LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w07 11/1 p. 13-p. 16 para. 11
  • Punti Prinċipali mill-Kotba t’Għabdija, Ġona, u Mikea

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Punti Prinċipali mill-Kotba t’Għabdija, Ġona, u Mikea
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • EDOM “GĦAL DEJJEM GĦAD TINTEMM”
  • (Għabdija 1-21)
  • “NINWÈ SSIR ĦERBA”
  • (Ġona 1:1–​4:​11)
  • ‘Il-​QARGĦA TIEGĦEK TITWESSAʼ’
  • (Mikea 1:1–​7:​20)
  • Kompli ‘Imxi f’Isem [Ġeħova]’
  • Tgħallem Lezzjoni Dwar il-Ħniena
    Imita l-Fidi Tagħhom
  • Ġona Jsir Jaf X’Inhi l-Ħniena taʼ Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Ġeħova kien paċenzjuż maʼ Ġona
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
  • Tgħallem mill-Iżbalji Tiegħu
    Imita l-Fidi Tagħhom
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
w07 11/1 p. 13-p. 16 para. 11

Il-​Kelma taʼ Ġeħova Hi Ħajja

Punti Prinċipali mill-​Kotba t’Għabdija, Ġona, u Mikea

“IL-​VIŻJONI taʼ Għabdija.” Dan il-​kliem jinsab fil-​bidu tal-​ktieb Bibliku t’Għabdija. Il-​profeta ma jirrivela xejn dwaru nnifsu ħlief ismu fil-​ktieb li kiteb fis-​sena 607 Q.E.K. Fi ktieb li tlesta xi żewġ sekli qabel, il-​profeta Ġona jitkellem bis-​sinċerità kollha dwar l-​esperjenza persunali li kellu b’konnessjoni maʼ l-​inkarigu missjunarju tiegħu. Is-​60 sena taʼ l-​attività profetika taʼ Mikea jseħħu bejn dawk t’Għabdija u Ġona, billi jibdew mis-​sena 777 Q.E.K. sas-​sena 717 Q.E.K. Kulma jgħid Mikea dwaru nnifsu hu li kien ġej mir-​raħal taʼ “Moreset” u li rċieva l-​kelma taʼ Ġeħova “fi żmien Ġotam, Aħaż u Ħeżekija, slaten taʼ Ġuda.” (Mikea 1:1) Il-​familjarità tal-​profeta mal-​ħajja tal-​kampanja tidher ċar fit-​tip taʼ tixbihat li juża biex jenfasizza l-​punti importanti tal-​messaġġ tiegħu.

EDOM “GĦAL DEJJEM GĦAD TINTEMM”

(Għabdija 1-21)

Rigward Edom, Għabdija jgħid: “Ħqart lil ħuk Ġakobb, għad tkun miksi bl-​għajb, għal dejjem għad tintemm.” Il-​profeta għad għandu jidwi f’moħħu l-​għemejjel vjolenti reċenti taʼ l-​Edomin kontra wlied Ġakobb—l-​Iżraelin. Fis-​sena 607 Q.E.K., meta l-​Babiloniżi qerdu lil Ġerusalemm, l-​Edomin ‘baqgħu bierda’ u żammew maʼ “nies stranġieri” li kienu qed jinvaduhom.—Għabdija 10, 11.

Kuntrarju għal dan, id-​dar taʼ Ġakobb se tiġi restawrata. Il-​profezija t’Għabdija tgħid: “Fuq il-​muntanja taʼ Sijon jibqgħu xi meħlusin, u hi tkun post qaddis.”—Għabdija 17.

Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:

vs 5-8​—X’inhu sinifikanti dwar ix-​xebh tal-​qerda t’Edom mal-​fatt li bil-​lejl jiġu xi nies ħallelin jew dawk li jaqtgħu l-​għeneb? Kieku l-​ħallelin kellhom imorru Edom, kienu jieħdu biss dak li riedu. Kieku marru fiha dawk li jaħsdu, huma kienu jħallu warajhom ftit mill-​ħsad għat-​tilqit. Però, meta taqaʼ Edom, it-​teżori tagħha se jiġu mfittxin bir-​reqqa u hi se tiġi misruqa għalkollox minn dawk ‘li għamlu patt magħha’—l-​alleati tagħha, il-​Babiloniżi.—Ġeremija 49:​9, 10.

vs 10​​—Edom kif ‘għad tintemm għal dejjem’? Bħalma ġie mbassar, il-​ġens t’Edom, bi gvern u poplu f’reġjun speċifiku taʼ l-​art, ma baqax jeżisti. Is-​Sultan Babiloniż Nabonidu rebaħ lil Edom f’madwar nofs is-​sitt seklu Q.E.K. Sar-​rabaʼ seklu Q.E.K., it-​territorju t’Edom kien abitat min-​Nabatin, u l-​Edomin kienu bdew jgħixu fil-​parti tan-​nofsinhar tal-​Lhudija, l-​inħawi tan-​Negeb li iktar tard saru magħrufin bħala l-​Idumija. Wara li r-​Rumani qerdu lil Ġerusalemm fis-​sena 70 E.K., l-​Edomin ma baqgħux jeżistu.

Lezzjonijiet Għalina:

vs 3, 4. Minħabba li għexu f’reġjun imħarbat fil-​muntanji għoljin u fi rdumijiet fondi li kienu jipprovdu vantaġġi strateġiċi eċċellenti, jistaʼ jkun li l-​Edomin b’mod prużuntuż assumew li kienu fis-​sigurtà. Imma m’huwiex possibbli taħrab il-​ġudizzju taʼ Ġeħova.

vs 8, 9, 15. L-​għerf u l-​qawwa umana ma jipprovdu ebda protezzjoni matul “jum il-​Mulej.”—Ġeremija 49:​7, 22.

vs 12-​14. L-​Edomin iservu bħala eżempju taʼ twissija għal dawk li jifirħu minħabba d-​diffikultajiet li jistgħu jiffaċċjaw il-​qaddejja t’Alla. Ġeħova jieħu bis-​serjetà t-​trattament ħażin tal-​poplu tiegħu.

vs 17-​20. Din il-​profezija taʼ tiġdid dwar ulied Ġakobb bdiet titwettaq meta fdal mar lura lejn Ġerusalemm minn Babilonja fis-​sena 537 Q.E.K. Il-​kelma taʼ Ġeħova dejjem isseħħ. Jistaʼ jkollna fiduċja sħiħa fil-​wegħdi tiegħu.

“NINWÈ SSIR ĦERBA”

(Ġona 1:1–​4:​11)

Minflok ma jobdi l-​kmand t’Alla biex ‘imur Ninwè, il-​belt il-​kbira, u jxandar’ kontriha, Ġona jaħrab fid-​direzzjoni opposta. Billi jġiegħel li jkun hemm “riefnu fuq il-​baħar” u billi juża “ħuta kbira,” Ġeħova jerġaʼ jidderieġi lil Ġona u jinkarigah għat-​tieni darba biex imur fil-​belt kapitali Assirjana.—Ġona 1:​2, 4; 2:1 (1:​17, NW); 3:​1, 2.

Ġona jidħol Ninwè u jibda jipproklama messaġġ ċar: “Erbgħin jum ieħor, u Ninwè ssir ħerba!” (Ġona 3:4) Ir-​riżultat mhux mistenni tax-​xogħol taʼ ppridkar tiegħu jġiegħel lil Ġona ‘jinkorla.’ Ġeħova juża “siġra tar-​riġnu” biex jgħallem lil Ġona tagħlima dwar il-​ħniena.—Ġona 4:​1, 6.

Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:

3:3​—Kien verament id-​daqs taʼ Ninwè jammonta għal ‘tlett ijiem mixi’? Iva. Fil-​qedem, Ninwè x’aktarx li kienet tinkludi postijiet oħrajn li jkopru minn Khorsabad fit-​tramuntana sa Nimrud fin-​nofsinhar. L-​inħawi kollha li jagħmlu parti minn Ninwè jifformaw kwadranglu b’ċirkonferenza taʼ 100 kilometru.

3:4​—Kellu Ġona jitgħallem il-​lingwa taʼ l-​Assirjani biex jippriedka lin-​Ninwin? Jistaʼ jkun li Ġona kien diġà jaf il-​lingwa taʼ l-​Assirjani, jew jistaʼ jkun li mirakolożament ngħata l-​abbiltà li jitkellimha. Possibbiltà oħra hi li hu wassal il-​messaġġ dirett tiegħu bl-​Ebrajk, permezz taʼ xi ħadd li interpretah għan-​nom tiegħu. Jekk dan kien il-​każ, kliemu setaʼ qajjem saħansitra iktar kurżità dwar il-​messaġġ tiegħu.

Lezzjonijiet Għalina:

1:​1-3. Il-​fatt li nippjanaw minn jeddna attivitajiet oħrajn sabiex nevitaw li jkollna sehem bis-​sħiħ fl-​ippridkar tas-​Saltna u fix-​xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli huwa indikazzjoni taʼ motiv ħażin. Min jagħmel dan, ikun bħallikieku qed jaħrab minn inkarigu li jagħtih Alla.

1:​1, 2; 3:​10. Il-​ħniena taʼ Ġeħova m’hijiex limitata għal ġens jew razza waħda jew għal grupp speċjali taʼ nies. “Twajjeb maʼ kulħadd il-​Mulej, [“ħnientu,” Saydon] fuq kull ma għamel.”—Salm 145:9.

2:1 (1:​17, NW); 2:11 (2:​10, NW). It-​tlett ijiem u t-​tliet iljieli taʼ Ġona fil-​ħuta kbira jirreferu b’mod profetiku għall-​mewt u l-​irxoxt taʼ Ġesù.—Mattew 12:​39, 40; 16:21.

2:1 (1:​17, NW); 2:11 (2:​10, NW); 4:6. Ġeħova ħeles lil Ġona mill-​baħar imqalleb. Ukoll, Alla “ordna li titlaʼ siġra tar-​riġnu għal Ġona, biex ikollu d-​dell fuq rasu u teħilsu mill-​ħsara.” L-​aduraturi taʼ Ġeħova llum jistgħu jafdaw f’Alla tagħhom, u fil-​qalb tajba bl-​imħabba tiegħu, biex iħarishom u jeħlishom.—Salm 13:6 (Salm 13:​5, NW); 40:12 (Salm 40:​11, NW).

2:​2, 3, 10, 11 (2:​1, 2, 9, 10, NW). Ġeħova jismaʼ t-​talb tal-​qaddejja tiegħu u joqgħod attent għat-​talb bil-​ħrara tagħhom.—Salm 120:1; 130:​1, 2.

3:​8, 10. L-​Alla veru “reġaʼ bdielu” dwar l-​għawġ li kien tkellem dwaru, u hu “ma għamlux.” Għala? Minħabba li n-​Ninwin “reġgħu lura minn triqithom il-​ħażina.” Bl-​istess mod illum, il-​ġudizzju kuntrarju t’Alla jistaʼ jinbidel jekk midneb juri ndiema ġenwina.

4:​1-4. Ebda bniedem ma jistaʼ jġiegħel lil Alla jpoġġi limitu għall-​ħniena Tiegħu. Irridu noqogħdu attenti li ma nikkritikawx lil Ġeħova għall-​mogħdijiet tiegħu kollhom ħniena.

4:​11. Bil-​paċenzja, Ġeħova qed jara li l-​messaġġ tas-​Saltna jiġi pridkat madwar id-​dinja minħabba li—bħalma ġara fil-​każ tal-​120,000 raġel f’Ninwè—hu jiddispjaċih għal dawk “li ma jafux jagħżlu bejn il-​lemin u x-​xellug tagħhom.” M’għandniex aħna jiddispjaċina għan-​nies fit-​territorju tagħna u jkollna sehem żeluż fl-​ippridkar tas-​Saltna u fix-​xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli?—2 Pietru 3:9.

‘Il-​QARGĦA TIEGĦEK TITWESSAʼ’

(Mikea 1:1–​7:​20)

Mikea jikxef id-​dnubiet taʼ Iżrael u Ġuda, ibassar li l-​bliet kapitali tagħhom se jinqerdu, u jwiegħed tiġdid. Is-​Samarija se ssir “borġ ġebel fir-​rabaʼ.” Minħabba l-​ħajja idolatruża tagħhom, Iżrael u Ġuda jistħoqqilhom li ‘jitfartsu,’ jew l-​għajb. Minħabba li jintbagħtu fil-​jasar, it-​tfartis tagħhom kellu ‘jitwessaʼ bħal ajkla’ (Saydon)—milli jidher tip taʼ seqer li fuq rasu għandu biss ftit rix ħafif. Ġeħova jwiegħed: “Niġbrok, Ġakobb.” (Mikea 1:​6, 16; 2:12) Minħabba l-​mexxejja korrotti u l-​profeti delinkwenti, Ġerusalemm ukoll ‘għad issir borġ ġebel.’ Imma Ġeħova se ‘jiġbor flimkien’ lill-​poplu tiegħu. Minn “Betlehem taʼ Efrata” se jiġi “dak li jkun prinċep f’Iżrael.”—Mikea 3:12; 4:12; 5:1 (5:​2, NW).

Kien Ġeħova inġust maʼ Iżrael? Huma l-​ħtiġijiet tiegħu ħorox wisq? Le. Kulma jitlob Ġeħova mill-​aduraturi tiegħu hu li huma ‘jagħmlu dak li hu ġust, li jħobbu u juru ħniena, u li jkunu umli fl-​imġiba tagħhom maʼ Alla tagħhom.’ (Mikea 6:8) Però, dawk li kienu jgħixu fi żmien Mikea tant ħżienu li “l-​aħjar fosthom qishom xewka, l-​aktar nies sewwa fosthom qishom ħarġa ħurrieq,” billi kienu jweġġgħu u jnikktu lil kulmin jersaq lejhom. Imma l-​profeta jistaqsi: “Min hu Alla [bħal Ġeħova]?” Alla se jerġaʼ juri ħniena man-​nies tiegħu u ‘jarmi ħtijiethom kollha f’qiegħ il-​baħar.’—Mikea 7:​4, 18, 19.

Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:

2:​12​​—Meta twettqet il-​profezija dwar il-​‘ġbir tal-​fdal taʼ Iżrael’? L-​ewwel twettiq kien fis-​sena 537 Q.E.K. meta fdal Lhudi rritorna lejn pajjiżu mill-​eżilju Babiloniż. Fiż-​żmien modern, il-​profezija titwettaq fl-​“Iżrael t’Alla.” (Galatin 6:16) Mill-​1919 ’l hawn, il-​Kristjani midlukin ġew miġburin flimkien “bħal nagħaġ f’maqjel.” Minħabba li magħqudin magħhom hemm il-​“folla kbira” taʼ “nagħaġ oħrajn,” speċjalment mill-​1935 ’l hawn, huma saru “geġwiġija taʼ nies.” (Rivelazzjoni 7:9; Ġwanni 10:16) Flimkien, huma jippromwovu l-​qima vera biż-​żelu.

4:​1-4​​—“Fl-​aħħar jiem,” Ġeħova kif “ikun hu mħallef taʼ ħafna popli, [“jirranġa l-​affarijiet kollha għall-​ġid,” NW] taʼ ġnus setgħana”? L-​espressjonijiet “ħafna popli” u “ġnus setgħana” ma jirreferux għall-​gruppi taʼ ġnus jew entitajiet politiċi. Minflok, dawn l-​espressjonijiet jappartjenu lil individwi mill-​ġnus kollha li saru aduraturi taʼ Ġeħova. Ġeħova jkun imħallef u jirranġa l-​affarijiet kollha għall-​ġid tagħhom f’sens spiritwali.

Lezzjonijiet Għalina:

1:​6, 9; 3:​12; 5:1 (5:​2, NW). Is-​Samarija nqerdet mill-​Assirjani fis-​sena 740 Q.E.K.—matul il-​ħajja taʼ Mikea. (2 Slaten 17:​5, 6) L-​Assirjani waslu saħansitra sa Ġerusalemm matul il-​ħakma taʼ Ħeżekija. (2 Slaten 18:13) Ġerusalemm ngħatat in-​nar mill-​Babiloniżi fis-​sena 607 Q.E.K. (2 Kronaki 36:19) Bħalma ġie mbassar, il-​Messija twieled f’“Betlehem taʼ Efrata.” (Mattew 2:​3-6) Il-​kelma profetika taʼ Ġeħova dejjem isseħħ.

2:​1, 2. Kemm ikun perikoluż għalina li ngħidu li naqdu lil Alla imma nfittxu l-​ewwel l-​għana minflok “is-​saltna u s-​sewwa tiegħu.”—Mattew 6:33; 1 Timotju 6:​9, 10.

3:​1-3, 5. Ġeħova jistenna li min għandu responsabbiltà fost il-​poplu tiegħu jaġixxi bil-​ġustizzja.

3:4. Jekk irridu lil Ġeħova jwieġeb it-​talb tagħna, aħna m’għandniex nipprattikaw id-​dnub jew ngħixu ħajja doppja.

3:8. L-​inkarigu tagħna biex nippridkaw l-​aħbar tajba li tinkludi messaġġi taʼ ġudizzju, jistaʼ jitwettaq biss jekk aħna msaħħin mill-​ispirtu qaddis taʼ Ġeħova.

5:4 (5:5, NW). Din il-​profezija Messjanika tiżgurana li meta l-​poplu t’Alla jiġi attakkat mill-​għedewwa tiegħu, “sebaʼ [li jirrappreżenta xi ħaġa kompluta] rgħajja” u “tmien prinċpijiet”—ammont konsiderevoli taʼ rġiel kapaċi—jitqajmu biex jieħdu t-​tmexxija fost il-​poplu taʼ Ġeħova.

5:​6, 7 (5:​7, 8, NW). Għal ħafna nies, il-​Kristjani midlukin illum huma “bħan-​nida li tiġi mill-​Mulej”—barka mingħand Alla. Dan hu minnu minħabba li hu juża lill-​midlukin biex jipproklama l-​messaġġ tas-​Saltna. In-​“nagħaġ oħrajn” jgħinu biex iġibu serħan spiritwali lin-​nies billi jinsabu attivi f’li jappoġġaw lill-​midlukin fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar. (Ġwanni 10:16) Xi privileġġ għandna li nieħdu sehem f’dan ix-​xogħol li jġib serħan veru lil oħrajn!

6:​3, 4. Għandna nimitaw lil Alla Ġeħova u nuru qalb tajba u mogħdrija anki lejn dawk li nsibuha diffiċli li ningwalawha magħhom jew li huma dgħajfin spiritwalment.

7:7. Hekk kif nittrattaw maʼ problemi fi tmiem din is-​sistema ħażina, aħna m’għandniex naqtgħu qalbna. Minflok, bħal Mikea, irridu ‘nistennew ’l Alla tas-​salvazzjoni tagħna.’

7:​18, 19. Sewwasew bħalma Ġeħova hu lest li jaħfer l-​iżbalji tagħna, hekk ukoll għandna aħna nkunu lesti li naħfru lil dawk li jidinbu kontrina.

Kompli ‘Imxi f’Isem [Ġeħova]’

Dawk li jiġġieldu kontra Alla u l-​poplu tiegħu ‘għad jintemmu għal dejjem.’ (Għabdija 10) Madankollu, ir-​rabja taʼ Ġeħova tistaʼ tieqaf jekk aħna nagħtu kas it-​twissija divina u ‘nerġgħu lura minn triqitna l-​ħażina.’ (Ġona 3:10) “Fl-​aħħar jiem,” jiġifieri, matul dawn “l-​aħħar jiem,” il-​qima vera qed tiġi glorifikata ’l fuq minn kull reliġjon falza u wħud ubbidjenti qed jiġru lejha. (Mikea 4:1; 2 Timotju 3:1) Għalhekk jalla nkunu determinati li “nimxu f’isem [“Ġeħova,” NW], Alla tagħna, għal dejjem taʼ dejjem.”—Mikea 4:5.

X’tagħlim taʼ valur jgħallmuna l-​kotba t’Għabdija, Ġona, u Mikea! Għalkemm inkitbu iktar minn 2,500 sena ilu, il-​messaġġ tagħhom hu ‘ħaj u qawwi,’ anki llum.—Ebrej 4:12.

[Stampa f’paġna 13]

Għabdija pprofetizza: “[Edom] għal dejjem għad tintemm”

[Stampa f’paġna 15]

Mikea wera attitudni taʼ ‘stennija’ għal Ġeħova, u l-​istess tistaʼ tagħmel int

[Stampa f’paġna 16]

Ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar hu privileġġ li għandna ngħożżuh

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja