LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • kl kap. 2 pp. 12-22
  • Il-Ktieb li Jirrivela l-Għarfien Dwar Alla

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Ktieb li Jirrivela l-Għarfien Dwar Alla
  • Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • DAK LI HEMM FIL-​BIBBJA
  • TISTAʼ INT TAFDA L-​BIBBJA?
  • EŻATTA U TAʼ MIN JOQGĦOD FUQHA
  • KTIEB TAʼ PROFEZIJA
  • ‘IFFORMA XENQA’ GĦALL-​GĦARFIEN DWAR ALLA
  • Tagħlim Veru li Jogħġob lil Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Il-​Bibbja​—Ktieb Mingħand Alla
    Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
  • Il-Bibbja—Ktieb mingħand Alla
    X’nistgħu nitgħallmu mill-Bibbja?
  • Veru Li L-Bibbja Ġejja Minn Alla?
    Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art
Ara Iżjed
Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem
kl kap. 2 pp. 12-22

Kapitlu 2

Il-​Ktieb li Jirrivela l-​Għarfien Dwar Alla

1, 2. Għala għandna bżonn il-​gwida tal-​Ħallieq tagħna?

HUWA biss raġonevoli li l-​Ħallieq kollu mħabba tagħna jipprovdi ktieb taʼ struzzjoni u gwida għall-​umanità. U ma taqbilx int li l-​bnedmin għandhom bżonn taʼ gwida?

2 Iktar minn 2,500 sena ilu, profeta u kittieb taʼ l-​istorja kiteb: “Anqas min jimxi ma jistaʼ jiddiriġi l-​passi tiegħu.” (Ġeremija 10:23) Illum, il-​verità taʼ dik l-​istqarrija hija iktar evidenti minn qatt qabel. B’hekk, il-​kittieb taʼ l-​istorja William H. McNeill jinnota: “L-​avventura umana fuq wiċċ din il-​pjaneta kienet u għadha serje taʼ kriżijiet u tħarbit kważi bla interruzzjoni taʼ l-​ordni stabbilita tas-​soċjetà.”

3, 4. (a) Kif għandha tkun l-​attitudni tagħna lejn studju tal-​Bibbja? (b) Kif se nissoktaw bl-​eżaminar tal-​Bibbja?

3 Il-​Bibbja tissodisfa l-​ħtiġijiet kollha tagħna għal direzzjoni għaqlija. Veru, ħafna jaqtgħu qalbhom meta jibdew iqallbu fil-​Bibbja. Dan huwa ktieb kbir, u xi partijiet minnu m’humiex faċli biex tifhimhom. Imma li kieku int ġejt mogħti dokument legali li jispjega dak li kellek tagħmel sabiex tirċievi wirt taʼ valur, ma kontx int tieħu l-​ħin biex tistudjah bir-​reqqa? Li kieku sibt ċerti partijiet mid-​dokument ibsin biex tifhimhom, x’aktarx li kont tikseb l-​għajnuna taʼ xi ħadd bl-​esperjenza fi kwistjonijiet bħal dawk. Għala ma tittrattax il-​Bibbja b’attitudni simili? (Atti 17:11) Hemm iktar x’titlef milli xi wirt materjali. Bħalma tgħallimna fil-​kapitlu taʼ qabel, l-​għarfien dwar Alla jistaʼ jwassal għall-​ħajja taʼ dejjem.

4 Ejjew neżaminaw il-​ktieb li jirrivela l-​għarfien dwar Alla. L-​ewwel se nagħtu ħarsa ġenerali fil-​qosor lejn il-​Bibbja. Imbagħad se niddiskutu xi raġunijiet għala ħafna nies informati jemmnu li din hija l-​Kelma mnebbħa t’Alla.

DAK LI HEMM FIL-​BIBBJA

5. (a) X’hemm fl-​Iskrittura Ebrajka? (b) Fl-​Iskrittura Griega x’hemm?

5 Il-​Bibbja fiha 66 ktieb f’żewġ sezzjonijiet, taʼ spiss imsejħin it-​Testment il-​Qadim u t-​Testment il-​Ġdid. Disgħa u tletin ktieb tal-​Bibbja kienu miktubin prinċipalment bl-​Ebrajk u 27 bil-​Grieg. L-​Iskrittura Ebrajka, li tikkonsisti minn Ġenesi sa Malakija, tkopri l-​ħolqien kif ukoll l-​ewwel 3,500 sena taʼ storja umana. Billi neżaminaw din il-​parti tal-​Bibbja, nitgħallmu dwar l-​aġir t’Alla maʼ l-​Iżraeliti—mit-​twelid tagħhom bħala ġens fis-​seklu 16 Q.E.K. sas-​seklu 5 Q.E.K.a L-​Iskrittura Griega, li fiha hemm il-​kotba minn Mattew s’Apokalissi, tiffoka fuq it-​tagħlim u l-​attivitajiet taʼ Ġesù Kristu u d-​dixxipli tiegħu matul l-​ewwel seklu E.K.

6. Għala għandna nistudjaw il-​Bibbja kollha kemm hi?

6 Xi wħud isostnu li t-​“Testment il-​Qadim” huwa għal-​Lhud u t-​“Testment il-​Ġdid” huwa għall-​Kristjani. Imma skond 2 Timotju 3:16, “l-​Iskrittura kollha hija mnebbha minn Alla, u tiswa [“taʼ benefiċċju,” NW].” Għalhekk, studju kif jixraq taʼ l-​Iskrittura jrid jinkludi l-​Bibbja kollha kemm hi. Attwalment, iż-​żewġ partijiet tal-​Bibbja jikkomplimentaw lil xulxin, billi jitħalltu b’armonija flimkien biex jiżviluppaw tema ġenerali.

7. X’inhi t-​tema tal-​Bibbja?

7 Forsi int attendejt laqgħat reliġjużi għal snin sħaħ u smajt xi ftit mill-​Bibbja jinqara b’leħen għoli. Jew għandek mnejn qrajt xi siltiet minnha int stess. Kont taf li l-​Bibbja għandha tema waħda minn Ġenesi s’Apokalissi? Iva, tema armonjuża hija mifruxa mal-​Bibbja. X’inhi dik it-​tema? Din hija l-​ivvindikar tad-​dritt t’Alla li jaħkem lill-​umanità u r-​realizzazzjoni taʼ l-​iskop tiegħu kollu mħabba permezz tas-​Saltna tiegħu. Iktar tard, se naraw sewwa sew kif Alla se jwettaq dan l-​iskop.

8. Il-​Bibbja x’tirrivela dwar il-​personalità t’Alla?

8 Barra milli turi x’inhu l-​iskop t’Alla, il-​Bibbja tirrivela l-​personalità tiegħu. Per eżempju, mill-​Bibbja nitgħallmu li Alla għandu sentimenti u li jimpurtah mill-​għażliet li nagħmlu. (Salm 78:40, 41; Proverbji 27:11; Eżekjel 33:11) Salm 103:8-14 jgħid li Alla hu “ħanin u twajjeb . . . , idum ma jagħdab u kollu mogħdrija.” Hu jittrattana b’mogħdrija, ‘billi jiftakar li aħna magħmulin minn sempliċi trab’ u nirritornaw lejn dan mal-​mewt. (Ġenesi 2:7; 3:19) Xi kwalitajiet meraviljużi juri! M’huwiex dan it-​tip t’Alla li int trid tqim?

9. Il-​Bibbja kif tagħtina dehra ċara tal-​livelli t’Alla, u kif nistgħu nibbenefikaw minn għarfien bħal dan?

9 Il-​Bibbja tagħtina stampa ċara tal-​livelli t’Alla. Dawn huma xi drabi ddikjarati bħala liġijiet. Iktar spiss, madankollu, dawn huma riflessi fi prinċipji mgħallmin permezz t’eżempji prattiċi. Alla ġiegħel li ċerti ġrajjiet fl-​istorja Iżraelita tal-​qedem jinkitbu għall-​benefiċċju tagħna. Dawn ir-​rakkonti sinċieri juru dak li jiġri meta n-​nies jaħdmu fi qbil maʼ l-​iskop t’Alla, kif ukoll ir-​riżultat taʼ dwejjaq meta jagħmlu taʼ rashom. (1 Slaten 5:18 [5:4, NW]; 1 Slaten 11:4-6; 2 Kronaki 15:8-15) Li naqraw rakkonti veri bħal dawn bla dubju se jmissilna qlubna. Jekk nipprovaw inġibu quddiem għajnejna l-​ġrajjiet dokumentati, nistgħu nidentifikaw ruħna man-​nies involuti fihom. B’hekk, nistgħu nibbenefikaw minn eżempji tajbin u nistgħu nevitaw in-​nases li nasbu lil uħud li għamlu l-​ħażen. Madankollu, din il-​mistoqsija vitali tirrikjedi tweġiba: Kif nistgħu nkunu żguri li dak li naqraw fil-​Bibbja huwa attwalment imnebbaħ minn Alla?

