Kapitlu 3
Min Hu Dak Alla Veru?
1. Ħafna għala jaqblu mal-kliem li bih tiftaħ il-Bibbja?
META tħares lejn is-sema f’lejl bnazzi, ma tibqax skantat int meta tara daqs dawk kwiekeb? Kif tispjegaha l-eżistenza tagħhom? U xi ngħidu dwar l-affarijiet ħajjin fuq l-art—fjuri taʼ kull lewn, għasafar bil-għanjiet li jgħaxxqu tagħhom, baleni setgħanin li jaqbżu fl-oċean? Il-lista qatt ma tispiċċa. Dan kollu ma jistax ikun li ġie b’kumbinazzjoni. Mhux taʼ b’xejn li ħafna jaqblu mal-kliem li bih tiftaħ il-Bibbja: “Fil-bidu Alla ħalaq is-sema u l-art”!—Ġenesi 1:1.
2. Il-Bibbja x’tgħid dwar Alla, u x’tinkuraġġina biex nagħmlu?
2 L-umanità tinsab diviża ferm fuq il-kwistjoni dwar Alla. Xi wħud jaħsbu li Alla hu forza impersunali. Miljuni jqimu antenati mejtin, billi jemmnu li Alla hu wisq remot biex jiġi milħuq. Imma l-Bibbja tirrivela li dak Alla veru hu persuna reali li juri interess kordjali fina bħala individwi. Dak huwa għala din tinkuraġġina biex ‘infittxu lil Alla,’ billi tgħid: “M’huwiex ’il bogħod minn kull wieħed minna.”—Atti 17:27.
3. Għala huwa impossibbli li wieħed jagħmel xbiha t’Alla?
3 Alla x’aspett għandu? Xi ftit mill-qaddejja tiegħu raw viżjonijiet tal-preżenza glorjuża tiegħu. F’dawn hu ssimbolizza lilu nnifsu bħala li qiegħed bil-qiegħda fuq tron, b’dija taʼ l-għaġeb ħierġa minnu. Madankollu, dawk li raw viżjonijiet bħal dawn qatt ma ddeskrivew wiċċ distint. (Danjel 7:9, 10; Apokalissi 4:2, 3) Dak huwa għaliex “Alla huwa spirtu”; m’għandux ġisem fiżiku. (Ġwann 4:24) Fil-fatt, huwa impossibbli li wieħed jagħmel xbiha fiżika eżatta tal-Ħallieq tagħna, għax “lil Alla għadu ħadd ma rah.” (Ġwann 1:18; Eżodu 33:20) Madankollu, il-Bibbja tgħallimna ħafna dwar Alla.
DAK ALLA VERU GĦANDU ISEM
4. X’inhuma xi wħud mit-titli mimlijin tifsir applikati għal Alla fil-Bibbja?
4 Fil-Bibbja, dak Alla veru hu identifikat b’espressjonijiet bħalma huma “Alla li jistaʼ kollox,” “[“l-Iktar,” NW] Għoli,” “Ħallieq Grandjuż,” “l-Imgħallem [“Grandjuż,” NW] tiegħek,” “Alla Sidna,” u “Sultan taʼ dejjem.” (Ġenesi 17:1; Salm 50:14; Ekkleżjasti 12:1 [NW]; Isaija 30:20; Atti 4:24; 1 Timotju 1:17) Li nimmeditaw fuq titli bħal dawn jistaʼ jgħinna nikbru fl-għarfien dwar Alla.
5. X’inhu l-isem t’Alla, u kemm jidher spiss fl-Iskrittura Ebrajka?
5 Madankollu, Alla għandu isem uniku li jidher kważi 7,000 darba fl-Iskrittura Ebrajka waħedha—iktar spiss minn kwalunkwe wieħed mit-titli tiegħu. Madwar 1,900 sena ilu, il-Lhud b’mod superstizzjuż waqfu milli jippronunzjaw l-isem divin. L-Ebrajk Bibliku kien jinkiteb mingħajr vokali. Għalhekk, m’hemm ebda mod li bih wieħed ikun preċiż dwar kif Mosè, David, jew oħrajn taʼ żmien il-qedem ippronunzjaw l-erbaʼ konsonanti (יהוה) li jifformaw l-isem divin. Xi studjużi jissuġġerixxu li l-isem t’Alla setaʼ kien ippronunzjat “Yahweh,” imma ma jistgħux ikunu ċerti. Il-pronunzja bl-Ingliż “Jehovah” ilha tiġi wżata għal sekli sħaħ, u l-ekwivalenti tiegħu f’ħafna lingwi huwa aċċettat minn ħafna llum.—Ara Eżodu 6:3 u Isaija 26:4 fil-Bibbja taʼ Karm Żammit.
GĦALA GĦANDEK TUŻA L-ISEM T’ALLA
6. Salm 83:19 (83:18, NW) x’jgħid dwar Jehovah, u għala għandna nużaw ismu?
6 L-isem uniku t’Alla, Jehovah, iservi biex jiddistingwih mill-allat l-oħrajn kollha. Dak huwa għala dak l-isem jidher daqshekk spiss fil-Bibbja, speċjalment fit-test Ebrajk tagħha. Bosta tradutturi jonqsu li jużaw l-isem divin, imma Salm 83:19 [Salm 83:18, NW] jgħid b’mod ċar: “Biex jagħrfu li Jaħweh [“Jehovah,” KŻ] hu ismek, li int waħdek il-Għoli fuq l-art kollha.” Mela huwa xieraq għalina li nużaw l-isem persunali t’Alla meta nitkellmu dwaru.
7. It-tifsira taʼ l-isem Jehovah x’tgħallimna dwar Alla?
7 L-isem Jehovah huwa forma taʼ verb Ebrajk li jfisser “biex isir.” B’hekk, l-isem t’Alla jfisser “Hu Jikkaġuna li Jsir.” Alla Jehovah b’dak jidentifika lilu nnifsu bħala l-Wieħed il-Kbir taʼ Skopijiet. Hu dejjem iġiegħel l-iskopijiet tiegħu jsiru realtà. Dak Alla veru biss jistaʼ bi dritt iġorr dan l-isem, għax il-bnedmin qatt ma jistgħu jkunu ċerti li l-pjanijiet tagħhom se jkollhom suċċess. (Ġakbu 4:13, 14) Jehovah waħdu jistaʼ jgħid: “Hekk jiġri minn kelmti: hija toħroġ minn fommi, . . . u ttemm dak li nkun bgħattha tagħmel.”—Isaija 55:11.
8. Liema skop ħabbar Jehovah permezz taʼ Mosè?
8 Il-patrijarki Ebrej Abraham, Iżakk, u Ġakobb kollha kemm huma ‘sejħu isem il-Mulej [“Jehovah,” NW],’ imma ma kinux jafu s-sinjifikat sħiħ taʼ l-isem divin. (Ġenesi 21:33; 26:25; 32:10 [32:9, NW]; Eżodu 6:3) Meta Jehovah iktar tard irrivela l-iskop tiegħu biex jeħles lid-dixxendenti tagħhom, l-Iżraeliti, mill-jasar fl-Eġittu u jagħtihom “art tnixxi ħalib u għasel,” dan setaʼ deher impossibbli. (Eżodu 3:17) Minkejja dan, Alla enfasizza s-sinjifikat dejjiemi taʼ ismu billi qal lill-profeta tiegħu Mosè: “Hekk għandek tgħidilhom lil ulied Israel: ‘Jaħweh, Alla taʼ missirijietkom, Alla taʼ Abraham, Alla taʼ Iżakk, Alla taʼ Ġakobb, bagħatni għandkom.’ Dan ikun ism[i] għal dejjem u dan l-isem ifakkarkom fija minn nisel għal nisel.”—Eżodu 3:15.
9. Farawni kif qiesu lil Jehovah?
9 Mosè talab lil Farawni, is-sultan taʼ l-Eġittu, biex iħalli lill-Iżraeliti jmorru biex iqimu lil Jehovah fix-xagħri. Imma Farawni, li hu nnifsu kien meqjus bħala alla u li qiem lil allat Eġizzjani oħrajn, wieġeb: “Min hu l-Mulej [Jehovah], biex jien nismaʼ minn kliemu u nħalli lil Israel jitlaq? Il-Mulej ma nafx min hu, u ’l Israel ma nħallihx jitlaq.”—Eżodu 5:1, 2.
10. Fl-Eġittu tal-qedem, Jehovah ħa liema azzjoni biex iwettaq l-iskop tiegħu li involva l-Iżraeliti?
10 Jehovah imbagħad ħa azzjoni progressiva biex iwettaq l-iskop tiegħu, billi aġixxa f’armonija mat-tifsir taʼ ismu. Ġab għaxar kastigi fuq l-Eġizzjani tal-qedem. L-aħħar kastig qatel lil kull l-ewwel imwieled taʼ l-Eġittu, inkluż l-iben tal-kburi Farawni. Imbagħad l-Eġizzjani kienu ħerqanin biex Iżrael jitlaq. Madankollu, xi Eġizzjani tant kienu impressjonati bil-qawwa taʼ Jehovah li ngħaqdu maʼ l-Iżraeliti f’li jitilqu mill-Eġittu.—Eżodu 12:35-38.
11. Jehovah liema miraklu wettaq fil-Baħar l-Aħmar, u l-għedewwa tiegħu x’ġew sforzati jirrikonoxxu?
11 L-istinat Farawni u l-armata tiegħu, b’mijiet taʼ karrijiet tal-gwerra, irħewlha biex jaqbdu mill-ġdid lill-irsiera tiegħu. Hekk kif l-Eġizzjani resqu qrib, Alla mirakolożament fired il-Baħar l-Aħmar sabiex l-Iżraeliti setgħu jaqsmu fuq art niexfa. Meta dawk li bdew jiġru warajhom rifsu l-qiegħ tal-baħar, Jehovah “xekkel ir-roti tagħhom u bit-tbatija, setgħu jmexxuhom.” Il-gwerriera Eġizzjani għajtu: “Ħa naħarbu minn quddiem Israel, għaliex il-Mulej qiegħed jiġġieled għalihom kontra l-Eġizzjani!” Imma kien tard wisq. Il-ħitan enormi taʼ ilma stabtu ’l isfel u “għarrqu l-karrijiet u r-rikkieba taʼ l-eżerċtu kollu tal-Fargħun.” (Eżodu 14:22-25, 28) Jehovah b’hekk għamel isem kbir ferm għalih innifsu u dik il-ġrajja għadha ma ntesitx sal-lum.—Ġożwè 2:9-11.
12, 13. (a) L-isem t’Alla liema tifsira għandu għalina llum? (b) In-nies x’għandhom bżonn jitgħallmu b’mod urġenti, u għala?
12 L-isem li Alla għamel għalih innifsu għandu tifsira kbira għalina llum. Ismu, Jehovah, qiegħed bħala garanzija li dak kollu li kien l-iskop tiegħu li jagħmel hu se jikkaġuna li jseħħ. Dak jinkludi t-twettiq taʼ l-iskop oriġinali tiegħu li l-art tagħna ssir ġenna. (Ġenesi 1:28; 2:8) Għal dak l-għan, Alla se jelimina lill-opponenti kollha tas-sovranità tiegħu llum, għax hu stqarr: “[I]kunu jafu li jien il-Mulej [Jehovah].” (Eżekjel 38:23) Imbagħad Alla se jwettaq il-wegħda tiegħu biex jeħles lill-adoraturi tiegħu għal ġo dinja ġdida taʼ tjieba.—2 Pietru 3:13.
13 Dawk kollha li jridu l-favur t’Alla jridu jitgħallmu jsejħu ismu bil-fidi. Il-Bibbja twiegħed: “Kull min isejjaħ isem il-Mulej [Jehovah] isalva.” (Rumani 10:13) Iva, l-isem Jehovah għandu tifsir sinjifikanti ferm. Li ssejjaħ lil Jehovah bħala Alla tiegħek u l-Ħellies tiegħek jistaʼ jwasslek għal hena bla tarf.
KWALITAJIET TAʼ DAK ALLA VERU
14. Il-Bibbja liema kwalitajiet bażiċi t’Alla tenfasizza?
14 Studju dwar il-ħelsien taʼ Iżrael mill-Eġittu jenfasizza erbaʼ kwalitajiet bażiċi li Alla jippossiedi f’bilanċ perfett. Il-modi li bihom ittratta maʼ Farawni rrivelaw il-qawwa taʼ l-għaġeb tiegħu. (Eżodu 9:16) Il-mod kapaċi li bih Alla ttratta maʼ dik is-sitwazzjoni kkumplikata wera l-għerf inkomparabbli tiegħu. (Rumani 11:33) Hu rrivela l-ġustizzja tiegħu f’li esegwixxa l-kastig fuq l-opponenti u l-oppressuri stinati tal-poplu tiegħu. (Dewteronomju 32:4) Kwalità pre-eminenti t’Alla hija l-imħabba. Jehovah wera mħabba li tispikka billi wettaq il-wegħda tiegħu rigward id-dixxendenti t’Abraham. (Dewteronomju 7:8) Hu wera wkoll imħabba billi ħalla lil xi Eġizzjani jabbandunaw l-allat foloz u jibbenefikaw bil-kbir billi jieħdu l-waqfa tagħhom favur dak l-uniku Alla veru.
15, 16. Alla b’liema modi wera mħabba?
15 Hekk kif taqra l-Bibbja, se tinnota li l-imħabba hija l-attribut prinċipali t’Alla, u hu juriha b’ħafna modi. Per eżempju, kien sforz l-imħabba li hu sar Ħallieq u għall-ewwel darba qasam il-ferħ tal-ħajja maʼ ħlejjaq spirti. Dawk il-mijiet taʼ miljuni t’anġli jħobbu lil Alla u jfaħħruh. (Ġob 38:4, 7; Danjel 7:10) Alla wera wkoll l-imħabba f’li ħalaq l-art u f’li ppreparaha għal eżistenza umana hienja.—Ġenesi 1:1, 26-28; Salm 115:16.
16 Aħna nibbenefikaw mill-imħabba t’Alla b’modi wisq numerużi biex insemmuhom. Per eżempju, Alla b’imħabba għamel lill-iġsma tagħna b’mod tant meraviljuż li nistgħu ngawdu l-ħajja. (Salm 139:14) L-imħabba tiegħu hija murija f’li hu jipprovdi ‘x-xita mis-sema u l-frott fi żmienu, u hekk ixebbagħna bl-ikel u jimlielna qlubna bil-hena.’ (Atti 14:17) Alla saħansitra “jtellaʼ x-xemx tiegħu sew fuq il-ħżiena u sew fuq it-tajbin, u jniżżel ix-xita sew fuq min hu tajjeb u min m’huwiex.” (Mattew 5:45) L-imħabba tqanqal ukoll lill-Ħallieq tagħna biex jgħinna niksbu l-għarfien dwar Alla u naqduh henjin bħala l-adoraturi tiegħu. Tabilħaqq, “Alla hu mħabba.” (1 Ġwann 4:8) Imma hemm wisq iktar fil-personalità tiegħu.
“ALLA LI JAGĦDER U JĦENN”
17. X’nitgħallmu dwar Alla f’Eżodu 34:6, 7?
17 Wara li l-Iżraeliti qasmu l-Baħar l-Aħmar, kien għadhom jeħtieġu jsiru jafu lil Alla aħjar. Mosè ħass din il-ħtieġa u talab: “Jekk jien tassew sibt ħniena quddiemek, għallimni triqatek, biex nagħarfek u nsib ħniena quddiemek.” (Eżodu 33:13) Mosè sar jaf lil Alla aħjar malli samaʼ d-dikjarazzjoni t’Alla stess: “Jaħweh! Jaħweh! Alla li jagħder u jħenn; tqil biex jagħdab u kbir fit-tjieba u l-fedeltà. Iħares it-tjieba għal elf ġenerazzjoni u jaħfer il-ħażen, id-dnub u l-ħtija; imma ma jħalli xejn għaddej.” (Eżodu 34:6, 7) Alla jibbilanċja l-imħabba tiegħu bil-ġustizzja, billi ma jipproteġix lil dawk li jidinbu minn jeddhom mill-konsegwenzi taʼ l-għemil żbaljat tagħhom.
18. Jehovah kif ta prova li hu mimli ħniena?
18 Bħalma sar jaf Mosè, Jehovah juri ħniena. Persuna mimlija ħniena tħoss għal dawk li jsofru u tipprova ġġibilhom serħan. B’hekk Alla wera mogħdrija għall-umanità billi għamel provvediment għal serħan permanenti mis-sofferenza, mard, u mewt. (Apokalissi 21:3-5) Adoraturi t’Alla jistgħu jġarrbu gwajiet minħabba l-kundizzjonijiet f’din id-dinja mill-agħar, jew jistgħu jaġixxu bla għaqal u jinqalgħalhom l-inkwiet. Imma jekk bl-umiltà jduru lejn Jehovah għall-għajnuna, hu se jfarraġhom u jgħinhom. Għala? Għaliex hu bil-ħniena kollha jimpurtah b’mod teneru mill-adoraturi tiegħu.—Salm 86:15; 1 Pietru 5:6, 7.
19. Għala nistgħu ngħidu li Alla hu grazzjuż?
19 Bosta nies fl-awtorità jittrattaw lil oħrajn bl-aħrax. F’kuntrast, kemm hu grazzjuż Jehovah lejn il-qaddejja umlin tiegħu! Għalkemm hu l-ogħla awtorità fl-univers, juri qalb tajba li tispikka b’mod ġenerali maʼ l-umanità kollha. (Salm 8:4, 5 [8:3, 4, NW]; Luqa 6:35) Jehovah hu grazzjuż ukoll maʼ individwi, billi jwieġeb it-talbiet speċifiċi tagħhom għal favur. (Eżodu 22:25, 26 [22:26, 27, NW]; Luqa 18:13, 14) M’għandniex xi ngħidu, Alla m’hu obbligat li juri favur jew ħniena maʼ ħadd. (Eżodu 33:19) Għalhekk, għandna bżonn nuru apprezzament profond għall-ħniena u l-ħlewwa t’Alla.—Salm 145:1, 8.
BIL-MOD BIEX JIRRABJA, IMPARZJALI, U TWAJJEB
20. Liema ħaġa turi li Jehovah hu kemm bil-mod biex jirrabja u kemm imparzjali?
20 Jehovah bil-mod biex jirrabja. Madankollu, dan ma jfissirx li hu ma jiħux azzjoni, għax hekk għamel meta qered lill-istinat Farawni u l-armata tiegħu fil-Baħar l-Aħmar. Jehovah hu wkoll imparzjali. Għalhekk, il-poplu ffavorit tiegħu, l-Iżraeliti, eventwalment tilfu l-favur tiegħu minħabba l-ħażen persistenti tagħhom. Alla jaċċetta bħala l-adoraturi tiegħu nies minn kull ġens, imma dawk biss li jikkonformaw mal-mogħdijiet taʼ tjieba tiegħu.—Atti 10:34, 35.
21. (a) Apokalissi 15:2-4 x’jgħallimna dwar Alla? (b) Liema ħaġa se tagħmilha iktar faċli għalina biex nagħmlu dak li Alla jgħid li huwa sewwa?
21 Il-ktieb Bibliku t’Apokalissi jenfasizza l-importanza li nitgħallmu dwar “il-ġudizzji” t’Alla. Dan jgħidilna li ħlejjaq tas-sema jkantaw: “Kbar u taʼ l-għaġeb l-għemejjel tiegħek, Mulej, Alla li tistaʼ kollox; ġusti u veri t-triqat tiegħek, Sultan tal-ġnus. Min ma jibżax minnek, Mulej, u ma jsebbaħx lil ismek? Għax int waħdek qaddis; il-ġnus kollha jiġu u jinxteħtu quddiemek iqimuk, għax il-ġudizzji tiegħek intwerew.” (Apokalissi 15:2-4) Aħna nuru biżaʼ bnin taʼ Jehovah jew reverenza għalih, billi nikkonformaw maʼ dak li hu jgħid li huwa sewwa. Dan jintgħamel eħfef billi nfakkru lilna nfusna dwar l-għerf u l-imħabba t’Alla. Il-kmandi kollha tiegħu huma għall-ġid tagħna.—Isaija 48:17, 18.
“ALLA TAGĦNA L-MULEJ . . . WAĦDU”
22. Dawk li jaċċettaw il-Bibbja għala ma jqimux Trinità?
22 L-Eġizzjani tal-qedem qiemu ħafna allat, imma Jehovah hu ‘Alla għajjur [“li jesiġi devozzjoni esklussiva,” NW].’ (Eżodu 20:5) Mosè fakkar lill-Iżraeliti li “Alla tagħna l-Mulej [Jehovah], il-Mulej waħdu.” (Dewteronomju 6:4) Ġesù Kristu rrepeta dak il-kliem. (Mark 12:28, 29) Għalhekk, dawk li jaċċettaw il-Bibbja bħala l-Kelma t’Alla ma jqimux Trinità li tikkonsisti fi tliet persuni jew allat f’wieħed. Fil-fatt, il-kelma “Trinità” lanqas biss tidher fil-Bibbja. Dak Alla veru hu Persuna waħda, separat minn Ġesù Kristu. (Ġwann 14:28; 1 Korintin 15:28) L-ispirtu qaddis t’Alla m’huwiex persuna. Huwa l-forza attiva taʼ Jehovah, użata minn Dak li Jistaʼ Kollox biex iwettaq l-iskopijiet tiegħu.—Ġenesi 1:2; Atti 2:1-4, 32, 33; 2 Pietru 1:20, 21.
23. (a) Imħabbtek lejn Alla kif se tikber? (b) Ġesù x’qal dwar li wieħed iħobb lil Alla, u x’għandna bżonn nitgħallmu dwar Kristu?
23 Meta tikkunsidra kemm Jehovah hu taʼ l-għaġeb, ma taqbilx int li jixraqlu l-qima tiegħek? Hekk kif tistudja l-Kelma tiegħu, il-Bibbja, se ssir tafu aħjar u se titgħallem dak li jirrikjedi minnek għall-ġid etern u l-hena tiegħek. (Mattew 5:3, 6) Barra minn dan, l-imħabba tiegħek għal Alla se tikber. Dak huwa xieraq, għax Ġesù qal: “Int għandek tħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha.” (Mark 12:30) Ovvjament, Ġesù kellu mħabba bħal din għal Alla. Imma l-Bibbja x’tirrivela dwar Ġesù Kristu? X’inhu l-irwol tiegħu fl-iskop taʼ Jehovah?
ITTESTJA L-GĦARFIEN TIEGĦEK
X’inhu l-isem t’Alla, u kemm spiss huwa wżat fl-Iskrittura Ebrajka?
Għala għandek tuża l-isem t’Alla?
Liema kwalitajiet t’Alla Jehovah jappellaw speċjalment għalik?
[Stampa f’paġna 29]
Kemm tafu sewwa lill-Ħallieq taʼ l-affarijiet kollha?