarrġuhom, biex taraw ikunux ġejjin minn Alla.” (1 Ġwann 4:1) Għalhekk, jekk xi ħadd minn sħabek taʼ l-iskola jipprova jikkonvinċik li m’għadux moda li tgħix skond il-livelli Bibliċi, jew jekk xi ħadd mill-ġirien jipprova jinfluwenzak biex tassumi attitudni materjalistika, jew xi ħadd minn sħabek fuq ix-xogħol b’mod sottili jagħmillek pressjoni biex tmur kontra l-kuxjenza tiegħek imħarrġa fuq il-Bibbja, jew saħansitra wieħed mill-kredenti sħabek ilissen kummenti taʼ kritika u negattivi dwar oħrajn fil-kongregazzjoni skond l-opinjoni tiegħu stess, taċċettax sempliċement dak li jgħidulek. Naqqi dak li m’huwiex f’armonija mal-Kelma t’Alla. Hekk kif nagħmlu hekk, inkunu qed inżommu l-istabbiltà tagħna hekk kif nimxu magħqudin maʼ Kristu.
‘Nimtlew [‘Infuru,’ NW] bil-Gratitudni’
16. X’inhu r-rabaʼ aspett taʼ li nimxu magħqudin maʼ Kristu, u liema mistoqsija nistgħu nistaqsu?
16 Ir-rabaʼ aspett taʼ li nimxu magħqudin maʼ Kristu li jsemmi Pawlu hu li ‘nimtlew [‘infuru,’ NW] bil-gratitudni.’ (Kolossin 2:7) Il-kelma ‘nfuru’ tfakkarna fi xmara li qiegħda tfur fuq ix-xtut tagħha. Dan jissuġġerixxi li, għalina bħala Kristjani, il-gratitudni tagħna għandha tkun xi ħaġa kontinwa jew li mdorrijin nuruha. Kull wieħed minna jagħmel tajjeb jekk jistaqsi, ‘Jien grat?’
17. (a) Għala jistaʼ jingħad li lkoll kemm aħna għandna għalfejn inkunu grati, saħansitra meta nkunu għaddejjin minn żminijiet ibsin? (b) X’inhuma xi għotjiet mingħand Jehovah li għalihom tħossok speċjalment grat?
17 Tabilħaqq, ilkoll kemm aħna għandna għalfejn infuru bi gratitudni lejn Jehovah kuljum. Saħansitra fl-agħar żmien, jistaʼ jkun hemm xi affarijiet sempliċi li jipprovdu mumenti taʼ serħan. Xi ħabib li juri empatija. Xi ħadd maħbub li joffri taptipa rassiguranti. Raqda tajba matul il-lejl li ġġagħlek tħossok irrinnovat. Ikla bnina li tissodisfa l-ġuħ. L-għanja taʼ xi għasfur, id-daħka taʼ xi tarbija, is-sema ikħal li jgħammxek, iż-żiffa rifreskanti—dawn kollha u affarijiet oħrajn għandek mnejn esperjenzajthom f’ġurnata waħda. Faċli għalina li ma nirriflettux fuq affarijiet bħal dawn. Ma jixraqx li ngħidu grazzi għal dan kollu? Kollox ġej mingħand Jehovah, is-Sors taʼ “kull ħaġa tajba li tingħata u kull don perfett.” (Ġakbu 1:17) U tana għotjiet li jissuperaw lil dawn—il-ħajja nfisha, per eżempju. (Salm 36:10 [Salm 36:9, NW]) Iżjed minn hekk, tana opportunità li ngħixu għal dejjem. Sabiex jipprovdi din l-għotja, Jehovah għamel is-sagrifiċċju suprem billi bagħat lill-Iben uniġenitu tiegħu, “l-għaxqa tiegħu.”—Proverbji 8:30; Ġwann 3:16.
18. Kif nistgħu nuru li aħna grati lejn Jehovah?
18 Kemm huwa minnu, mela, il-kliem tas-Salmista: “Tajjeb li nfaħħru l-Mulej.” (Salm 92:2 [Salm 92:1, NW]) B’mod simili, Pawlu fakkar lill-Kristjani f’Tessalonika: “Iżżu ħajr lil Alla f’kollox.” (1 Tessalonikin 5:18; Efesin 5:20; Kolossin 3:15) Ilkoll kemm aħna nistgħu nagħmlu riżoluzzjoni biex nuru iktar gratitudni. It-talb tagħna m’għandux għalfejn ikun dejjem bħala petizzjonijiet lil Alla rigward x’għandna bżonn. Dawn għandhom posthom. Imma immaġina li għandek ħabib li jkellmek biss meta jkollu bżonn xi ħaġa mingħandek! Mela għax ma titlobx lil Jehovah sempliċement biex tirringrazzjah u tfaħħru? Min jaf kemm jieħu gost bih talb bħal dan, hekk kif josserva lil din id-dinja ingrata! Benefiċċju sekondarju hu li talb bħal dan jistaʼ jgħinna niffokaw fuq l-aspetti pożittivi tal-ħajja, li jfakkruna kemm aħna tassew imberkin.
19. Il-lingwaġġ taʼ Pawlu f’Kolossin 2:6, 7 kif jissuġġerixxi li lkoll nistgħu nkomplu nitjiebu f’li nimxu maʼ Kristu?
19 M’hijiex ħaġa rimarkevoli kemm tistaʼ tislet gwida għaqlija minn passaġġ wieħed mill-Kelma t’Alla? Il-parir taʼ Pawlu biex inkomplu nimxu maʼ Kristu huwa xi ħaġa li kull wieħed minna għandu jagħti kasha. Allura, ejjew inkunu riżoluti li ‘nniżżlu għeruqna fi Kristu,’ ‘nibnu ħajjitna fuqu,’ ‘nissaħħu fil-fidi,’ u ‘nfuru bil-gratitudni.’ Dawn il-pariri huma partikolarment vitali għal dawk li għadhom kemm tgħammdu. Però japplikaw għalina lkoll. Aħseb ftit kif għeruq vertikali jinżlu iktar u iktar ’l isfel u kif binja li qed tinbena titlaʼ iktar u iktar ’il fuq. Hekk ukoll il-mixja tagħna maʼ Kristu qatt ma tispiċċa. Dejjem hemm lok għal tkabbir. Jehovah se jgħinna u jberikna, għax hu jridna nkomplu nimxu miegħu u maʼ Ibnu l-maħbub bla waqfien.
Int Kif Twieġeb?
◻ X’inhu involut f’li nimxu magħqudin maʼ Kristu?
◻ X’ifisser li jkollna ‘għeruqna mniżżlin fi Kristu’?
◻ Kif nistgħu niġu ‘mibnijin fi Kristu’?
◻ Għala huwa daqshekk importanti li nkunu ‘msaħħin fil-fidi’?
◻ Liema raġunijiet għandna biex ‘infuru bil-gratitudni’?
[Stampa f’paġna 10]
L-għeruq tas-siġra jistgħu ma jkunux viżibbli, imma jipprovdu l-ikel lis-siġra u jankrawha fis-sod