Il-Fiduċja Tistaʼ Tinkiseb mill-Ġdid!
GĦALKEMM il-kriżi li hawn bħalissa f’dik li hi fiduċja hija sinjal taʼ “l-aħħar tad-dinja,” in-nuqqas taʼ fiduċja kien beda jidher ukoll eluf taʼ snin ilu. (2 Timotju 3:1) Dan feġġ għall-ewwel darba fl-iktar post li ma tistenniex li jkun—fil-ġenna taʼ l-art. Dwar dak il-post, il-Bibbja tgħid: “U l-Mulej Alla ħawwel ġnien fl-Għeden, in-naħa tal-lvant, u qiegħed hemm il-bniedem li kien sawwar. U l-Mulej Alla nibbet mill-art is-siġar kollha li jpaxxu l-għajn u bnina għall-ikel; u s-siġra tal-ħajja f’nofs il-ġnien u s-siġra taʼ tagħrif it-tajjeb u l-ħażin.”—Ġenesi 2:8, 9.
Il-versi taʼ wara jitfgħu dawl fuq x’għandu x’jaqsam dan mal-kriżi li għandna llum f’dik li hi fiduċja. Naqraw: “U l-Mulej Alla ordna lill-bniedem u qallu: ‘Mis-siġar kollha tal-ġnien tistaʼ tiekol, imma mis-siġra taʼ tagħrif it-tajjeb u l-ħażin, la tikolx minnha, għax dak in-nhar li tiekol minnha żgur li tmut.’” (Ġenesi 2:16, 18) Kellu Adam għalxiex jiddubita dak li qal Jehovah?
Inkomplu naqraw: “U s-serp kien l-aktar wieħed li jilħaqlu fost l-annimali selvaġġi kollha, li kien għamel il-Mulej Alla. U qal lill-mara: ‘Tassew li Alla qalilkom: “La tiklux mis-siġar kollha tal-ġnien”?’ U l-mara wieġbet lis-serp: ‘Mill-frott tas-siġar fil-ġnien nistgħu nieklu. Imma mill-frott li hemm f’nofs il-ġnien, Alla qalilna: “La tiklux minnu, u lanqas ma għandkom tmissuh, inkella tmutu.”’ U s-serp qal lill-mara: ‘Le, żgur ma tmutux. Imma Alla jaf li dak in-nhar li tieklu minnu jinfetħu għajnejkom u ssiru bħal allat, li jafu t-tajjeb u l-ħażin.’ U l-mara rat li s-siġra kienet tajba għall-ikel u tiġbdek fil-għajn, u s-siġra tħajjrek biex tikseb id-dehen; u ħadet mill-frott u kielet. Mbagħad tat ukoll li żewġha, li kien magħha, u kiel.”—Ġenesi 3:1-6.
Billi injoraw it-twissija ċara t’Alla, Adam u Eva wrew nuqqas taʼ fiduċja f’Jehovah. Għamlu bħal Satana l-avversarju t’Alla, li kien kellem lil Eva permezz tas-serp litterali. Satana ma kellux fiduċja fil-mod kif Jehovah jmexxi. Minħabba f’hekk u għax kellu qalb imkabbra u ambizzjuża, huwa ħadha kontra Alla u qarraq bil-bnedmin biex jagħmlu l-istess. Ġagħalhom jaħsbu li Alla mhux taʼ min jafdah.
Ir-Riżultat? Relazzjonijiet Imwiegħra
Għandek mnejn innotajt li individwi li ma jafdawx lil ħaddieħor isibuha diffiċli li jkollhom il-ħbieb. Publiljus Sirus, kittieb Latin taʼ l-ewwel seklu Q.E.K., kiteb: “Il-fiduċja hija l-unika rabta tal-ħbiberija.” Bl-att ribelluż tagħhom, Adam u Eva wrew li ma kinux jafdaw f’Alla. Għaldaqstant, Alla kellu kull raġuni biex ma jafdahomx. Ladarba tfarrket il-fiduċja, l-ewwel bnedmin tilfu l-ħbiberija t’Alla. M’hemm l-ebda indikazzjoni li Jehovah reġaʼ kellimhom xi darb’oħra wara li kkundannahom talli rribellaw.
Ir-relazzjoni bejn Adam u Eva wkoll batiet. Jehovah wissa lil Eva: “Bl-uġigħ tiled it-tfal; lejn żewġek tiġbdek xewqtek, u jaħkem fuqek hu.” (Korsiv tagħna.) (Ġenesi 3:16) Il-verżjoni tal-Bibbja taʼ Saydon tgħid: “Hu jkun sidek.” Minflok ma jeżerċita l-istat taʼ kap fuq martu bl-imħabba, kif kien ried Alla, Adam issa kien sar sidha, jagħmilha taʼ ħakkiem fuqha.
Wara li kienu dinbu, Adam ipprova jwaħħal f’martu. Skond hu, kien minħabba f’dak li għamlet hi li huma ġew imkeċċijin minn ġnien perfett għal ġo dinja nofsha lesta, iddestinati li jitjassru f’kundizzjonijiet xejn ideali qabel ma jerġgħu lura lejn it-trab. (Ġenesi 3:17-19) Nistgħu nimmaġinaw li dan x’aktarx li ħalaq nuqqas taʼ qbil bejniethom it-tnejn. Forsi Adam kien ħadha bi kbira u ħalef li ma jerġax jismaʼ minn Eva darb’oħra. Forsi ħassu ġġustifikat li jgħidilha, fi kliem ieħor, ‘Minn issa ’l quddiem, jien nikkmanda!’ Eva, min-naħa l-oħra, forsi ħassitha li Adam ma kienx wettaq l-irwol tiegħu bħala kap tal-familja, u b’hekk tilfet il-fiduċja fih. Fi kwalunkwe każ, billi esprimew nuqqas taʼ fiduċja f’Alla, il-bnedmin tilfu l-ħbiberija li kellhom miegħu u għamlu ħsara lir-relazzjoni li l-bnedmin kellhom bejniethom.
Lil Min Nistgħu Nafdaw?
Bħalma naraw mill-eżempju taʼ Adam u Eva, mhux kulħadd jistħoqqlu l-fiduċja tagħna. Kif nistgħu nkunu nafu min jistħoqqlu l-fiduċja tagħna u min le?
Salm 146:3 jagħtina l-parir: “La tittamawx fil-kbarat, għax il-bniedem ma jsalvakomx.” U f’Ġeremija 17:5-7, naqraw: “Misħut il-bniedem li jittama fil-bnedmin, li jfittex il-qawwa tiegħu fil-ġisem, u titbiegħed qalbu mill-Mulej.” Min-naħa l-oħra, “[i]mbierek il-bniedem li jittama fil-Mulej, u l-fiduċja tiegħu fil-Mulej.”
M’għandniex xi ngħidu, li wieħed juri fiduċja fil-bnedmin m’huwiex dejjem ħażin. Dawk it-testi qegħdin sempliċement joħorġu l-punt li l-fiduċja f’Alla qatt m’hi xi ħaġa mhix f’lokha, imma li npoġġu l-fiduċja tagħna fi bnedmin imperfetti jistaʼ xi kultant jirriżulta f’diżastru. Per eżempju, dawk in-nies li jafdaw fil-bnedmin biex iwettqu dak li Alla biss jistaʼ jagħmel—li jipprovdi salvazzjoni u jġib paċi sħiħa fis-sigurtà—se joħorġu ddiżappuntati.—Salm 46:10 [Salm 46:9, New World Translation]; 1 Tessalonikin 5:3.
Attwalment, il-bnedmin u l-istituzzjonijiet umani jixirqilhom il-fiduċja biss sakemm dawn jaġixxu f’armonija maʼ l-iskopijiet t’Alla u jimxu bi prinċipji kif irid Alla. B’hekk, jekk irridu nqanqlu lil oħrajn biex juru fiduċja fina, irridu ngħidu l-verità, billi nkunu onesti u taʼ min jafdana. (Proverbji 12:19; Efesin 4:25; Lhud 13:18) Huwa biss billi nġibu ruħna fi qbil mal-prinċipji tal-Bibbja li l-fiduċja li oħrajn juru fina tistaʼ qatt tkun iġġustifikata u tagħti prova li hi sors taʼ saħħa u inkuraġġiment reċiproku.
Nerġgħu Nġeddu l-Fiduċja
Ix-Xhieda taʼ Jehovah għandhom bażi soda għalxiex ipoġġu l-fiduċja f’Alla u jinkuraġġixxu lil oħrajn biex jagħmlu l-istess. Jehovah hu fidil u leali, wieħed li dejjem tistaʼ sserraħ rasek li se jagħmel dak li jgħid, għax ‘huwa impossibbli għal Alla li jigdeb.’ Min ipoġġi l-fiduċja tiegħu f’dak Alla taʼ mħabba qatt ma se joħroġ iddiżappuntat.—Lhud 6:18; Salm 94:14; Isaija 46:9-11; 1 Ġwann 4:8.
Dawk in-nies li flimkien qed ipoġġu l-fiduċja tagħhom f’Jehovah u qed jgħixu fi qbil mal-prinċipji tiegħu huma mqanqlin b’mod qawwi biex juru fiduċja f’xulxin. F’dinja li qiegħda ġġarrab kriżi f’dik li hi fiduċja, kemm hi ħaġa taʼ ferħ li ssib nies taʼ min tafdahom! Ġib ftit quddiem għajnejk kemm tkun differenti d-dinja li kieku jkollna fiduċja sħiħa f’dak kollu li ħaddieħor jgħid jew jagħmel! Fid-dinja l-ġdida li ġejja mwiegħda minn Alla, hekk se nkunu. Qatt iktar ma se jkun hawn kriżi f’dik li hi fiduċja!
Tixtieq tgħix f’dak iż-żmien? Jekk inhu hekk, ix-Xhieda taʼ Jehovah jistednuk biex issaħħaħ il-fiduċja tiegħek f’Alla u fil-wegħdi tiegħu billi titgħallem iktar dwar x’jirrikjedi minnek biex tgħix. Studju tal-Bibbja jagħti provi li Alla jeżisti, li hu interessat fil-benesseri tal-umanità, u li dalwaqt se jieħu azzjoni biex jirranġa l-problemi tad-dinja permezz tas-Saltna tiegħu. Miljuni taʼ nies tgħallmu jpoġġu l-fiduċja tagħhom f’Alla u fil-Kelma tiegħu, il-Bibbja. Ix-Xhieda taʼ Jehovah lesti bil-qalb kollha li juruk kif int tistaʼ tieħu kors taʼ studju fuq il-Bibbja bla ħlas li huma joffru bħala servizz pubbliku. Jew inkella ikteb lill-pubblikaturi taʼ din ir-rivista għal iktar informazzjoni.
[Kumment f’paġna 5]
Nuqqas taʼ fiduċja f’Alla jwassal għal ħsara fir-relazzjonijiet bejn il-bnedmin
[Kumment f’paġna 6]
Il-bnedmin huma denji tal-fiduċja sakemm dawn jaġixxu fi qbil mal-prinċipji divini