LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w98 8/1 pp. 12-17
  • Imita lil Jehovah—Eżerċita l-Ġustizzja u t-Tjieba

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Imita lil Jehovah—Eżerċita l-Ġustizzja u t-Tjieba
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ġust iżda Mimli Mogħdrija
  • Att taʼ Tjieba Sabiex Isalva lill-​Umanità
  • Fittex il-​Ġustizzja, Iġri wara t-​Tjieba
  • “Prinċpijiet Jaħkmu bil-​Ġustizzja”
  • Żomm il-​Ġustizzja u Agħmel is-​Sewwa
  • Jehovah—Is-Sors tal-Ġustizzja Vera u tat-Tjieba
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • ‘Agħmel dak li hu ġust’ fl-imġiba tiegħek m’Alla
    Ersaq Qrib Lejn Ġeħova
  • “Ilkoll ġusti t-triqat tiegħu”
    Ersaq Qrib Lejn Ġeħova
  • “Ħalli l-Ġustizzja Tgelgel”—Fundamentali biex Tkun Taf lil Alla
    Għix bil-Jum taʼ Ġeħova f’Moħħok
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
w98 8/1 pp. 12-17

Imita lil Jehovah—Eżerċita l-​Ġustizzja u t-​Tjieba

“Jien hu l-​Mulej, li nagħmel it-​tjieba, il-​ħaqq [“ġustizzja,” “NW”], u s-​sewwa fuq l-​art, għax b’dawn nitgħaxxaq.”—ĠEREMIJA 9:23 [ĠEREMIJA 9:24, NW].

1. Jehovah liema prospett meraviljuż joffrilna?

JEHOVAH wiegħed li għad jiġi jum meta kulħadd ikun jafu. Permezz tal-​profeta tiegħu Isaija, hu stqarr: “Ma jagħmlux aktar deni u anqas ħsara fuq il-​muntanja qaddisa kollha tiegħi, għax mimlija hi l-​art bl-​għarfien tal-​Mulej bħalma l-​baħar hu miksi bl-​ilmijiet.” (Isaija 11:9) Xi prospett meraviljuż dak!

2. X’hemm inkluż f’li wieħed ikun jaf lil Jehovah? Għala?

2 Iżda, x’ifisser li wieħed ikun jaf lil Jehovah? Lil Ġeremija, Jehovah rrivelalu l-​iktar ħaġa sinjifikanti: “Li [wieħed] għandu d-​dehen biex jagħrafni, għax jien hu l-​Mulej, li nagħmel it-​tjieba, il-​ħaqq, u s-​sewwa fuq l-​art, għax b’dawn nitgħaxxaq.” (Ġeremija 9:23 [Ġeremija 9:24, NW]) B’hekk, li wieħed ikun jaf lil Jehovah jinkludi li jkun jaf il-​mod kif hu jeżerċita l-​ġustizzja u t-​tjieba. Jekk imbagħad aħna neżerċitaw dawk il-​kwalitajiet, hu se jitgħaxxaq bina. Kif nistgħu nagħmluh dan? Fil-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja, Jehovah żamm bil-​miktub ir-​rakkont taʼ kif hu ttratta mal-​bnedmin imperfetti matul iż-​żminijiet. Jekk nistudjawha, nistgħu nsiru nafu kif Jehovah jeżerċita l-​ġustizzja u t-​tjieba, u b’hekk inkunu nistgħu nimitawh.—Rumani 15:4.

Ġust iżda Mimli Mogħdrija

3, 4. Jehovah għala kien iġġustifikat f’li jeqred lil Sodoma u Gomorra?

3 Il-​ġudizzju divin fuq Sodoma u Gomorra huwa eżempju klassiku li juri d-​diversi aspetti tal-​ġustizzja taʼ Jehovah. Jehovah mhux biss ta l-​kastig meħtieġ imma wkoll ipprovda salvazzjoni għal dawk li kien jistħoqqilhom. Kienet il-​qerda taʼ dawk l-​ibliet iġġustifikata? Abraham, li milli jidher ma kienx jaf kemm kien verament kbir il-​ħażen taʼ Sodoma, ma ħasibx hekk għall-​ewwel. Jehovah aċċerta lil Abraham li jekk setgħu jinstabu biss għaxra min-​nies twajbin, hu kien se jeħles lill-​belt. Jidher ċar li l-​ġustizzja taʼ Jehovah qatt ma tkun kif ġie ġie jew mingħajr ħniena.—Ġenesi 18:20-32.

4 L-​ispezzjoni li saret miż-​żewġ anġli pprovdiet testimonjanza ċara tad-​degradazzjoni morali taʼ Sodoma. Meta l-​irġiel tal-​belt, “miż-​żgħir sal-​kbir,” saru jafu li kienu ġew żewġt irġiel joqogħdu għand Lot, huma attakkaw id-​dar tiegħu bl-​intenzjoni li bħala grupp jikkommettu stupru omosesswali. Verament ma setgħux jinżlu iktar fil-​baxx milli niżlu. Bla ebda dubju taʼ xejn, il-​ġudizzju taʼ Jehovah fuq il-​belt kien sewwa u ġust.—Ġenesi 19:1-5, 24, 25.

5. Alla kif ħeles lil Lot u lill-​familja tiegħu minn Sodoma?

5 Wara li semma l-​qerda taʼ Sodoma u Gomorra bħala eżempju taʼ twissija, l-​appostlu Pietru kiteb: “Jaf mela l-​Mulej jeħles it-​tajbin mit-​tiġrib.” (2 Pietru 2:6-9) Il-​ġustizzja ma kinitx tkun issodisfata li kieku t-​twajjeb Lot u l-​familja tiegħu ġew meqrudin flimkien man-​nies ħżiena taʼ Sodoma. B’hekk, l-​anġli taʼ Jehovah wissew lil Lot dwar il-​qerda li kienet imdendla. Meta Lot tnikker, l-​anġli “minħabba l-​ħniena tal-​Mulej għalih” qabdu lilu, lil martu, u lil uliedu l-​bniet minn idejhom u ħarġuhom ’il barra mill-​belt. (Ġenesi 19:12-16) Nistgħu nkunu ċerti li Jehovah se juri tħassib simili għal uħud twajbin fil-​qerda li ġejja taʼ din is-​sistema t’affarijiet.

6. Għala m’għandniex għalfejn inkunu ansjużi żżejjed dwar il-​qerda li ġejja tas-​sistema t’affarijiet mill-​agħar?

6 Għalkemm it-​tmiem taʼ din is-​sistema se jkun żmien “il-​kastig [“biex issir ġustizzja,” NW]” m’hemm ebda raġuni għala għandna nkunu ansjużi żżejjed. (Luqa 21:22) Il-​ġudizzju li Alla se jesegwixxi f’Armageddon se juri li huwa “għalkollox taʼ tjieba.” (Salm 19:9, NW) Bħalma sar jaf Abraham, aħna l-​bnedmin nistgħu jkollna fiduċja sħiħa fil-​ġustizzja taʼ Jehovah, li hija bil-​wisq iktar elevata minn dik tagħna. Abraham qal: “Ma jkun qatt minnek, l-​imħallef taʼ l-​art kollha, li ma tagħmilx ġustizzja.” (Ġenesi 18:25; qabbel Ġob 34:10.) Jew bħalma jpoġġiha tajjeb Isaija, “min għallmu [lil Jehovah] jġib ruħu bil-​ġustizzja?”—Isaija 40:14.

Att taʼ Tjieba Sabiex Isalva lill-​Umanità

7. X’konnessjoni hemm bejn il-​ġustizzja t’Alla u l-​ħniena tiegħu?

7 Il-​ġustizzja t’Alla ma tidhirx biss fil-​mod kif hu jikkastiga lill-​ħżiena. Jehovah jiddeskrivi lilu nnifsu bħala “Alla ġust u salvatur.” (Isaija 45:21) Jidher ċar li hemm konnessjoni mill-​qrib bejn it-​tjieba, jew il-​ġustizzja t’Alla, u x-​xewqa tiegħu li jsalva lill-​umanità mill-​effetti tad-​dnub. Waqt li tikkummenta fuq din l-​iskrittura, The International Standard Bible Encyclopedia, Edizzjoni taʼ l-​1982, turi li “l-​ġustizzja t’Alla tfittex li b’mod prattiku tesprimi l-​ħniena Tiegħu u twettaq is-​salvazzjoni Tiegħu.” Mhux għax il-​ġustizzja t’Alla għandha bżonn tittaffa bil-​ħniena imma, minflok, dik il-​ħniena hija espressjoni tal-​ġustizzja t’Alla. Il-​provvediment t’Alla taʼ rahan għas-​salvazzjoni taʼ l-​umanità huwa l-​iktar eżempju li jispikka taʼ dan l-​aspett tal-​ġustizzja divina.

8, 9. (a) X’kien inkluż fid-​deskrizzjoni għala kien “opra [waħda] tal-​ġustizzja”? Għala? (b) Jehovah x’jitlob lura minna?

8 L-​istess prezz tar-​rahan​—il-​ħajja prezzjuża taʼ l-​Iben uniġenitu t’Alla, Ġesù Kristu—​kien għoli għaliex il-​livelli taʼ Jehovah huma universali, u hu nnifsu jimxi magħhom. (Mattew 20:28) Ħajja perfetta, dik taʼ Adam, kienet intilfet, u għalhekk ħajja perfetta kienet meħtieġa biex tifdi lid-​dixxendenti taʼ Adam. (Rumani 5:19-21) L-​appostlu Pawlu jiddeskrivi l-​korsa taʼ integrità taʼ Ġesù, inkluż il-​ħlas tar-​rahan, bħala “opra [waħda] tal-​ġustizzja.” (Rumani 5:18) Dan għala? Għaliex skond kif jaraha Jehovah, li jifdi lill-​umanità kienet il-​ħaġa sewwa u ġusta li kellu jagħmel, avolja kienet se tiswielu prezz għoli. In-​nisel taʼ Adam kien qisu “qasba mġelġla,” li Alla ma xtaqx ikissirha, jew bħal “musbieħ inemnem,” li ma riedx jitfih. (Mattew 12:20) Alla kien fiduċjuż li kien se jkun hemm ħafna rġiel u nisa leali fost id-​dixxendenti taʼ Adam.—Qabbel Mattew 25:34.

9 Kif nistgħu nwieġbu għal dan l-​att suprem taʼ mħabba u ġustizzja? Waħda mill-​affarijiet li Jehovah jrid minna hija li ‘nagħmlu dak li hu ġust.’ (Mikea 6:8) Dan kif nistgħu nagħmluh?

Fittex il-​Ġustizzja, Iġri wara t-​Tjieba

10. (a) Liema huwa mod wieħed li bih neżerċitaw il-​ġustizzja? (b) Kif nistgħu nfittxu t-​tjieba t’Alla l-​ewwel?

10 L-​ewwelnett, irridu nikkonformaw mal-​livelli morali t’Alla. Peress li l-​livelli t’Alla huma ġusti u taʼ tjieba, aħna nkunu qed neżerċitaw il-​ġustizzja meta ngħixu fi qbil magħhom. Dak hu li Jehovah jistenna min-​nies tiegħu. “Tgħallmu għamlu t-​tajjeb; fittxu d-​dritt [“l-​ġustizzja,” NW],” qal Jehovah lill-​Iżraeliti. (Isaija 1:17) Ġesù ta parir simili lis-​semmiegħa tiegħu fil-​Priedka taʼ fuq il-​Muntanja, meta tahom l-​istruzzjoni biex ‘ifittxu l-​ewwel is-​saltna u l-​ġustizzja [“t-​tjieba,” NW] t’Alla.” (Mattew 6:33) Pawlu inkuraġġixxa lil Timotju biex ‘ifittex li jkollu t-​tjieba.’ (1 Timotju 6:11) Meta ngħixu fi qbil mal-​livelli t’Alla dwar l-​imġiba u nilbsu l-​personalità l-​ġdida, inkunu qed niġru wara l-​ġustizzja vera u t-​tjieba. (Efesin 4:23, 24) Fi kliem ieħor, inkunu qed infittxu l-​ġustizzja billi nagħmlu l-​affarijiet bil-​mod li jridhom Alla.

11. Għala u kif għandna niġġieldu kontra d-​dominanza tad-​dnub?

11 Bħalma nafu lkoll kemm aħna, m’huwiex dejjem faċli għall-​bnedmin imperfetti li jagħmlu dak li huwa ġust u sewwa. (Rumani 7:14-20) Pawlu inkuraġġixxa lill-​Kristjani f’Ruma biex jiġġieldu kontra d-​dominanza tad-​dnub, sabiex ikunu jistgħu jippreżentaw il-​ġisem iddedikat tagħhom lil Alla bħala “għodda tal-​ġustizzja [“taʼ tjieba,” NW],” li kellhom ikunu utli f’li jwettqu l-​iskop tiegħu. (Rumani 6:12-14) Bl-​istess mod, billi regolarment nistudjaw u napplikaw il-​Kelma t’Alla, nistgħu nassorbu “t-​twiddib tal-​Mulej” u niġu ‘mrawmin fis-​sewwa [“fit-​tjieba,” NW]’—Efesin 6:4; 2 Timotju 3:16, 17.

12. X’għandna nevitaw jekk se nittrattaw m’oħrajn bil-​mod li rridu lil Jehovah jittratta magħna?

12 It-​tieni, aħna neżerċitaw il-​ġustizzja meta nittrattaw m’oħrajn bil-​mod li rridu li Jehovah jittratta magħna. Faċli li jkollna żewġ livelli​—wieħed indulġenti għalina nfusna imma ieħor strett m’oħrajn. Aħna malajr insibu skuża għan-​nuqqasijiet tagħna, però pronti biex nikkritikaw in-​nuqqasijiet t’oħrajn, li forsi jkunu insinjifikanti ħdejn tagħna. Ġesù bir-​raġun jistaqsi: “Xi trid tħares lejn it-​tibna li hemm f’għajn ħuk? Għax ma tarax it-​travu li għandek f’għajnek int?” (Mattew 7:1-3) Qatt m’għandna ninsew li ħadd minna ma jistaʼ jibqaʼ wieqaf kieku Jehovah kellu jifli l-​iżbalji tagħna. (Salm 130:3, 4) La l-​ġustizzja t’Alla tħallih jiskuża d-​dgħjufijiet taʼ ħutna, aħna min aħna biex niġġudikawhom?—Rumani 14:4, 10.

13. Bniedem ġust għala jħossu obbligat li jippriedka l-​aħbar tajba tas-​Saltna?

13 It-​tielet, inkunu qed nuru ġustizzja kif irid Alla meta nieħdu sehem b’mod ħabrieki fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar. “Min ħaqqu l-​ġid tiċħadhulux, meta dan tistaʼ tagħmlu,” jagħtina l-​parir Jehovah. (Proverbji 3:27) Ma nagħmlux sewwa jekk inżommu għalina l-​għarfien li jagħti l-​ħajja li Alla tana b’tant ġenerożità. Veru li ħafna nies għandhom mnejn jirrifjutawh il-​messaġġ tagħna, imma sakemm Alla jkompli juri ħniena magħhom, għandna nkunu lesti li nibqgħu nagħtuhom l-​opportunità ‘li jersqu għall-​indiema.’ (2 Pietru 3:9) U bħal Ġesù, aħna tgħidx kemm nieħdu gost meta nkunu nistgħu ngħinu lil xi ħadd idur lejn il-​ġustizzja u t-​tjieba. (Luqa 15:7) Issa huwa ż-​żmien favorevoli għalina biex ‘niżirgħu fit-​tjieba.’—Ħosegħa 10:12.

“Prinċpijiet Jaħkmu bil-​Ġustizzja”

14. L-​anzjani liema rwol għandhom f’konnessjoni mal-​ġustizzja?

14 Ilkoll kemm aħna rridu nimxu fil-​mogħdija tat-​tjieba, imma l-​anzjani fil-​kongregazzjoni Kristjana għandhom responsabbiltà speċjali f’dan ir-​rigward. Il-​ħakma taʼ prinċep li għandu Ġesù hija ‘mwettqa bil-​ġustizzja u t-​tjieba.’ Fi qbil maʼ dan, il-​livell għall-​anzjani huwa l-​ġustizzja divina. (Isaija 9:7, NW) Huma jżommu f’moħħhom dak li hemm deskritt b’mod profetiku f’Isaija 32:1: “Araw, sultan għad isaltan bil-​ġustizzja [“tjieba,” NW], u prinċpijiet jaħkmu bis-​sewwa [“ġustizzja,” NW].” Bħala indokraturi maħturin mill-​ispirtu, jew ‘amministraturi t’Alla,’ l-​anzjani għandhom jagħmlu l-​affarijiet kif iridhom Alla.—Titu 1:7.

15, 16. (a) L-anzjani kif jimitaw lir-​ragħaj leali fit-​tixbieha taʼ Ġesù? (b) L-​anzjani kif iħossuhom dwar dawk li huma mitlufin spiritwalment?

15 Ġesù wera li l-​ġustizzja taʼ Jehovah kienet mimlija mogħdrija u ħniena, u kienet ukoll raġonevoli. Fuq kollox, hu pprova jgħin lil dawk li kellhom il-​problemi u pprova “jfittex u jsalva l-​mitluf.” (Luqa 19:10) Bħal dak ir-​ragħaj fit-​tixbieha taʼ Ġesù, li fittex bla ma għeja sakemm sab in-​nagħġa l-​mitlufa, l-​anzjani jfittxu lil dawk li żvijaw spiritwalment u jistinkaw biex jiggwidawhom lura lejn il-​maqjel.—Mattew 18:12, 13.

16 Minflok ma jikkundannaw lil dawk li forsi kkommettew xi dnub serju, l-​anzjani jfittxu li jfejquhom u jmexxuhom lejn l-​indiema, jekk dan ikun possibbli. Huma jifirħu meta jkunu jistgħu jgħinu lil xi ħadd li jkun żvija. Madankollu, kemm iħossuhom imnikktin meta xi midneb jonqos li jindem. Imbagħad, il-​livelli taʼ tjieba t’Alla jirrikjedu li dak li ma jindimx jiġi maqtugħ mis-​sħubija. Saħansitra jekk dan jiġri, bħal missier l-​iben il-​ħali, huma jittamaw li xi darba dak li żbalja se ‘jidħol fih innifsu.’ (Luqa 15:17, 18) B’hekk, l-​anzjani jieħdu l-​inizjattiva biex iżuru lil ċerti wħud li jkunu ġew maqtugħin mis-​sħubija ħalli jfakkruhom kif jistgħu jerġgħu lura lejn l-​organizzazzjoni taʼ Jehovah.a

17. L-​anzjani liema mira għandhom meta jkunu qed jittrattaw każ taʼ għemil ħażin, u liema kwalità se tgħinhom jilħqu dik il-​mira?

17 L-​anzjani jkollhom speċjalment bżonn li jimitaw il-​ġustizzja taʼ Jehovah meta jkunu qed jittrattaw xi każ taʼ għemil ħażin. Il-​midinbin “kienu jersqu bi ħġarhom” lejn Ġesù għaliex kienu jħossu li kien se jifhimhom u jgħinhom. (Luqa 15:1; Mattew 9:12, 13) M’għandniex xi ngħidu, Ġesù ma kienx jagħlaq għajnejh għall-​ħażen. Ikla waħda maʼ Ġesù qanqlet lil Żakkew, wieħed li kien magħruf li jqarraq fil-​kontijiet, biex jindem u jagħmel tajjeb għas-​sofferenza kollha li kien ġab fuq oħrajn. (Luqa 19:8-10) Illum, l-​anzjani għandhom l-​istess mira f’kull smigħ ġudizzjali​—li jwasslu lil dak li jkun żbalja lejn l-​indiema. Jekk l-​anzjani jkunu avviċinabbli bħalma kien Ġesù, ħafna minn dawk li żbaljaw se jsibuha iktar faċli li jfittxu l-​għajnuna tagħhom.

18. X’se jgħin lill-​anzjani jsiru bħal “ilqugħ għar-​riħ”?

18 Qalb sensittiva se tgħin lill-​anzjani jamministraw il-​ġustizzja divina, li la hi ħarxa u lanqas bla qalb. Interessanti li Esdra pprepara qalbu, mhux sempliċement moħħu, sabiex jgħallem il-​ġustizzja lill-​Iżraeliti. (Esdra 7:10) Qalb li tifhem se ġġiegħel lill-​anzjani japplikaw il-​prinċipji Skritturali xierqa u jikkunsidraw iċ-​ċirkustanzi taʼ kull individwu. Meta Ġesù fejjaq lil dik il-​mara li kellha t-​tnixxija tad-​demm, hu wera li l-​ġustizzja taʼ Jehovah tfisser li wieħed jifhem l-​ispirtu kif ukoll l-​ittra tal-​liġi. (Luqa 8:43-48) L-​anzjani li jamministraw il-​ġustizzja bil-​mogħdrija jistgħu jiġu mxebbhin maʼ “ilqugħ għar-​riħ” għal dawk li jkunu sfaw vittma tad-​dgħjufijiet tagħhom stess jew taʼ din is-​sistema li qed ngħixu fiha.—Isaija 32:2.

19. Waħda oħt kif wieġbet meta ġiet murija ġustizzja divina magħha?

19 Oħt li kienet ikkommettiet dnub serju kellha ċ-​ċans tapprezza hi stess il-​ġustizzja divina. “Ngħid il-​verità, kont nibżaʼ mmur għand l-​anzjani,” tammetti hi. “Imma dawn ittrattawni b’mogħdrija u dinjità. L-​anzjani kienu qishom missirijiet u mhux xi mħallfin ħorox. Għenuni nifhem li Jehovah ma kienx se jirrifjutani jekk inkun iddeterminata li nirranġa. Esperjenzajtha jien stess kif hu jiddixxiplinana bħal Missier kollu mħabba. Stajt niftaħ qalbi maʼ Jehovah, bil-​fiduċja li hu kien se jismaʼ t-​tħannin tiegħi. Meta nħares lura, nistaʼ ngħid li l-​laqgħa li kelli maʼ l-​anzjani sebaʼ snin ilu kienet verament barka mingħand Jehovah. Minn dak iż-​żmien ’l hawn, ir-​relazzjoni tiegħi miegħu saret bil-​wisq iktar b’saħħitha.”

Żomm il-​Ġustizzja u Agħmel is-​Sewwa

20. X’inhuma l-​benefiċċji li jinkisbu meta wieħed jifhem u jeżerċita l-​ġustizzja u t-​tjieba?

20 Kemm aħna grati li l-​ġustizzja divina tfisser ferm iktar milli kull bniedem jingħata dak li ħaqqu. Il-​ġustizzja taʼ Jehovah qanqlitu biex jagħti l-​ħajja taʼ dejjem lil dawk li jeżerċitaw fidi. (Salm 103:10; Rumani 5:15, 18) Alla jittratta magħna b’dan il-​mod għaliex il-​ġustizzja tiegħu tagħti kas iċ-​ċirkustanzi tagħna u tfittex li ssalva mhux li tikkundanna. Verament, meta nifhmu aħjar kemm hi kbira l-​ġustizzja taʼ Jehovah ninġibdu iktar qrib tiegħu. U hekk kif nistinkaw biex nimitaw dan l-​aspett tal-​personalità tiegħu, ħajjitna u dawk t’oħrajn se jiġu mberkin ferm. Missierna tas-​sema se jinduna li aħna qed infittxu l-​ġustizzja. Jehovah jwegħedna: “‘Żommu s-​sewwa u agħmlu l-​ġustizzja, għax is-​salvazzjoni tiegħi għoddha waslet, u l-​ġustizzja tiegħi dalwaqt tfeġġ.’ Hieni r-​raġel li jagħmel dan.”—Isaija 56:1, 2.

[Nota taʼ taħt]

a Ara It-​Torri taʼ l-​Għassa, 15 taʼ Lulju, 1991, paġni 13-15.

Tiftakar Int?

◻ Il-​qerda taʼ Sodoma u Gomorra x’tgħallimna dwar il-​ġustizzja taʼ Jehovah?

◻ Ir-​rahan għala huwa espressjoni li tispikka tal-​ġustizzja u l-​imħabba t’Alla?

◻ Liema huma t-​tliet modi li bihom nistgħu neżerċitaw il-​ġustizzja?

◻ L-​anzjani b’liema mod speċjali jistgħu jimitaw il-​ġustizzja divina?

[Stampi f’paġna 15]

Bl-​attività tagħna taʼ ppridkar, aħna nkunu qed nuru l-​ġustizzja kif irid Alla

[Stampa f’paġna 16]

Meta l-​anzjani juru ġustizzja kif irid Alla, dawk li jkollhom xi problemi jsibuha eħfef biex ifittxu l-​għajnuna tagħhom

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja