“Fih Kenn l-Għerf”
“LI TIKSEB l-għerf aħjar mid-deheb, li tikseb id-dehen aħjar mill-fidda,” jgħid Proverbji 16:16. L-għerf għala huwa daqshekk taʼ valur? Għaliex “fih kenn l-għerf u fihom kenn il-flus; imma aħjar l-għerf għax iħarreġ għall-ħajja lil min għandu lilu.” (Koħèlet 7:12) Però, min għandu l-għerf kif jiġi mħarreġ għall-ħajja?
Il-fatt li niksbu għerf divin, jiġifieri, li niksbu għarfien eżatt tal-Kelma t’Alla, il-Bibbja, u li naġixxu fi qbil miegħu, jgħinna nimxu fit-triq li togħġob lil Ġeħova. (Proverbji 2:10-12) Is-Sultan Salamun taʼ Iżrael tal-qedem jgħid: “Triq il-ġusti m’hijiex triq il-ħażen; min iħares triqtu jsalva ħajtu.” (Proverbji 16:17) Iva, min għandu l-għerf jirnexxilu jaħrab triqat ħżiena, u b’hekk isalva ħajtu! Il-proverbji qosra u għorrief fi Proverbji 16:16-33 juru l-effett pożittiv li l-għerf divin jistaʼ jkollu fuq l-attitudni, id-diskors, u l-azzjonijiet tagħna.a
‘Iċċekken’
L-għerf ippersonifikat jiġi deskritt bħala li qed jgħid: “Kburija, ksuħat . . . jien nobgħodhom.” (Proverbji 8:13) Bejn il-kburija u l-għerf hemm baħar jaqsam. Aħna rridu naġixxu bl-għerf u noqogħdu attenti li ma niżviluppawx attitudni supperva jew arroganti. Irridu noqogħdu għassa speċjalment jekk inkunu gawdejna suċċess f’xi qasam taʼ ħajjitna jew jekk aħna fdati b’pożizzjoni taʼ responsabbiltà fil-kongregazzjoni Kristjana.
Proverbji 16:18 iwissi: “Qabel il-qerda [“tisbita,” “NW”] tiġi l-kburija, u qabel il-waqgħa t-tkabbir.” Ikkunsidra l-akbar tisbita fl-univers—il-waqgħa taʼ iben spirtu perfett t’Alla li għamel lilu nnifsu Satana x-Xitan. (Ġenesi 3:1-5; Rivelazzjoni 12:9) Ma weriex hu spirtu supperv qabel it-tisbita tiegħu? Il-Bibbja tirreferi għal dan meta tgħid li raġel li jkun għadu kif sar Kristjan m’għandux jiġi maħtur biex jaqdi bħala indokratur fil-kongregazzjoni Kristjana “li ma jmurx jitkabbar u jaqaʼ fl-istess ġudizzju li ngħata lix-Xitan.” (1 Timotju 3:1, 2, 6) Kemm hu importanti li noqogħdu attenti li ma nqanqlux il-kburija f’ħaddieħor kif ukoll ma nħalluhiex tiżviluppa ġewwa fina!
“Aħjar tiċċekken mal-fqajrin, milli taqsam il-priża mal-kburin,” jgħid Proverbji 16:19. Il-fatt li dan hu parir siewi jidher fil-każ tas-Sultan Nabukodonosor taʼ Babilonja tal-qedem. Hu bi kburija waqqaf statwa kbira ħafna—forsi li kienet tirrappreżenta lilu nnifsu—fuq il-wita taʼ Dura. Għandu mnejn li l-istatwa kienet impoġġija fuq pedestall għoli ħafna sabiex tkun twila 27 metru. (Danjel 3:1) Dan il-monument enormi kellu jkun simbolu impressjonanti taʼ l-imperu taʼ Nabukodonosor. Għalkemm affarijiet kbar u għoljin—bħal din l-istatwa, kif ukoll obeliski, kampnari, u bini għoli—jistgħu jimpressjonaw lill-bnedmin, dawn l-affarijiet ma jimpressjonawhx lil Alla. Is-salmista kanta: “Għalkemm fil-għoli l-Mulej, hu jħares lejn min hu umli: iżda lill-imkabbrin jagħrafhom mill-bogħod.” (Salm 138:6, KŻ) Fil-fatt, “dak li hu għoli fost il-bnedmin hu moqżież f’għajnejn Alla.” (Luqa 16:15) Ikun aħjar għalina jekk ‘infittxu l-affarijiet modesti’ milli ‘naħsbu fuq affarijiet taʼ kburija.’—Rumani 12:16.
Tkellem bid-“Dehen” u l-“Persważjoni”
Il-fatt li niksbu l-għerf kif jeffettwa d-diskors tagħna? Is-sultan għaref jgħidilna: “Min qed juri d-dehen fi kwistjoni se jsib it-tajjeb, u hieni hu min qed jafda f’Ġeħova. Min f’qalbu hu għaref se jingħad dwaru li għandu l-fehma, u min f’xofftejh hu ħelu jżid il-persważjoni. Id-dehen hu bir tal-ħajja għal sidu; u d-dixxiplina tal-boloh hi bluha. Qalb l-għaref iġġiegħel lil fommu juri d-dehen, u żżid il-persważjoni maʼ xofftejh.”—Proverbji 16:20-23, NW.
L-għerf jgħinna nitkellmu bid-dehen u bil-persważjoni. Għala? Għaliex individwu li huwa għaref f’qalbu jipprova “jsib it-tajjeb” fi kwistjoni u “jafda f’Ġeħova.” Meta nistinkaw biex insibu t-tajjeb f’oħrajn, x’aktarx li iktar se nitkellmu tajjeb dwarhom. Minflok ma nkunu ħorox jew argumentattivi, kliemna għandu jkun ħelu u persważiv. Dehen dwar iċ-ċirkustanzi t’oħrajn se jgħinna nifhmu l-ammont taʼ tbatija li forsi qed jesperjenzaw u kif qed ikampaw magħha.
Diskors influwenzat mill-għerf huwa vitali wkoll meta nieħdu sehem fl-ippridkar tas-Saltna u fix-xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli. Meta ngħallmu l-Kelma t’Alla lil oħrajn, l-iskop tagħna m’huwiex li sempliċement ngħaddu informazzjoni Skritturali. Il-mira tagħna hi li nilħqu l-qalb taʼ l-individwi. Dan jirrikjedi li nitkellmu b’persważjoni. L-appostlu Pawlu ħeġġeġ lil sieħbu Timotju biex ikompli f’dak li kien ġie “konvint li hu minnu.”—2 Timotju 3:14, 15.
It-tifsira tal-kelma Griega għal “persważ” hi li “ġġib bidla fil-moħħ permezz taʼ l-influwenza tar-raġuni jew taʼ konsiderazzjonijiet morali,” jgħid An Expository Dictionary of New Testament Words, minn W. E. Vine. Sabiex nippreżentaw argumenti konvinċenti li jwasslu għal bidla fil-ħsieb tas-semmiegħ tagħna jeħtieġ li nkunu nafu dwar il-ħsibijiet, l-interessi, iċ-ċirkustanzi, u l-isfond tiegħu. Kif nistgħu niksbu dan id-dehen? Id-dixxiplu Ġakbu jwieġeb: ‘Kun ħafif biex tismaʼ, tqil biex titkellem.’ (Ġakbu 1:19) Billi nistaqsu xi mistoqsijiet lis-semmiegħ u noqogħdu attenti sewwa għal dak li jgħid, aħna nistgħu nsiru nafu x’tip taʼ persuna hu.
L-appostlu Pawlu kien jispikka fl-abbiltà tiegħu biex jipperswadi lil oħrajn. (Atti 18:4) Anki Demetriju, wieħed mill-opponenti tiegħu li kien arġentier, irrikonoxxa: “Mhux biss f’Efesu, imma kważi fid-distrett kollu taʼ l-Asja, dan Pawlu pperswada lil ħafna nies u dawwarhom għal opinjoni oħra.” (Atti 19:26) Stqarr Pawlu li kienu l-abbiltajiet tiegħu li għamluh effettiv fix-xogħol taʼ l-ippridkar? Lanqas xejn. Hu kkunsidra l-ippridkar tiegħu bħala “turija taʼ l-ispirtu u l-qawwa” t’Alla. (1 Korintin 2:4, 5) Aħna wkoll għandna l-għajnuna taʼ l-ispirtu qaddis taʼ Ġeħova. Minħabba li nafdaw f’Ġeħova, aħna fiduċjużi li se jagħtina l-għajnuna tiegħu hekk kif nistinkaw biex nitkellmu b’dehen u b’persważjoni fil-ministeru tagħna.
Mhux taʼ b’xejn li “min f’qalbu għaref” (KŻ) jissejjaħ “intelliġenti” jew “dehni”! (Proverbji 16:21, KŻ; Saydon) Iva, għal dawk li għandhom id-dehen huwa bħallikieku għandhom “bir tal-ħajja.” (NW) Imma xi ngħidu dwar il-boloh? Huma ‘jmaqdru l-għerf u [“id-dixxiplina,” NW].’ (Proverbji 1:7) Liema riżultati jaħsdu l-boloh minħabba li jiċħdu d-dixxiplina taʼ Ġeħova? Bħalma ssemma qabel, Salamun jgħid: “Id-dixxiplina tal-boloh hi bluha.” (Proverbji 16:22, NW) Huma jirċievu iktar dixxiplina, spiss billi jiġu mċanfrin b’mod iebes. Il-boloh jistgħu wkoll iġibu fuqhom infushom it-tbatija, l-għajb, il-mard, u saħansitra l-mewt qabel il-waqt.
