Int Rifreskanti għal Oħrajn?
FIN-NOFSINHAR tal-grupp tal-Muntanji Anti-Libanu hemm il-Muntanja Ħermon, bil-quċċata maestuża tagħha li tilħaq l-2,814-il kilometru ’l fuq mil-livell tal-baħar. Matul parti kbira mis-sena, il-quċċata tal-Ħermon tkun miksija bis-silġ, u dan iġiegħel li l-fwar sħun li jgħaddi fuqha bil-lejl jikkondensa u jipproduċi n-nida. In-nida tinżel fuq is-siġar taċ-ċipress u tal-frott fuq l-inżul li hemm iktar ’l isfel u fuq id-dwieli isfelnett. Matul l-istaġun niexef taʼ Iżrael tal-qedem, nida rifreskanti bħal din kienet is-sors prinċipali taʼ l-ilma għall-ħxejjex.
F’għanja ispirata minn Alla, l-għaqda rifreskanti fost l-aduraturi taʼ Ġeħova hi mqabbla man-“nida tal-Ħermon, li tinżel fuq l-għoljiet taʼ Sijon.” (Salm 133:1, 3) Bħalma l-Muntanja Ħermon tipprovdi nida rifreskanti għall-ħxejjex, aħna nistgħu nkunu sors rifreskanti, jew taʼ serħan, għal dawk li niltaqgħu magħhom. Kif nistgħu nagħmlu dan?
L-Eżempju Rifreskanti taʼ Ġesù
Ġesù Kristu kellu effett kbir fuq oħrajn. Anki jekk kienu jiltaqgħu miegħu għal ftit ħin in-nies kienu jħossuhom rifreskati. Per eżempju, il-kittieb taʼ l-Evanġelju Marku jirrakkonta: “[Ġesù] ħaddan it-tfal miegħu u beda jberikhom waqt li jpoġġi idejh fuqhom.” (Marku 10:16) Min jaf kemm kien rifreskanti dan għal dawn iż-żgħar!
Fl-aħħar lejl tiegħu fuq l-art bħala bniedem, Ġesù ħasel saqajn id-dixxipli tiegħu. L-umiltà tiegħu żgur li messitilhom qalbhom. Ġesù mbagħad qalilhom: “Ħallejtilkom mudell sabiex, bħalma għamiltilkom jien, tagħmlu intom ukoll.” (Ġwanni 13:1-17) Iva, huma wkoll kellhom bżonn ikunu umli. Għalkemm l-appostli ma fehmux il-punt mill-ewwel u iktar tard f’dik il-lejla bdew jargumentaw dwar min minnhom deher li kien l-akbar, Ġesù ma ġiex provokat. Minflok, hu bil-paċenzja rraġuna magħhom. (Luqa 22:24-27) Anki “meta kien mgħajjar, [Ġesù] m’għajjarx lura.” Fil-fatt, “meta kien qed isofri, m’heddidx, imma baqaʼ jafda ruħu f’idejn dak li jiġġudika bil-ġustizzja.” L-eżempju rifreskanti taʼ Ġesù huwa taʼ min jimitah.—1 Pietru 2:21, 23.
Ġesù qal: “Ħudu l-madmad tiegħi fuqkom u tgħallmu minni, għax jien ġwejjed u umli f’qalbi, u intom issibu serħan għal ruħkom.” (Mattew 11:29) Immaġina tiġi mgħallem minn Ġesù personalment. Wara li semgħuh jgħallem fis-sinagoga tagħhom, dawk li kienu jgħixu f’pajjiżu kienu mistagħġbin u qalu: “Dan ir-raġel minfejn ġab dan l-għerf u dawn l-għemejjel setgħanin?” (Mattew 13:54) Jekk naqraw dwar il-ħajja u l-ministeru taʼ Ġesù nistgħu nitgħallmu ħafna dwar li nkunu taʼ serħan għal oħrajn. Ejja nikkunsidraw kif Ġesù ta eżempju mill-aqwa permezz tal-kliem u billi kellu attitudni li jgħin.
Nużaw Kliem Pożittiv
Huwa ħafna iktar faċli twaqqaʼ bini milli tibni wieħed ġdid. Dan il-prinċipju taʼ li twaqqaʼ u tibni japplika għall-kliem tagħna. Bħala bnedmin imperfetti, ilkoll kemm aħna għandna n-nuqqasijiet. Is-Sultan Salamun qal: “Ma ssibx bniedem ġust fid-dinja li jagħmel is-sewwa bla ma jaqaʼ f’xi ħtija.” (Koħèlet 7:20) Huwa faċli biex tidentifika n-nuqqasijiet taʼ ħaddieħor u tkissru bi kliem li jweġġaʼ. (Salm 64:3-5 [64:2-4, NW]) Min-naħa l-oħra, li nżommu kliemna pożittiv jirrikjedi s-sengħa.
Ġesù uża l-kliem tiegħu biex jibni lin-nies. Hu offra serħan spiritwali billi ħabbrilhom l-aħbar tajba tas-Saltna. (Luqa 8:1) Ġesù kien sors taʼ serħan ukoll għal dawk li saru dixxipli tiegħu billi rrivelalhom lil Missieru tas-sema. (Mattew 11:25-27) Mhux taʼ b’xejn li n-nies kienu jinġibdu lejn Ġesù!
B’kuntrast, l-iskribi u l-Fariżej ma kinux jikkunsidraw il-bżonnijiet t’oħrajn. Ġesù qal: “Iħobbu l-iktar post prominenti fl-ikliet taʼ fil-għaxija u s-siġġijiet taʼ quddiem fis-sinagogi.” (Mattew 23:6) Fil-fatt, huma kienu jiddisprezzaw lin-nies komuni billi kienu jgħidu: “Din il-folla li ma tafx il-Liġi hi misħuta.” (Ġwanni 7:49) L-attitudni tagħhom żgur li ma kinitx rifreskanti!
Kliemna spiss jirrifletti dak li aħna minn ġewwa u kif inqisu lil ħaddieħor. Ġesù qal: “Bniedem tajjeb joħroġ it-tajjeb mit-teżor tajjeb taʼ qalbu, imma l-ħażin joħroġ il-ħażin mit-teżor ħażin tiegħu; għax mill-abbundanza li jkollu f’qalbu jitkellem fommu.” (Luqa 6:45) Mela, x’nistgħu nagħmlu sabiex inkunu nistgħu nagħmlu ċert li kliemna jkun rifreskanti għal ħaddieħor?
Xi ħaġa li nistgħu nagħmlu hi li nieqfu u naħsbu qabel nitkellmu. Proverbji 15:28 jgħid: “Moħħ il-ġust jaħsibha qabel iwieġeb.” Meditazzjoni bħal din m’għandhiex għalfejn tieħu ħafna ħin. B’naqra ħsieb minn qabel, aħna ġeneralment inkunu nistgħu niddeterminaw kif kliemna se jeffettwa lil ħaddieħor. Nistgħu nistaqsu lilna nfusna: ‘Huwa dak li se ngħid mimli mħabba? Huwa verità, jew sempliċement qlajja’? Huwa dan kliem f’waqtu? Se jkun taʼ serħan u inkuraġġiment għal dawk li se jisimgħuh?’ (Proverbji 15:23) Jekk nikkonkludu li ħsieb huwa negattiv jew m’huwiex f’ħinu, ejja nagħmlu sforz kuxjenzjuż biex ninsewh. Anzi, għala ma nipprovawx nibdlu l-kliem maʼ xi ħaġa iktar pożittiva u xierqa? Kliem bla ħsieb huwa bħal meta ‘tinfed b’sejf,’ filwaqt li kummenti pożittivi ‘jdewwu.’—Proverbji 12:18.
Għajnuna oħra hi li tiffoka fuq dak li jagħmel lil sħabna fit-twemmin prezzjużi f’għajnejn Alla. Ġesù qal: “Ebda bniedem ma jistaʼ jiġi għandi jekk ma jiġbdux il-Missier li bagħatni.” (Ġwanni 6:44) Ġeħova jara kwalitajiet sbieħ f’kull wieħed mill-qaddejja leali tiegħu—anki dawk li aħna għandna mnejn inħossu li għandhom personalità diffiċli. Jekk nagħmlu sforz biex nidentifikaw il-kwalitajiet tajbin tagħhom, se jkollna raġuni biex nitkellmu b’mod pożittiv dwarhom.
Għin lil Oħrajn
Ġesù fehem sew il-qagħda mwiegħra taʼ dawk li kienu oppressi. Tabilħaqq, “malli ra l-folol tħassarhom, għax kienu mqaxxrin u mferrxin bħal nagħaġ mingħajr ragħaj.” (Mattew 9:36) Imma Ġesù għamel iktar milli sempliċement tħassarhom meta rahom fil-qagħda diffiċli li kienu fiha; hu għamel xi ħaġa dwarha. Hu għamlilhom din l-istedina: “Ejjew għandi, intom ilkoll li mħabbtin u mgħobbijin, u jien inserraħkom.” Hu ta wkoll din l-assiguranza: “Il-madmad tiegħi ħelu u t-tagħbija tiegħi ħafifa.”—Mattew 11:28, 30.
Illum, aħna ngħixu fi “żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom.” (2 Timotju 3:1) Ħafna nies iħossuhom imtaqqlin minħabba “l-ansjetà taʼ din is-sistema.” (Mattew 13:22) Oħrajn għandhom tagħbija minħabba ċirkustanzi persunali taʼ niket. (1 Tessalonikin 5:14) Kif nistgħu nkunu taʼ serħan għal dawk li għandhom bżonn? Bħal Kristu, aħna nistgħu ngħinu biex intaffu t-tagħbija tagħhom.
Xi nies ifittxu li jneħħu t-tagħbija tagħhom billi jitkellmu dwar il-problemi tagħhom. Jekk uħud li għandhom qalbhom sewda jiġu għandna għall-għajnuna, nieħdu aħna l-ħin biex nisimgħuhom sew? Biex inkunu semmiegħa li juru empatija jirrikjedi li nkunu dixxiplinati magħna nfusna. Jirrikjedi li nibqgħu ffokati fuq dak li l-individwu l-ieħor ikun qed jgħidilna, minflok ma noqogħdu naħsbu dwar kif nistgħu nwieġbu jew dwar kif nistgħu nsolvu l-problema. Jekk nisimgħu sew, inżommu kuntatt bl-għajnejn, u nitbissmu meta jkun xieraq, inkunu qed nuru li jimpurtana.
Fil-kongregazzjoni Kristjana, hemm ħafna opportunitajiet biex ninkuraġġixxu lil sħabna fit-twemmin. Per eżempju, meta nattendu l-laqgħat fis-Sala tas-Saltna nistgħu nfittxu lil uħud li qed jissieltu minħabba problemi taʼ saħħa. Kultant kulma trid tagħmel biex tibnihom hu li ftit minuti qabel jew wara l-laqgħa tgħidilhom ftit kliem taʼ inkuraġġiment. Għandna mnejn ukoll naraw min hemm nieqes meta nattendu l-Istudju tal-Ktieb tal-Kongregazzjoni. Forsi nistgħu nċemplulhom u nuruhom li aħna interessati fil-benesseri tagħhom jew noffru l-għajnuna tagħna.—Filippin 2:4.
L-anzjani Kristjani għandhom tagħbija kbira taʼ responsabbiltà xi jġorru fil-kongregazzjoni. Nistgħu nagħmlu ħafna biex intaffu t-tagħbija billi nikkooperaw u billi nwettqu umilment kwalunkwe inkarigu li għandna mnejn nirċievu. Il-Kelma t’Alla tħeġġiġna: “Kunu ubbidjenti lejn dawk li qed imexxu fostkom u kunu sottomessi lejhom, għax huma qed jgħassulkom ruħkom bħala dawk li għad iridu jagħtu kont; sabiex dan jagħmluh bil-ferħ u mhux bit-tnehid, għax inkella jkun taʼ ħsara għalikom.” (Ebrej 13:17) Jekk noffru ruħna minn jeddna, aħna nistgħu nkunu taʼ serħan għal dawk “li jippresiedu bl-aħjar mod.”—1 Timotju 5:17.
Żid fil-Kliem Pożittiv u fl-Għemejjel t’Għajnuna
In-nida rifreskanti tirriżulta minn eluf taʼ qtar żgħar li jinżlu ħelu ħelu donnu minn imkien. Bl-istess mod, l-effett t’att wieħed nobbli mhux se jkun sors rifreskanti daqs l-effett li jkun hemm meta bil-mod il-mod nuru l-kwalitajiet bħal taʼ Kristu l-ħin kollu.
“Ħa jkollkom affezzjoni tenera lejn xulxin,” kiteb l-appostlu Pawlu. “Kunu minn taʼ quddiem biex tonoraw lil xulxin.” (Rumani 12:10) Ejja napplikaw il-parir taʼ Pawlu. Jalla nkunu sors taʼ serħan għal oħrajn permezz taʼ kliemna u l-azzjonijiet tagħna.
[Stampi f’paġna 16]
In-nida tal-Muntanja Ħermon —sors rifreskanti taʼ ilma għall-ħxejjex
[Stampa f’paġna 17]
Semmiegħ li juri l-empatija huwa sors taʼ serħan għal oħrajn