TISTAʼ INT TAFDA L-​BIBBJA?

10. (a) Xi wħud għala jħossu li l-​Bibbja hija antikwata? (b) 2 Timotju 3:16, 17 x’jgħidilna dwar il-​Bibbja?

10 Forsi nnotajt li ħafna kotba li joffru pariri jsiru antikwati fi ftit snin biss. Xi ngħidu dwar il-​Bibbja? Din hija qadima ħafna, u kważi għaddew 2,000 sena minn mindu nkitbu l-​aħħar kelmiet tagħha. Xi wħud għalhekk iħossu li ma tapplikax għaż-​żmien modern tagħna. Imma jekk il-​Bibbja hija mnebbħa minn Alla, il-​pariri tagħha għandhom dejjem ikunu aġġornati minkejja l-​età kbira ferm tagħha. L-​Iskrittura għandha xorta waħda tkun “tiswa biex wieħed jgħallem, iċanfar, iwiddeb u jrawwem fis-​sewwa, biex hekk il-​bniedem taʼ Alla jistaʼ jkun perfett, imħejji għal kull ħidma tajba.”—2 Timotju 3:16, 17.

11-13. Għala nistgħu ngħidu li l-​Bibbja hija prattika għal żmienna?

11 Eżami mill-​qrib jirrivela li l-​prinċipji tal-​Bibbja japplikaw illum daqskemm kienu japplikaw meta għall-​ewwel darba kienu mniżżlin bil-​miktub. Inkwantu għan-​natura umana, per eżempju, il-​Bibbja tirrifletti fehma preċiża li tapplika għal kull ġenerazzjoni taʼ l-​umanità. Nistgħu faċilment naraw dan fil-​Priedka taʼ Ġesù taʼ fuq il-​Muntanja, misjuba fil-​ktieb taʼ Mattew, kapitli 5 sa 7. Din il-​priedka tant impressjonat lill-​mexxej Indjan li issa hu mejjet Mohandas K. Gandhi li huwa rrapportat li qal lil uffiċjal Britanniku: “Meta l-​pajjiż tiegħek u tiegħi jiltaqgħu flimkien fuq it-​tagħlim imqiegħed minn Kristu f’din il-​Priedka taʼ fuq il-​Muntanja, aħna nkunu solvejna l-​problemi mhux biss tal-​pajjiżi tagħna imma dawk tad-​dinja kollha kemm hi.”

12 Mhux taʼ b’xejn li n-​nies huma impressjonati mit-​tagħlim taʼ Ġesu! Fil-​Priedka taʼ fuq il-​Muntanja, hu wriena l-​mogħdija għall-​veru hena. Spjega kif nirranġaw it-​tilwim. Ġesù pprovda struzzjoni dwar kif nitolbu. Wera ċar l-​attitudni l-​iktar għaqlija li għandna jkollna lejn bżonnijiet materjali u ta r-​Regola tad-​Deheb għal relazzjonijiet xierqa m’oħrajn. Kif nindunaw b’imposturi reliġjużi u kif ikollna futur fiż-​żgur kienu wkoll fost il-​punti li kopriet din il-​priedka.

13 Fil-​Priedka taʼ fuq il-​Muntanja u matul il-​bqija tal-​paġni tagħha, il-​Bibbja tgħidilna ċar u tond dak li għandna nagħmlu u dak li għandna nevitaw sabiex intejbu s-​sehem tagħna fil-​ħajja. Tant huma prattiċi l-​pariri tagħha li wieħed edukatur ġie mqanqal biex jgħid: “Għalkemm jien kunsillier fi skola terzjarja bi gradi fil-​baċellerat u fil-​master u qrajt numru kbir taʼ kotba dwar is-​saħħa mentali u l-​psikoloġija, jien skoprejt li l-​pariri tal-​Bibbja fuq affarijiet bħalma huma kif ikollok żwieġ taʼ suċċess, kif tevita d-​delinkwenza fiż-​żgħażagħ u kif tikseb u żżomm il-​ħbieb huma bil-​wisq iktar superjuri għal kwalunkwe ħaġa li kont qrajt jew studjajt fil-​Kulleġġ.” Barra milli hija prattika u tajba għal kull żmien, il-​Bibbja hija taʼ min jorbot fuqha.