Billi jirreferi iktar għall-effett tajjeb taʼ l-għerf fid-diskors tagħna, is-sultan taʼ Iżrael jgħid: “Il-kliem ħelu bħal xehda għasel, hu ħlewwa tar-ruħ u saħħa tal-ġisem.” (Proverbji 16:24) Bħalma l-għasel hu ħelu u jipprovdi nutriment għal xi ħadd bil-ġuħ, kliem ħelu huwa inkuraġġanti u rifreskanti. L-għasel huwa tajjeb ukoll għas-saħħa u jikkura u huwa tajjeb għan-nies. L-istess huwa l-kliem ħelu; isaħħaħ spiritwalment.—Proverbji 24:13, 14.
Għasses Kontra ‘Triq li Taħseb li Hi Dritta’
Salamun jgħid: “Hemm min jaħseb li triqtu dritta, mbagħad tmiemha jwasslu għall-mewt.” (Proverbji 16:25) Din hija twissija kontra rraġunar falz u t-tfittxija taʼ triq li hija opposta għal-liġi divina. Ċerta triq tistaʼ tidher tajba mill-ħarsa umana imma fir-realtà forsi tmur kontra l-prinċipji ġusti tal-Kelma t’Alla. Iżjed minn hekk, Satana jistaʼ jippromwovi ċertu qerq biex dak li jkun jitħajjar jaqbad triq li hu jemmen li hija tajba, meta fil-fatt twassal għall-mewt.
L-aħjar protezzjoni kontra li nitqarrqu bina nfusna hija qalb għarfa u li għandha l-fehma u kuxjenza li hija mħarrġa mill-għarfien tal-Kelma t’Alla. Meta nieħdu deċiżjonijiet fil-ħajja—kemm jekk rigward il-morali jew il-qima jew xi ħaġa oħra—l-aqwa mod kif nistgħu ngħassu kontra li nqarrqu bina nfusna hu billi niġu gwidati mil-livelli t’Alla taʼ x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin.
“L-Aptit tal-Ħaddiem Jaħdem Għalih”
Is-sultan għaref ikompli: “Il-ħaddiem jaħdem għax irid jiekol, għax il-ġuħ iġiegħlu jaħdem.” (Proverbji 16:26) Salamun qed jgħid li x-xewqa taʼ ħaddiem għall-ikel tistaʼ ‘taħdem’ għalih għaliex il-ġuħ tiegħu ‘jġagħlu,’ jew iqanqlu. An American Translation tgħid: “L-aptit tal-ħaddiem jaħdem għalih; għax il-ġuħ tiegħu jħeġġu.” Xewqa normali, bħall-aptit tagħna għall-ikel, tistaʼ timmotivana biex inkunu produttivi. Xewqa bħal din hija taʼ benefiċċju. Madankollu, xi ngħidu jekk xewqa li hija xierqa titħalla ssir tant eċċessiva li tinbidel f’regħba? Ir-riżultati huma simili għal dak li jiġri meta ħuġġieġa żgħira li tintuża biex jissajjar l-ikel tinbidel f’nar bla kontroll li jqabbad foresta. Ir-regħba hija xewqa bla kontroll u hija qerrieda. Bniedem għaref jinduna bil-periklu u jikkontrolla anki x-xewqat tajbin tiegħu.
‘Taqbadx Triq Ħażina’
Il-kliem li joħroġ minn fommna jistaʼ jkun qerried daqs nar iħeġġeġ. F’deskrizzjoni taʼ l-effetti qerrieda li jiġu meta dak li jkun ifittex in-nuqqasijiet t’oħrajn u jxandarhom, Salamun jgħid: “Min ma jiswa għal xejn ħsara biss jagħmel, kliemu hu bħal nar iħeġġeġ. Min iħobb l-inkwiet iġib il-ġlied, u min ifesfes jifred il-ħbieb.”—Proverbji 16:27, 28.
Bniedem li jipprova jħassar ir-reputazzjoni taʼ bniedem ieħor “ma jiswa għal xejn.” Aħna għandna nipprovaw infittxu t-tajjeb f’oħrajn u ngħidu affarijiet li jibnu r-rispett għalihom. U xi ngħidu dwar li nagħtu widen lil dawk li jferrxu seksik taʼ ħsara? Kliemhom jistaʼ faċilment iqanqal dubji bla bażi, u b’hekk jifred lill-ħbieb u jikkaġuna firdiet fil-kongregazzjoni. L-għerf se jqanqalna biex ma nagħtuhomx widen.
Fi twissija dwar qawwa li tħajjar u li tistaʼ ġġiegħel lil dak li jkun jaqbad triq ħażina, Salamun jgħid: “Il-bniedem vjolenti [“jħajjar,” “NW”] lil għajru miegħu, u jqabbdu triq ħażina. Min jagħmeż għajnejh jaħseb il-ħażin [“jippjana l-konfoffi,” “NW”], min iross xufftejh jistieden id-deni.”—Proverbji 16:29, 30.
Tistaʼ l-vjolenza tuża l-qawwa li tħajjar tagħha fuq l-aduraturi veri? Ħafna individwi llum ġew imħajrin biex ‘jippjanaw konfoffi.’ Huma jippromwovu jew jagħmlu atti taʼ vjolenza. Forsi ma nsibuhiex bi tqila biex noqogħdu ’l bogħod minn parteċipazzjoni diretta taʼ vjolenza bħal din. Imma xi ngħidu dwar li ninġibdu lejha b’modi sottili? Ma ġewx miljuni taʼ nies imħajrin biex igawdu divertiment jew sport li jigglorifika l-vjolenza? It-twissija Skritturali hija ċara: “Min jagħmilha maʼ l-għaref, isir għaref, min imur mal-boloh, jaqaʼ fl-hemm.” (Proverbji 13:20) Kemm joffri protezzjoni l-għerf divin!
X’jistaʼ jingħad dwar individwu li qattaʼ ħajtu fil-kumpanija taʼ l-għerf u l-fehma u li ‘ma qabadx triq ħażina’? Ħajja fit-triq tas-sewwa hija sabiħa f’għajnejn Alla u jistħoqqilha r-rispett. “Ix-xagħar abjad kuruna taʼ ġieħ, li tinkiseb b’ħajja tajba,” jgħid Proverbji 16:31.
Mill-banda l-oħra, ma joħroġ xejn taʼ ġieħ minn rabja bla kontroll. Kajjin, l-ewwel imwieled taʼ Adam u Eva, “saħan sewwa” għal ħuh Abel u ‘qam għalih u qatlu.’ (Ġenesi 4:1, 2, 5, 8) Filwaqt li jistaʼ jkun hemm perijodi meta għandna raġun inħossuna rrabjati, irridu noqogħdu attenti li nżommu r-rabja tagħna f’kontroll. Proverbji 16:32 b’mod ċar jgħid: “Min għandu s-sabar aħjar mill-qalbieni, min jitrażżan aħjar mir-rebbieħ taʼ belt.” Ir-rabja bla kontroll la hi sinjal taʼ saħħa u lanqas taʼ virtù. Hija nuqqas li tistaʼ ‘tqabbdek triq ħażina.’
Meta ‘Kull Deċiżjoni Hi minn Ġeħova’
Is-sultan taʼ Iżrael jgħid: “Wieħed jistaʼ jitfaʼ x-xorti f’ħoġru, imma kull deċiżjoni permezz tagħha hi minn Ġeħova.” (Proverbji 16:33, NW) F’Iżrael tal-qedem, Ġeħova kultant kien juża x-xorti biex jgħarraf ir-rieda tiegħu. Ix-xorti kienu ċagħaq jew twavel taʼ l-injam jew tal-ġebel. L-ewwel, kien isir appell lil Ġeħova biex jiddeċiedi dwar kwistjoni. Imbagħad, ix-xorti kienu jintefgħu fid-drapp wiesaʼ taʼ xi libsa u mbagħad kienu jittellgħu. Ir-riżultat kien aċċettat bħala li ġej minn Alla.
Ġeħova m’għadux juża x-xorti biex jinforma lill-poplu tiegħu dwar dak li għandu f’moħħu. Hu rrivela r-rieda tiegħu fil-Kelma tiegħu, il-Bibbja. Għarfien eżatt taʼ dak li hemm fil-Bibbja huwa fundamentali biex niksbu l-għerf divin. Għalhekk, m’għandniex inħallu ġurnata waħda tgħaddi mingħajr ma naqraw mill-Iskrittura ispirata.—Salm 1:1, 2; Mattew 4:4.
[Nota taʼ taħt]
a Għal diskussjoni taʼ Proverbji 16:1-15, ara paġni 17-20 tal-ħarġa tat-Torri taʼ l-Għassa tal-15 taʼ Mejju, 2007.
[Stampa f’paġna 8]
L-għerf għala huwa ħafna aħjar mid-deheb?
[Stampa f’paġna 9]
X’jgħinek tkun persważiv meta tkun fil-ministeru?
[Stampa f’paġna 10]
“Min ma jiswa għal xejn ħsara biss jagħmel”
[Stampa f’paġna 11]
Rabja mhix kontrollata tistaʼ tqabbad lil dak li jkun “triq ħażina”
[Stampa f’paġna 12]
Il-vjolenza għandha l-qawwa li tħajjar