Huwa l-Futur Tiegħek Stabbilit mid-Destin?
LI KIEKU kellek teħlisha b’xagħra minn inċident fatali, kont tħoss int li ġejt iffavorit mid-destin? Jew minflok kont tkun grat li kont fil-post xieraq fil-ħin xieraq?
Ir-raġel għaref Salamun qal: “Erġajt lura biex nara taħt ix-xemx li l-ħfief m’għandhomx it-tiġrija, lanqas dawk setgħana l-battalja, lanqas il-għorrief m’għandhom ukoll l-ikel, lanqas dawk li jifhmu m’għandhom ukoll ir-rikkezzi, lanqas saħansitra dawk li għandhom il-għarfien m’għandhom il-favur; għaliex iż-żmien u l-ġrajja mhix mistennija jiġu fuqhom ilkoll.” (Ekkleżjasti 9:11) Kemm jiġri taʼ spiss dak li ma tkunx qed tistenna! Atleta favorit jiġi mweġġaʼ, u dak li ma kienx iffavorit jirbaħ. Inċident li m’hemmx kontroll fuqu jġib rovina finanzjarja lil negozjant onest, u jħalli lir-rival tiegħu li forsi m’huwiex daqshekk onest jistagħna. Imma attribwixxa Salamun dawn l-anomaliji lid-destin? Lanqas xejn. Dawn huma sempliċement l-effetti taż-“żmien u l-ġrajja mhix mistennija.”
Ġesù Kristu għamel osservazzjoni simili. Billi rrefera għal ġrajja li mid-dehra kienet magħrufa sew mis-semmiegħa tiegħu, Ġesù staqsa: “Dawk it-tmintax li fuqhom waqaʼ t-torri f’Siloam, u b’hekk qatilhom, timmaġinaw intom li huma ġew ippruvati li kienu midjunin akbar mill-bnedmin l-oħra kollha li abitaw f’Ġerusalemm?” (Luqa 13:4) Ġesù ma qalx li t-tort taʼ dawn il-fatalitajiet kien taʼ xi destin misterjuż jew tar-rieda t’Alla, lanqas ma kien jemmen li l-vittmi kienu iktar ħatja minn oħrajn. L-inċident traġiku kien eżempju ieħor taż-żmien u l-ġrajja mhix mistennija.
Imkien fil-Bibbja ma hemm l-idea li Alla ddetermina bil-quddiem il-waqt tal-mewt tagħna. Huwa veru li Ekkleżjasti 3:1, 2 igħid: “Għal kollox hemm ħin maħtur, saħansitra ħin għal kull affari taħt is-smewwiet: ħin għal twelid u ħin biex tmut; ħin biex tħawwel u ħin biex taqlaʼ mill-għeruq dak li tħawwel.” Iżda Salamun kien sempliċement qed jiddiskuti ċ-ċiklu kontinwu taʼ ħajja u mewt li qed jifflaġella lill-umanità imperfetta. Aħna nitwieldu, u meta jasal il-waqt, meta għomor taʼ ħajja normali jiġi milħuq—ġeneralment mas-70 jew 80 sena jew iktar—immutu. Però, il-mument eżatt tal-mewt ma ġiex iddeterminat minn qabel daqskemm ma ġiex iddeterminat minn Alla l-mument għal bidwi li jiddeċiedi ‘biex iħawwel’ jew ‘biex jaqlaʼ mill-għeruq dak li tħawwel.’
Fil-fatt, Salamun iktar tard juri li persuna tistaʼ tmut b’mod prematur, billi jgħid: “Tkunx mill-agħar iżżejjed, lanqas issir iblah. Għala għandek tmut meta m’huwiex il-ħin tiegħek?” (Ekkleżjasti 7:17) Kieku x’sens fih dan il-parir jekk il-waqt tal-mewt taʼ dak li jkun kien iddeterminat minn qabel b’mod li ma jinbidilx? Il-Bibbja b’hekk tiċħad il-ħsieb taʼ destin. Iżraeliti apostati li kienu adottaw dan il-kunċett pagan ġew ikkundannati bl-aħrax minn Alla. Isaija 65:11 igħid: “Intom dawk li qegħdin titilqu lil Jehovah, dawk li qegħdin tinsew il-muntanja qaddisa tiegħi, dawk li qegħdin tirranġaw u tlestu mejda għall-alla tax-Xorti Tajba u dawk li qegħdin timlew inbid imħallat għall-alla tad-Destin.”
Xi bluha tkun, allura, li tattribwixxi l-inċidenti u d-diżgrazzji lid-destin jew, agħar minn hekk, lil Alla nnifsu! “Alla hu mħabba,” tgħid il-Bibbja, u li takkużah li hu kien l-awtur tal-miżerja umana direttament jikkontradixxi din il-verità fundamentali.—1 Ġwann 4:8
Il-Għanijiet t’Alla għall-Futur
Xi ngħidu, iżda, dwar il-prospetti tagħna għas-salvazzjoni? Il-fatt li l-ebda destin inevitabbli ma jikkontrolla ħajjitna jfisser li ma nafux fejn aħna? Xejn affattu, għax Alla ddetermina l-futur tal-umanità inġenerali. Il-Bibbja titkellem dwar il-ħolqien taʼ “art ġdida” li fiha “t-tjieba għandha tgħammar.”−2 Pietru 3:13.
Biex iwettaq dan, Alla se jindaħal direttament fl-affarijiet umani. Bla ma taf, int forsi tlabt għal dan biex iseħħ billi tennejt it-talba li tgħid: “Ħa tiġi saltnatek. Ħa tintgħamel ir-rieda tiegħek, kif fis-sema, ukoll fuq l-art.” (Mattew 6:10) Din is-Saltna hija gvern reali stabbilit fis-smewwiet. Billi titlob biex hi tiġi, int titlob għal dik is-Saltna biex tieħu l-kontroll tal-art mingħand il-gvernijiet tal-ġurnata tal-lum.—Danjel 2:44.
Assigura l-Futur Tiegħek Stess
Kif dawn il-ġrajjiet drammatiċi se jeffettwaw il-futur tiegħek jiddependi, mhux fuq id-destin jew saħansitra fuq żmien u ġrajja mhix mistennija, imma fuq il-korsa li inti tagħżel li ssegwi. Ftakar f’dik it-traġedja tat-torri taʼ Siloam. Ġesù uża dik il-ġrajja taʼ niket biex jagħti tagħlima profonda. Il-vittmi taʼ dak il-kollass tat-torri ma setgħux jaħarbu dak li ġie fuqhom. B’kuntrast, is-semmiegħa taʼ Ġesù setgħu jevitaw il-qerda li rriżultat minn nuqqas taʼ approvazzjoni divina. Ġesù wissiehom: “Jekk ma tindmux, intom ilkoll se tinqerdu bl-istess mod.” (Luqa 13:4, 5) Jidher ċar li huma setgħu jagħżlu l-futur tagħhom stess.
L-istess opportunità hija estiża lilna llum—biex naħdmu s-salvazzjoni tagħna stess. (Filippin 2:12) Alla jixtieq li “kull xorta taʼ nies . . . jiġu għal għarfien eżatt tal-verità.” (1 Timotew 2:4) U għalkemm kull wieħed u waħda minna niġu effettwati xi ftit jew wisq mill-wirt u l-ambjent li fih trabbejna, Alla tana l-libertà li nagħżlu—il-kapaċità li niddeterminaw kif irridu nużaw ħajjitna. (Mattew 7:13, 14) Aħna nistgħu nagħmlu dak li hu tajjeb jew dak li hu ħażin. Nistgħu nakkwistaw qagħda favorevoli quddiem Alla Jehovah u naqilgħu l-ħajja, jew nistgħu nduru kontra tiegħu u mmutu.
Ħafna jagħżlu li jgħixu indipendenti minn Alla. Huma jiddedikaw ħajjithom għall-ġiri wara l-affarijiet materjali, il-pjaċiri, jew il-fama. Imma Ġesù wissa: “Żommu għajnejkom miftuħin u għassu kontra kull xorta taʼ regħba, għaliex saħansitra meta wieħed għandu abbundanza l-ħajja tiegħu ma tirriżultax mill-affarijiet li jippossjedi.” (Luqa 12:15) Fuqiex, allura, tiddependi ħajjitna? Fl-1 Ġwann 2:15-17, il-Bibbja tispjega: “Tkunux tħobbu la lid-dinja u lanqas l-affarijiet fid-dinja. . . . Kulma hemm fid-dinja—ix-xewqa tal-laħam u x-xewqa tal-għajnejn u li wieħed jiffanfra bil-mezzi tal-ħajja—ma joriġinax mill-Missier, imma joriġina mid-dinja. Barra minn dan, id-dinja qed tgħaddi u l-istess ix-xewqa tagħha, imma dak li jagħmel ir-rieda t’Alla jibqaʼ għal dejjem.”
Agħżel il-Ħajja
Kif tistaʼ tkun żgur li qiegħed verament tagħmel ir-rieda t’Alla? Ġesù ddikjara: “Dan ifisser il-ħajja taʼ dejjem, li jieħdu għarfien dwarek, l-uniku veru Alla, u dwar dak li inti bgħatt, Ġesù Kristu.” (Ġwann 17:3) Għarfien eżatt mill-Bibbja jipprovdi bażi għal fidi. “Mingħajr fidi hu impossibbli li togħġbu sewwa, għax dak li joqrob lejn Alla jrid jemmen li hu u li jsir dak li jħallas lil dawk li qegħdin ifittxuh bil-ħeġġa.” (Ebrej 11:6 ) Il-għarfien li għandek bżonn tikseb jistaʼ jinstab faċilment. Ix-Xhieda taʼ Jehovah għenu miljuni biex jiksbuh permezz taʼ studju regulari tal-Bibbja.a
Sabiex togħġob lil Alla, trid tagħmel xi bidliet. Forsi jkun hemm xi drawwiet ħżiena li trid tirbaħ jew saħansitra prattiċi immorali li jridu jintemmu. Taqtax qalbek, bħal li kieku kienet xi ħaġa impossibbli għalik li tinbidel. L-idea li l-affarijiet ma jistgħux jinbidlu ġejja sempliċement mid-duttrina falza tal-fataliżmu. Bil-għajnuna taʼ Jehovah, huwa possibbli għal kull bniedem biex ‘iġedded moħħu’ u biex jakkwista “l-personalità ġdida.” (Rumani 12:2; Efesin 4:22-24) L-isforzi tiegħek biex togħġob lil Alla mhux se jibqgħu bla ma jiġu nnotati. Hu jinsab għal-lest biex ibierek lil dawk li qegħdin jagħmlu r-rieda tiegħu.
Irridu nammettu illi li titgħallem il-Bibbja mhux se jsolvilek il-problemi kollha. Qaddejja ġenwini t’Alla huma suġġetti għal inċidenti u ċirkostanzi kuntrarji, bħalma huma oħrajn. Madankollu, Alla jistaʼ jagħtina l-għerf biex inkampaw maʼ dak li jinqalaʼ. (Ġakbu 1:5) Hemm ukoll il-ferħ taʼ li wieħed ikun jaf li għandu relazzjoni tajba m’Alla. “Hieni dak li qiegħed jafda f’Jehovah,” igħid Proverbji 16:20.
Fil-Ġenna rrestawrata taħt is-Saltna t’Alla, m’aħniex se nkomplu nħossuna mheddin miż-żmien u l-ġrajja mhix mistennija. Tabilħaqq, Alla se jneħħi l-affarijiet kollha li fil-preżent qed iħassru l-hena tal-bniedem. “Se jimsaħ kull demgħa minn għajnej[na], u l-mewt ma tkunx iżjed, u la l-għali u la l-biki u lanqas l-uġigħ ma jkunu iżjed,” twiegħed il-Bibbja. (Rivelazzjoni 21:4) Vittmi taʼ inċidenti bla għadd se jġarrbu rxoxt.—Ġwann 5:28, 29.
Se tirtu int dan il-futur glorjuż? Meta l-Iżraeliti kienu waslu biex jidħlu fl-Art Imwiegħda, Mosè qalilhom: “Jien poġġejt il-ħajja u l-mewt quddiemek, il-barka u s-saħta; u int trid tagħżel il-ħajja sabiex int tistaʼ tibqaʼ ħaj, int u nislek, billi tħobb lil Jehovah Alla tiegħek, billi tismaʼ minn leħnu u billi tingħaqad miegħu; għax hu ħajtek u t-tul taʼ jiemek.”−Dewteronomju 30:19, 20.
Le, m’aħniex xi ġugarelli bla saħħa f’idejn id-destin kiefer. Il-hena futura, tabilħaqq il-futur etern tiegħek, huwa f’idejk. Inħeġġuk biex tagħżel il-ħajja.
[Nota taʼ taħt]
a Studju bħal dan jistaʼ jiġi rranġat billi tikteb lill-pubblikaturi taʼ din ir-rivista.
[Kumment f’paġna 4]
Iżraeliti apostati li kienu adottaw il-kunċett pagan tad-destin ġew ikkundannati bl-aħrax minn Alla