EŻATTA U TAʼ MIN JOQGĦOD FUQHA

14. Liema ħaġa turi li l-​Bibbja hija xjentifikament eżatta?

14 Għalkemm il-​Bibbja m’hijiex xi ktieb taʼ studju xjentifiku, hija eżatta xjentifikament. Per eżempju, fi żmien meta l-​biċċa l-​kbira tan-​nies kienu jemmnu li l-​art kienet ċatta, il-​profeta Isaija rrefera għaliha bħala “ċirku” (Ebrajk, chugh, li hawnhekk tagħti l-​idea taʼ “sfera”). (Isaija 40:22, NW) L-​idea t’art sferika ma kenitx aċċettata minn ħafna s’eluf taʼ snin wara żmien Isaija. Barra minn hekk, Ġob 26:7—miktub iktar minn 3,000 sena ilu—jistqarr li Alla qiegħed “iżomm l-​art imdendla fuq ix-​xejn.” Jgħid wieħed studjuż tal-​Bibbja: “Kif Ġob kien jaf il-​verità, murija mill-​astronomija, li l-​art hija mdendla bla ma tmiss maʼ xejn fl-​ispjazju vojt, hija mistoqsija li m’hijiex faċli li tiġi solvuta minn dawk li jiċħdu l-​ispirazzjoni taʼ l-​Iskrittura Mqaddsa.”

15. Il-​fiduċja fil-​Bibbja kif inhi msaħħa mill-​istil tagħha taʼ rrapportar?

15 L-​istil taʼ rrapportar misjub fil-​Bibbja wkoll isaħħaħ il-​fiduċja tagħna f’dan il-​ktieb li ilu minn żmien żemżem. Differenti mill-​ħrejjef, il-​ġrajjiet koperti fil-​Bibbja huma marbutin maʼ nies u dati speċifiċi. (1 Slaten 14:25; Isaija 36:1; Luqa 3:1, 2) U fil-​waqt li l-​kittieba antiki taʼ l-​istorja kważi dejjem esaġeraw ir-​rebħiet tal-​ħakkiema tagħhom u ħbew it-​telfiet u l-​iżbalji tagħhom, il-​kittieba tal-​Bibbja kienu sinċieri u onesti—saħansitra dwar id-​dnubiet serji tagħhom stess.—Numri 20:7-13; 2 Samwel 12:7-14; 24:10.

KTIEB TAʼ PROFEZIJA

16. Liema hija l-​aqwa evidenza li l-​Bibbja hija mnebbħa minn Alla?

16 Il-​profezija mwettqa tagħti evidenza konklużiva li l-​Bibbja hija mnebbħa minn Alla. Il-​Bibbja fiha ħafna profeziji li ġew imwettqin fid-​dettall. Ovvjament, sempliċi bnedmin ma setgħux ikunu responsabbli għal dan. X’hemm, allura, wara dawn il-​profeziji? Il-​Bibbja nfisha tgħid li “qatt ma kien li xi profezija ġiet mir-​rieda tal-​bnedmin; imma, meta l-​bnedmin tkellmu fl-​isem taʼ Alla, dan għamluh għax kienu mqanqlin mill-​Ispirtu s-​Santu,” jew il-​forza attiva t’Alla. (2 Pietru 1:21) Ikkunsidra xi eżempji.

17. Liema profeziji bassru l-​waqgħa taʼ Babilonja, u dawn kif twettqu?

17 Il-​waqgħa taʼ Babilonja. Isaija u Ġeremija t-​tnejn li huma bassru l-​waqgħa taʼ Babilonja f’idejn il-​Medi u l-​Persjani. B’mod rimarkevoli, il-​profezija taʼ Isaija dwar din il-​ġrajja ġiet iddokumentata xi 200 sena qabel ma Babilonja ġiet ikkonkwistata! L-​aspetti li ġejjin tal-​profezija huma issa kwistjonijiet taʼ dokumentazzjoni storika: l-​inxif tax-​Xmara Ewfrat billi l-​ilmijiet tagħha ġew imdawrin lejn għadira artifiċjali (Isaija 44:27; Ġeremija 50:38); nuqqas taʼ sigurtà minħabba traskuraġni fix-​xatbiet tax-​xmara taʼ Babilonja (Isaija 45:1); u l-​konkwista minn ħakkiem bl-​isem taʼ Ċiru.—Isaija 44:28.

18. Il-​profezija tal-​Bibbja kif twettqet fil-​qawma u l-​waqgħa tas-​“sultan tal-​Greċja”?

18 Il-​qawma u l-​waqgħa tas-​“sultan tal-​Greċja.” Ġo viżjoni, Danjel ra bodbod ixejjen lil muntun billi kissirlu ż-​żewġt iqran tiegħu. Imbagħad, il-​qarn tal-​bodbod ġie miksur, u erbat iqran telgħu floku. (Danjel 8:1-8) Lil Danjel ġie spjegat: “Iż-​żewġt iqran tal-​muntun li rajt huma s-​slaten tal-​Medja u l-​Persja; il-​bodbod hu s-​sultan tal-​Greċja, u l-​qarn il-​kbir li rajtlu bejn għajnejh hu l-​ewwel sultan. L-​erbgħa l-​oħra li kibru floku meta nkiser huma erbaʼ saltniet li se joħorġu minnu, imma ma jkollhomx saħħa bħal tiegħu.” (Danjel 8:20-22) Bħalma qalet din il-​profezija, xi żewġ sekli wara, “[i]s-sultan tal-​Greċja,” Alessandru l-​Kbir, għeleb lill-​Imperu Medo-Persjan taż-​żewġt iqran. Alessandru miet fis-​sena 323 Q.E.K. u ġie eventwalment sostitwit minn erbgħa mill-​ġenerali tiegħu. Madankollu, l-​ebda waħda minn dawn is-​saltniet li ġew wara ma kienet tħabbatha mal-​qawwa taʼ l-​imperu t’Alessandru.

19. Liema profeziji ġew imwettqin f’Ġesù Kristu?

19 Il-​ħajja taʼ Ġesù Kristu. L-​Iskrittura Ebrajka fiha għexieren taʼ profeziji li twettqu fit-​twelid, il-​ministeru, il-​mewt, u l-​irxoxt taʼ Ġesù. Per eżempju, iktar minn 700 sena bil-​quddiem, Mikea bassar li l-​Messija, jew Kristu, kellu jitwieled f’Betlehem. (Mikea 5:1 [5:2, NW]; Luqa 2:4-7) Isaija l-​kontemporanju taʼ Mikea bassar li l-​Messija kellu jiġi msawwat u kellhom jobżqulu. (Isaija 50:6; Mattew 26:67) Ħames mitt sena bil-​quddiem, Żakkarija pprofetizza li l-​Messija kellu jiġi ttradut għal 30 biċċa tal-​fidda. (Żakkarija 11:12; Mattew 26:15) Iktar minn elf sena qabel, David bassar ċirkostanzi assoċjati mal-​mewt taʼ Ġesù l-​Messija. (Salm 22:8, 9, 19 [22:7, 8, 18, NW]; Mattew 27:35, 39-43) U xi ħames sekli bil-​quddiem, il-​profezija taʼ Danjel irrivelat meta l-​Messija kellu jidher kif ukoll it-​tul tal-​ministeru tiegħu u ż-​żmien tal-​mewt tiegħu. (Danjel 9:24-27) Dan huwa biss kampjun tal-​profeziji li ġew imwettqin f’Ġesù Kristu. Int se ssibu premjanti li taqra ferm iktar dwaru iktar tard.

20. Id-​dokumentar perfett tal-​Bibbja dwar profeziji mwettqin għandu jagħtina liema fiduċja?

20 Ħafna profeziji oħrajn tal-​Bibbja mmirati għal twettiq imbiegħed diġà ġew imwettqin. ‘Imma,’ tistaʼ tistaqsi, ‘dan kif jeffettwa lil ħajti?’ Sewwa, kieku xi ħadd qallek il-​verità għal ħafna snin, kont int f’daqqa waħda tiddubbitah meta jgħidlek xi ħaġa ġdida? Le! Alla qal il-​verità fil-​Bibbja kollha. M’għandux dan jibnilek il-​fiduċja f’dak li l-​Bibbja twiegħed, bħalma huma l-​profeziji tagħha rigward ġenna taʼ l-​art li ġejja? Tabilħaqq, nistgħu jkollna l-​istess fiduċja li kellu Pawlu, wieħed mid-​dixxipli taʼ Ġesù taʼ l-​ewwel seklu, li kiteb li ‘Alla ma jistax jigdeb.’ (Titu 1:2) Barra minn hekk, meta naqraw l-​Iskrittura u napplikaw il-​pariri tagħha, inkunu qegħdin neżerċitaw l-​għerf li l-​bnedmin ma jistgħux jakkwistaw waħedhom, għax il-​Bibbja hija l-​ktieb li jirrivela l-​għarfien dwar Alla li jwassal għall-​ħajja taʼ dejjem.

‘IFFORMA XENQA’ GĦALL-​GĦARFIEN DWAR ALLA

21. X’għandek tagħmel jekk xi affarijiet milli titgħallem mill-​Bibbja jidhru li jħawduk?

21 Hekk kif tistudja l-​Bibbja, int x’aktarx li se titgħallem affarijiet li huma differenti minn dak li ġejt mgħallem fil-​passat. Tistaʼ saħansitra ssib li xi wħud mid-​drawwiet reliġjużi li tant kont tgħożż ma jogħġbux lil Alla. Se titgħallem li Alla għandu livelli taʼ dak li huwa tajjeb u ħażin li huma ogħla minn dawk li huma komuni f’din id-​dinja permissiva. Dan jistaʼ jidher li jħawdek għall-​ewwel. Imma kun paċenzjuż! Eżamina bir-​reqqa l-​Iskrittura biex issib l-​għarfien dwar Alla. Kun lest għall-​possibiltà li l-​parir tal-​Bibbja jistaʼ jitlob li tagħmel aġġustament fil-​mod taʼ ħsieb u l-​azzjonijiet tiegħek.

22. Għala qiegħed tistudja l-​Bibbja, u kif tistaʼ int tgħin lil oħrajn jifhmu dan?

22 Ħbieb u qraba b’intenzjoni tajba jistgħu jopponu l-​istudju tiegħek tal-​Bibbja, imma Ġesù qal: “Kull min jistqarr quddiem il-​bnedmin li hu miegħi, jien ukoll nistqarr li jiena miegħu quddiem Missieri li hu fis-​smewwiet. Iżda min jiċħad lili quddiem il-​bnedmin, jien ukoll niċħad lilu quddiem Missieri li hu fis-​smewwiet.” (Mattew 10:32, 33) Xi wħud jistgħu jibżgħu li se tiġi involut maʼ xi kult jew li se ssir fanatiku. Fir-​realtà, madankollu, int sempliċement qiegħed tistinka biex tikseb għarfien eżatt dwar Alla u dwar il-​verità tiegħu. (1 Timotju 2:3, 4) Biex tgħin lil oħrajn jifhmu dan, kun raġonevoli, mhux argumentattiv, meta tkellimhom dwar dak li qiegħed titgħallem. (Filippin 4:5) Ftakar li ħafna ‘jintrebħu mingħajr kliem’ meta jaraw l-​evidenza li l-​għarfien tal-​Bibbja tassew iġib benefiċċji lin-​nies.—1 Pietru 3:1, 2.

23. Kif tistaʼ ‘tifforma xenqa’ għall-​għarfien dwar Alla?

23 Il-​Bibbja tħeġġiġna: “Bħal trabi tat-​twelid, ixxennqu għall-​ħalib safi . . . tar-​ruħ [“tal-​kelma,” Karm Żammit].” (1 Pietru 2:2) Tarbija tiddependi fuq in-​nutriment mingħand ommha u hi insistenti biex tara li dik il-​ħtieġa tiġi mwettqa. Bl-​istess mod, aħna dipendenti fuq l-​għarfien mingħand Alla. ‘Ixxennaq’ għall-​Kelma tiegħu billi tkompli bl-​istudju tiegħek. Tabilħaqq, agħmilha l-​mira tiegħek li taqra l-​Bibbja kuljum. (Salm 1:1-3) Dan se jġiblek barkiet kbar, għax Salm 19:12 [19:11, NW] jgħid dwar il-​liġijiet t’Alla: “Ħlas tajjeb għandu min iħarishom.”

[Nota taʼ taħt]

a Q.E.K. tfisser “qabel l-​Era Komuni,” li hija iktar eżatta minn Q.K. (“qabel Kristu”). E.K. tfisser “Era Komuni,” taʼ spiss imsejħa A.D., għal anno Domini, li tfisser “fis-​sena tal-​Mulej tagħna.”

ITTESTJA L-​GĦARFIEN TIEGĦEK

Il-​Bibbja b’liema modi m’hija bħal ebda ktieb ieħor?

Għala tistaʼ tafdaha l-​Bibbja?

X’inhu dak li jagħtik prova li l-​Bibbja hija l-​Kelma mnebbħa t’Alla?

[Kaxxa f’paġna 14]

AGĦMEL UŻU TAJJEB MILL-​BIBBJA TIEGĦEK

Li ssir familjari mal-​Bibbja m’għandux għalfejn ikun diffiċli. Uża l-​werrej tagħha biex titgħallem l-​ordni u fejn jinsabu l-​kotba tal-​Bibbja.

Il-​kotba tal-​Bibbja għandhom kapitli u versi għal referenza faċli. It-​taqsimiet tal-​kapitli ġew miżjudin fis-​seklu 13, u stampatur Franċiż tas-​seklu 16 milli jidher qasam l-​Iskrittura Griega vers vers bħalma hija fil-​preżent. L-​ewwel Bibbja kompleta li kellha n-​numri kemm tal-​kapitli u kemm tal-​versi kienet edizzjoni Franċiża, ippubblikata fl-​1553.

Meta skritturi jiġu ċċitati f’dan il-​ktieb, l-​ewwel numru jindika l-​kapitlu, u taʼ warajh jindika l-​vers. Per eżempju, iċ-​ċitazzjoni “Proverbji 2:5” tfisser il-​ktieb taʼ Proverbji, kapitlu 2, vers 5. Billi tfittex l-​iskritturi ċċitati, int f’qasir żmien se tħossok komdu f’li ssib it-​testi Bibliċi.

L-​aħjar mod biex issir familjari mal-​Bibbja huwa li taqraha kuljum. Għall-​ewwel, dan jistaʼ jidher taʼ sfida. Imma jekk taqra biss minn tlieta sa ħames kapitli kull ġurnata, skond kemm ikunu twal, int se tlesti l-​qari tal-​Bibbja kollha kemm hi f’sena. Għala ma tibdiex illum?

[Kaxxa f’paġna 19]

IL-​BIBBJA—KTIEB UNIKU

• Il-​Bibbja hija “mnebbha minn Alla.” (2 Timotju 3:16) Għalkemm il-​bnedmin kitbu l-​kliem, Alla dderieġa l-​ħsibijiet tagħhom, u għalhekk il-​Bibbja hija tassew “[i]l-kelma t’Alla.”—1 Tessalonkin 2:13.

• Il-​Bibbja kienet miktuba matul perijodu taʼ 16-il seklu, minn xi 40 kontributur minn diversi ambjenti. Minkejja dan, il-​prodott komplut huwa armonjuż mill-​bidu sat-​tmiem.

• Il-​Bibbja għaddiet minn iktar kontroversji milli għadda kwalunkwe ktieb ieħor. Matul il-​Medju Evu, nies ġew maħruqin maʼ zokk sempliċement għax kellhom fil-​pussess tagħhom kopja taʼ l-​Iskrittura.

• Il-​Bibbja hija l-​ewwel fost il-​kotba l-​iktar mibjugħin fid-​dinja. Ġiet tradotta, kollha kemm hi jew partijiet minnha, f’iktar minn 2,000 lingwa. Biljuni taʼ kopji ġew stampati, u mhux żgur hemm post fuq l-​art fejn ma tistax tinstab xi kopja.

• L-​iktar parti qadima tal-​Bibbja tmur lura għas-​seklu 16 Q.E.K. Dan huwa qabel id-​dehra tar-​Rig-Veda tal-​Ħindu (madwar is-​sena 1300 Q.E.K.), jew il-​“Kanoni tat-​Tliet Basktijiet” Buddist (tal-ħames seklu Q.E.K.), jew il-​Koran Islamiku (tas-sebaʼ seklu E.K.), kif ukoll in-​Nihongi tax-​Xinto (720 E.K.).

[Stampa taʼ paġna sħiħa f’paġna 20]

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja