LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • cl kap. 16 pp. 158-167
  • ‘Agħmel dak li hu ġust’ fl-imġiba tiegħek m’Alla

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • ‘Agħmel dak li hu ġust’ fl-imġiba tiegħek m’Alla
  • Ersaq Qrib Lejn Ġeħova
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Niġru wara ‘l-​Ġustizzja Vera’
  • L-​Aħbar Tajba u l-​Ġustizzja Divina
  • Kif Nittrattaw lil Oħrajn
  • L-​Anzjani Jaqdu “bis-​Sewwa”
  • Imita lil Jehovah—Eżerċita l-Ġustizzja u t-Tjieba
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Jehovah—Is-Sors tal-Ġustizzja Vera u tat-Tjieba
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • “Ħalli l-Ġustizzja Tgelgel”—Fundamentali biex Tkun Taf lil Alla
    Għix bil-Jum taʼ Ġeħova f’Moħħok
  • “Ilkoll ġusti t-triqat tiegħu”
    Ersaq Qrib Lejn Ġeħova
Ara Iżjed
Ersaq Qrib Lejn Ġeħova
cl kap. 16 pp. 158-167
Żewġ anzjani tal-kongregazzjoni jżuru oħt u ż-żewġt itfal tagħha biex jagħtu inkuraġġiment

KAPITLU 16

‘Agħmel Dak li Hu Ġust’ fl-​Imġiba Tiegħek m’Alla

1-3. (a) Għala aħna midjunin ma’ Jehovah? (b) X’jistenna minna l-​Wieħed li salvana u li tant iħobbna?

IMMAĠINA li tinsab maqbud fuq vapur li qed jegħreq. Preċiż meta taħseb li m’hemmx tama, xi ħadd jiġi u jsalvak. Kemm isserraħ rasek meta dak li salvak jieħdok ’il bogħod mill-​periklu u jgħidlek: “Issa m’hu se jiġrilek xejn”! Ma tħossokx obbligat lejn dak li jkun? Ħajtek tkun tafha lilu fil-​veru sens tal-​kelma.

2 F’ċerti aspetti, dan juri x’għamel Jehovah għalina. Żgur li aħna midjunin miegħu. Wara kollox, hu pprovda l-​fidwa, u għamilhielna possibbli li niġu salvati minn taħt difrejn id-​dnub u l-​mewt. Inħossuna fis-​sigurtà għax nafu li sakemm aħna neżerċitaw il-​fidi f’dak is-​sagrifiċċju prezzjuż, dnubietna se jinħafrulna, u l-​futur etern tagħna huwa ċert. (1 Ġwanni 1:7; 4:9) Bħalma rajna f’Kapitlu 14, il-​fidwa hija l-​aqwa espressjoni taʼ l-​imħabba u l-​ġustizzja taʼ Jehovah. Kif għandna nirreaġixxu għal dan?

3 Huwa xieraq li nikkunsidraw x’jistenna minna dak il-​Wieħed stess li salvana u li tant iħobbna. Jehovah jgħid permezz tal-​profeta Mikea: “Bniedem, huwa wriek x’inhu tajjeb u x’jistenna minnek il-​Mulej: li tagħmel dak li hu ġust, li tħobb u tkun ħanin, u li tkun umli fl-​imġiba tiegħek ma’ Alla tiegħek.” (Mikea 6:8) Innota li waħda mill-​affarijiet li Jehovah jistenna minna hi li ‘nagħmlu dak li hu ġust.’ Kif nistgħu nagħmlu dan?

Niġru wara ‘l-​Ġustizzja Vera’

4. Kif nafu li Jehovah jistenna li nimxu fi qbil mal-​livelli ġusti tiegħu?

4 Jehovah jistenna li aħna ngħixu skond il-​livelli tiegħu taʼ x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. Ladarba l-​livelli tiegħu huma ġusti u sewwa, aħna nkunu qed niġru wara l-​ġustizzja u s-​sewwa meta nimxu fi qbil magħhom. “Tgħallmu agħmlu t-​tajjeb, fittxu d-​dritt [jew, is-​sewwa],” jgħid Isaija 1:17. Il-​Kelma t’Alla tħeġġiġna biex ‘infittxu l-​ġustizzja.’ (Sofonija 2:3) Tħeġġiġna wkoll biex ‘nilbsu l-​personalità l-​ġdida li nħolqot skond ir-​rieda t’Alla fil-​ġustizzja u l-​lealtà vera.’ (Efesin 4:24, NW ) Il-​ġustizzja vera twarrab il-​vjolenza, in-​nuqqas taʼ ndafa, u l-​immoralità, għax dawn ikasbru dak li hu qaddis.—Salm 11:5; Efesin 5:3-​5.

5, 6. (a) Għala m’huwiex taʼ piż għalina li nimxu fi qbil mal-​livelli taʼ Jehovah? (b) Il-​Bibbja kif turi li l-​proċess taʼ li niġru wara lġustizzja huwa wieħed kontinwu?

5 Huwa taʼ piż għalina li nimxu fi qbil mal-​livelli ġusti taʼ Jehovah? Le. Qalb li hija miġbuda lejn Jehovah ma tiddejjaqx b’dak li jeħtieġ minna. Peress li nħobbu lill-​Alla tagħna u dak kollu li jirrappreżenta, aħna rridu ngħixu b’mod li jogħġob lilu. (1 Ġwanni 5:3) Ftakar li Jehovah “iħobb il-​ġustizzja.” (Salm 11:7) Biex nimitaw verament il-​ġustizzja, jew is-​sewwa, divina rridu nsiru nħobbu dak li jħobb Jehovah u nobogħdu dak li jobgħod hu.—Salm 97:10.

6 M’huwiex faċli għal bnedmin imperfetti biex jiġru wara l-​ġustizzja. Irridu ninżgħu l-​personalità l-​qadima bid-​drawwiet midinbin kollha tagħha u nilbsu l-​waħda ġdida. Il-​Bibbja tgħid li l-​personalità l-​ġdida ‘tiġġedded’ permezz taʼ l-​għarfien eżatt. (Kolossin 3:9, 10) Il-​kelma ‘tiġġedded’ tindika li l-​proċess taʼ li nilbsu l-​personalità l-​ġdida huwa wieħed kontinwu, wieħed li jirrikjedi sforz kbir. Nipprovaw kemm nipprovaw nagħmlu dak li hu sew, ikun hemm waqtiet meta l-​personalità midinba tagħna ġġagħalna nitfixklu fil-​ħsieb, fil-​kliem, jew fl-​għemil.—Rumani 7:14-​20; Ġakbu 3:2.

7. Kif għandna nirreaġixxu jekk aħna u nistinkaw biex niġru wara l-​ġustizzja nagħmlu xi ħaġa li titfagħna lura?

7 Kif għandna nirreaġixxu jekk aħna u nistinkaw biex niġru wara l-​ġustizzja nagħmlu xi ħaġa li titfagħna lura? M’għandniex xi ngħidu, ma rridux inċekknu s-​serjetà tad-​dnub. Fl-​istess ħin, qatt m’għandna naqtgħu qalbna, u nħossu li n-​nuqqasijiet tagħna ma jagħmluniex denji li naqdu lil Jehovah. Alla tagħna b’qalb tajba għamel arranġamenti biex dawk li jindmu sinċerament jerġgħu jiksbu l-​approvazzjoni tiegħu. Ikkunsidra l-​kliem inkuraġġanti taʼ l-​appostlu Ġwanni: “Dan qiegħed niktibhulkom biex ma tidinbux.” Imma mbagħad żied b’mod realistiku: “Imma jekk xi ħadd jidneb [minħabba l-​imperfezzjoni li wiret], aħna għandna Difensur quddiem il-​Missier, lil Ġesù Kristu.” (1 Ġwanni 2:1) Iva, Jehovah ipprovda s-​sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa sabiex inkunu nistgħu naqdu lil Alla b’mod aċċettabbli minkejja li aħna midinbin. Ma jqanqalniex dan biex inkunu rridu nagħmlu kulma nistgħu biex nogħġbu lil Jehovah?

L-​Aħbar Tajba u l-​Ġustizzja Divina

8, 9. It-​tħabbir taʼ l-​aħbar tajba kif juri l-​ġustizzja taʼ Jehovah?

8 Nistgħu nuru l-​ġustizzja—fil-​fatt, nimitaw il-​ġustizzja divina—billi jkollna sehem sħiħ fl-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla lil oħrajn. X’konnessjoni hemm bejn il-​ġustizzja taʼ Jehovah u l-​aħbar tajba?

9 Jehovah mhux se jtemm din is-​sistema mill-​agħar mingħajr ma l-​ewwel jara li tinstemaʼ t-​twissija. Fil-​profezija tiegħu dwar dak li kellu jiġri matul iż-​żmien tat-​tmiem, Ġesù qal: “L-​ewwel jeħtieġ li l-​Evanġelju jkun imxandar lill-​ġnus kollha.” (Mark 13:10; Mattew 24:3) L-​użu tal-​kelma “l-​ewwel” jimplika li wara x-​xogħol taʼ l-​ippridkar mad-​dinja kollha se jseħħu ġrajjiet oħra. Dawn jinkludu t-​tribulazzjoni l-​kbira mbassra, li se tfisser qerda għall-​ħżiena u se tħejji t-​triq għal dinja ġdida taʼ ġustizzja. (Mattew 24:14, 21, 22) Ċertament, ħadd ma jistaʼ bi dritt jakkuża lil Jehovah li kien inġust mal-​ħżiena. Billi ħa ħsieb li tinstemaʼ t-​twissija, lil dawn l-​uħud qed jagħtihom biżżejjed opportunità biex jibdlu triqathom u b’hekk jiskansaw il-​qerda.—Ġona 3:1-​10.

Xhud taʼ Ġeħova taqsam l-aħbar tajba maʼ raġel avvanzat fl-età b’diżabilità u tifla

Aħna nuru ġustizzja bħal t’Alla meta b’mod imparzjali naqsmu l-aħbar tajba m’oħrajn

10, 11. Is-​sehem tagħna fl-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba kif jirrifletti ġustizzja bħal t’Alla?

10 Il-​fatt li nippridkaw l-​aħbar tajba kif jirrifletti ġustizzja bħal t’Alla? L-​ewwelnett, huwa xieraq li nagħmlu dak li nistgħu biex ngħinu lil oħrajn jiksbu salvazzjoni. Erġaʼ qis it-​tixbiha taʼ li tiġi salvat minn vapur li qed jegħreq. Meta ssib ruħek qawwi u sħiħ f’dgħajsa tas-​salvataġġ, żgur li tkun trid tgħin lil oħrajn li jkunu għadhom fl-​ilma. Bl-​istess mod, aħna għandna obbligu lejn dawk li għadhom jitħabtu fl-​“ilmijiet” taʼ din id-​dinja mill-​agħar. Veru, ħafna jirrifjutawh il-​messaġġ tagħna. Imma sakemm Jehovah ikompli jkun paċenzjuż, aħna għandna r-​responsabbiltà li nagħtuhom l-​opportunità li ‘jersqu għall-​indiema,’ u b’hekk ikollhom il-​possibbiltà li jsalvaw.—2 Pietru 3:9.

11 Billi nippridkaw l-​aħbar tajba ma’ kulmin niltaqgħu, aħna nuru l-​ġustizzja b’mod importanti ieħor: Inkunu qed nuru l-​imparzjalità. Ftakar li “Alla ma jħares lejn wiċċ ħadd, imma jilqaʼ lil kull min għandu l-​biżaʼ tiegħu u jagħmel is-​sewwa, ikun minn liema poplu jkun.” (Atti 10:34, 35) Biex nimitaw il-​ġustizzja Tiegħu, ma rridux inkunu preġudikati man-​nies. Minflok, għandna naqsmu l-​aħbar tajba m’oħrajn, tkun xi tkun ir-​razza, l-​istat soċjali, jew il-​qagħda finanzjarja tagħhom. B’hekk, lil dawk kollha li lesti jagħtu widen aħna nagħtuhom l-​opportunità li jisimgħu u jirreaġixxu tajjeb għall-​aħbar tajba.—Rumani 10:11-​13.

Kif Nittrattaw lil Oħrajn

12, 13. (a) Għala m’għandniex inkunu ħfief biex niġġudikaw lil oħrajn? (b) Il-​parir taʼ Ġesù biex ‘ma nibqgħux niġġudikaw’ u ‘ma nibqgħux nikkundannaw’ xi jfisser? (Ara wkoll in-​nota taʼ taħt.)

12 Nistgħu nuru l-​ġustizzja wkoll billi nittrattaw lil oħrajn bħalma jittrattana Jehovah. Hija xi ħaġa faċli ferm li niġġudikaw lil oħrajn, billi nikkritikaw id-​difetti li għandhom u niddubitaw mill-​motivi tagħhom. Imma min minna jrid lil Jehovah jifli n-​nuqqasijiet u l-​motivi tagħna bla ħniena taʼ xejn? Jehovah ma jaġixxix hekk magħna. Is-​salmista osserva: “Jekk tal-​ħtijiet int tagħti kas, Mulej, Sidi, min jistaʼ jżomm sħiħ?” (Salm 130:3) M’aħniex grati li l-​Alla ġust u ħanin tagħna jagħżel li ma jikkonċentrax fuq l-​iżbalji tagħna? (Salm 103:8-​10) Mela kif għandna nittrattaw lil ħaddieħor?

13 Jekk napprezzaw il-​ħniena li hemm fil-​ġustizzja t’Alla, m’aħniex se nkunu ħfief biex niġġudikaw lil oħrajn f’affarijiet li fir-​realtà ma jkunux biċċa tagħna jew li m’humiex daqshekk importanti. Fil-​Priedka tiegħu taʼ fuq il-​Muntanja, Ġesù wissa: “Tibqgħux tiġġudikaw biex ma tiġux ġudikati.” (Mattew 7:1, NW ) Skond ir-​rakkont taʼ Luqa, Ġesù żied: “Tibqgħux tikkundannaw, u żgur ma tiġux kundannati.”a (Luqa 6:37, NW ) Ġesù wera li kien jaf li l-​bnedmin imperfetti għandhom it-​tendenza li jaqbdu u jiġġudikaw. Dawk fost is-​semmiegħa tiegħu li kellhom il-​vizzju jiġġudikaw bl-​aħrax lil oħrajn ma kellhomx jibqgħu jagħmlu hekk.

14. Għal liema raġunijiet ma rridux ‘nibqgħu niġġudikaw’ lil oħrajn?

14 Għala ma rridux ‘nibqgħu niġġudikaw’ lil oħrajn? Raġuni waħda hi li l-​awtorità tagħna hi limitata. Id-​dixxiplu Ġakbu jfakkarna: “Wieħed biss huwa dak li jagħmel il-​Liġi, wieħed biss l-​Imħallef”—Jehovah. Għalhekk, Ġakbu jistaqsi ċar u tond: “Int min int biex tiġġudika ’l ħaddieħor?” (Ġakbu 4:12; Rumani 14:1-​4) Iktar minn hekk, in-​natura midinba tagħna faċilment tistaʼ ġġagħalna niġġudikaw b’mod mhux fier. Ħafna attitudnijiet u motivi—fosthom preġudizzju, sentimenti mweġġgħin, għira, u sentimenti taʼ superjorità fuq ħaddieħor—jistgħu jfixklu l-​mod kif inqisu lil bnedmin oħra. Aħna għandna limitazzjonijiet oħra, u l-​fatt li nirriflettu dwarhom għandu jżommna milli nkunu ħfief biex insibu d-​difetti taʼ l-​oħrajn. Ma nistgħux naqraw il-​qlub; lanqas ma nistgħu nkunu nafu ċ-​ċirkustanzi persunali kollha ta’ l-​oħrajn. Min aħna mela biex nakkużaw lil sħabna fit-​twemmin li għandhom motivi ħżiena jew biex nikkritikaw l-​isforzi tagħhom fis-​servizz t’Alla? Kemm ikun aħjar li nimitaw lil Jehovah billi nfittxu t-​tajjeb f’ħutna minflok ma niffokaw fuq l-​iżbalji tagħhom!

15. Liema kliem u trattament m’għandhomx posthom fost l-​aduraturi t’Alla, u għala?

15 Xi ngħidu għall-​membri tal-​familja tagħna? B’sogħba, fid-​dinja taʼ llum l-​agħar ġudizzji jsiru fejn suppost għandu jkun post taʼ paċi—id-​dar. M’hijiex ħaġa rari li tismaʼ bi rġiel, nisa, jew ġenituri abbużivi li “jikkastigaw” lill-​membri tal-​familja tagħhom b’bumbardament kontinwu t’abbuż fiżiku jew bil-​kliem. Imma kliem aħrax, sarkażmu niggieżi, u trattament abbużiv fiżikament m’għandhomx post fost l-​aduraturi t’Alla. (Efesin 4:29, 31; 5:33; 6:4) Il-​parir taʼ Ġesù biex ‘ma nibqgħux niġġudikaw’ u ‘ma nibqgħux nikkundannaw’ ma jiqafx japplika meta nkunu d-​dar. Tinsiex li l-​wiri tal-​ġustizzja jinvolvi li nittrattaw lil oħrajn bħalma jittrattana Jehovah. U Alla tagħna qatt ma jittrattana bl-​aħrax jew b’mod kattiv. Minflok, hu “juri affezzjoni b’tenerezza kbira” ma’ dawk li jħobbuh. (Ġakbu 5:11, NW ) X’eżempju taʼ l-​għaġeb għalina biex nimitawh!

L-​Anzjani Jaqdu “bis-​Sewwa”

16, 17. (a) Jehovah x’jistenna mill-​anzjani? (b) Xi jkollu jsir meta midneb jonqos li juri ndiema ġenwina, u għala?

16 Ilkoll kemm aħna għandna responsabbiltà li nimxu bis-​sewwa, imma l-​anzjani fil-​kongregazzjoni Kristjana għandhom responsabbiltà b’mod speċjali f’dan ir-​rigward. Innota d-​deskrizzjoni profetika tal-​“prinċpijiet,” jew anzjani, miktuba minn Isaija: “Araw, sultan għad isaltan bil-​ġustizzja, u prinċpijiet jaħkmu bis-​sewwa.” (Isaija 32:1) Iva, Jehovah jistenna li l-​anzjani jaqdu fi qbil mas-​sewwa, jew mal-​ġustizzja. Dan kif jistgħu jagħmluh?

17 Dawn l-​irġiel kwalifikati spiritwalment jafu tajjeb li l-​ġustizzja, jew is-​sewwa, titlob li l-​kongregazzjoni tinżamm nadifa. Xi drabi, l-​anzjani jkunu obbligati li jiġġudikaw każijiet taʼ xi għemil ħażin serju. Meta jagħmlu dan, huma jiftakru li l-​ġustizzja divina tfittex li turi l-​ħniena jekk jistaʼ jkun. B’hekk, huma jipprovaw iwasslu lill-​midneb għall-​indiema. Imma x’jiġri jekk il-​midneb ma jurix indiema ġenwina minkejja l-​isforzi li jsiru biex jgħinuh? B’ġustizzja perfetta, il-​Kelma taʼ Jehovah tgħid li għandu jittieħed pass sod: “Neħħu l-​bniedem il-​ħażin minn ġo nofskom.” Dan ifisser li jitkeċċa mill-​kongregazzjoni. (1 Korintin 5:11-​13; 2 Ġwanni 9-​11) L-​anzjani jiddispjaċihom li jkollhom jieħdu azzjoni bħal din, imma jagħrfu li dan huwa neċessarju biex jipproteġu l-​indafa morali u spiritwali tal-​kongregazzjoni. Anki jekk jaslu s’hawn, huma jittamaw li xi darba l-​midneb jiġi f’sensih u jerġaʼ lura lejn il-​kongregazzjoni.—Luqa 15:17, 18.

18. L-​anzjani xi jżommu f’moħħhom meta jagħtu lil oħrajn pariri bbażati fuq il-​Bibbja?

18 Biex l-​anzjani jaqdu fi qbil mal-​ġustizzja, hemm bżonn ukoll li jagħtu pariri bbażati fuq il-​Bibbja meta dan ikun meħtieġ. M’għandniex xi ngħidu, l-​anzjani ma jfittxux id-​difetti f’oħrajn. Lanqas ma jaħtfu kull opportunità biex jikkoreġu lil dak li jkun. Imma xi ħadd minn sħabhom fit-​twemmin għandu mnejn jagħmel “xi pass falz qabel ma jinduna.” L-​anzjani se jiftakru li l-​ġustizzja divina la hi kattiva u lanqas bla sentimenti, u b’hekk se jitqanqlu biex ‘jipprovaw jaġġustawh mill-​ġdid bi spirtu taʼ ħlewwa.’ (Galatin 6:1, NW ) Għaldaqstant, l-​anzjani m’humiex se jgħajtu ma’ xi ħadd li għamel żball jew jużaw kliem aħrax. Minflok, parir li jingħata bl-​imħabba se jinkuraġġixxi lil dak li jirċivih. Anki meta jkunu qed jagħtu twiddiba diretta—meta jindikaw ċar u tond x’inhuma l-​konsegwenzi t’azzjoni mhux għaqlija—l-​anzjani jżommu f’moħħhom li dak il-​wieħed minn sħabhom fit-​twemmin li żbalja huwa nagħġa fil-​merħla taʼ Jehovah.b (Luqa 15:7) Meta jkun jidher ċar li l-​parir jew it-​twiddib huwa mqanqal mill-​imħabba u li qed jingħata bl-​imħabba, hemm ċans akbar li jaġġusta mill-​ġdid lil dak li għamel l-​iżball.

19. Liema deċiżjonijiet ikollhom jieħdu l-​anzjani, u fuqiex iridu jibbażawhom dawn id-​deċiżjonijiet?

19 Taʼ spiss l-​anzjani jkollhom jieħdu deċiżjonijiet li jeffettwaw lil sħabhom fit-​twemmin. Per eżempju, l-​anzjani minn żmien għal żmien jiltaqgħu sabiex jikkunsidraw jekk hemmx aħwa rġiel oħra fil-​kongregazzjoni li jikkwalifikaw biex jiġu rikkmandati bħala anzjani jew qaddejja ministerjali. L-​anzjani jafu kemm hu importanti li jkunu imparzjali. Huma jħallu l-​ħtiġijiet t’Alla għal dawn il-​ħatriet jiggwidawhom meta jieħdu d-​deċiżjonijiet, u mhux jistrieħu fuq sempliċi sentimenti persunali. B’hekk, huma jaġixxu ‘bla ma jħarsu lejn wiċċ ħadd u bla ma jxaqilbu lejn ħadd.’—1 Timotju 5:21.

20, 21. (a) L-​anzjani x’jistinkaw li jkunu, u għala? (b) X’jistgħu jagħmlu l-​anzjani biex jgħinu lill-​“erwieħ dipressi”?

20 L-​anzjani juru l-​ġustizzja divina b’modi oħra wkoll. Wara li bassar li l-​anzjani kellhom jaqdu “bis-​sewwa,” Isaija kompla jgħid: “Kull wieħed ikun bħal ilqugħ għar-​riħ, u kenn fit-​tempesta, bħal swieqi taʼ l-​ilma f’art niexfa, bħal dell taʼ blata kbira fuq art imħeddla.” (Isaija 32:2) Għalhekk, l-​anzjani jistinkaw biex ikunu sors taʼ faraġ u serħan għal sħabhom l-​aduraturi.

21 Illum, bil-​problemi kollha li jistgħu jiskuraġġixxu, ħafna jeħtieġu l-​inkuraġġiment. Anzjani, x’tistgħu tagħmlu biex tgħinu lill-​“erwieħ dipressi”? (1 Tessalonikin 5:14, NW ) Isimgħuhom b’empatija. (Ġakbu 1:19) Huma jistaʼ jkollhom bżonn jaqsmu “l-​inkwiet” f’qalbhom ma’ xi ħadd li jafdaw. (Proverbji 12:25) Iżgurawhom li huma mixtiqin, apprezzati, u maħbubin—iva, minn Jehovah u wkoll minn ħuthom. (1 Pietru 1:22; 5:6, 7) Iktar minn hekk, uħud bħal dawn tistgħu titolbu magħhom u għalihom. Il-​fatt li jisimgħu anzjan jgħid talba mill-​qalb għan-​nom tagħhom jistaʼ jkun taʼ faraġ kbir. (Ġakbu 5:14, 15) L-​isforzi tagħkom li tagħmlu bi mħabba biex tgħinu lid-​dipressi mhux se jiġu injorati mill-​Alla tal-​ġustizzja.

L-anzjani jirriflettu l-ġustizzja ta’ Jehovah meta jinkuraġġixxu lil uħud ta’ qalbhom sewda

22. B’liema modi nistgħu nimitaw il-​ġustizzja taʼ Jehovah, u b’liema riżultat?

22 Kemm hu veru li billi nimitaw il-​ġustizzja taʼ Jehovah se nersqu eqreb lejh! Meta nżommu mal-​livelli ġusti tiegħu, meta naqsmu m’oħrajn l-​aħbar tajba li ssalva l-​ħajjiet, u meta nagħżlu li niffokaw fuq it-​tajjeb t’oħrajn minflok ma nfittxulhom id-​difetti, inkunu qed nuru ġustizzja bħal t’Alla. Anzjani, meta tipproteġu l-​indafa tal-​kongregazzjoni, meta toffru pariri Skritturali inkuraġġanti, meta tieħdu deċiżjonijiet imparzjali, u meta tinkuraġġixxu lil uħud taʼ qalbhom sewda, tkunu qed tirriflettu ġustizzja bħal t’Alla. Min jaf kemm iferraħlu qalbu lil Jehovah il-​fatt li jħares ’l isfel mis-​sema u jara lin-​nies tiegħu jagħmlu l-​almu tagħhom biex ‘jagħmlu dak li hu ġust’ fl-​imġiba m’Alla tagħhom!

a Xi traduzzjonijiet jgħidu “tiġġudikawx” u “tikkundannawx.” Dawn il-​frażijiet jinftiehmu bħala “tibdewx tiġġudikaw” u “tibdewx tikkundannaw.” Madankollu, il-​kittieba tal-​Bibbja hawnhekk jużaw kmandi negattivi fil-​preżent (kontinwu). Għalhekk, l-​azzjonijiet deskritti kienu qed isiru f’dak il-​waqt imma kellhom jieqfu.

b Fit-​2 Timotju 4:2, il-​Bibbja tgħid li l-​anzjani xi drabi jkollhom ‘iċanfru, iwiddbu, u jwissu.’ Il-​kelma Griega tradotta ‘jwissu’ (pa·ra·ka·leʹo) tistaʼ tfisser “li tinkuraġġixxi.” Kelma Griega konnessa magħha, pa·raʹkle·tos, tistaʼ tirreferi għal avukat f’każ legali. B’hekk, anki meta l-​anzjani jwiddbu b’mod sod, iridu jkunu wħud li jgħinu lil dawk li jinħtieġu għajnuna spiritwali.

Mistoqsijiet għall-​Meditazzjoni

  • Dewteronomju 1:16, 17 Jehovah x’kien jistenna mill-​imħallfin f’Iżrael, u l-​anzjani x’jistgħu jitgħallmu minn dan?

  • Ġeremija 22:13-​17 Jehovah dwar liema prattiċi inġusti jwissi, u x’inhu essenzjali biex nimitaw il-​ġustizzja tiegħu?

  • Mattew 7:2-​5 Għala m’għandniex inkunu ħfief biex infittxu d-​difetti fi sħabna fit-​twemmin?

  • Ġakbu 2:1-​9 Jehovah kif iqisu l-​favoritiżmu, u kif nistgħu napplikaw dan il-​parir fil-​mod kif nittrattaw lil oħrajn?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja