Ibqaʼ Safi Billi Tgħasses lil Qalbek
“Ħares [“għasses,” “NW”] lil qalbek bir-reqqa kollha, għax minnha ġejja l-ħajja.”—PROVERBJI 4:23.
1-3. (a) Ġeneralment, in-nies kif juru li ma jqisux is-safa tagħhom bħala li hi taʼ valur? Agħti eżempju. (b) Għala huwa importanti li teżamina x’valur għandha s-safa?
IL-PITTURA forsi kienet meqjusa bħala li hi antikwata. Forsi ma kinitx taqbel maʼ l-istil taʼ l-għamara fid-dar. Kien x’kien il-każ, is-sid mid-dehra ħass li ma kellux bżonnha. Il-pittura spiċċat f’ħanut li jbigħ l-affarijiet għall-karità, bil-prezz taʼ 12-il lira. Imma, ftit tas-snin wara, dak li xtraha sar jaf li kienet tiswa madwar 400,000 lira! Iva, skoprew li l-pittura kienet kapulavur rari. Immaġina kif ħassu l-ewwel sid, li kien ħaseb li dan it-teżor ma kellux valur!
2 Xi ħaġa simili spiss tiġri fil-każ tas-safa, li hi l-indafa morali taʼ individwu, jew il-kastità. Ħafna nies illum ma tantx iqisuha taʼ valur is-safa tagħhom. Xi wħud iqisuha bħala xi ħaġa antikwata, li xejn ma taqbel mal-ħajja moderna. B’hekk, jissagrifikawha għal xi ħaġa żgħira. Uħud iċedu s-safa tagħhom għal ftit mumenti taʼ sodisfazzjon sesswali. Oħrajn jissagrifikawha bit-tama li dawk taʼ madwarhom u dawk tas-sess oppost ikollhom opinjoni tajba dwarhom.—Proverbji 13:20.
3 Ħafna jiskopru kemm is-safa tagħhom kienet verament taʼ valur meta jkun tard wisq. It-telfa tagħhom spiss tkun waħda traġika. Bħalma tgħid il-Bibbja, l-effetti taʼ wara l-immoralità jistgħu jkunu bħal velenu, ‘morri daqs l-assenzju.’ (Proverbji 5:3, 4) Minkejja x-xejra korrotta moralment taʼ llum, int kif tistaʼ tgħożż u żżomm is-safa tiegħek? Aħna se niffokaw fuq tliet passi relatati li nistgħu nagħmlu.
Għasses lil Qalbek
4. X’inhi l-qalb figurattiva, u għala għandna ngħassuha?
4 Iċ-ċavetta biex iżżomm is-safa hi li tgħasses lil qalbek. Il-Bibbja tgħid: “Ħares [“għasses,” NW] lil qalbek bir-reqqa kollha, għax minnha ġejja lħajja.” (Proverbji 4:23) Il-kelma “qalbek” għalxiex qed tirreferi hawnhekk? Din m’hijiex il-qalb letterali. Din hija waħda figurattiva. Tirreferi għall-bniedem minn ġewwa, inkluż il-ħsibijiet, is-sentimenti, u l-motivazzjonijiet tiegħek. Il-Bibbja tgħid: “Ħobb, mela, lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha u b’saħħtek kollha.” (Dewteronomju 6:5, korsiv tagħna.) Ġesù rrefera għal dan il-kmand bħala l-akbar wieħed. (Mark 12:29, 30) B’mod ċar, qalbna għandha valur kbir ħafna. Jistħoqqilha li ngħassuha.
5. Il-qalb kif tistaʼ tkun taʼ valur u taʼ periklu fl-istess ħin?
5 Madankollu, il-Bibbja tgħid ukoll li “fuq kollox qalb il-bniedem kollha qerq u mħassra.” (Ġeremija 17:9) Il-qalb kif tistaʼ tkun kollha qerq—taʼ periklu għalina? Per eżempju, karozza hija għodda taʼ valur, saħansitra tistaʼ ssalva l-ħajjiet f’emerġenza. Imma jekk is-sewwieq ma jikkontrollax il-karozza, jekk ma jiggwidax l-isteering kontinwament, dik l-istess karozza tistaʼ malajr issir arma perikoluża. Bl-istess mod, jekk ma tgħassisx lil qalbek, int se tiġi kontrollat minn kull xewqa u impuls li għandek, u ħajtek tistaʼ tispiċċa f’diżastru. Il-Kelma t’Alla tgħid: “Min jafda fih innifsu hu iblah, imma min jimxi fit-triq taʼ l-għerf jimxi fis-sod [jew “ikun meħlus,” KŻ].” (Proverbji 28:26) Iva, int tistaʼ timxi fl-għerf u teħles minn diżastru jekk tuża l-Kelma t’Alla biex tiggwidak, l-istess bħal meta tħares lejn mappa tat-toroq qabel ma tibda xi vjaġġ.—Salm 119:105.
6, 7. (a) X’inhi l-qdusija, u għala hija importanti għall-qaddejja taʼ Jehovah? (b) Kif nafu li bnedmin imperfetti jistgħu jirriflettu l-qdusija taʼ Jehovah?
6 Qalbna mhix se xxaqleb lejn is-safa b’mod naturali. Aħna rridu niggwidawha biex tagħmel dan. Mod wieħed kif nagħmlu dan hu billi naħsbu dwar il-valur veru tas-safa. Din il-kwalità għandha x’taqsam ħafna mal-qdusija, li tfisser l-indafa, il-purità, u s-separazzjoni mid-dnub. Il-qdusija hi kwalità prezzjuża li hi parti mill-istess natura t’Alla Jehovah. Mijiet taʼ versi Bibliċi jassoċjaw din il-kwalità maʼ Jehovah. Fil-fatt, il-Bibbja tgħid li “l-Qdusija tappartjeni lil Jehovah.” (Eżodu 28:36, NW) Iżda, din il-kwalità li tisboq x’konnessjoni għandha maʼ bnedmin imperfetti bħalna?
7 Fil-Kelma tiegħu, Jehovah jgħidilna: “Kunu qaddisin, għax qaddis jien.” (1 Pietru 1:16) Iva, aħna nistgħu nimitaw il-qdusija taʼ Jehovah; nistgħu nkunu nodfa quddiemu, u nistgħu nżommu s-safa tagħna. Għalhekk, meta nżommu lura minn għemejjel maħmuġin li jniġġsuna, aħna nkunu qed nistinkaw biex niksbu privileġġ mill-aqwa, opportunità taʼ l-għaġeb—jiġifieri li nirriflettu din il-kwalità mill-isbaħ t’Alla l-Iktar Għoli! (Efesin 5:1) M’għandniex nassumu li dan huwa impossibbli għalina, għaliex Jehovah hu Sid kollu għerf u raġunevoli li qatt ma jitlob minna iktar milli nifilħu nagħtu. (Salm 103:13, 14; Ġakbu 3:17) M’għandniex xi ngħidu, biex nibqgħu safjin spiritwalment u moralment irridu nagħmlu sforz. Iżda, l-appostlu Pawlu qal li s-“sinċerità u s-safa . . . jixirqu lill-Kristu.” (2 Korintin 11:3, NW) Ma jistħoqqilhomx Kristu u Missieru li nagħmlu kull sforz biex nibqgħu safjin moralment? Wara kollox, huma wrewna iktar imħabba milli qatt nistgħu nuruhom aħna. (Ġwanni 3:16; 15:13) Huwa privileġġ għalina li nesprimu l-gratitudni tagħna billi ngħixu ħajja nadifa moralment. Billi naħsbu dwar is-safa tagħna b’dan il-mod, aħna se ngħożżuha billi ngħassu lil qalbna.
8. (a) Kif nistgħu nsostnu lill-qalb figurattiva? (b) Il-konversazzjoni tagħna, x’tistaʼ tirrivela dwarna?
8 Aħna ngħassu lil qalbna wkoll bil-mod kif nitimgħu lilna nfusna. Għandna bżonn nitimgħu regolarment lil moħħna u lil qalbna b’ikel spiritwali bnin u nibqgħu ffokati fuq l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla. (Kolossin 3:2) Anki l-konversazzjonijiet tagħna għandhom juru li qed jiffokaw fuqha. Jekk aħna magħrufin li nitkellmu dwar suġġetti immorali, tal-ġisem, aħna qed nuru xi ħaġa dwar il-kundizzjoni taʼ qalbna. (Luqa 6:45) Minflok, ejja nkunu magħrufin bħala wħud li jitkellmu dwar affarijiet spiritwali li jibnu. (Efesin 5:3) Sabiex ngħassu lil qalbna, hemm perikli serji li għandna nevitaw. Ejja niddiskutu tnejn minn dawn.
Aħrab iż-Żína
9-11. (a) Dawk li jinjoraw il-parir taʼ l-1 Korintin 6:18 għala x’aktarx li iktar jiġu involuti f’immoralità serja? Agħti eżempju. (b) Jekk qed naħarbu ż-żína, x’aħna nevitaw? (ċ) Liema eżempju pożittiv ħallielna r-raġel leali Ġob?
9 Jehovah ispira lill-appostlu Pawlu biex jikteb parir li għen lil ħafna jgħassu lil qalbhom u jibqgħu safjin. Pawlu qal: “Aħarbu ż-żína!” (1 Korintin 6:18) Innota li hu ma qalx sempliċement, “Evita ż-żína.” Il-Kristjani għandhom jagħmlu iktar minn hekk. Huma għandhom jaħarbu jiġru minn atti immorali, eżatt bħallikieku kienu qed jitilqu jiġru minħabba xi ħaġa li kienet taʼ periklu għal ħajjithom. Jekk ninjoraw dan il-parir, aħna x’aktarx li se nżidu l-possibbiltà li niġu involuti f’immoralità serja u nitilfu l-favur t’Alla.
10 Biex nagħtu eżempju: Omm ħaslet u libbset lit-tifel iż-żgħir tagħha għal okkażjoni importanti. Hu jistaqsi lil ommu jekk jistax imur jilgħab barra sakemm il-familja tkun se titlaq, u hi taċċetta—b’kundizzjoni waħda. Hi tgħidlu: “Ara ma jfettillikx tmur viċin dik l-għadira tax-xita li hemm barra. Jekk timtela kollok tajn, taqlaʼ kastig.” Però, fi ftit minuti hi tara lit-tifel jixxengel, se jaqaʼ u ma jaqax, f’tarf l-għadira. Ma ċċappasx bit-tajn—s’issa. Madankollu, hu xorta qed jinjora t-twissija t’ommu li ma jmurx viċin l-għadira, u bħala konsegwenza taʼ dan kważi żgur li se jispiċċa fl-inkwiet. (Proverbji 22:15) Ħafna żgħażagħ u adulti li suppost jafu aħjar jagħmlu l-istess żball. B’liema mod?
11 F’dawn il-jiem meta ħafna ċedew “għal ġibdiet [sesswali] bla ġieħ,” ħolqu industrija sħiħa li tipproduċi informazzjoni dwar relazzjonijiet sesswali projbiti. (Rumani 1:26, 27) Il-pjaga tal-pornografija nfirxet permezz tar-rivisti, il-kotba, il-vidjos, u l-Internet. Dawk li jagħżlu li jimlew moħħhom b’dawn l-affarijiet żgur li m’humiex qed jaħarbu ż-żína. Huma qed jilagħbu biha, jixxenglu fix-xifer, u jinjoraw it-twissija tal-Bibbja. Minflok ma jgħassu lil qalbhom, huma qed jivvelenawha bi stampi ċari li jistgħu jieħdu s-snin biex jisparixxu mill-memorja. (Proverbji 6:27) Ejja nitgħallmu mir-raġel leali Ġob, li għamel patt—ftehim formali—m’għajnejh stess, biex ma jarax dak li setaʼ jħajru jagħmel il-ħażen. (Ġob 31:1) X’eżempju taʼ min jimitah!
12. Koppji Kristjani kif jistgħu ‘jaħarbu ż-żína’ waqt l-għerusija?
12 Huwa vitali partikolarment li ‘taħrab iż-żína’ matul l-għerusija. Dan il-perijodu għandu jkun żmien taʼ ferħ, mimli tama u antiċipazzjoni, imma xi koppji żgħażagħ jirrovinawh billi jilagħbu man-nar fejn tidħol l-immoralità. Waqt li qed jagħmlu dan, huma jċaħħdu lil xulxin mill-aħjar bażi għal żwieġ tajjeb—relazzjoni bbażata fuq l-imħabba mhix egoista, ir-rażna, u l-ubbidjenza lejn Alla Jehovah. Koppja Kristjana waħda involviet ruħha fi mġiba immorali waqt l-għerusija. Wara li żżewġu, il-mara ammettiet li l-kuxjenza tagħha kienet titturmentaha, u saħansitra tellfitilha l-ferħ tal-ġurnata tat-tieġ tagħha. Hi stqarret: “Jien kemm-il darba tlabt lil Jehovah biex jaħfirli, imma avolja għaddew sebaʼ snin minn dakinhar, il-kuxjenza tiegħi għadha tniggiżni.” Huwa vitali li dawk li jikkommettu dnubiet bħal dawn ifittxu l-għajnuna taʼ l-anzjani Kristjani. (Ġakbu 5:14, 15) Madankollu, ħafna koppji Kristjani jaġixxu bil-għaqal u jevitaw dawn il-perikli matul l-għerusija. (Proverbji 22:3) Huma jillimitaw l-espressjonijiet tagħhom t’affezzjoni. Meta joħorġu flimkien jieħdu lil xi ħadd ieħor magħhom u bil-għaqal jevitaw li jkunu waħedhom f’postijiet iżolati.
13. Il-Kristjani għala m’għandhomx jidħlu f’għerusija maʼ xi ħadd li ma jaqdix lil Jehovah?
13 Kristjani li jibdew jinnamraw maʼ dawk li ma jaqdux lil Jehovah x’aktarx li se jiffaċċjaw problemi kbar. Per eżempju, kif tistaʼ tintrabat f’madmad maʼ xi ħadd li ma jħobbx lil Alla Jehovah? Huwa vitali li l-Kristjani jintrabtu biss maʼ dawk li jħobbu lil Jehovah u jirrispettaw il-livelli tiegħu dwar is-safa. Il-Kelma t’Alla tgħidilna: “La tintrabtux mal-pagani taħt madmad wieħed li ma jiġikomx. X’għandhom x’jaqsmu bejniethom il-ġustizzja u l-ħażen? X’xirka hemm bejn id-dawl u d-dlam?”—2 Korintin 6:14.
14, 15. (a) Liema ħarsa żbaljata għandhom xi wħud dwar it-tifsira tal-kelma “żína”? (b) Iż-“żína” tinkludi liema tip t’atti, u l-Kristjani kif jistgħu ‘jaħarbu ż-żína’?
14 L-għarfien ukoll huwa essenzjali. Ma nistgħux naħarbu sew iż-żína jekk ma nafux eżattament x’inhi. Xi wħud illum għandhom idea żbaljata taʼ x’inhi t-tifsira taż-“żína.” Huma jimmaġinaw li jistgħu jissodisfaw ix-xewqat sesswali tagħhom barra miż-żwieġ basta ma jagħmlux l-att sesswali nnifsu. Anki xi istituzzjonijiet tas-saħħa li huma rispettati u li qed jipprovaw inaqqsu t-tqala mhix mixtieqa fost iż-żgħażagħ inkuraġġewhom biex jieħdu sehem fi mġiba sesswali mhix normali li ma tirriżultax fi tqala. Parir bħal dan b’dispjaċir huwa ħażin. Hemm differenza kbira bejn li tevita t-tqala barra miż-żwieġ u li żżomm is-safa, u t-tifsira vera tal-kelma “żína” m’hijiex daqshekk limitata.
15 Il-kelma Griega por·neiʹa, li tiġi tradotta “żína,” għandha tifsira vasta mhux ħażin. Din tirreferi għal relazzjonijiet sesswali bejn persuni mhux miżżewġin lil xulxin u tiffoka fuq l-użu ħażin taʼ l-organi sesswali. Por·neiʹa tinkludi atti bħas-sess orali, is-sess anali, u l-masturbazzjoni taʼ xi ħadd ieħor—kondotta spiss assoċjata mad-djar tal-prostituzzjoni. Nies li jaħsbu li atti bħal dawn m’humiex “żína” qed iqarrqu bihom infushom u waqgħu vittmi taʼ waħda min-nases taʼ Satana. (2 Timotju 2:26) Barra minn hekk, li żżomm is-safa jfisser iktar milli sempliċement iżżomm lura minn kwalunkwe att li jinvolvi ż-żína. Biex ‘naħarbu ż-żína’ rridu nevitaw kull tip t’għemil sesswali mhux nadif u kwalunkwe kondotta laxka li tistaʼ twassal għad-dnub gravi tal-por·neiʹa. (Efesin 4:19) B’dak il-mod nistgħu nżommu s-safa.
Evita l-Perikli taʼ li Titkessaħ maʼ Dawk tas-Sess Oppost
16. L-imġiba romantika f’liema ċirkustanzi hija xierqa, u x’eżempju Skritturali għandna?
16 Periklu ieħor li rridu noqogħdu attenti għalih jekk irridu nżommu s-safa hu dak li nitkessħu maʼ dawk tas-sess oppost. Xi wħud forsi jinsistu li din hija xi ħaġa innoċenti, daqsxejn divertiment bla periklu bejn membri tas-sess oppost. M’għandniex xi ngħidu, hemm ħin u post għall-imġiba romantika. Iżakk u Rebekka ġew osservati ‘jżiegħlu’ b’xulxin, u dawk li rawhom indunaw li kienu iktar milli sempliċement aħwa. (Ġenesi 26:7-9) Però dawn kienu miżżewġin. Espressjonijiet t’affezzjoni bejniethom kienu xierqa. Il-fatt li titkessaħ maʼ dawk tas-sess oppost huwa xi ħaġa differenti.
17. X’jiġifieri li titkessaħ maʼ dawk tas-sess oppost, u din il-problema kif tistaʼ tiġi kontrollata?
17 Mod ieħor kif ġie deskritt il-fatt li titkessaħ maʼ dawk tas-sess oppost hu: li turi interess romantiku meta m’hemmx intenzjoni vera li tiżżewweġ. Il-bnedmin huma ħlejjaq kumplessi, u għalhekk bla dubju hemm ħafna modi kif wieħed jistaʼ jitkessaħ, u xi wħud minnhom huma sottili ħafna. (Proverbji 30:18, 19) Minħabba f’hekk, ir-regoli riġidi m’humiex is-soluzzjoni. Minflok, hemm bżonn taʼ xi ħaġa ħafna iktar superjuri minn regoli—li teżamina b’mod onest lilek innifsek u tapplika b’mod kuxjenzjuż il-prinċipji Bibliċi.
18. Xi jqanqal lil xi wħud biex jitkessħu maʼ dawk tas-sess oppost, u dan għala hu taʼ ħsara?
18 Il-biċċa l-kbira minna, jekk aħna onesti magħna nfusna, x’aktarx li jkollna nammettu li nieħdu gost meta nindunaw li xi ħadd mis-sess oppost għandu interess romantiku fina. Dan huwa naturali. Imma noqogħdu aħna nitkessħu biex inqanqlu dan l-interess—sempliċement biex inħossu ċertu sodisfazzjon jew biex inqajmu xi reazzjoni f’ħaddieħor? Jekk dan hu l-każ, ikkunsidrajna aħna kemm uġigħ nistgħu nkunu qed nikkaġunaw? Per eżempju, Proverbji 13:12 jgħid: “It-tama mtawwla tmarrad il-qalb.” Jekk aħna minn rajna nitkessħu maʼ xi ħadd, probabbilment ma nkunux nafu eżatt kemm dik il-persuna se tiġi effettwata. Hu jew hi tistaʼ tibda taħseb dwar il-prospett t’għerusija u saħansitra eventwalment żwieġ. Dan id-diżappunt jistaʼ jkun devastanti. (Proverbji 18:14) Hija kattiverija li tilgħab bis-sentimenti taʼ ħaddieħor apposta.
19. X’periklu hemm għaż-żwieġ Kristjan meta limseħbin fiż-żwieġ jitkessħu m’oħrajn tas-sess oppost?
19 Huwa partikolarment importanti li wħud miżżewġin jgħassu kontra li jitkessħu maʼ dawk tas-sess oppost. Meta tagħti l-impressjoni li għandek interess romantiku f’xi ħadd miżżewweġ—jew meta xi ħadd miżżewweġ juri interess bħal dan lil xi ħadd barra miż-żwieġ—dan huwa ħażin. B’dispjaċir, xi Kristjani b’mod żbaljat jaħsbu li m’hemm xejn ħażin li jkollhom sentimenti romantiċi għal xi ħaddieħor tas-sess oppost barra miż-żwieġ tagħhom. Xi wħud jirrivelaw is-sentimenti tagħhom maʼ “ħbieb” bħal dawn, saħansitra jaqsmu ħsibijiet privati li lanqas biss jaqsmuhom maʼ l-imseħbin tagħhom fiż-żwieġ. Bħala riżultat, sentimenti romantiċi jwasslu għal dipendenza emozzjonali li tistaʼ ddgħajjef jew anki teqred iż-żwieġ. Il-Kristjani miżżewġin jagħmlu tajjeb jekk jiftakru t-twissija għaqlija taʼ Ġesù dwar l-adulterju—dan jibda fil-qalb. (Mattew 5:28) Għalhekk, ejja ngħassu lil qalbna u nevitaw sitwazzjonijiet li jistgħu jwasslu għal riżultati diżastrużi bħal dawn.
20. Kif għandna nkunu determinati li nqisu s-safa tagħna?
20 Irridu nammettu li mhux faċli li nibqgħu safjin fid-dinja immorali taʼ llum. Iżda, ftakar li huwa ħafna iktar faċli li żżomm is-safa milli tipprova terġaʼ tiksibha wara li tkun tliftha. M’għandniex xi ngħidu, Jehovah jistaʼ “jaħfer ħafna” u hu kapaċi jnaddaf lil dawk li verament jindmu minn dnubiethom. (Isaija 55:7) Madankollu, Jehovah ma jeħlisx lil dawk li jikkommettu l-immoralità mill-konsegwenzi taʼ l-azzjonijiet tagħhom. L-effetti taʼ wara għandhom mnejn idumu għal snin sħaħ, saħansitra għal għomorhom kollu. (2 Samwel 12:9-12) Agħmel dak kollu li tistaʼ u żomm is-safa tiegħek billi tgħasses lil qalbek. Qis il-waqfa nadifa u safja tiegħek quddiem Alla Jehovah bħala teżor prezzjuż—u qatt iċċediha!
Int Kif Twieġeb?
• X’inhi s-safa, u għala hija daqshekk importanti?
• Kif nistgħu ngħassu lil qalbna?
• X’hemm involut f’li naħarbu miż-żína?
• Għala għandna nevitaw li nitkessħu maʼ dawk tas-sess oppost?
[Stampa f’paġna 11]
Karozza tistaʼ tkun perikoluża jekk ma tiġix misjuqa tajjeb
[Stampi f’paġna 12]
X’jistaʼ jiġri jekk ma nagħtux kas it-twissijiet?
[Stampa f’paġna 13]
Għerusija safja hija taʼ ferħ u tonora lil Alla