Il-Barka taʼ Jehovah Tagħmilna Għonja
1 Taʼ spiss is-suċċess taʼ persuna jitkejjel minn kemm taqlaʼ paga. Minħabba f’hekk, bosta nies iqisu lil dawk li għandhom ħafna flus bħala l-iktar persuni ferħanin u sodisfatti. Madankollu, in-nies li jħossu li bil-flus jistgħu jixtru l-hena qegħdin jiżbaljaw bil-kbir. (Koħ. 5:11 [5:12, New World Translation]) M’hemm l-ebda ferħ dejjiemi għal dawk li “jridu jistagħnu” materjalment akkost taʼ kollox. (1 Tim. 6:9) Għall-kuntrarju, il-qaddejja taʼ Jehovah huma verament ferħanin kif ukoll huma l-iktar nies għonja fid-dinja. (Prov. 10:22; Apk. 2:9) Kif?
2 Evidenza taʼ l-Għana Tagħna: Aħna għandna dehen u fehma spiritwali għonja tal-Kelma t’Alla, il-Bibbja. Permezz taʼ l-organizzazzjoni tiegħu fuq l-art, Jehovah jibqaʼ jgħallimna dwaru u dwar Ibnu, għall-benefiċċju dejjiemi tagħna. Li jkollna l-fehma eżatta jgħinna nersqu qrib taʼ Jehovah u ngawdu relazzjoni intima miegħu. (Ġak. 4:8) Il-fatt li nagħrfu t-tajjeb mill-ħażin kif ukoll nimxu skond il-liġijiet t’Alla jipproteġina minn ċerti perikli u mard. Aħna fiduċjużi li Jehovah se jipprovdilna dak li għandna bżonn, u dan iwassalna għal kuntentizza m’Alla u paċi tal-moħħ.—Mt. 6:33.
3 Aħna ngawdu l-paċi u l-unità fost il-fratellanza spiritwali tagħna għax nikkultivaw il-frott taʼ l-ispirtu t’Alla. Billi nkunu magħqudin permezz taʼ rabta qawwija taʼ mħabba, qatt m’għandna nħossuna abbandunati minn Alla jew minn ħutna meta niffaċċjaw xi diżastru.—Gal. 6:10.
4 Ħajjitna għandha sinifikat u skop veru. Il-fatt li nieħdu sehem fl-ippridkar globali taʼ l-aħbar tajba nqisuh bħala privileġġ meraviljuż. Dan iġibilna ferħ dejjiemi hekk kif ngħinu lil oħrajn ikollhom relazzjoni tajba m’Alla u jaqdu flimkien magħna fil-qima pura. It-teżor prezzjuż tagħna tal-ministeru jġib unur lil Jehovah u jagħtina s-sodisfazzjon li nistgħu nagħmlu xi ħaġa biex inqaddsu lil ismu. Aħna nżommu attitudni mentali pożittiva, billi nafu li dalwaqt se titwettaq it-tama tagħna għall-futur.
5 Nuru l-Apprezzament Tagħna: Jalla dejjem nuru l-apprezzament tagħna għall-barkiet taʼ Jehovah għax huma dawn li tassew jagħmluna l-iktar nies għonja fuq l-art. (Prov. 22:4) Jekk noqogħdu nimmeditaw ftit kuljum fuq dak li għandna, se nitqanqlu biex nirringrazzjaw lil Jehovah għall-imħabba ġeneruża tiegħu u nibqgħu nagħtu devozzjoni lilu biss.