Jehovah Jagħti lill-Wieħed Għajjien Qawwa
“Dawk li jittamaw fil-Mulej jieħdu saħħithom, jogħlew bil-ġwienaħ bħall-ajkli.”—ISAIJA 40:31.
1, 2. Jehovah x’jagħti lil dawk li qegħdin jafdaw fih, u issa x’se nikkunsidraw?
L-AJKLI huma fost l-iktar tajr potenti fis-smewwiet. Jistgħu jigglajdjaw fl-arja għal distanzi kbar mingħajr saħansitra ma jċaqilqu ġwinħajhom. Bi ġwienaħ li jistgħu jinfetħu iktar minn sebaʼ piedi, “is-Sultana tat-Tajr,” l-ajkla l-ħamra, hija “waħda mill-iktar impressjonanti fost l-ajkli kollha; billi togħla ’l fuq minn għoljiet u pjanuri, [din] tittajjar fl-għoli għal sigħat twal fuq xi xifer taʼ muntanja, imbagħad togħla ’l fuq bħal garigor sakemm issir tikka sewda fis-sema.”—The Audubon Society Encyclopedia of North American Birds.
2 Bl-abbiltajiet taʼ titjir taʼ l-ajkla f’moħħu, Isaija kiteb: “[Jehovah qiegħed] jagħti l-qawwa lill-għajjien, u jkattar il-qawwa lil min hu bla saħħa. Jintelqu ż-żgħażagħ u jegħjew, fl-aħjar tagħhom jogħtru l-irġiel. Imma dawk li jittamaw fil-Mulej jieħdu saħħithom, jogħlew bil-ġwienaħ bħall-ajkli, jiġru bla ma jegħjew, jimxu bla ma jintelqu.” (Isaija 40:29-31) Kemm huwa taʼ faraġ li tkun taf li Jehovah jagħti lil dawk li jafdaw fih il-qawwa biex jibqgħu għaddejjin, bħal li kieku jipprovdilhom il-ġwienaħ li donnhom ma jgħejjew qatt taʼ l-ajkla li tittajjar fl-għoli! Ikkunsidra, issa, xi ftit mill-provvedimenti li għamel biex jagħti qawwa lill-għajjien.
Il-Qawwa Tat-Talb
3, 4. (a) Ġesù ħeġġeġ lid-dixxipli tiegħu biex jagħmlu liema ħaġa? (b) X’nistgħu nistennew li Jehovah jagħmel bi tweġiba għat-talb tagħna?
3 Ġesù ħeġġeġ lid-dixxipli tiegħu biex “dejjem jitolbu bla ma jaqtgħu.” (Luqa 18:1) Jistaʼ tassew jgħinna li niftħu qalbna maʼ Jehovah biex niksbu qawwa mill-ġdid u nevitaw li naqtgħu qalbna meta l-pressjonijiet tal-ħajja jidhru li se jegħlbuna? Iva, imma hemm xi affarijiet li rridu nżommu f’moħħna.
4 Irridu nkunu realistiċi f’dak li nistennew li Jehovah jagħmel bi tweġiba għat-talb tagħna. Waħda Kristjana li waqgħet f’dipressjoni qawwija iktar tard osservat: “Bħal f’mard ieħor, Jehovah ma jwettaqx mirakli f’dan iż-żmien. Imma tassew jgħinna biex inkampaw u nfiqu sal-punt li huwa possibbli f’din is-sistema.” Billi spjegat għala t-talb tagħha għamel differenza, żiedet: “Kelli aċċess għall-ispirtu qaddis taʼ Jehovah 24 siegħa kuljum.” B’hekk, Jehovah ma jaħbiniex mill-pressjonijiet tal-ħajja li jistgħu jtaqqluna, imma “jagħti spirtu qaddis lil dawk li jitolbuhulu!” (Luqa 11:13; Salm 88:2-4 [Salm 88:1-3, NW]) Dak l-ispirtu jistaʼ jagħmilna ugwali għal kwalunkwe prova jew pressjoni li nistgħu niffaċċjaw. (1 Korintin 10:13) Jekk ikun hemm bżonn, jistaʼ jimlina b’“qawwa iktar min-normal” biex nissaportu sakemm is-Saltna t’Alla tneħħi l-problemi stressanti kollha fid-dinja l-ġdida li qiegħda tant qrib.—2 Korintin 4:7, NW.
5. (a) Biex it-talb tagħna jkun effettiv, liema żewġ affarijiet huma vitali? (b) Kif nistgħu nitolbu jekk qegħdin niġġieldu dgħjufija tal-laħam? (ċ) It-talb persistenti u speċifiku tagħna x’se jurih lil Jehovah?
5 Sabiex it-talb tagħna jkun effettiv, iżda, irridu nipperseveraw, u rridu nkunu speċifiċi. (Rumani 12:12) Per eżempju, jekk xi waqtiet tħossok tgħejja minħabba li tkun qiegħed tiġġieled dgħjufija tal-laħam, fil-bidu taʼ kull ġurnata, agħmel petizzjoni lil Jehovah biex jgħinek tevita li ċċedi għal dik id-dgħjufija speċifika matul il-jum. Itlob b’mod simili matul il-jum u kull lejl qabel ma torqod. Jekk iġġarrab tefgħa lura, itlob bil-ħniena lil Jehovah għall-maħfra tiegħu, imma wkoll tkellem miegħu dwar x’wasslek biex terġaʼ taqaʼ u dwar x’tistaʼ tagħmel biex tevita dawk iċ-ċirkostanzi fil-futur. Talb persistenti u speċifiku bħal dan se juri lil “Semmiegħ it-talb” is-sinċerità taʼ xewqtek li tirbaħ il-ġlieda.—Salm 65:2, NW; Luqa 11:5-13.
6. Għala nistgħu kif jixraq nistennew li Jehovah jismaʼ t-talb tagħna saħansitra meta għandna mnejn inħossuna indenji li nitolbu?
6 Xi drabi, madankollu, dawk li jkunu għejjew għandhom mnejn iħossuhom indenji li jitolbu. Mara Kristjana li ħassitha hekk iktar tard osservat: “Dak huwa ħsieb perikoluż ħafna għaliex ifisser li nkunu ħadnieha f’idejna li niġġudikaw lilna nfusna, imma dak ma jappartjenix lilna.” Tabilħaqq, “Alla nnifsu jagħmel il-ħaqq.” (Salm 50:6) Il-Bibbja tiżgurana li għalkemm “il-kuxjenza ċċanfarna, . . . Alla hu aqwa mill-kuxjenza tagħna, u hu jaf kollox.” (1 Ġwann 3:20) Kemm huwa taʼ faraġ li nkunu nafu li meta forsi niġġudikaw lilna nfusna bħala indenji li nitolbu, Jehovah għandu mnejn ma jħossux hekk lejna! “Hu jaf kollox” dwarna, inklużi ċ-ċirkostanzi f’ħajjitna li għandhom mnejn ġagħluna nħossuna daqshekk indenji. (Salm 103:10-14) Il-ħniena u l-profondità tal-fehma tiegħu jqanqluh biex jismaʼ t-talb minn “qalb maqsuma u sogħbiena.” (Salm 51:19 [Salm 51:17, NW]) Kif jistaʼ jirrifjuta li jismaʼ l-agħjat tagħna għall-għajnuna meta hu nnifsu jikkundanna lil “min jagħlaq widnejh għall-għajta tal-fqir”?—Proverbji 21:13.
Il-Kordjalità Tal-Fratellanza
7. (a) Liema huwa provvediment ieħor li Jehovah għamel biex jgħinna niksbu qawwa mill-ġdid? (b) Li nkunu nafu liema ħaġa dwar il-fratellanza tagħna jistaʼ jkun taʼ tisħiħ għalina?
7 Provvediment ieħor li Jehovah għamel biex jgħinna niksbu qawwa mill-ġdid huwa l-fratellanza Kristjana tagħna. Xi privileġġ prezzjuż huwa dan li tkun parti minn familja t’aħwa rġiel u nisa madwar id-dinja! (1 Pietru 2:17) Meta l-pressjonijiet tal-ħajja jtaqqluna, il-kordjalità tal-fratellanza tagħna tistaʼ tgħinna niksbu qawwa mill-ġdid. Dan kif? Li nkunu nafu li m’aħniex waħidna f’li niffaċċjaw sfidi stressanti jistaʼ jkun taʼ tisħiħ fih innifsu. Fost ħutna rġiel u nisa, bla dubju hemm xi wħud li ffaċċjaw pressjonijiet jew provi simili u li ġarrbu sentimenti ftit jew wisq bħal tagħna stess. (1 Pietru 5:9) Huwa rassiguranti li nkunu nafu li dak li għaddejjin minnu aħna huwa komuni u li s-sentimenti tagħna huma normali.
8. (a) Liema eżempji juru kif nistgħu nsibu l-għajnuna u l-faraġ tant meħtiġin fil-fratellanza tagħna? (b) B’liema mod ġejt int personalment mgħejjun jew imfarraġ minn ‘ħabib veru’?
8 Fil-kordjalità tal-fratellanza nistgħu nsibu ‘ħbieb veri’ li, meta nkunu fl-hemm, jistgħu jipprovdu l-għajnuna u l-faraġ tant meħtiġin. (Proverbji 17:17) Taʼ spiss, kulma jkun hemm bżonn huwa xi ftit kliem ħelu jew xi azzjonijiet li juru ħsieb. Kristjana li ssieltet maʼ sentimenti taʼ nuqqas taʼ stima tagħha nfisha tiftakar: “Kien hemm ħbieb li kienu jżoqquni b’affarijiet pożittivi dwari nnifsi biex jgħinuni negħleb il-ħsibijiet negattivi li kelli.” (Proverbji 15:23) Wara l-mewt taʼ bintha żagħżugħa, oħt sabitha diffiċli għall-ewwel li tkanta l-għanjiet tas-Saltna fil-laqgħat tal-kongregazzjoni, speċjalment għanjiet li kienu jsemmu l-irxoxt. “Darba minnhom,” hi tiftakar, “oħt li kienet qiegħda bil-qiegħda bi dritti ratni nibki. Ġiet ħdejja, għannqitni magħha, u kantat il-bqija taʼ l-għanja miegħi. Ħassejtni tant mimlija mħabba għall-aħwa rġiel u nisa u tant hienja li konna morna għal-laqgħat, billi rrealizzajna li hemmhekk qiegħda l-għajnuna tagħna, hemmhekk fis-Sala tas-Saltna.”
9, 10. (a) Kif nistgħu nikkontribwixxu lejn il-kordjalità tal-fratellanza tagħna? (b) Min speċjalment jeħtieġ sħubija bnina? (ċ) X’nistgħu nagħmlu biex ngħinu lil dawk li jeħtieġu inkuraġġiment?
9 M’għandniex xi ngħidu, kull wieħed minna għandu responsabbiltà li jikkontribwixxi lejn il-kordjalità tal-fratellanza Kristjana. B’hekk, qlubna għandhom ‘jinfetħu beraħ’ biex jinkludu lil ħutna rġiel u nisa kollha. (2 Korintin 6:13) Kemm kien ikun taʼ swied il-qalb għal dawk li għejjew illi jħossuhom li l-imħabba tal-fratellanza birdet lejhom! Madankollu, xi Kristjani jirrapportaw li jħossuhom waħidhom u minsijin. Oħt li żewġha jopponi l-verità talbet bil-ħerqa: “Min ma jixtieqx u m’għandux bżonn ħbiberiji li jibnu, inkuraġġiment, u sħubija taʼ mħabba? Jekk jogħġobkom fakkru lil ħutna rġiel u nisa li aħna għandna bżonnhom!” Iva, speċjalment dawk li ċ-ċirkostanzi tagħhom fil-ħajja jtaqqluhom—dawk b’imseħbin li m’humiex kredenti, ġenituri mingħajr sieħeb jew sieħba, dawk bi problemi kroniċi taʼ saħħa, ix-xjuħ, u oħrajn—jeħtieġu sħubija bnina. Għandhom bżonn xi wħud minna jiġu mfakkrin dwar dak?
10 X’nistgħu nagħmlu biex ngħinu? Ejjew nitwessgħu f’li nesprimu mħabbitna. Meta nestendu ospitalità, ejjew ma ninsewx lil dawk li jeħtieġu inkuraġġiment. (Luqa 14:12-14; Lhud 13:2) Minflok ma nassumu li ċ-ċirkostanzi tagħhom ma jippermettulhomx li jaċċettaw, għaliex ma nistidnuhomx xorta waħda? Imbagħad inħallu lilhom jiddeċiedu. Saħansitra jekk ma jkunux jistgħu jaċċettaw, bla dubju se jħossuhom inkuraġġiti li jafu li oħrajn ħasbu fihom. Għandu mnejn dak ikun eżatt li għandhom bżonn biex jiksbu qawwa mill-ġdid.
11. Dawk li huma mtaqqlin għandhom mnejn jeħtieġu għajnuna f’liema modi?
11 Dawk li huma mtaqqlin għandhom mnejn jeħtieġu għajnuna f’modi oħrajn. Omm bla raġel, per eżempju, għandha mnejn teħtieġ ħu matur li juri interess fit-tifel tagħha bla missier. (Ġakbu 1:27) Ħu jew oħt bi problema serja taʼ saħħa għandhom mnejn jeħtieġu xi għajnuna fix-xiri jew fil-faċendi tad-dar. Xiħ jew xiħa għandhom mnejn jixxennqu għal xi ftit kumpanija jew jeħtieġu xi għajnuna biex joħorġu fil-ministeru taʼ l-għalqa. Meta jkun hemm bżonn kontinwu għal għajnuna bħal din, dan ikun tassew ‘prova taʼ kemm hija sinċiera mħabbitna.’ (2 Korintin 8:8) Minflok ma nitbiegħdu minn uħud fil-bżonn minħabba l-ħin u l-isforz involuti, jalla ngħaddu mit-test taʼ mħabba Kristjana billi nkunu sensittivi u nwieġbu għall-bżonnijiet t’oħrajn.
Il-Qawwa Tal-Kelma T’Alla
12. Il-Kelma t’Alla kif tgħinna biex niksbu qawwa mill-ġdid?
12 Persuna li tieqaf tiekol malajr se titlef is-saħħa, jew il-qawwa tagħha. Fi qbil maʼ dan, mod ieħor li bih Jehovah jagħtina l-qawwa biex nibqgħu għaddejjin huwa billi jieħu ħsieb li aħna niġu mitmugħin tajjeb spiritwalment. (Isaija 65:13, 14) Liema ikel spiritwali pprovda? Fuq kollox, il-Kelma tiegħu, il-Bibbja. (Mattew 4:4; qabbel Lhud 4:12.) Din kif tistaʼ tgħinna niksbu qawwa mill-ġdid? Meta l-pressjonijiet u l-problemi li niffaċċjaw jibdew jixorbulna saħħitna, aħna nistgħu nieħdu s-saħħa billi naqraw dwar is-sentimenti u t-taqbid reali tal-ħajja taʼ rġiel u nisa leali fi żminijiet Bibliċi. Għalkemm huma eżempji li jispikkaw taʼ integrità, kienu bnedmin ‘b’sentimenti bħal tagħna.’ (Ġakbu 5:17; Atti 14:15) Iffaċċjaw provi u pressjonijiet simili għal tagħna stess. Ikkunsidra xi eżempji.
13. Liema eżempji Skritturali juru li rġiel u nisa leali fi żminijiet Bibliċi kellhom sentimenti u esperjenzi ftit jew wisq bħal tagħna stess?
13 Il-patrijarka Abraham tnikket profondament minħabba l-mewt taʼ martu avolja kellu fidi fl-irxoxt. (Ġenesi 23:2; qabbel Lhud 11:8-10, 17-19.) David niedem ħassu li d-dnubiet tiegħu kienu għamluh indenju biex jaqdi lil Jehovah. (Salm 51:13 [Salm 51:11, NW]) Mosè kien iħossu mhux addattat. (Eżodu 4:10) Epafroditus sar dipress meta sar magħruf li marda serja llimitat l-attività tiegħu fix-‘xogħol taʼ Kristu.’ (Filippin 2:25-30) Pawlu kellu jiġġieled kontra l-laħam imwaqqaʼ. (Rumani 7:21-25) Evodja u Sintike, żewġt aħwa midlukin fil-kongregazzjoni taʼ Filippi, apparentement kellhom xi diffikultà biex jiftehmu bejniethom. (Filippin 1:1; 4:2, 3) Kemm huwa inkuraġġanti li tkun taf li dawn l-uħud leali kellhom sentimenti u esperjenzi bħal tagħna stess, u madankollu huma ma qatgħux qalbhom! Lanqas Jehovah ma qataʼ qalbu minnhom.
14. (a) Jehovah liema għodda uża biex jgħinna nieħdu saħħa mill-Kelma tiegħu? (b) Ir-rivisti Watchtower (Torri Taʼ L-Għassa) u Awake! għala kien fihom artikli fuq kwistjonijiet soċjali, tal-familja, u emozzjonali?
14 Biex jgħinna nieħdu saħħa mill-Kelma tiegħu, Jehovah juża lill-klassi taʼ l-irsir leali u diskret biex jipprovdilna provvista kontinwa taʼ ‘ikel fil-ħin xieraq.’ (Mattew 24:45) L-irsir leali ilu juża r-rivisti Watchtower (Torri Taʼ L-Għassa) u Awake! biex jiddefendi l-verità tal-Bibbja u jipproklama s-Saltna t’Alla bħala l-unika tama għall-bniedem. Speċjalment f’dawn l-aħħar għaxriet taʼ snin, dawn ir-rivisti kien fihom artikli Skritturali f’waqthom fuq sfidi soċjali, tal-familja, u emozzjonali li jiltaqgħu magħhom saħansitra xi wħud min-nies t’Alla. Għal liema skop ġiet ippubblikata informazzjoni bħal din? Ċertament biex jiġu mgħejjunin dawk li qegħdin jesperjenzaw dawn l-isfidi biex jieħdu saħħa u inkuraġġiment mill-Kelma t’Alla. Imma artikli bħal dawn jgħinu wkoll lilna lkoll biex ikollna fehma iżjed ċara dwar dak li xi wħud minn ħutna rġiel u nisa jistgħu jkunu għaddejjin minnu. B’hekk aħna mgħammrin aħjar biex nagħtu kas tal-kliem taʼ Pawlu: “Lissnu kliem li jikkonsla lill-erwieħ dipressi, agħtu appoġġ lid-dgħajfin, stabru fit-tul lejn kulħadd.”—1 Tessalonkin 5:14, NW.
Anzjani Li Huma “Lqugħ Għar-Riħ”
15. Isaija x’ipprofetizza dwar dawk li jaqdu bħala anzjani, u dan liema responsabbiltajiet ipoġġi fuqhom?
15 Jehovah ipprovda xi ħaġ’oħra biex jgħinna meta ngħejjew—l-anzjani tal-kongregazzjoni. Dwar dawn il-profeta Isaija kiteb: “Kull wieħed ikun bħal ilqugħ għar-riħ, u kenn fit-tempesta, bħal swieqi taʼ l-ilma f’art niexfa, bħal dell taʼ blata kbira fuq art imħeddla.” (Isaija 32:1, 2) L-anzjani, allura, għandhom responsabbiltà li jilħqu l-livelli li Jehovah bassar dwarhom. Huma ‘jridu jagħtu prova li jkunu’ sorsi taʼ faraġ u riffreskar għal oħrajn u jkunu lesti li ‘jibqgħu jerfgħu t-tagħbijiet [jew, “affarijiet taʼ nkwiet”; litteralment, “affarijiet tqal”] taʼ xulxin.’ (Galatin 6:2) Kif jistgħu jagħmlu dan?
16. L-anzjani x’jistgħu jagħmlu biex jgħinu lil wieħed li jħossu indenju li jitlob?
16 Bħalma ssemma qabel, xi drabi wieħed li jkun għejja għandu mnejn iħossu indenju li jitlob. X’jistgħu jagħmlu l-anzjani? Jistgħu jitolbu miegħu u għalih. (Ġakbu 5:14) Li sempliċement jitolbu lil Jehovah, fil-preżenza tal-wieħed li għejja, biex jgħin lil dak li jkun jifhem kemm hu jew hi huma maħbubin minn Jehovah u minn oħrajn ċertament li jkun taʼ faraġ. Li jismaʼ t-talb ferventi u mill-qalb t’anzjan għandu mnejn isaħħaħ il-fiduċja taʼ wieħed imnikket. Għandu mnejn jiġi mgħejjun biex jirraġuna li jekk l-anzjani huma fiduċjużi li Jehovah se jismaʼ t-talb għan-nom tiegħu, allura hu wkoll jistaʼ jkollu dik il-fiduċja.
17. L-anzjani għala jridu jkunu semmiegħa li jagħdru?
17 “Kull bniedem [irid] ikun ħafif biex jismaʼ; tqil biex jitkellem,” jgħid Ġakbu 1:19. Biex jgħinu lil uħud li għejjew biex jiksbu qawwa mill-ġdid, l-anzjani jridu jkunu wkoll semmiegħa li jagħdru. F’xi każi membri tal-kongregazzjoni għandhom mnejn ikunu qegħdin jitqabdu maʼ problemi jew pressjonijiet li ma jistgħux jiġu solvuti f’din is-sistema t’affarijiet. Dak li għandhom mnejn jeħtieġu, allura, m’huwiex xi soluzzjoni biex “jirranġaw” il-problema tagħhom imma sempliċement biex jitkellmu maʼ semmiegħ tajjeb—xi ħadd li m’huwiex se jgħidilhom kif suppost li jħossuhom imma li se jismaʼ mingħajr ma jipprova jiġġudika.—Luqa 6:37; Rumani 14:13.
18, 19. (a) Li jkun ħafif biex jismaʼ kif jgħin lil anzjan biex jevita li jagħmel it-tagħbija taʼ wieħed li għejja saħansitra iżjed tqila? (b) X’jirriżulta meta anzjani juru li ‘jħossu għal oħrajn’?
18 Anzjani, li tkunu ħfief biex tisimgħu jistaʼ jgħinkom tevitaw li mingħajr ma tridu tagħmlu t-tagħbija tal-wieħed li għejja saħansitra iżjed tqila. Per eżempju, jekk ħu jew oħt m’attendewx xi laqgħat jew naqqsu fil-ministeru taʼ l-għalqa, għandhom tassew bżonn parir dwar li jaħdmu iżjed fil-ministeru jew dwar li jkunu iżjed regulari fil-laqgħat? Forsi. Imma għandek int l-istampa kollha? Hemm problemi taʼ saħħa li qegħdin jiżdiedu? Hemm xi bdil riċenti fir-responsabbiltajiet tal-familja? Hemm xi ċirkostanzi jew pressjonijiet oħrajn li qegħdin itaqqluhom? Ftakar, il-persuna għandha mnejn diġà tħossha ħatja ħafna dwar li ma tistax tagħmel iżjed.
19 Kif, allura, tistaʼ tgħin lill-ħu jew lill-oħt? Qabel ma tasal għal konklużjonijiet u toffri xi parir, agħti widen! (Proverbji 18:13) B’mistoqsijiet taʼ dixxerniment ‘oħroġ’ is-sentimenti fil-qalb taʼ dak li jkun. (Proverbji 20:5) Tinjorax dawn is-sentimenti—irrikonoxxihom. Dak li għejja għandu mnejn jeħtieġ li jiġi żgurat li Jehovah jimpurtah minna u jifhem li xi drabi ċ-ċirkostanzi tagħna jistgħu jillimitawna. (1 Pietru 5:7) Meta l-anzjani juru li ‘jħossu għal oħrajn’ b’dan il-mod, uħud li għejjew se ‘jsibu mistrieħ għal erwieħhom.’ (1 Pietru 3:8; Mattew 11:28-30) Meta jsibu riffreskar bħal dan, m’humiex se jkollhom bżonn li jintqalilhom biex jagħmlu iżjed; qlubhom se jqanqluhom biex jagħmlu dak kollu li raġonevolment jistgħu jagħmlu f’li jaqdu lil Jehovah.—Qabbel 2 Korintin 8:12; 9:7.
20. Bit-tmiem taʼ din il-ġenerazzjoni mill-agħar daqstant fil-qrib, x’għandna nkunu ddeterminati li nagħmlu?
20 Aħna verament qegħdin ngħixu fl-iktar żmien sikkanti taʼ l-istorja umana kollha. Il-pressjonijiet taʼ li ngħixu fid-dinja taʼ Satana qegħdin jiżdiedu hekk kif nidħlu iżjed fil-fond fiż-żmien tat-tmiem. Ftakar, bħal iljun li jikkaċċja, ix-Xitan jistenniena biex ngħejjew u naqtgħu qalbna biex huwa jkun jistaʼ jieħu vantaġġ minna bħala priża faċli. Kemm nistgħu nkunu grati li Jehovah jagħti qawwa lill-għajjien! Jalla nieħdu vantaġġ sħiħ mill-provvedimenti li hu għamel biex jagħtina l-qawwa biex nibqgħu għaddejjin, bħal li kieku kien qiegħed jissupplixxina bil-ġwienaħ setgħanin t’ajkla li tittgħajjar fl-għoli. Bit-tmiem taʼ din il-ġenerazzjoni mill-agħar tant fil-qrib, issa m’huwiex il-waqt li nieqfu niġru fit-tiġrija tagħna għall-premju—ħajja taʼ dejjem.—Lhud 12:1. (w95 12/1)
X’Inhi T-Tweġiba Tiegħek?
◻ X’nistgħu nistennew li Jehovah jagħmel bi tweġiba għat-talb tagħna?
◻ B’liema modi nistgħu nieħdu saħħa mill-fratellanza Kristjana tagħna?
◻ Il-Kelma t’Alla kif tgħinna niksbu qawwa mill-ġdid?
◻ L-anzjani x’jistgħu jagħmlu biex jgħinu lil uħud li għejjew jiksbu qawwa mill-ġdid?
[Stampa f’paġna 27]
Meta nestendu ospitalità, ejjew ma ninsewx lil dawk li jeħtieġu inkuraġġiment
[Stampa f’paġna 28]
L-anzjani jistgħu jitolbu lil Jehovah biex jgħin lil uħud li jkunu għejjew jifhmu kemm huma maħbubin