L-Għajn taʼ l-Ajkla
MINN KITTIEB TAʼ STENBAĦ! FI SPANJA
L-ISPANJOLI jiddeskrivu raġel b’vista qawwija u tajba bħala li għandu vista t’ajkla (vista de águila). Il-Ġermaniżi għandhom espressjoni simili (Adlerauge). Mhux taʼ b’xejn li l-vista tant qawwija taʼ l-ajkla kienet fuq fomm ħafna nies matul is-sekli. Il-ktieb taʼ Ġob, miktub fuq tlett elef sena ilu, dwar l-ajkla jgħid: ‘Fil-bogħod għajnejha jħarsu.’—Ġob 39:27, 29, Saydon.
Imma l-ajkla fil-fatt kemm tistaʼ tara fil-bogħod? “Taħt kundizzjonijiet ideali, ajkla rjali (Aquila chrysaetos) [bl-Ingliż golden eagle], tistaʼ taqbad movimenti żgħar taʼ fenek minn iktar minn 2 kilometri ’l bogħod,” jispjega The Guinness Book of Animal Records. Oħrajn ikkalkulaw li l-ajkla tistaʼ saħansitra tara iktar minn hekk!
Imma x’jagħti lill-ajkla vista daqshekk qawwija? L-ewwelnett, l-ajkla rjali għandha żewġ għajnejn kbar li jokkupaw parti kbira minn rasha. Il-ktieb Book of British Birds jinnota li fil-każ taʼ l-ajkla rjali, għajnejha “huma, fil-fatt, kbar kemm jistaʼ jkun, mingħajr ma huma tant tqal li jfixklu t-titjir.”
Iktar minn hekk, l-għajnejn taʼ l-ajkla għandhom ċelluli li jirċievu d-dawl madwar ħames darbiet iktar milli għandu l-bniedem—xi 1,000,000 ċellula bħal konijiet għal kull millimetru kwadru meta mqabbel mal-200,000 li għandna aħna. Kważi kull waħda minn dawn iċ-ċelluli hija mqabbda maʼ newron. Bħala riżultat, in-nerv ottiku taʼ l-ajkla, li jġorr messaġġi mill-għajn għall-moħħ, għandu ammont doppju taʼ fibri milli għandu l-bniedem. Mhux taʼ b’xejn li dawn il-kreaturi għandhom il-fakultà li jaraw il-kuluri daqshekk tajjeb! Fl-aħħarnett, it-tajr tal-priża, bħal għasafar oħrajn, għandu għajnejn armati b’lenti qawwija li kapaċi tbiddel l-iffokar minn oġġetti pulzier ’il bogħod sa dawk f’distanza mbiegħda. Għajnejhom huma wisq aħjar minn tagħna f’dan ir-rigward ukoll.
Il-vista taʼ l-ajkla hija unika matul id-dawl tal-ġurnata, imma bil-lejl il-kokka tgħaddiha. It-tajr tal-priża taʼ bil-lejl għandu għajnejn b’ħafna ċelluli qishom vireg li huma sensittivi għad-dawl u għandu wkoll lenti b’wiċċ kbir. Bħala riżultat, jistgħu jaraw 100 darba aħjar bil-lejl milli nistgħu naraw aħna. Madankollu, f’dawk l-okkażjonijiet rari, meta jkun hemm dlam ċappa, il-kokka trid tiddependi biss fuq is-smigħ tajjeb tagħha biex issib il-priża.
Min ta lil dawn l-għasafar attributi bħal dawn? Alla staqsa lil Ġob: “L-ajkla b’ordni tiegħek li titlaʼ fl-għoli?” Ovvjament, l-ebda bniedem ma jistaʼ jieħu l-kredtu għal din il-meravilja tal-ħolqien. Ġob innifsu bl-umiltà ammetta: “Jien naf li inti [Jehovah] tistaʼ kollox.” (Ġob 39:27; 42:1, 2) L-għajn taʼ l-ajkla hija biss xiehda oħra taʼ l-għerf tal-Ħallieq tagħna.
[Stampa f’paġna 24]
Ajkla rjali
[Stampa f’paġna 24]
Kokka bajda kbira