LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w95 10/1 pp. 8-14
  • Għajjurin għall-Qima Pura taʼ Jehovah

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għajjurin għall-Qima Pura taʼ Jehovah
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Għoġol Tad-​Deheb
  • Baal Taʼ Peor
  • Lezzjoni Taʼ Twissija
  • Eżempji Iktar Riċenti T’Għira Divina
  • L-​Għira T’Alla Tibbenefika Lill-​Poplu Tiegħu
  • Atti Futuri T’Għira Divina
  • L-Imħabba Tikkonkwista l-Għira Mhix Xierqa
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • Għandhom il-Kristjani Jkunu Għajjurin?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Dak Li Għandek Tkun Taf Dwar L-Għira
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • Ġużeppi Jsir Vittma tal-Għira
    Fuljett għal-Laqgħa—Il-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna—2020
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
w95 10/1 pp. 8-14

Għajjurin għall-​Qima Pura taʼ Jehovah

“Il-​Mulej ‘Għajjur’ ismu; Alla għajjur hu.”—EŻODU 34:14.

1. Liema hija l-​kwalità dominanti t’Alla, u kif inhi relatata maʼ l-​għira tiegħu?

JEHOVAH jiddeskrivi lilu nnifsu bħala “Alla għajjur.” Forsi tistgħaġeb b’dan, ladarba l-​kelma “għira” għandha implikazzjonijiet negattivi. M’għandniex xi ngħidu, il-​kwalità dominanti t’Alla hija l-​imħabba. (1 Ġwann 4:8) Kwalunkwe sentimenti t’għira min-​naħa tiegħu jridu għalhekk ikunu għall-​ġid taʼ l-​umanità. Fil-​fatt, se naraw li l-​għira t’Alla hija vitali għall-​paċi u l-​armonija taʼ l-​univers.

2. Liema huma xi modi kif jiġu tradotti l-​kelmiet bl-​Ebrajk għal “għira”?

2 Kelmiet bl-​Ebrajk għal “għira” relatati maʼ xulxin jidhru ’il fuq minn 80 darba fl-​Iskrittura Ebrajka. Kważi nofs dawn ir-​referenzi japplikaw għal Alla Jehovah. “Meta applikat għal Alla,” jispjega G. H. Livingston, “il-​kunċett t’għira ma jġorrx l-​implikazzjoni t’emozzjoni perverta, imma, minflok, taʼ insistenza fuq l-​esklussività taʼ qima lil Jehovah.” (The Pentateuch in Its Cultural Environment) B’hekk, in-​New World Translation xi drabi titraduċi n-​nom Ebrajk “insistenza fuq devozzjoni esklussiva.” (Eżekjel 5:13) Traduzzjonijiet addattati oħrajn huma “ħrara” jew “ħeġġa.”—Salm 79:5; Isaija 9:7.

3. L-​għira b’liema modi tistaʼ xi drabi taqdi skop tajjeb?

3 Il-​bniedem kien maħluq bil-​kapaċità li jħossu għajjur, imma l-​waqgħa tal-​bniedem fid-​dnub irriżultat f’tgħawwiġ taʼ l-​għira. Minkejja dan, għira umana tistaʼ tkun forza għall-​ġid. Tistaʼ tqanqal lil dak li jkun biex jipproteġi lil xi ħadd li jħobb minn influwenzi ħżiena. Iktar minn hekk, il-​bnedmin jistgħu b’mod xieraq juru għira għal Jehovah u għall-​qima tiegħu. (1 Slaten 19:10) Biex iwassal il-​fehma korretta t’għira bħal din għal Jehovah, in-​nom Ebrajk jistaʼ jiġi tradott “tolleranza t’ebda rivalità” lejh.—2 Slaten 10:16, NW.

L-​Għoġol Tad-​Deheb

4. Liema kmand li jinvolvi għira taʼ tjieba kien prominenti fil-​Liġi t’Alla lil Iżrael?

4 Eżempju t’għira taʼ tjieba huwa dak li seħħ wara li l-​Iżraeliti rċevew il-​Liġi ħdejn il-​Muntanja Sinaj. Ripetutament, huma kienu ġew imwissijin biex ma jqimux allat magħmulin mill-​bnedmin. Jehovah qalilhom: “Jien hu l-​Mulej Alla tiegħek, Alla għajjur (żeluż) [jew, ‘Alla li nesiġi devozzjoni esklussiva; Alla li ma nittollerax rivalità,’ NW].” (Eżodu 20:5; qabbel Eżodu 20:22, 23; Eżodu 22:19 [Eżodu 22:20, NW]; 23:13, 24, 32, 33.) Jehovah daħal f’patt maʼ l-​Iżraeliti, billi wiegħed li jberikhom u li jġibhom fil-​Pajjiż Imwiegħed. (Eżodu 23:22, 31) U n-​nies qalu: “Kull ma qalilna l-​Mulej nagħmluh, u nisimgħu minnu.”—Eżodu 24:7.

5, 6. (a) L-​Iżraeliti kif dinbu serjament waqt li kienu kkampjati ħdejn il-​Muntanja Sinaj? (b) Jehovah u l-​adoraturi leali tiegħu kif urew għira taʼ tjieba ħdejn Sinaj?

5 Minkejja dan, l-​Iżraeliti malajr dinbu kontra Alla. Kien għadhom ikkampjati taħt il-​Muntanja Sinaj. Mosè kien ilu fuq il-​muntanja għal ħafna ġranet, jirċievi iżjed struzzjoni mingħand Alla, u n-​nies sforzaw lil ħu Mosè, Aronne, biex jagħmlilhom alla. Aronne ċeda u għamel għoġol mid-​deheb li n-​nies ipprovdewlu. Ġie sostnut li dan l-​idolu kien jirrappreżenta lil Jehovah. (Salm 106:20) L-​għada offrew sagrifiċċji u baqgħu “jmilu quddiemu.” Imbagħad qagħdu “jixxalaw.”—Eżodu 32:1, 4, 6, 8, 17-19.

6 Mosè niżel minn fuq il-​muntanja waqt li l-​Iżraeliti kienu qegħdin jiċċelebraw. Meta ra l-​kondotta t’għajb tagħhom, għajjat: “Min iżomm mal-​Mulej jiġi ħdejja.” (Eżodu 32:25, 26) L-​ulied subjien taʼ Levi nġabru ħdejn Mosè, u tahom struzzjoni biex jieħdu s-​sjuf u jagħtu l-​mewt lix-​xalaturi idolatrużi. Billi wrew l-​għira tagħhom għall-​qima pura t’Alla, il-​Leviti qatlu madwar 3,000 minn ħuthom il-​ħatjin. Jehovah irrinforza din l-​azzjoni billi bagħat kastig fuq dawk li baqgħu ħajjin. (Eżodu 32:28, 35) Imbagħad Alla rrepeta l-​kmand: “Tmilx ruħek u tqim ebda alla ieħor, għax il-​Mulej ‘Għajjur’ ismu; Alla għajjur hu.”—Eżodu 34:14.

Baal Taʼ Peor

7, 8. (a) Ħafna Iżraeliti kif waqgħu f’idolatrija grassa f’konnessjoni maʼ Baal taʼ Peor? (b) Il-​flaġell minn Jehovah kif intemm?

7 Erbgħin sena wara, meta l-​ġens taʼ Iżrael kien wasal biex jidħol il-​Pajjiż Imwiegħed, nisa Moabiti u Midjaniti attraenti ħajru lil ħafna Iżraeliti biex jiġu u jgawdu l-​ospitalità tagħhom. Dawn l-​irġiel kien imisshom irrifjutaw sħubija intima m’adoraturi t’allat foloz. (Eżodu 34:12, 15) Minflok, ġrew bħal ‘barrin għall-​qatla,’ billi kkommettew fornikazzjoni man-​nisa u billi ngħaqdu magħhom f’li jmilu quddiem Baal taʼ Peor.—Proverbji 7:21, 22; Numri 25:1-3.

8 Jehovah bagħat flaġell biex joqtol lil dawk li ġew involuti f’din il-​qima t’għajb tas-​sess. Alla kkmanda wkoll lill-​Iżraeliti innoċenti biex joqtlu lil ħuthom il-​ħatjin. Bi sfida sfaċċata, kaptan taʼ Iżrael li kien jismu Żimri ġab prinċipessa Midjanita fit-​tinda tiegħu biex ikollu relazzjonijiet magħha. Meta ra dan, Fineħas il-​qassis li kellu l-​biżaʼ t’Alla qatel lill-​koppja immorali. Il-​flaġell imbagħad ġie mwaqqaf, u Alla ddikjara: “Fineħas . . . raġġaʼ lura l-​korla tiegħi minn fuq ulied Israel; xegħel bl-​għira bl-​istess għira tiegħi għal ġieħi, u ma qridtx lill-​ulied Israel fis-​saħna taʼ l-​għira tiegħi.” (Numri 25:11) Għalkemm il-​ġens ġie salvat mill-​qerda, minn taʼ l-​inqas mietu 23,000 Iżraelit. (1 Korintin 10:8) Huma tilfu t-​tama li kienu ilhom jgħożżu taʼ li jidħlu fil-​Pajjiż Imwiegħed.

Lezzjoni Taʼ Twissija

9. Xi ġralhom in-​nies taʼ Iżrael u taʼ Ġuda minħabba li ma kinux għajjurin għall-​qima pura taʼ Jehovah?

9 B’sogħba, l-​Iżraeliti malajr insew dawn il-​lezzjonijiet. Ma tawx prova li kienu għajjurin għall-​qima pura taʼ Jehovah. “Kebbsulu l-​għira [lil Alla] bl-​idoli tagħhom.” (Salm 78:58) Bħala riżultat, Jehovah ippermetta li għaxar tribujiet taʼ Iżrael jittieħdu fil-​jasar mill-​Assirjani fis-​740 Q.E.K. Is-​saltna taʼ Ġuda li kien baqaʼ biż-​żewġ tribujiet sofriet kastig simili meta l-​belt kapitali tagħhom Ġerusalemm ġiet meqruda fis-​sena 607 Q.E.K. Ħafna nqatlu, u dawk li baqgħu ħajjin ittieħdu fil-​jasar f’Babilonja. X’eżempju taʼ twissija għall-​Kristjani kollha llum!—1 Korintin 10:6, 11.

10. X’se jiġrilhom idolatri li ma jindmux?

10 Terz mill-​popolazzjoni taʼ l-​art​—madwar 1,900 miljun—​issa jistqarru li huma Kristjani. (1994 Britannica Book of the Year) Il-​biċċa l-​kbira minn dawn jappartjenu lil knejjes li jużaw ikoni, xbihat, u slaleb fil-​qima tagħhom. Jehovah ma ħelishiex lill-​poplu tiegħu stess li qanqluh għall-​għira bl-​idolatrija tagħhom. Lanqas ma se jeħlisha lil Kristjani taʼ l-​isem li jqimu bl-​għajnuna t’oġġetti materjali. “Alla hu spirtu, u dawk li jadurawh għandhom jadurawh fl-​ispirtu u l-​verità,” qal Ġesù Kristu. (Ġwann 4:24) Barra minn hekk, il-​Bibbja twissi lill-​Kristjani biex jgħassu kontra l-​idolatrija. (1 Ġwann 5:21) Idolatri li ma jindmux huma fost dawk li m’humiex se jirtu s-​Saltna t’Alla.—Galatin 5:20, 21.

11. Kristjan kif jistaʼ jsir ħati taʼ idolatrija mingħajr ma jmil quddiem idolu, u x’se jgħin lil dak li jkun biex jevita idolatrija bħal din? (Efesin 5:5)

11 Għalkemm Kristjan veru qatt ma se jmil quddiem idolu, hu jrid jevita kwalunkwe ħaġa li Alla jqis bħala idolatruża, mhix nadifa, u midinba. Per eżempju, il-​Bibbja twissi: “Mewtu ġo fikom dak kollu li hu taʼ l-​art: żina, faħx, ġibdiet, xewqat ħżiena, u l-​idolatrija tar-​rebgħa. Minħabba dan tilħaq il-​korla t’Alla lil dawk li ma jobdux.” (Kolossin 3:5, 6) Ubbidjenza għal dan il-​kliem tirrikjedi li nirrifjutaw imġiba immorali. Dan jitlob li jiġi evitat divertiment li huwa mfassal biex iqajjem aptit sesswali mhux nadif. Minflok ma jissodisfaw aptit bħal dan, Kristjani veri huma għajjurin għall-​qima pura t’Alla.

Eżempji Iktar Riċenti T’Għira Divina

12, 13. Ġesù kif kien t’eżempju li jispikka f’li juri għira għall-​qima pura t’Alla?

12 L-​iktar eżempju li jispikka taʼ raġel li wera għira għall-​qima pura t’Alla kien Ġesù Kristu. Fl-​ewwel sena tal-​ministeru tiegħu, ra merkanti rgħibin jinnegozjaw fil-​btieħi tat-​tempju. Lhud ġejjin minn postijiet oħrajn għandhom mnejn kienu jeħtieġu s-​servizzi taʼ sarrafa tal-​flus biex jibdlu l-​flus barranin tagħhom maʼ flus li jkunu aċċettabbli bħala taxxa tat-​tempju. Kellhom bżonn ukoll jixtru annimali u għasafar sabiex joffru s-​sagrifiċċji meħtiġin mil-​Liġi t’Alla. Transazzjonijiet taʼ negozju bħal dawn suppost li twettqu barra mill-​btieħi tat-​tempju. Agħar minn hekk, il-​merkanti kienu evidentement qegħdin jieħdu vantaġġ mhux xieraq mill-​ħtiġijiet reliġjużi taʼ ħuthom billi jitolbuhom prezzijiet eċċessivi. Ikkunsmat b’għira għall-​qima pura t’Alla, Ġesù uża frosta biex ikeċċi ’l barra lin-​ngħaġ u l-​barrin. Qaleb ukoll l-​imwejjed tas-​sarrafa tal-​flus, billi qal: “Dar Missieri tagħmluhiex dar tan-​negozju!” (Ġwann 2:14-16) B’hekk Ġesù wettaq il-​kliem taʼ Salm 69:10 [Salm 69:9, NW]: “Għax il-​ħeġġa [jew, “għira,” Byington] għal darek fnietni.”

13 Tliet snin wara, Ġesù mill-​ġdid osserva lil merkanti rgħibin joperaw fit-​tempju taʼ Jehovah. Kien hu se jnaddfu t-​tieni darba? L-​għira tiegħu għall-​qima pura t’Alla kienet daqstant qawwija dak iż-​żmien daqs kemm kienet meta beda l-​ministeru tiegħu. Keċċa ’l barra kemm lill-​bejjiegħa kif ukoll lix-​xerrejja. U ta saħansitra raġuni iktar qawwija għall-​azzjonijiet tiegħu, billi qal: “Ma hemmx miktub li ‘d-​dar tiegħi tkun tissejjaħ dar it-​talb għall-​ġnus kollha’? Intom, imma, għamiltuha għar tal-​ħallelin!” (Mark 11:17) X’eżempju meraviljuż taʼ persistenza fit-​turija t’għira divina!

14. L-​għira taʼ Ġesù għall-​qima pura kif għandha teffettwana?

14 Il-​personalità tal-​Mulej Ġesù Kristu issa gglorifikat ma nbidlitx. (Lhud 13:8) F’dan is-​seklu 20, għadu daqstant għajjur għall-​qima pura taʼ Missieru daqs kemm kien meta kien fuq l-​art. Dan jistaʼ jidher mill-​messaġġi taʼ Ġesù lis-​sebaʼ kongregazzjonijiet iddokumentati fil-​ktieb taʼ Rivelazzjoni. Dawn għandhom l-​applikazzjoni ewlenija tagħhom issa, “f’jum il-​Mulej.” (Apokalissi 1:10; 2:1–3:22) F’viżjoni l-​appostlu Ġwanni ra lil Ġesù Kristu gglorifikat u “għajnejh kienu ġamra nar.” (Apokalissi 1:14) Dan jindika li xejn ma jaħrab l-​attenzjoni taʼ Kristu hekk kif jispezzjona l-​kongregazzjonijiet biex jiżgura li jibqgħu ndaf u aċċettabbli għas-​servizz taʼ Jehovah. Kristjani taż-​żmien preżenti jeħtiġilhom iżommu f’moħħhom it-​twissija taʼ Ġesù kontra li jipprovaw jaqdu żewġ sidien​—Alla u r-​rikkezzi. (Mattew 6:24) Ġesù qal lil membri materjalistiċi tal-​kongregazzjoni taʼ Laodiċea: “Ladarba int biered, u la sħun u lanqas kiesaħ, jien sa nobżqok minn ġo ħalqi. . . . Mela tħeġġeġ u indem.” (Apokalissi 3:14-19) Bil-​kliem u bl-​eżempju, anzjani maħturin tal-​kongregazzjoni għandhom jgħinu lill-​kredenti sħabhom biex jevitaw in-​nasba tal-​materjaliżmu. L-​anzjani jridu wkoll jipproteġu lill-​merħla mill-​korruzzjoni morali taʼ din id-​dinja mogħtija għas-​sess. Iktar minn hekk, in-​nies t’Alla ma jissograwx jittolleraw kwalunkwe influwenza taʼ Ġeżabel fil-​kongregazzjoni.—Lhud 12:14, 15; Apokalissi 2:20.

15. L-​appostlu Pawlu kif imita lil Ġesù f’li juri għira għall-​qima taʼ Jehovah?

15 L-​appostlu Pawlu kien imitatur taʼ Kristu. Biex jipproteġi lil Kristjani li kienu għadhom kif tgħammdu minn influwenzi taʼ ħsara spiritwalment, qal: “Jien għajjur għalikom bl-​istess għira t’Alla.” (2 Korintin 11:2) Qabel dan, l-​għira taʼ Pawlu għall-​qima pura kienet qanqlitu biex jagħti struzzjoni lil din l-​istess kongregazzjoni biex taqtaʼ mis-​sħubija lil fornikatur li ma nidimx u li kien influwenza li tikkontamina. L-​istruzzjonijiet spirati mogħtijin f’dik l-​okkażjoni kienu t’għajnuna kbira għal anzjani llum hekk kif jistinkaw biex iżommu lill-​iktar minn 75,500 kongregazzjoni tax-​Xhieda taʼ Jehovah indaf.—1 Korintin 5:1, 9-13.

L-​Għira T’Alla Tibbenefika Lill-​Poplu Tiegħu

16, 17. (a) Meta Alla kkastiga lil Ġuda tal-​qedem, il-​ġnus x’attitudni wrew? (b) Wara s-​70 sena taʼ jasar taʼ Ġuda, Jehovah kif wera l-​għira tiegħu għal Ġerusalemm?

16 Meta Alla kkastiga lin-​nies taʼ Ġuda billi ħalliehom jittieħdu rsiera lejn Babilonja, huma ġew imwaqqgħin għaċ-​ċajt. (Salm 137:3) B’mibgħeda għajjura, l-​Edomiti saħansitra għenu lill-​Babilonjani biex iġibu gwaj fuq il-​poplu t’Alla, u Jehovah innotah dan. (Eżekjel 35:11; 36:15) Fil-​jasar dawk li baqgħu ħajjin nidmu, u wara 70 sena Jehovah irrestawrahom f’pajjiżhom.

17 Għall-​ewwel, in-​nies taʼ Ġuda kienu f’sitwazzjoni diżastruża. Il-​belt taʼ Ġerusalemm u t-​tempju tagħha kienu fi stat taʼ rovina. Imma l-​ġnus taʼ madwarhom opponew l-​isforzi kollha biex jinbena t-​tempju mill-​ġdid. (Esdra 4:4, 23, 24) Jehovah kif ħassu dwar dan? Ir-​rekord spirat jistqarr: “Dan jgħid il-​Mulej taʼ l-​eżerċti: ‘Jien għajjur fuq li għajjur għal Ġerusalemm u għal Sijon; iżda mgħaddab għall-​aħħar għall-​ġnus li, bla ma ħabblu rashom minn xejn, mexxew il-​ħsara ’l quddiem, imqar meta jien kont inkurlat ftit.’ Mela hekk jgħid il-​Mulej: ‘Fil-​ħniena tiegħi nerġaʼ ndur lejn Ġerusalemm; it-​tempju tiegħi jerġaʼ jinbena fiha’​—Oraklu tal-​Mulej taʼ l-​eżerċti.” (Żakkarija 1:14-16) B’seħħ taʼ din il-​wegħda, it-​tempju u l-​belt taʼ Ġerusalemm inbnew mill-​ġdid b’suċċess.

18. Kristjani veri x’ġarrbu matul l-​ewwel gwerra dinjija?

18 Il-​vera kongregazzjoni Kristjana kellha esperjenza simili fis-​seklu 20. Matul l-​ewwel gwerra dinjija, Jehovah iddixxiplina lin-​nies tiegħu għaliex ma żammewx strettament newtrali f’dak il-​konflitt dinji. (Ġwann 17:16) Alla ppermetta lill-​qawwiet politiċi jgħakksuhom, u l-​kleru tal-​Kristjaneżmu thennew b’dan il-​gwaj. Fil-​fatt, membri tal-​kleru kienu minn taʼ quddiem f’li jġiegħlu lill-​politikanti jipprojbixxu x-​xogħol taʼ l-​Istudenti tal-​Bibbja, bħalma kienu jissejħu x-​Xhieda taʼ Jehovah dak iż-​żmien.—Apokalissi 11:7, 10.

19. Jehovah kif wera għira għall-​qima tiegħu mill-​1919 ’l hawn?

19 Madankollu, Jehovah wera għira għall-​qima tiegħu u rrestawra lin-​nies niedma tiegħu għall-​favur tiegħu fis-​sena taʼ wara l-​gwerra 1919. (Apokalissi 11:11, 12) Bħala riżultat, l-​għadd taʼ dawk li jfaħħru lil Jehovah żdied minn ftit inqas minn 4,000 fl-​1918 għal iktar minn 5 miljuni llum. (Isaija 60:22) Dalwaqt, l-​għira taʼ Jehovah għall-​qima pura tiegħu se tiġi murija b’modi iżjed drammatiċi.

Atti Futuri T’Għira Divina

20. X’se jagħmel Alla dalwaqt biex juri l-​għira tiegħu għall-​qima pura?

20 Għal sekli sħaħ il-​knejjes tal-​Kristjaneżmu segwew il-​korsa tal-​Lhud apostati li qanqlu lil Jehovah għall-​għira. (Eżekjel 8:3, 17, 18) Dalwaqt Alla Jehovah se jaġixxi billi jpoġġi ħsieb drastiku fil-​qlub taʼ membri tan-​Nazzjonijiet Uniti. Dan se jqanqal lil dawn il-​qawwiet politiċi biex jiddeżolaw lill-​Kristjaneżmu u l-​bqija tar-​reliġjon falza. (Apokalissi 17:16, 17) Il-​veri adoraturi se jinħelsu minn dik l-​esekuzzjoni tal-​biżaʼ taʼ ġudizzju divin. Huma se jwieġbu għall-​kliem taʼ ħlejjaq tas-​sema li jgħidu: “Ħallelujah! . . . għax [Alla] għamel ħaqq miż-​Żienja l-​Kbira [ir-reliġjon falza], dik li ħassret l-​art biż-​żina [it-tagħlim falz u l-​appoġġ taʼ politika korrotta] tagħha, u tħallas minnha tad-​demm tal-​qaddejja tiegħu.”—Apokalissi 19:1, 2.

21. (a) Satana u s-​sistema tiegħu x’se jagħmlu wara li tkun ġiet meqruda r-​reliġjon falza? (b) Alla kif se jwieġeb?

21 X’se jiġri wara l-​qerda taʼ l-​imperu dinji taʼ reliġjon falza? Satana se jqanqal lill-​qawwiet politiċi biex jorganizzaw attakk globali fuq in-​nies taʼ Jehovah. Kif se jirreaġixxi dak Alla veru għal dan l-​attentat taʼ Satana biex jiknes il-​vera qima minn fuq wiċċ l-​art? Eżekjel 38:19-23 jgħidilna: “Fis-​saħna taʼ l-​għira u n-​nar tad-​dagħdigħa tiegħi jien [Jehovah] għidt . . . U jien nivvendika ruħi minnu [Satana] bil-​pesta u bid-​demm; nibgħatlu xita bil-​qliel, silġ daqs iċ-​ċagħak, nar u kubrit, fuq il-​qtajja tiegħu, fuq il-​kotra taʼ popli miegħu. U hekk nuri l-​kobor u l-​qdusija tiegħi quddiem kotra taʼ ġnus, u jkunu jafu li jien il-​Mulej.”​—Ara wkoll Sofonija 1:18; 3:8.

22. Kif nistgħu nuru li aħna għajjurin għall-​qima pura taʼ Jehovah?

22 Kemm huwa taʼ faraġ li tkun taf li s-​Sovran taʼ l-​univers jieħu ħsieb b’mod għajjur tal-​veri adoraturi tiegħu! B’apprezzament profond għall-​qalb tajba mhix mistħoqqa tiegħu, ejjew inkunu għajjurin għall-​qima pura t’Alla Jehovah. B’żelu, jalla nkomplu nippridkaw l-​aħbar tajba u b’mod fiduċjuż nistennew il-​jum grandjuż meta Jehovah ikabbar u jqaddes lill-​kbir ismu.—Mattew 24:14. (w95 9/15)

Punti Għal Meditazzjoni

◻ X’ifisser li tkun għajjur għal Jehovah?

◻ X’nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju mħolli mill-​Iżraeliti tal-​qedem?

◻ Kif nistgħu nevitaw li nqanqlu lil Jehovah għall-​għira?

◻ Alla u Kristu kif urew għira għall-​qima pura?

[Kaxxa f’paġna 12]

L-​Imħabba M’Hijiex Għajjura

RIGWARD l-​invidja, l-​istudjuż tal-Bibbja tas-​seklu 19 Albert Barnes kiteb: “Hija waħda mill-​iktar wirjiet komuni t’għemejjel mill-​agħar, u turi b’mod ċar kemm jistaʼ jaqaʼ baxx il-​bniedem.” Hu kompla qal: “Dak li jistaʼ jsegwi l-​gwerer u l-​ġlied u l-​pjani dinjin lura lejn is-​sors tagħhom​—il-​proġetti u l-​iskopijiet kollha taʼ saħansitra wħud li jgħidu li huma Kristjani, li tant iservu biex itappnu lir-​reliġjon tagħhom u jagħmluha taħseb bħad-​dinja, lura lejn l-​oriġini veru tagħhom​—jibqaʼ sorpriż meta jsib kemm minnhom ġejjin mill-​invidja. Aħna ninkeddu għax oħrajn huma prosperużi iktar minna; nixtiequ nippossjedu dak li għandhom oħrajn, għalkemm m’għandna ebda dritt għalih; u dan iwassal għad-diversi metodi taʼ ħtija li jiġu adottati biex inaqqsu mit-​tgawdija tagħhom taʼ dan li għandhom, jew biex nakkwistawh aħna nfusna, jew biex nuru li huma ma jippossjedux daqs kemm normalment suppost li għandhom. . . . għax b’hekk l-​ispirtu taʼ invidja fi ħdanna se jkun sodisfatt.”—Rumani 1:29; Ġakbu 4:5.

F’kuntrast, Barnes għamel stqarrija interessanti rigward l-​imħabba li “ma tgħirx.” (1 Korintin 13:4, King James Version) Hu kiteb: “L-​imħabba m’hijiex invidjuża għall-​hena li jgawdu oħrajn; hija titgħaxxaq bil-​ġid tagħhom, u waqt li l-​hena tagħhom tiżdied . . . , dawk li huma influwenzati mill-​imħabba . . . ma jnaqqsux l-​hena tagħhom; huma ma jġiegħluhomx iħossuhom skomdi minħabba dak li jippossjedu; ma jtellfux minn dik l-​hena; ma jgemgmux jew jiddispjaċihom li huma nfushom m’humiex daqshekk iffavoriti. . . . Jekk aħna nħobbu lil oħrajn​—jekk nithennew bl-​hena tagħhom, m’għandniex ikollna invidja għalihom.”

[Stampa f’paġna 10]

Fineħas kien għajjur għall-​qima pura taʼ Jehovah

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja