“Ibqgħu Għassa”
“Ishru [“Ibqgħu għassa,” “NW”], mela, għax ma tafuhx il-jum li fih jiġi Sidkom.”—MATTEW 24:42.
1. Uħud li ilhom żmien twil qaddejja taʼ Jehovah kif iħossuhom dwar il-ħafna snin li qattgħu f’servizz dedikat? Semmi eżempju.
ĦAFNA li ilhom żmien twil qaddejja taʼ Jehovah tgħallmu l-verità meta kienu għadhom żgħażagħ. Bħal dak in-negozjant li skopra ġawhra imprezzabbli u biegħ kulma kellu biex jixtriha, dawk l-istudenti ħerqana tal-Bibbja ċaħdu lilhom infushom u ddedikaw ħajjithom lil Jehovah. (Mattew 13:45, 46; Mark 8:34) Kif iħossuhom dwar li kellhom jistennew iżjed milli basru sabiex jaraw it-twettiq taʼ l-iskopijiet t’Alla għall-art? M’għandhomx indiema! Jaqblu maʼ Ħuna A. H. Macmillan, li wara kważi 60 sena taʼ servizz dedikat lil Alla, qal: “Jien determinat iżjed minn qatt qabel li nibqaʼ sod fil-fidi tiegħi. Tatni skop għalxiex ngħix u għadha tgħinni niffaċċja l-futur bla biżaʼ.”
2. (a) Ġesù liema parir f’waqtu ta lis-segwaċi tiegħu? (b) X’mistoqsijiet se nikkunsidraw f’dan l-artiklu?
2 Xi ngħidu għalik? Minkejja l-età tiegħek, ikkunsidra l-kliem taʼ Ġesù: “Ishru, mela, għax ma tafuhx il-jum li fih jiġi Sidkom.” (Mattew 24:42) Din l-istqarrija sempliċi fiha verità profonda. Ma nafux meta ġej il-Mulej biex jagħmel ħaqq minn din is-sistema mill-agħar, u m’għandniex bżonn inkunu nafu. Imma jeħtieġ li ngħixu b’tali mod li meta jiġi ma jkollniex indiema. F’dan ir-rigward, x’eżempji nsibu fil-Bibbja li se jgħinuna nibqgħu għassa? Ġesù kif ta stampa taʼ din il-ħtieġa? U x’evidenza għandna llum li tagħti prova li qed ngħixu fl-aħħar jiem taʼ din id-dinja li tiċħad lil Alla?
Eżempju taʼ Twissija
3. Ħafna nies illum kif jixbhu lil dawk taʼ żmien Noè?
3 F’ħafna aspetti, in-nies illum huma bħall-irġiel u n-nisa li kienu jgħixu fi żmien Noè. Dak iż-żmien l-art kienet mimlija vjolenza, u “f’qalbu [l-bniedem] ma kienx għajr li jfassal il-ħażen il-jum kollu.” (Ġenesi 6:5) Il-biċċa l-kbira kienu preokkupati żżejjed dwar il-bżonnijiet tal-ħajja taʼ kuljum. Iżda qabel ma ġab id-Dilluvju l-kbir, Jehovah ta lin-nies l-opportunità li jindmu. Hu inkariga lil Noè biex jippriedka, u Noè obda—billi qeda bħala “ħabbâr tal-ġustizzja” għal xi 40 jew 50 sena jew iktar. (2 Pietru 2:5) Madankollu, in-nies injoraw il-messaġġ taʼ twissija mingħand Noè. Ma kinux għassa. Għalhekk, fl-aħħar, Noè u l-familja tiegħu biss ħelsu meta Jehovah għamel ħaqq minnhom.—Mattew 24:37-39.
4. Il-ministeru taʼ Noè f’liema sens jistaʼ jissejjaħ taʼ suċċess, u kif jistaʼ jintqal l-istess dwar ix-xogħol tiegħek taʼ ppridkar?
4 Kien taʼ suċċess il-ministeru taʼ Noè? Tiġġudikax mill-għadd żgħir li wieġbu. Fir-realtà, l-ippridkar taʼ Noè wettaq l-iskop tiegħu minkejja r-rispons tan-nies. Għala? Għax ta lin-nies biżżejjed opportunità biex jagħżlu jekk ridux jaqdu lil Jehovah jew le. Xi ngħidu dwar it-territorju fejn tippriedka int? Anki jekk ftit li xejn hemm rispons pożittiv, int qed ikollok suċċess kbir. Għala? Għax bl-ippridkar tiegħek qed issemmaʼ t-twissija t’Alla, u b’hekk qed twettaq l-inkarigu li Ġesù ta lis-segwaċi tiegħu.—Mattew 24:14; 28:19, 20.
Huma Injoraw il-Profeti t’Alla
5. (a) X’kundizzjonijiet kienu jeżistu f’Ġuda fi żmien Ħabakkuk, u n-nies kif wieġbu għall-messaġġ profetiku tiegħu? (b) In-nies taʼ Ġuda kif urew ostilità lejn il-profeti taʼ Jehovah?
5 Ħafna sekli wara d-Dilluvju, is-saltna taʼ Ġuda ħabbtet wiċċha maʼ sitwazzjoni serja. L-idolatrija, l-inġustizzja, l-oppressjoni, u saħansitra l-qtil kienu xi ħaġa komuni. Jehovah ħatar lil Ħabakkuk biex iwissi lin-nies li, jekk ma jindmux, kien se jiġi għawġ kbir fuqhom minn taħt idejn il-Kaldin, jew Babiloniżi. (Ħabakkuk 1:5-7) Imma n-nies ma ridux jisimgħu. Forsi rraġunaw, ‘U iva, anki iktar minn mitt sena ilu, il-profeta Isaija kien ta twissija simili, imma xejn għadu ma ġara!’ (Isaija 39:6, 7) Ħafna mill-uffiċjali taʼ Ġuda mhux biss kienu indifferenti għall-messaġġ imma kienu wkoll ostili lejn il-messaġġiera. Darba minnhom, huma pprovaw jagħtu l-mewt lill-profeta Ġeremija, u kien jirnexxilhom li kieku ma ndaħalx Aħikam. Inkorlat minħabba messaġġ profetiku ieħor, is-Sultan Ġeħojakim ordna li jinqatel il-profeta Urija.—Ġeremija 26:21-24.
6. Jehovah kif saħħu lil Ħabakkuk?
6 Il-messaġġ taʼ Ħabakkuk ma kien xejn inqas qawwi, u xejn iżjed popolari minn dak taʼ Ġeremija, li kien ispirat b’mod divin biex ibassar li Ġuda kellha ssir ħerba għal 70 sena. (Ġeremija 25:8-11) Għalhekk, nistgħu nifhmu n-niket taʼ Ħabakkuk meta għajjat: “Mulej, kemm se ndum nokrob għall-għajnuna u int ma tismax! Jew ngħajjat: ‘Vjolenza!’ u int ma ssalvax!” (Ħabakkuk 1:2) Jehovah wieġeb b’mogħdrija lil Ħabakkuk b’dan il-kliem li jsaħħaħ il-fidi: “Għax id-dehra sseħħ meta jkun waqtha, tistenna sa ma ttemm, u ma tqarraqx. Jekk hija ddum ma tasal, int stennieha, għax tiġi żgur, ma tiddawwarx ma tasal!” (Ħabakkuk 2:3) Mela meta jkun il-‘waqt,’ Jehovah kien se jtemm l-inġustizzja u l-oppressjoni. Jekk donnu li kien se jkun hemm xi dewmien, Ħabakkuk ma kellux jiskuraġġixxi ruħu, lanqas ma kellu jmajna. Minflok, hu kellu ‘jistennieha,’ billi jgħix ġurnata b’ġurnata b’sens t’urġenza. Jum Jehovah ma kellux jiddawwar ma jasal!
7. Għala kienet immarkata qerda oħra għal Ġerusalemm fl-ewwel seklu E.K.?
7 Madwar 20 sena wara li Jehovah kellem lil Ħabakkuk, Ġerusalemm, il-kapitali taʼ Ġuda, inqerdet. Iktar tard reġgħet inbniet, u ssewwa ħafna mill-ħażen li tant nikket lil Ħabakkuk. Madankollu, fl-ewwel seklu E.K., il-belt ġiet għal darb’oħra mmarkata għall-qerda minħabba l-infedeltà taʼ l-abitanti tagħha. Jehovah, fil-ħniena tiegħu, ħa ħsieb li nies taʼ qalb onesta jibqgħu ħajjin. Din id-darba, il-profeta li uża biex iwassal il-messaġġ ma kien ħadd ħlief Ġesù Kristu. Fis-sena 33 E.K., Ġesù qal lis-segwaċi tiegħu: “Meta mbagħad taraw lil Ġerusalemm magħluqa minn kullimkien bl-eżerċti, tkunu tafu li l-qerda tagħha tkun waslet. Ħa jaħarbu mbagħad lejn il-muntanji dawk li jkunu fil-Lhudija.”—Luqa 21:20, 21.
8. (a) X’setaʼ ġralhom xi Kristjani hekk kif beda għaddej iż-żmien wara l-mewt taʼ Ġesù? (b) Kif seħħ il-kliem profetiku taʼ Ġesù dwar Ġerusalemm?
8 Hekk kif bdew igerbu s-snin, xi Kristjani f’Ġerusalemm għandhom mnejn ħasbu bejnhom u bejn ruħhom dwar sewwa sew meta kellha titwettaq il-profezija taʼ Ġesù. Wara kollox, aħseb ftit liema sagrifiċċji bla dubju kienu għamlu xi wħud minnhom. Forsi kienu rrifjutaw offerti tajbin tan-negozju minħabba d-determinazzjoni tagħhom li jibqgħu għassa. Hekk kif iż-żmien beda għaddej, għejew huma? Ikkonkludew huma li kienu qed jaħlu ż-żmien, billi rraġunaw li kliem Ġesù kien japplika għal xi ġenerazzjoni fil-futur, u mhux għal tagħhom? Fis-sena 66 E.K., il-profezija taʼ Ġesù bdiet titwettaq meta l-armati Rumani dawru lil Ġerusalemm. Dawk li baqgħu għassa għarfu s-sinjal, ħarbu mill-belt, u skansaw il-ħerba taʼ Ġerusalemm.
Tixbieha dwar il-Ħtieġa li Ngħassu
9, 10. (a) Kif tiddeskrivi fil-qosor it-tixbieha taʼ Ġesù dwar l-ilsiera li stennew lil sidhom jirritorna wara li żżewweġ? (b) Li jistennew lil sidhom għala setaʼ kien diffiċli għall-ilsiera? (ċ) Għala kien taʼ benefiċċju li l-ilsiera jkunu paċenzjużi?
9 Biex jenfasizzalhom il-ħtieġa li joqogħdu għassa, Ġesù jqabbel lid-dixxipli tiegħu maʼ lsiera li kienu qegħdin jistennew ir-ritorn taʼ sidhom wara li żżewweġ. Kienu jafu li kellu jirritorna f’ċertu lejl—imma f’liema siegħa? Matul l-ewwel għassa tal-lejl? It-tieni? It-tielet? Ma kinux jafu. Ġesù qal: “Kieku kellu jiġi [is-sid] fil-ħin tat-tieni sahra, jew tat-tielet, u jsibhom xorta waħda fuq dmirhom [jgħassu], henjin huma!” (Luqa 12:35-38) Immaġina ftit kemm kienu ħerqanin jistennew dawn l-ilsiera! Kull ħoss, kull ħaġa li jaraw tiċċaqlaq, żgur li kienu jimlewhom bit-tama: ‘Tgħid dan sidna?’
10 Xi ngħidu li kieku s-sid kellu jasal matul it-tieni sahra tal-lejl, li kienet testendi minn madwar id-disgħa sa nofsillejl? Kienu l-ilsiera kollha, inkluż dawk li kienu ħadmu iebes minn kmieni fil-għodu, se jkunu lesti biex jilqgħuh, jew kien se jkun hemm min ikun rieqed? U x’kien jiġri kieku s-sid kellu jirritorna matul it-tielet sahra tal-lejl—il-perijodu minn nofsillejl sa madwar it-tlieta taʼ fil-għodu? Kien se jkun hemm xi ħadd minnhom li jkun qataʼ qalbu, anki forsi tfantas għaliex sidhom kien donnu se jittardja?a Dawk biss li kienu se jinstabu għassa meta jasal is-sid kellhom jissejħu henjin. Għalihom żgur li japplika l-kliem taʼ Proverbji 13:12: “It-tama mtawwla tmarrad il-qalb, imma xewqa maqtugħa hi bħal siġra tal-ħajja.”
11. It-talb kif jistaʼ jgħinna nibqgħu għassa?
11 Matul il-perijodu tad-donnu dewmien, x’kien se jgħin lis-segwaċi taʼ Ġesù biex jibqgħu għassa? Waqt li kien fil-ġnien tal-Ġetsemani ftit qabel ma arrestawh, Ġesù qal lil tlieta mill-appostli tiegħu: “Ishru u itolbu biex ma tidħlux fit-tiġrib.” (Mattew 26:41) Ħafna snin wara, Pietru, li kien preżenti f’dik l-okkażjoni, ta parir simili lil sħabu l-Kristjani. Hu kiteb: “Qrib hu t-tmiem taʼ kollox; għalhekk kunu għaqlin u meqjusin biex tagħtu ruħkom għat-talb.” (1 Pietru 4:7) Jidher ċar li talb mill-qalb għandu jkun parti mir-rutina Kristjana tagħna. Tabilħaqq, għandna bżonn kontinwament nitolbu lil Jehovah biex jgħinna nibqgħu għassa.—Rumani 12:12; 1 Tessalonikin 5:17.
12. X’inhi d-differenza bejn li wieħed jispekula, għal li wieħed ikun għassa?
12 Innota li Pietru qal ukoll: “Qrib hu t-tmiem taʼ kollox.” Kemm qrib? Il-bnedmin ma jistgħux jindikaw il-jum u s-siegħa preċiżi. (Mattew 24:36) Imma hemm differenza bejn li tispekula, xi ħaġa li l-Bibbja ma tinkuraġġiniex nagħmlu, għal li tibqaʼ tistenna t-tmiem, xi ħaġa li l-Bibbja tridna nagħmluha. (Qabbel it-2 Timotju 4:3, 4; Titu 3:9.) Liema hu mod wieħed kif nistgħu nibqgħu nistennew it-tmiem? Huwa billi nagħtu attenzjoni mill-qrib għall-evidenza li t-tmiem huwa viċin. Għalhekk, ejja nirrevedu sitt linji t’evidenza li jagħtu prova li qegħdin ngħixu fl-aħħar jiem taʼ din id-dinja li tiċħad lil Alla.
Sitt Linji Konvinċenti t’Evidenza
13. Il-profezija taʼ Pawlu mniżżla fit-2 Timotju kapitlu 3 kif tikkonvinċik li qegħdin ngħixu fl-“aħħar tad-dinja”?
13 L-ewwel, qed naraw ċar it-twettiq tal-profezija taʼ l-appostlu Pawlu dwar “l-aħħar tad-dinja.” Pawlu kiteb: “L-aħħar tad-dinja jkun żmien iebes. Il-bnedmin jingħataw għall-imħabba tagħhom infushom u tal-flus; faħħarin, suppervi, dgħajja, ma jisimgħux mill-ġenituri; bla gratitudni, bla tjieba; bla qalb, bla ħniena, lablaba, bla rażan; kiefra, bla mħabba għat-tajjeb; tradituri, bla ħsieb, minfuħa bihom infushom; iħobbu aktar il-pjaċir milli ’l Alla; nies li jiċħdu l-qawwa tat-tjieba, minkejja li minn barra jagħmluha taʼ tajbin. Nies bħal dawn aħrabhom. Imma n-nies il-ħżiena u l-uċuħ b’oħra jmorru mill-ħażin għall-agħar, iqarrqu u jitqarrqu.” (2 Timotju 3:1-5, 13) Qegħdin narawha din il-profezija titwettaq fi żmienna? Dawk biss li jinjoraw il-fatti jistgħu jiċħduh dan!b
14. Il-kliem t’Apokalissi 12:9 rigward ix-Xitan kif qed jitwettaq illum, u x’se jiġri dalwaqt?
14 It-tieni, qegħdin naraw l-effetti tat-tkeċċija taʼ Satana u d-demonji tiegħu mis-sema, bi twettiq t’Apokalissi 12:9. Hemm naqraw: “Kien imwaddab id-Dragun il-kbir, is-Serp tal-qedem, li hu msejjaħ id-Demonju u x-Xitan, il-qarrieq tad-dinja kollha, kien imwaddab għal fuq l-art, u miegħu kienu mwaddba l-anġli tiegħu.” Dan irriżulta fi gwaj kbir għall-art. Tassew li kien hawn gwaj kbir għall-umanità, partikolarment mill-1914 ’l hawn. Imma l-profezija f’Apokalissi żżid li meta x-Xitan jitwaddab ’l isfel għal fuq l-art, hu jaf li “żmien ftit baqagħlu.” (Apokalissi 12:12) Matul dan il-perijodu, Satana jiggwerra kontra s-segwaċi midlukin taʼ Kristu. (Apokalissi 12:17) Ċertament li rajna l-effetti taʼ l-attakk tiegħu fi żmienna.c Madankollu, dalwaqt Satana se jinqafel fl-abbiss sabiex “ma jqarraqx iżjed bil-ġnus.”—Apokalissi 20:1-3.
15. Apokalissi 17:9-11 kif jipprovdi evidenza li qegħdin ngħixu fiż-żmien taʼ l-aħħar?
15 It-tielet, qed ngħixu fiż-żmien tat-tmien ‘sultan,’ li hu l-aħħar wieħed imsemmi fil-profezija t’Apokalissi 17:9-11. Hawn l-appostlu Ġwanni jsemmi sebaʼ slaten, li jirrappreżentaw sebaʼ potenzi dinjin—l-Eġittu, l-Assirja, Babilonja, il-Medo-Persja, il-Greċja, Ruma, u l-potenza doppja Anglo-Amerikana. Hu jara wkoll ‘it-tmien sultan, li huwa wkoll wieħed mis-sebgħa.’ Dan it-tmien sultan—l-aħħar wieħed li jara Ġwanni fil-viżjoni—issa jirrappreżenta lill-Ġnus Magħquda. Ġwanni jgħid li dan it-tmien sultan sejjer “għall-qerda,” u warajh ma jissemmewx iktar slaten taʼ l-art.d
16. Il-fatti bi twettiq taʼ l-istatwa li Nabukodonosor ra fil-ħolma tiegħu kif jindikaw li qed ngħixu fl-aħħar jiem?
16 Ir-rabaʼ, qegħdin ngħixu fil-perijodu ssimbolizzat mis-saqajn taʼ l-istatwa li Nabukodonosor ra fil-ħolma tiegħu. Il-profeta Danjel interpreta din il-ħolma misterjuża dwar statwa enormi li kellha forma taʼ bniedem. (Danjel 2:36-43) L-erbaʼ partijiet tal-metall li hemm fl-istatwa jirrappreżentaw diversi potenzi dinjin, billi jibdew mir-ras (l-Imperu Babiloniż) u jestendu ’l isfel lejn is-saqajn u s-swabaʼ tas-saqajn (il-gvernijiet li qegħdin jaħkmu llum). Il-potenzi dinjin kollha rappreżentati f’dik l-istatwa għamlu d-dehra tagħhom. Aħna qegħdin ngħixu fil-perijodu ffigurat mis-saqajn taʼ l-istatwa. Ma tissemma ebda potenza oħra li għad trid tiġi.e
17. L-attività tagħna taʼ l-ippridkar tas-Saltna kif tipprovdi iżjed evidenza li qed ngħixu fiż-żmien taʼ l-aħħar?
17 Il-ħames, naraw xogħol taʼ ppridkar globali li qed jitwettaq, u li Ġesù qal kellu jseħħ preċiż qabel it-tmiem taʼ din is-sistema. Qal Ġesù: “Dan l-Evanġelju tas-Saltna jixxandar fid-dinja kollha, biex il-ġnus kollha jkollhom xhieda. Mbagħad jiġi t-tmiem.” (Mattew 24:14) Illum dik il-profezija qed titwettaq fuq skala li qatt ma kien hawn bħalha qabel. Veru li għad hemm xi territorji li għadhom mhux mimsusin, u jistaʼ jagħti l-każ li Jehovah, meta jkun il-waqt, jiftaħ bieb kbir li jwassal għal iktar attività. (1 Korintin 16:9) Minkejja dan, il-Bibbja mkien ma tgħid li Jehovah se jistenna sakemm kull individwu fuq l-art ikun irċieva xiehda persunali. Pjuttost, l-aħbar tajba trid tiġi pridkata sakemm Jehovah jkun sodisfatt. Imbagħad se jiġi t-tmiem.—Qabbel Mattew 10:23.
18. B’mod evidenti, x’jistaʼ jingħad dwar xi wħud mill-midlukin meta tibda t-tribulazzjoni l-kbira, u dan kif nistgħu niddeterminawh?
18 Is-sitta, l-għadd taʼ dixxipli midlukin taʼ Kristu li huma ġenwini qed jonqos, għalkemm xi ftit minnhom evidentement se jkunu għadhom fuq l-art meta tibda t-tribulazzjoni l-kbira. Il-biċċa l-kbira mill-fdal huma xjuħ ġmielhom, u matul is-snin l-għadd taʼ dawk li huma verament midlukin baqaʼ jonqos. Madankollu, waqt li rrefera għat-tribulazzjoni l-kbira, Ġesù qal: “Kieku dawk il-jiem ma tqassrux, l-ebda bniedem ma kien isalva. Iżda minħabba l-maħturin dawk il-jiem tqassru.” (Mattew 24:21, 22) Mela, b’mod evidenti, xi wħud minn dawk il-“maħturin” taʼ Kristu se jkunu għadhom fuq l-art meta tibda t-tribulazzjoni l-kbira.f
X’Hemm Jistenniena?
19, 20. Għala huwa urġenti għalina issa iżjed minn qatt qabel li noqogħdu mqajmin u nibqgħu għassa?
19 X’hemm għalina fil-futur? Għad irridu naraw żminijiet eċċitanti. Pawlu wissa li “jum il-Mulej jiġi għal għarrieda bħal ħalliel billejl.” Waqt li jirreferi għal nies li jidhru li huma sofistikati u għorrief skond id-dinja, hu jgħid: “Meta kulħadd jibda jgħid: ‘Sliem u mistrieħ’, dak il-ħin stess, . . . tiġi fuqhom għal għarrieda l-qerda.” Għaldaqstant, Pawlu jħeġġeġ lill-qarrejja tiegħu: “Għalhekk ma għandniex norqdu bħall-oħrajn, iżda nishru u ngħixu bil-qjies.” (1 Tessalonikin 5:2, 3, 6) Tabilħaqq, dawk li jittamaw f’istituzzjonijiet umani biex iġibu s-sliem u l-mistrieħ qed jinjoraw ir-realtà. Dawn l-individwi jinsabu tassew reqdin fil-fond!
20 Il-qerda taʼ din is-sistema t’affarijiet se tiġi f’daqqa waħda, għal għarrieda. Għalhekk, ibqgħu stennewh jum Jehovah. Alla stess qal lil Ħabakkuk: “Ma tiddawwarx ma tasal”! Tabilħaqq, qatt ma kien daqshekk urġenti għalina li nibqgħu għassa daqs illum.
[Noti taʼ taħt]
a Is-sid ma kien għamel ebda appuntament maʼ l-ilsiera tiegħu. Għalhekk, ma kellux għalfejn joqgħod jagħti d-dettalji dwar l-attivitajiet kollha tiegħu, u lanqas ma kien obbligat jagħti lill-ilsiera tiegħu xi spjegazzjoni għala donnu deher li qed jittardja.
b Għal diskussjoni dettaljata taʼ din il-profezija, ara kapitlu 11 fil-ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem, pubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
c Għal iktar tagħrif, ara paġni 180-6 fil-ktieb Revelation—Its Grand Climax At Hand!, pubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
d Ara Revelation—Its Grand Climax At Hand!, paġni 251-4.
e Ara kapitlu 4 fil-ktieb Oqgħod Attent għall-Profezija taʼ Danjel!, pubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
f Fil-parabbola tan-nagħaġ u l-mogħoż, Bin il-bniedem jasal fil-glorja tiegħu matul il-perijodu tat-tribulazzjoni l-kbira u joqgħod bil-qegħda biex jagħmel ġudizzju. Hu jiġġudika lin-nies fuq il-bażi taʼ l-appoġġ li jkunu taw lil ħut Kristu, il-midlukin. Ma kienx ikun validu dan il-livell għall-ġudizzju, jekk meta dan isir, ħut Kristu kollha jkunu ilhom li għabu minn fuq l-art.—Mattew 25:31-46.
Tiftakar?
• Liema eżempji Skritturali jistgħu jgħinuna nibqgħu għassa?
• Ġesù kif tana stampa tal-ħtieġa li nibqgħu għassa?
• Liema sitt linji t’evidenza jagħtu prova li qed ngħixu fl-aħħar jiem?
[Stampi f’paġna 9]
A. H. Macmillan qeda fedelment lil Jehovah għal kważi sittin sena
[Stampa f’paġna 10]
Ġesù qabbel lid-dixxipli tiegħu maʼ lsiera li jibqgħu għassa