It-“Tempju” u l-“Prinċep” Illum
“Il-prinċep imbagħad li jkun f’nofshom, jidħol meta jidħlu huma u joħroġ meta joħorġu huma.”—EŻEKJEL 46:10.
1, 2. Liema verità fundamentali tgħinna niżvelaw ħafna mit-tifsira tal-viżjoni t’Eżekjel dwar it-tempju?
XI RABBINI tal-qedem ma tantx kienu sodisfatti bil-ktieb t’Eżekjel. Skond it-Talmud, xi wħud minnhom saħansitra kkunsidraw li lil dan il-ktieb iħalluh barra mil-lista taʼ kotba kanoniċi taʼ l-Iskrittura Mqaddsa. Huma ma setgħux isibu rkaptu tal-viżjoni tat-tempju u qabdu u ddikjaraw li din ħadd ma setaʼ jifhimha. Xi studjużi oħrajn tal-Bibbja wkoll tħawdu b’din il-viżjoni t’Eżekjel dwar it-tempju. Xi ngħidu għalina?
2 Minn mindu ġiet irrestawrata l-qima pura, Jehovah bierek lin-nies tiegħu b’ħafna leħħiet taʼ dehen spiritwali, inkluż id-dixxerniment dwar x’inhu t-tempju spiritwali t’Alla—l-arranġament bħal dak tat-tempju taʼ Jehovah għall-qima pura.a Din il-verità fundamentali tgħinna niżvelaw ħafna mit-tifsira tal-viżjoni t’Eżekjel dwar it-tempju. Ejja nikkunsidraw iktar mill-qrib l-erbaʼ aspetti taʼ din il-viżjoni—it-tempju, is-saċerdozju, il-prinċep, u l-art. Dawn x’ifissru llum?
It-Tempju u Int
3. X’nitgħallmu mis-saqaf għoli ħafna u t-tinqix fuq il-ħajt fid-daħliet tat-tempju?
3 Immaġina li qed induru dawra maʼ dan it-tempju viżjonarju. Navviċinawh u nitilgħu sebaʼ tarġiet lejn wieħed mill-bibien enormi. Fid-daħla taʼ dan il-bieb, inħarsu ’l fuq u nibqgħu skantati u mnixxfin. Is-saqaf fuq rasna huwa għoli iktar minn 30 metru! B’hekk aħna mfakkrin li l-livelli biex nidħlu fl-arranġament għall-qima taʼ Jehovah huma għoljin ferm. Xquq taʼ dawl li jidħlu mit-twieqi jdawlu s-siġar tal-palm minquxin fuq il-ħajt, li l-Iskrittura tużahom biex tagħti stampa taʼ xi ħadd rett. (Salm 92:13 [Salm 92:12, NW]; [Eżekjel 40:14,16, 22 NW]) Dan il-post sagru hu għal dawk li huma retti kemm moralment kif ukoll spiritwalment. Fi qbil maʼ dan, aħna rridu nibqgħu retti sabiex il-qima tagħna tkun aċċettabbli għal Jehovah.—Salm 11:7.
4. Min ma jitħalliex jidħol fit-tempju, u x’nitgħallmu minn dan?
4 Fuq kull naħa tal-kuritur, hemm tlett ikmamar taʼ l-għassiesa. Tgħid l-għassiesa jħalluna nidħlu fit-tempju? Jehovah jgħid lil Eżekjel li l-ebda barrani “bla ħtin f’qalbu” ma jistaʼ jidħol. (Eżekjel 40:10; 44:9) Dan x’ifisser? Ifisser li Alla jaċċetta bħala adoraturi tiegħu lil dawk biss li jħobbu l-liġijiet tiegħu u jgħixu fi qbil magħhom. (Ġeremija 4:4; Rumani 2:29) Hu jilqaʼ wħud bħal dawn fit-tinda spiritwali tiegħu, id-dar taʼ qima tiegħu. (Salm 15:1-5) Minn mindu ġiet irrestawrata l-qima pura fl-1919, l-organizzazzjoni taʼ Jehovah fuq l-art appoġġat il-liġijiet morali tiegħu u ċċarathom b’mod progressiv. Dawk li minn jeddhom jirrifjutaw li jobdu ma jibqgħux jiġu milqugħin bħala mseħbin mal-poplu tiegħu. Illum, din id-drawwa bbażata fuq il-Bibbja tat-tkeċċija taʼ dawk li jagħmlu l-ħażen u ma jindmux serviet biex il-qima tagħna tinżamm nadifa u safja.—1 Korintin 5:13.
5. (a) Liema similaritajiet hemm bejn il-viżjoni t’Eżekjel u l-viżjoni taʼ Ġwanni mniżżla f’Apokalissi 7:9-15? (b) Fil-viżjoni t’Eżekjel, it-12-il tribù li qed iqimu fil-bitħa taʼ barra taʼ min jagħtu stampa?
5 Il-kuritur jiftaħ għal ġol-bitħa taʼ barra, fejn in-nies iqimu u jfaħħru lil Jehovah. Dan ifakkarna fil-viżjoni taʼ l-appostlu Ġwanni dwar il-“kotra kbira” li qed iqimu lil Jehovah “lejl u nhar . . . fit-tempju tiegħu.” Is-siġar tal-palm jinsabu fiż-żewġ viżjonijiet. Fil-viżjoni t’Eżekjel dawn iżejnu l-ħitan tad-daħla. F’dik taʼ Ġwanni l-adoraturi għandhom friegħi tal-palm f’idejhom, li jissimbolizzaw il-ferħ tagħhom f’li jfaħħru lil Jehovah u f’li jagħtu merħba lil Ġesù bħala s-Sultan tagħhom. (Apokalissi 7:9-15) Fil-kuntest tal-viżjoni t’Eżekjel, it-12-il tribù taʼ Iżrael jagħtu stampa tan-“nagħaġ oħra.” (Ġwann 10:16; qabbel Luqa 22:28-30.) Int ukoll wieħed minn dawk li jsibu l-ferħ f’li jfaħħru lil Jehovah billi jipproklamaw is-Saltna tiegħu?
6. X’kien l-iskop tal-kmamar taʼ l-ikel fil-bitħa taʼ barra, u lin-nagħaġ oħrajn dwar liema privileġġ għandu mnejn ifakkarhom dan?
6 Hekk kif induru dawra mal-bitħa taʼ barra, naraw it-30 kamra taʼ l-ikel fejn in-nies jieħdu sehem mill-offerti volontarji tagħhom. (Eżekjel 40:17) Illum, dawk min-nagħaġ oħrajn ma joffrux annimali bħala sagrifiċċji, però ma jiġux b’idhom f’idhom lejn it-tempju spiritwali. (Qabbel Eżodu 23:15.) L-appostlu Pawlu kiteb: “B’Ġesù, mela, ejjew noffru f’kull ħin lil Alla sagrifiċċju taʼ tifħir, jiġifieri l-kelma taʼ xufftejna li tistqarr ismu. Tinsewx tagħmlu l-ġid lill-oħrajn, u taqsmu bejnietkom dak li għandkom, għax b’sagrifiċċji bħal dawn jitgħaxxaq Alla.” (Lhud 13:15, 16; Hosegħa 14:3 [Hosegħa 14:2, NW]) Huwa privileġġ kbir li noffru sagrifiċċji bħal dawn lil Jehovah.—Proverbji 3:9, 27.
7. Il-kejl tat-tempju dwar liema ħaġa jaċċertana?
7 Eżekjel jibqaʼ jħares waqt li anġlu jkejjel dan it-tempju viżjonarju. (Eżekjel 40:3) Bl-istess mod, l-appostlu Ġwanni ntqallu: “Qum, u ħu l-qisien tat-tempju taʼ Alla u taʼ l-artal u taʼ dawk li qegħdin jagħtu qima fih.” (Apokalissi 11:1) X’ifisser dan il-kejl? Fiż-żewġ każi dan mid-dehra serva bħala garanzija, sinjal li xejn ma jistaʼ jwaqqaf lil Jehovah milli jwettaq l-iskopijiet tiegħu rigward il-qima pura. L-istess illum, aħna nistgħu nibqgħu ċerti li xejn—lanqas saħansitra oppożizzjoni ħarxa minn gvernijiet setgħanin—ma jistaʼ jwaqqaf ir-restawr tal-qima pura.
8. Min jidħol mill-bibien għal ġol-bitħa taʼ ġewwa, u dawn il-bibien fiex ifakkruna?
8 Hekk kif naqsmu l-bitħa taʼ barra, naraw li hemm tliet bibien li jagħtu għal ġol-bitħa taʼ ġewwa; il-bibien taʼ ġewwa jinsabu bi dritt il-bibien taʼ barra u huma taʼ l-istess daqs. (Eżekjel 40:6, 20, 23, 24, 27) Il-qassisin biss jistgħu jidħlu fil-bitħa taʼ ġewwa. Il-bibien taʼ ġewwa jfakkruna li l-midlukin b’mod speċjali jridu jgħixu skond il-livelli u l-liġijiet divini, imma l-istess liġijiet u livelli jiggwidaw lill-Kristjani veri kollha. Imma x’inhu x-xogħol tal-qassisin, u x’tifsira għandu llum?
Saċerdozju Leali
9, 10. Is-“saċerdozju rjali” bħalma hu rrappreżentat mill-klassi saċerdotali fil-viżjoni t’Eżekjel, kif ipprovda istruzzjoni spiritwali?
9 Fiż-żminijiet taʼ qabel il-Kristjanità, il-qassisin kienu jagħmlu xogħol iebes fit-tempju. Il-fatt li riedu joqtlu l-annimali tas-sagrifiċċju, joffruhom fuq l-artal, u jservu lill-qassisin sħabhom u lin-nies kien jirrikjedi sforz fiżiku. Imma huma kellhom xogħol importanti ieħor. Jehovah kkmanda rigward il-qassisin: “Għandhom juru lill-poplu tiegħi kif jagħżel dak li hu sagru minn dak li hu profan, u jgħallmuhom jagħżlu bejn dak li hu mniġġes u dak li hu nadif.”—Eżekjel 44:23; Malakija 2:7.
10 Tapprezzah int ix-xogħol iebes u s-servizz umli li l-midlukin bħala ġemgħa, is-“saċerdozju rjali,” għamlu b’appoġġ għall-qima pura? (1 Pietru 2:9) Bħal dawk il-qassisin Levitiċi tal-qedem, huma kienu u għadhom minn taʼ quddiem f’li jagħtu istruzzjoni spiritwali, billi jgħinu lin-nies jifhmu dak li hu nadif u aċċettabbli f’għajnejn Alla u dak li m’huwiex. (Mattew 24:45) Istruzzjoni bħal din li ġejja minn pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-Bibbja u mil-laqgħat u l-konvenzjonijiet Kristjani, għenet lil miljuni biex jirrikonċiljaw ruħhom m’Alla.—2 Korintin 5:20.
11. (a) Il-viżjoni t’Eżekjel kif enfasizzat l-importanza taʼ l-indafa min-naħa tal-qassisin? (b) F’dawn l-aħħar jiem, il-midlukin kif tnaddfu f’sens spiritwali?
11 Madankollu, il-qassisin iridu jagħmlu iktar milli sempliċement jgħallmu lil oħrajn biex ikunu nodfa; iridu jkunu nodfa huma nfushom. B’hekk, Eżekjel ra bil-quddiem proċess taʼ raffinar għas-saċerdozju taʼ Iżrael. (Eżekjel 44:10-16) Bl-istess mod, l-istorja turi li fl-1918, Jehovah għamilha taʼ “wieħed li jsaffi” fit-tempju spiritwali tiegħu, billi eżamina l-klassi midluka taʼ qassisin. (Malakija 3:1-5) Dawk li tqiesu bħala nodfa spiritwalment jew nidmu minn kull idolatrija taʼ qabel tħallew ikomplu fil-privileġġ taʼ servizz fit-tempju spiritwali tiegħu. Xorta waħda, bħal kwalunkwe bniedem ieħor, uħud midlukin individwali jistgħu ma jibqgħux nodfa—spiritwalment jew moralment. (Eżekjel 44:22, 25-27) Huma kellhom jaħdmu iebes biex jibqgħu “bla tinġis . . . mid-dinja.”—Ġakbu 1:27; qabbel Mark 7:20-23.
12. Għala għandna napprezzawh ix-xogħol tal-midlukin?
12 Kull wieħed u waħda minna nistgħu nistaqsu, ‘Napprezzah jien l-eżempju li stabbilew il-midlukin matul dawn il-ħafna snin taʼ servizz leali tagħhom? Nimitaha jien il-fidi tagħhom?’ Dawk minn tal-folla kbira jagħmlu tajjeb li jiftakru li mhux dejjem se jkollhom lill-midlukin magħhom hawn fuq l-art. Dwar il-qassisin fil-viżjoni t’Eżekjel, Jehovah qal: “Ma tingħatalhom ebda propjetà [taʼ art] f’Iżrael, jiena l-propjetà tagħhom.” (Eżekjel 44:28) Bl-istess mod, il-midlukin m’għandhom ebda post taʼ dejjem fuq l-art. Huma għandhom wirt fis-sema, u dawk tal-folla kbira jqisuh bħala privileġġ li jappoġġawhom u jinkuraġġuhom waqt li jkunu għadhom hawn fuq l-art.—Mattew 25:34-40; 1 Pietru 1:3, 4.
Il-Prinċep—Min Hu?
13, 14. (a) Il-prinċep għala bilfors irid ikun min-nagħaġ oħrajn? (b) Il-prinċep taʼ min jagħti stampa?
13 Issa tqum mistoqsija interessanti ferm. Allura, il-prinċep lil min jirrappreżenta? Ladarba dan jissemma kemm bħala individwu u kemm bħala grupp, nistgħu nassumu li hu jirrappreżenta lil klassi taʼ bnedmin. (Eżekjel 44:3; 45:8, 9) Imma lil min? Żgur mhux lill-midlukin. Fil-viżjoni, dan jaħdem fil-qrib mas-saċerdozju, imma m’huwiex wieħed minnhom. Kuntrarju għall-klassi taʼ qassisin, hu jingħata wirt fl-art u b’hekk għandu futur hawn fuq l-art u mhux fis-sema. (Eżekjel 48:21) Barra minn hekk, Eżekjel 46:10 jgħid: “Il-prinċep imbagħad li jkun f’nofshom, jidħol [fil-bitħa taʼ barra tat-tempju] meta jidħlu huma [it-tribujiet li ma kinux qassisin] u joħroġ meta joħorġu huma.” Hu ma jidħolx fil-bitħa taʼ ġewwa imma jqim fil-bitħa taʼ barra, u jidħol u joħroġ mit-tempju man-nies. Dawn il-fatturi jpoġġu b’mod deċiżiv lil din il-klassi prospettiva tal-prinċep fost il-folla kbira taʼ nagħaġ oħrajn.
14 Jidher ċar li l-prinċep għandu xi forma taʼ responsabbiltà fost in-nies t’Alla. Fil-bitħa taʼ barra, hu jpoġġi bil-qegħda fuq il-portiku tal-Bieb tal-Lvant. (Eżekjel 44:2, 3) Dan jindika pożizzjoni taʼ indokrar, simili għal dik taʼ l-irġiel ixjeħ taʼ Iżrael, li kienu joqogħdu bil-qegħda ħdejn bieb il-belt u jagħmlu l-ħaqq. (Rut 4:1-12; Proverbji 22:22) Min illum fost in-nagħaġ oħrajn għandu l-inkarigu taʼ indokrar? Anzjani b’tama għall-art li nħatru mill-ispirtu qaddis. (Atti 20:28) Għalhekk, il-klassi tal-prinċep issa tinsab fil-proċess li tiġi mħejjija bil-prospett li iktar tard taqdi fuq livell amministrattiv fid-dinja l-ġdida.
15. (a) Il-viżjoni t’Eżekjel kif titfaʼ dawl fuq ir-relazzjoni bejn l-anzjani li huma mill-folla kbira u l-klassi saċerdotali midluka? (b) Liema tmexxija ħadu l-anzjani midlukin fl-organizzazzjoni t’Alla fuq l-art?
15 Iżda, illum x’inhi r-relazzjoni bejn il-klassi midluka taʼ qassisin u dawn l-irġiel ixjeħ li, bħala parti mill-folla kbira, qegħdin issa jaqdu f’inkarigi taʼ indokrar? Il-viżjoni t’Eżekjel tissuġġerixxi li l-anzjani li huma membri tal-folla kbira għandhom irwol inferjuri u t’appoġġ, waqt li l-midlukin jieħdu t-tmexxija spiritwali. Dan kif? Ftakar li l-qassisin fil-viżjoni ngħataw ir-responsabbiltà li jistruwixxu lin-nies f’affarijiet spiritwali. Lil dawn intqalilhom ukoll biex jaġixxu bħala mħallfin f’kawżi legali. Barra minn hekk, il-Leviti ġew inkarigati biex ikunu “għases” fil-bibien tat-tempju. (Eżekjel 44:11, 23, 24) Jidher ċar li l-prinċep kellu jissottometti ruħu bl-umiltà kollha għas-servizzi spiritwali u t-tmexxija tal-qassisin. Allura, huwa xieraq li fi żmienna l-midlukin ħadu t-tmexxija fil-qima pura. Per eżempju, il-membri tal-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Jehovah ntgħażlu minn fosthom. Dawn l-anzjani midlukin u leali ilhom iħarrġu lill-klassi li qed tiżviluppa tal-prinċep għal għexur taʼ snin, billi jippreparaw lill-membri prospettivi taʼ din il-klassi għall-jum meta huma se jingħataw l-awtorità sħiħa li huma dovuti fid-dinja ġdida li ġejja t’Alla.
16. Skond Isaija 32:1, 2, kif iridu jaġixxu l-anzjani kollha?
16 X’tip taʼ indokraturi huma dawn il-membri prospettivi li qegħdin jantiċipaw li se jkollhom iktar responsabbiltajiet bħala l-klassi tal-prinċep? Il-profezija li tinsab f’Isaija 32:1, 2 tgħid: “Araw, sultan għad isaltan bil-ġustizzja, u prinċpijiet jaħkmu bis-sewwa. U kull wieħed ikun bħal ilqugħ għar-riħ, u kenn fit-tempesta, bħal swieqi taʼ l-ilma f’art niexfa, bħal dell taʼ blata kbira fuq art imħeddla.” Din il-profezija qegħda titwettaq illum hekk kif l-anzjani Kristjani—mill-midlukin u min-nagħaġ oħrajn—jaħdmu biex jipproteġu lill-merħla minn ‘tempesti’ bħalma huma l-persekuzzjoni u l-iskuraġġiment.
17. Rgħajja Kristjani kif għandhom iqisu lilhom infushom, u l-merħla kif għandha tqis lilhom?
17 Il-kelmiet “prinċep” u “kap” (NW), li għandhom tifsira simili fl-Ebrajk, m’humiex użati bħala titli bl-intenzjoni li jeżaltaw lill-bnedmin. Minflok, dawn jiddeskrivu r-responsabbiltà li dawn l-irġiel iġorru f’li jieħdu ħsieb in-nagħaġ t’Alla. Jehovah jwissi b’mod iebes: “Issa biżżejjed, prinċpijiet taʼ Iżrael, warrbu l-vjolenza u l-moħqrija, u agħmlu l-ħaqq u s-sewwa.” (Eżekjel 45:9) Illum, l-anzjani kollha jagħmlu tajjeb li jieħdu dan il-parir bis-serjetà. (1 Pietru 5:2, 3) Il-merħla, mill-banda l-oħra, tirrikonoxxi li Ġesù pprovda rgħajja bħala “għotjiet fi rġiel.” (Efesin 4:8, NW) Il-kwalifiki tagħhom huma mniżżlin fil-Kelma mnebbħa t’Alla. (1 Timotju 3:1-7; Titu 1:5-9) Għalhekk, il-Kristjani jsegwu l-gwida taʼ l-anzjani.—Lhud 13:7.
18. Liema huma xi ftit mir-responsabbiltajiet tal-klassi prospettiva tal-prinċep issa, u x’se tkun ir-responsabbiltà tagħha fil-futur?
18 Fi żminijiet Bibliċi xi prinċpijiet kellhom ħafna awtorità, u oħrajn kellhom inqas. Illum, l-anzjani mill-folla kbira għandhom responsabbiltajiet li jvarjaw mhux ħażin. Xi wħud jaqdu f’kongregazzjoni waħda; oħrajn jaqdu f’ħafna kongregazzjonijiet bħala indokraturi li jivvjaġġaw; oħrajn jaqdu lil pajjiżi sħaħ bħala membri fil-Kumitati tal-Fergħat; oħrajn jgħinu direttament fid-diversi kumitati tal-Ġemgħa li Tiggverna. Fid-dinja l-ġdida, Ġesù se jaħtar “kapijiet fuq l-art kollha” biex ikunu fuq quddiem fost l-adoraturi taʼ Jehovah fuq l-art. (Salm 45:17 [Salm 45:16, NW]) Bla dubju taʼ xejn, hu se jagħżel ħafna minn dawn minn fost l-anzjani leali tal-lum. Minħabba li dawn l-irġiel qegħdin minn issa juru x’isarrfu, hu se jagħżel li jafda lil ħafna minnhom bi privileġġi saħansitra akbar fil-futur meta jirrivela l-irwol tal-klassi tal-prinċep fid-dinja l-ġdida.
L-Art tal-Poplu t’Alla llum
19. L-art fil-viżjoni t’Eżekjel x’tirrappreżenta?
19 Il-viżjoni t’Eżekjel tagħti stampa wkoll taʼ l-art irrestawrata taʼ Iżrael. Dan l-aspett tal-viżjoni x’jirrappreżenta? Profeziji taʼ restawr oħrajn bassru li l-art, Iżrael, kellha tkun ġenna bħal Għeden. (Eżekjel 36:34, 35) Illum, aħna ngawdu “art” irrestawrata, u din ukoll f’ċertu sens qisha Għeden. B’mod simili, aħna taʼ spiss nitkellmu dwar il-ġenna spiritwali tagħna. It-Torri taʼ l-Għassa ddefinixxa l-“art” tagħna bħala l-“qasam t’attività” tal-poplu magħżul t’Alla.b Ikun fejn ikun, qaddej taʼ Jehovah jkun f’dik l-art irrestawrata sakemm jibqaʼ jħabrek biex jappoġġa l-qima vera billi jimxi fil-passi taʼ Kristu Ġesù.—1 Pietru 2:21.
20. Liema prinċipju nistgħu nitgħallmu mill-“biċċa art qaddisa” fil-viżjoni t’Eżekjel, u kif nistgħu napplikawh dan il-prinċipju?
20 Xi ngħidu għall-parti taʼ l-art imsejħa l-“biċċa art qaddisa”? Din kienet il-kontribuzzjoni tal-poplu t’Alla bħala appoġġ għas-saċerdozju u għall-belt. Bl-istess mod, “il-poplu kollu” kellu jikkontribwixxi biċċa art għall-prinċep. Dan x’ifisser illum? M’għandniex xi ngħidu, dan ma jfissirx li l-poplu t’Alla għandu jitgħabba bi klassi tal-kleru li tirċievi salarju. (2 Tessalonikin 3:8) Pjuttost, l-appoġġ mogħti lill-anzjani huwa primarjament spiritwali. Dan jinkludi li nassistuhom fix-xogħol li qed jitwettaq issa u li nuru spirtu taʼ kooperazzjoni u sottomissjoni. Madankollu, bħalma ġara fi żmien Eżekjel, din il-kontribuzzjoni ssir “lil Jehovah,” u mhux lil xi bniedem kwalunkwe.—Eżekjel 45:1, 7, 16.
21. X’nistgħu nitgħallmu mit-tqassim taʼ l-art fil-viżjoni t’Eżekjel?
21 M’humiex biss il-prinċep u s-saċerdozju li jiġu assenjati l-postijiet f’din l-art irrestawrata. Il-mod kif titqassam l-art juri li kull wieħed mit-12-il tribù għandu wirt ċert. (Eżekjel 47:13, 22, 23) Għalhekk, dawk tal-folla kbira mhux biss għandhom post fil-ġenna spiritwali llum, imma wkoll se jirċievu biċċa art meta jirtu post fil-qasam taʼ l-art tas-Saltna t’Alla.
22. (a) X’tirrappreżenta l-belt fil-viżjoni t’Eżekjel? (b) X’nistgħu nitgħallmu mill-fatt li l-belt għandha bibien fuq in-naħat kollha?
22 Fl-aħħarnett, il-belt fil-viżjoni x’tirrappreżenta? Din m’hijiex xi belt fis-sema, għax din tinsab f’nofs l-art “profana” (mhux qaddisa). (Eżekjel 48:15-17) Mela trid tkun xi ħaġa taʼ l-art. Sewwa, x’inhi belt? Ma tagħtix din l-idea taʼ nies miġburin flimkien bħala grupp u li qed jifformaw xi ħaġa strutturata u organizzata? Iva. Għaldaqstant, il-belt tidher li tagħti stampa taʼ l-amministrazzjoni fuq l-art li tibbenefika lil dawk kollha li se jifformaw is-soċjetà taʼ tjieba fuq l-art. Din se topera bis-sħiħ fl-“art ġdida” li ġejja. (2 Pietru 3:13) Il-bibien tal-belt fuq in-naħat kollha, wieħed għal kull tribù, juru sewwa kemm hija miftuħa. Illum, il-poplu t’Alla m’huwiex taħt xi amministrazzjoni sigrieta u klandestina. Aħwa rġiel responsabbli jridu jkunu avviċinabbli; il-prinċipji li jiggwidawhom kulħadd jafhom sew. Il-fatt li nies minn kull tribù jikkultivaw l-art li tipprovdi għall-belt ifakkarna li n-nagħaġ oħrajn jappoġġaw, saħansitra materjalment, l-arranġamenti amministrattivi li saru għan-nies t’Alla mad-dinja kollha.—Eżekjel 48:19, 30-34.
23. X’se nikkunsidraw fl-artiklu li jmiss?
23 Xi ngħidu, iżda, għax-xmara li tgelgel mis-santwarju tat-tempju? Dak li din tirrappreżenta llum u fil-futur se jkun is-suġġett tat-tielet u l-aħħar artiklu f’din is-serje.
[Noti taʼ taħt]
a Ara l-ktieb Revelation—Its Grand Climax At Hand!, paġna 64, paragrafu 22, ippubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
b Ara It-Torri taʼ l-Għassa taʼ l-1 taʼ Lulju 1995, paġna 27.
Punti għal Reviżjoni
◻ It-tempju fil-viżjoni t’Eżekjel jagħti stampa taʼ liema ħaġa?
◻ Il-qassisin li jaqdu fit-tempju taʼ min jagħtu stampa?
◻ X’inhi l-klassi tal-prinċep, u x’inhuma xi ftit mir-responsabbiltajiet tagħha?
◻ X’inhi l-art fil-viżjoni t’Eżekjel, u f’liema sens titqassam lit-12-il tribù?
◻ Il-belt taʼ liema ħaġa tagħti stampa?
[Dijagramma/Mappa f’paġna 15]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)
Is-sehem taʼ l-art kif ngħata stampa tiegħu fil-viżjoni t’Eżekjel
IT-TNAX-IL TRIBÙ
Il-Baħar il-Kbir
Il-Baħar tal-Galilija
Ix-Xmara Ġordan
Il-Baħar il-Mielaħ
DAN
ASER
NAFTALI
MANASSI
EFRAJM
RUBEN
ĠUDA
IL-PRINĊEP
BENJAMIN
SIMGĦON
ISSAKAR
ŻEBULUN
GAD
[Dijagramma]
L-ESTENSJONI TAL-BIĊĊA ART QADDISA
A. “Jehovah Nnifsu Qiegħed Hemmhekk” (Jehovah— Shammah); B. L-art produttiva tal-belt
Post il-Leviti
It-tempju taʼ Jehovah
Post il-qassisin
B A B