Kapitlu Tnax
“Ibqaʼ Stennieha”
1, 2. (a) Liema mistoqsijiet tistaʼ tistaqsi lilek innifsek? (b) F’liema sitwazzjoni għexu xi wħud mit-12-il profeta, u Mikea x’attitudni kellu?
KEMM ilek tistenna l-jum taʼ Ġeħova biex ineħħi l-ħażen minn fuq l-art? Kemm int lest li ddum tistennieh? Sadanittant, x’attitudni se jkollok, u din kif se teffettwalek il-mod kif tgħix? Biċ-ċar, it-tweġibiet tiegħek se jkunu differenti minn taʼ dawk li jmorru l-knisja u li qed jagħmlu dak li jridu waqt li jistennew li jmorru s-sema.
2 Waqt li qed tistenna dan il-jum il-kbir, il-kotba li kitbu t-12-il profeta jistgħu jgħinuk ferm. Ħafna minn dawn il-profeti għexu meta kien wasal biex iseħħ intervent ġudizzjarju minn Alla. Per eżempju, Mikea qeda meta kien riesaq il-kastig tas-Samarija permezz taʼ l-Assirjani fis-sena 740 Q.E.K. (Ara l-linja kronoloġika f’paġni 20 u 21.) Iktar tard fil-medda taż-żmien, imma daqstant fiċ-ċert, kien hemm il-jum taʼ Ġeħova kontra Ġuda. Ladarba Mikea ma kienx jaf eżatt meta Alla kellu jaġixxi, ikkonkluda hu li għandu biss joqgħod jistenna u ma jagħmel xejn, jittama li Alla jaġixxi malajr? Hawn hu l-kliem taʼ Mikea: “Imma jien lil Ġeħova nibqaʼ nfittex. Jien se nistenna b’attitudni xierqa lill-Alla tas-salvazzjoni tiegħi. Alla tiegħi se jismagħni.” (Mikea 7:7) Iva, billi kien fiduċjuż dwar dak li kien ġej, Mikea kien bħal suldat taʼ l-għassa attiv fuq torri.—2 Samwel 18:24-27; Mikea 1:3, 4.
3. Bil-qerda taʼ Ġerusalemm quddiemhom, Ħabakkuk u Sofonija liema ħarsa kellhom?
3 Imbagħad sib lil Sofonija u lil Ħabakkuk fil-linja kronoloġika. Innota li dawn it-tnejn qdew f’perijodu li kien eqreb lejn il-qerda taʼ Ġerusalemm fis-sena 607 Q.E.K. Xorta waħda, huma ma kinux jafu jekk il-ġudizzju t’Alla kienx se jseħħ dalwaqt jew jekk kienx għaxriet taʼ snin ’il bogħod. (Ħabakkuk 1:2; Sofonija 1:7, 14-18) Sofonija kiteb: “‘Ibqgħu stennewni,’ hija l-kelma taʼ Ġeħova, ‘sal-jum li fih inqum biex naħtaf il-priża, għax id-deċiżjoni ġudizzjarja tiegħi hi li . . . nsawwab fuqhom il-kundanna tiegħi, ir-rabja taħraq kollha tiegħi.’” (Sofonija 3:8) U xi ngħidu għal Ħabakkuk, li għex ftit wara Sofonija? Ħabakkuk kiteb: “Il-viżjoni qed tistenna ż-żmien stabbilit tagħha, u tibqaʼ tilheġ lejn it-tmiem, u mhix se tigdeb. Saħansitra jekk iddum, int ibqaʼ stennieha; għax se sseħħ żgur. Mhix se tkun tard.”—Ħabakkuk 2:3.
4. Sofonija u Ħabakkuk f’liema ċirkustanzi pprofetizzaw, u b’liema attitudni?
4 Is-sitwazzjoni meta tlissen il-kliem taʼ Sofonija 3:8 u Ħabakkuk 2:3 tagħtina dehen imprezzabbli. Meta ċerti Lhud kienu qed jgħidu, “Ġeħova mhux se jagħmel ġid, u mhux se jagħmel deni,” Sofonija xandar “jum ir-rabja taʼ Ġeħova.” Dakinhar, kemm il-ġnus għedewwa u kemm il-Lhud stinati kellhom jesperjenzaw id-dispjaċir t’Alla. (Sofonija 1:4, 12; 2:2, 4, 13; 3:3, 4) Timmaġina int li Sofonija kien qed jibżaʼ mill-kundanna u mir-rabja t’Alla? Għall-kuntrarju, hu kellu jibqaʼ ‘jistenna.’ ‘Xi ngħidu għal Ħabakkuk?’ forsi tistaqsi. Hu wkoll kellu ‘jibqaʼ jistennieha.’ Tagħmel sew jekk tikkonkludi li Sofonija u Ħabakkuk ma kinux indifferenti dwar il-ġejjieni, u għalhekk, m’għexux ħajjithom bħallikieku kienu jaħsbu li l-affarijiet ma kienu se jinbidlu qatt. (Ħabakkuk 3:16; 2 Pietru 3:4) Iżda, bħalma ġie notat, punt sinifikanti li kellhom dawn iż-żewġ profeti kien li t-tnejn li huma kellhom ‘jibqgħu jistennew.’ U int taf dan: Dak li stennew dawn iż-żewġ profeti sar fatt storiku fis-sena 607 Q.E.K. Għalhekk, il-fatt li baqgħu ‘jistennew’ wera li kien l-iktar ħaġa għaqlija li setgħu jagħmlu.
5, 6. Billi nafu fejn qegħdin fit-twettiq taʼ l-iskop t’Alla, liema attitudni għandu jkollna?
5 Int tistaʼ tkun daqstant ċert li “jum ir-rabja taʼ Ġeħova” kontra din is-sistema se jiġi; se jkun fatt, reali, u taʼ min jafdah. Żgur li m’għandekx dubju dwar dan. Bħal Sofonija u Ħabakkuk, int ma tafx eżatt meta se jiġi dan il-jum. (Marku 13:32) Madankollu, żgur li jiġi, u t-twettiq tal-profezija tal-Bibbja fi żmienek jindika b’mod ċar ħafna li dalwaqt jiġi. B’hekk, dak li enfasizza Ġeħova lil dawk il-profeti japplika għalik—“Ibqaʼ stennieha.” U ftakar f’din il-verità assoluta: Alla tagħna hu l-uniku wieħed li “jaġixxi għal min jibqaʼ jistennieh.”—Isaija 64:4.
6 Int tistaʼ tistenna b’attitudni xierqa, għaliex b’dak li tagħmel turi li int fiduċjuż li “jum ir-rabja taʼ Ġeħova” se jiġi eżatt fil-ħin. Il-fatt li tkun konvint dwar dan u li tappoġġa l-konvinzjoni tiegħek b’aġir xieraq hu fi qbil maʼ xi ħaġa li qal Ġesù. Hu ħeġġeġ lill-appostli u lill-Kristjani midlukin kollha: “Ħa jkunu ġenbejkom imħażżmin u l-imsiebaħ tagħkom mixgħulin, u intom kunu bħal nies li jistennew lil sidhom . . . Henjin dawk l-ilsiera li meta jasal is-sid isibhom jgħassu! Tassew ngħidilkom, Hu jitħażżem u jġegħelhom joqogħdu mal-mejda u jiġi ħdejhom u jaqdihom.” (Luqa 12:35-37) Iva, jekk tistenna b’attitudni xierqa int turi li għandek fiduċja li l-jum il-kbir taʼ Ġeħova mhux se jiġi mument iktar tard milli jrid hu.
‘STENNIEH’ U KUN ‘LEST’
7, 8. (a) X’kien ir-riżultat tal-paċenzja t’Alla? (b) Pietru jħeġġiġna nuru liema attitudni?
7 Il-qaddejja t’Alla fi żmienna kienu qed jistennew qabel ma s-Saltna t’Alla ġiet stabbilita fis-sema fl-1914 u hekk baqgħu jagħmlu minn dakinhar ’l hawn. L-istennija tagħhom żgur li ma kinitx tfisser li m’għamlu xejn. Għall-kuntrarju, baqgħu attivi fix-xogħol li tahom Alla u li jinvolvi l-għoti taʼ xiehda. (Atti 1:8) Iżda, irrifletti dwar dan: Kieku l-jum il-kbir taʼ Ġeħova seħħ lura fl-1914, x’kienet tkun is-sitwazzjoni tiegħek? Saħansitra kieku seħħ 40 sena ilu, kont tkun dak iż-żmien persuna li tagħmel “atti taʼ kondotta qaddisa u għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla”? (2 Pietru 3:11) U xi ngħidu għall-membri tal-familja tiegħek li huma Xhieda jew ħbiebek li huma qribek ferm fil-kongregazzjoni? Biċ-ċar, dan il-perijodu taʼ stennija fetaħ it-triq tas-salvazzjoni għalik u għal ħafna bħalek , bħalma juri t-2 Pietru 3:9. Il-fatt li Ġeħova ma qeridx is-sistema mill-agħar kollha kemm hi immedjatament wara li s-Saltna ġiet stabbilita ppermetta lil ħafna biex jindmu, saħansitra bħalma n-Ninwin setgħu jindmu u jinħelsu. Aħna lkoll għandna raġun inħossuna bħall-appostlu Pietru li qal: “Il-paċenzja tal-Mulej tagħna qisuha bħala salvazzjoni.” (2 Pietru 3:15) U dan il-perijodu preżenti jkompli jippermetti li xi individwi jindmu jew jirranġaw ħajjithom u ħsiebhom.
8 Huwa minnu li Kristjan jistaʼ jaħseb dwar is-sitwazzjoni li kienet teżisti fi żmien Mikea, Sofonija, u Ħabakkuk b’attitudni kemxejn indifferenti. “Fuq kollox,” għandu mnejn jgħid, “dan kien ħafna u ħafna żmien ilu!” Imma x’lezzjonijiet hemm għalina? Diġà semmejna l-parir taʼ Pietru dwar li l-Kristjani għandhom bżonn ikunu persuni li jagħmlu “atti taʼ kondotta qaddisa u għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla.” Preċiż wara dan il-kliem, Pietru enfasizza ħtieġa oħra—il-ħtieġa li nkunu qed ‘nistennew u nżommu dejjem f’moħħna l-preżenza tal-jum taʼ Ġeħova.’ (2 Pietru 3:11, 12) Għalhekk, għandna nkunu qed ‘inżommu dejjem f’moħħna’ dak il-jum, inkunu qed ‘nistennewh.’
9. Għala hu xieraq għalina li ‘nibqgħu nfittxu u nistennew’?
9 Sew jekk ilna naqdu lil Ġeħova għal ftit snin u sew jekk ilna naqduh għal ħafna għaxriet taʼ snin, qegħdin aħna ‘nibqgħu nfittxu u nistennew bl-istess attitudni xierqa’ li wera Mikea? (Rumani 13:11) Huwa minnu li bħala bnedmin aħna għandna mnejn nixxennqu biex inkunu nafu meta se jiġi t-tmiem u kemm baqaʼ żmien għal dik il-ġrajja. Madankollu, sempliċement ma nistgħux inkunu nafu. Ftakar fil-kliem taʼ Ġesù: “Li kieku sid id-dar kien jaf f’liema għassa kien ġej il-ħalliel, kien jibqaʼ mqajjem u ma jħallix daru tinsteraq. Għalhekk, uru li intom lesti wkoll, għax f’siegħa li ma tistennewhiex ġej Bin il-bniedem.”—Mattew 24:43, 44.
10. X’lezzjonijiet titgħallem mill-ħajja u mill-ħarsa taʼ l-appostlu Ġwanni?
10 Dak li qal Ġesù hu simili ferm għal dak li kitbu Mikea, Sofonija, u Ħabakkuk. Madankollu, Ġesù ma kienx qed jagħmel il-punt għan-nies tal-qedem, imma għas-segwaċi tiegħu, għalina. Ħafna Kristjani devoti applikaw verament il-parir taʼ Ġesù; ‘urew li kienu lesti’ għaliex baqgħu jistennew. L-appostlu Ġwanni kien eżempju tajjeb taʼ dan. Hu kien wieħed mill-erbgħa fuq il-Muntanja taż-Żebbuġ li staqsew lil Ġesù dwar il-konklużjoni tas-sistema dinjija. (Mattew 24:3; Marku 13:3, 4) Dan kien fis-sena 33 E.K., imma Ġwanni ma setax iħares lejn xi linja kronoloġika biex jiddetermina eżatt kemm kienu se jseħħu malajr l-affarijiet. Issa, ġib f’moħħok xi 60 sena wara dan. Ġwanni kien xjaħ, imma ma kienx sar għajjien u ma waqafx jistenna. Għall-kuntrarju, meta semaʼ lil Ġesù jgħid: “Iva; jien ġej malajr,” Ġwanni wieġeb: “Amen! Ejja, Mulej Ġesù.” Ġwanni ma ddispjaċiehx għal kif kien qattaʼ sninu. Hu kien konvint li meta Ġeħova jagħmel ħaqq, Hu jippremja wkoll lil kull wieħed skond l-għemejjel tiegħu. (Rivelazzjoni 22:12, 20) Ikun meta jkun dak il-ħaqq, Ġwanni ried li jkun ‘lest,’ bħalma kien tah il-parir il-Mulej Ġesù. Hekk tħossok int?
‘TISTENNA’ JEW ‘IMXEBBAʼ’?
11. In-nies taʼ żmien Mikea u Ħosea kif kienu differenti minn dawn il-profeti?
11 Ikkunsidra lezzjoni oħra li nistgħu nitgħallmu mill-profeti li għexu f’perijodu meta Ġeħova kien wasal biex iwettaq il-ġudizzji tiegħu, l-ewwel kontra Israel u mbagħad kontra Ġuda. Waqt li Mikea ‘baqaʼ jfittex u stenna b’attitudni xierqa,’ ħafna minn dawk taʼ madwaru m’għamlux hekk. Huma saru ‘jobogħdu dak li hu tajjeb u jħobbu l-ħażen.’ Mikea wissiehom li jekk ma jinbidlux, setgħu “jgħajtu lil Ġeħova għall-għajnuna, imma [hu] ma jwiġibhomx.” (Mikea 3:2, 4; 7:7) Ħosea, li għex fl-istess żmien taʼ Mikea, uża vokabolarju tal-biedja meta ħeġġeġ lil dawk li kienu fis-saltna taʼ Israel fit-tramuntana: “Iżirgħu bis-sewwa; aħsdu skond il-qalb tajba bl-imħabba. Aħdmu l-art li hi tajba għall-ħrit, meta għad hemm ħin biex tfittxu lil Ġeħova.” Minkejja dan, il-biċċa l-kbira ma tawx widen. Huma ‘ħartu l-ħażen,’ u għalhekk ħasdu l-inġustizzja. (Ħosea 10:12, 13) Huma għalqu għajnejhom għall-prattiki korrotti jew ħadu sehem fihom, ‘fdaw fi triqithom’ minflok ma fdaw fit-triq taʼ Ġeħova. Illum, xi wħud jistgħu jistaqsu, ‘Kif setaʼ dan jiġri lill-aduraturi veri li kienu jgħixu eżatt hemmhekk fl-Art Imwiegħda?’ Ħosea wera li r-raġuni prinċipali għall-problema tagħhom kienet li kellhom l-attitudni li jeħtieġ li ngħassu kontriha jekk irridu nibqgħu nistennew il-jum il-kbir taʼ Ġeħova, jiġifieri, li nsiru komdi u ‘mxebbgħin.’
12. (a) Ħosea identifika liema żvilupp mhux mixtieq fost l-Israelin qabel is-sena 740 Q.E.K.? (b) Il-fatt li n-nies “xebgħu” b’liema modi ntwera?
12 Wara li n-nies t’Alla daħlu fl-Art Imwiegħda, art li tnixxi ħalib u għasel, huma gawdew prosperità konsiderevoli. Kif irreaġixxew? Ħosea wassal il-kliem taʼ Ġeħova: “Meta kielu mill-mergħa tagħhom xebgħu. Xebgħu u qalbhom tkabbret. Għalhekk insewni.” (Ħosea 13:6) Sekli qabel, Alla kien wissa lill-poplu tiegħu eżattament dwar dan il-periklu. (Dewteronomju 8:11-14; 32:15) Minkejja dan, sa żmien Ħosea u Għamos, l-Israelin ċedew—“xebgħu.” Għamos jagħtina dettalji speċifiċi. Hu jgħid li ħafna kellhom tagħmir lussuż fi djarhom, u xi familji kellhom saħansitra żewġt idjar. Kellhom l-aħjar ikel, kienu jixorbu nbid fin minn reċipjenti taʼ kwalità, u kienu jidilku “żjut mill-ifjen” fuq il-ġilda tagħhom, forsi f’għamla taʼ kosmetiċi jfuħu. (Għamos 3:12, 15; 6:4-6) Int x’aktarx tirrikonoxxi li ebda wieħed minn dawn l-aspetti tal-ħajja ma kien ħażin fih innifsu, imma jidher ċar li kien taʼ ħsara li jingħataw importanza żejda.
13. Liema difett bażiku kellhom l-Israelin, kemm jekk kienu sinjuri u kemm jekk le?
13 Huwa minnu li mhux kulħadd fis-saltna tat-tramuntana sar sinjur u ‘mxebbaʼ.’ Xi wħud kienu foqra u kellhom jitħabtu biex jaqilgħu l-għajxien u jitimgħu lill-familja tagħhom. (Għamos 2:6; 4:1; 8:4-6) L-istess hu minnu llum f’ħafna partijiet tad-dinja. Japplika l-parir t’Alla li hemm f’Ħosea 13:6 saħansitra għall-foqra f’Israel tal-qedem, u japplika llum? Iva, japplika tabilħaqq. Ġeħova kien qed juri li kemm jekk aduratur veru hu sinjur u kemm jekk le, għandu bżonn jgħasses kontra li tant jiffoka fuq l-aspetti materjali tal-ħajja li jispiċċa biex ‘jinsa lil Alla.’—Luqa 12:22-30.
14. Għala hu xieraq għalina li nirriflettu dwar kif qed nistennew?
14 Minħabba li qed ngħixu fi żmien meta nistgħu nħarsu lura u naraw tant profeziji tal-Bibbja li issa twettqu, aħna għandna iktar raġun biex inkunu għajnejna miftuħin, lesti, u nistennew. Iżda, xi ngħidu jekk ilna nistennew għal xi żmien, forsi għal għaxriet taʼ snin? Fil-passat stinkajna fil-ministeru u ħadna deċiżjonijiet persunali li rriflettew il-konvinzjoni tagħna li jum Ġeħova ma kienx ’il bogħod. Imma għadu ma ġiex. Għadna qed nistennew? Nistgħu wkoll nistaqsu lilna nfusna din il-mistoqsija persunali ferm, ‘Għadni nistenna bil-ħerqa, jew bridt b’mod konsiderevoli?’—Rivelazzjoni 2:4.
15. X’inhuma xi indikazzjonijiet li qed nistennew b’inqas ħeġġa?
15 Nistgħu nkejlu l-attitudni taʼ kif qed nistennew b’ħafna modi, imma għala ma nużawx l-istess aspetti li hemm fid-deskrizzjoni t’Għamos dwar in-nies taʼ żmienu li “xebgħu”? Hekk kif nagħmlu dan l-eżami, nistgħu nanalizzaw jekk insibux fina nfusna xi tendenza li turi li qed ‘nixbgħu.’ Kristjan li fis-snin li għaddew wera fil-ħsieb u l-azzjonijiet tiegħu li kien qed jistenna b’attitudni xierqa għandu mnejn jibda jistinka biex ikollu dar jew karozza iktar lussuża, stil taʼ lbies l-iktar reċenti, kosmetiċi u ġojjellerija għaljin, jew inbid mill-ifjen u ikel sinjur. Il-Bibbja mkien ma tissuġġerixxi li rridu nkunu axxetiċi, imċaħħdin minn pjaċiri raġunevoli. Ir-raġel li jaħdem iebes “għandu jiekol u jixrob u jgawdi affarijiet tajbin għax-xogħol iebes kollu tiegħu.” (Ekkleżjasti 3:13) Madankollu, jeżisti l-periklu li Kristjan jiffoka dejjem iktar fuq l-ikel, ix-xorb, u d-dehra persunali. (1 Pietru 3:3) Ġesù nnota li xi wħud midlukin fl-Asja Minuri ma baqgħux iffokati, u b’hekk wera li dan hu periklu għall-Kristjani. (Rivelazzjoni 3:14-17) Ġrat xi ħaġa simili fil-każ tagħna? Qegħdin aħna nsiru ‘mxebbgħin,’ forsi preokkupati bl-affarijiet materjali? Qed nistennew b’inqas ħeġġa?—Rumani 8:5-8.
16. Għala ma jkunx taʼ benefiċċju għal uliedna li ninkuraġġuhom jistinkaw għal ħajja ‘mxebbaʼ’?
16 Il-fatt li nistennew b’inqas ħeġġa għall-jum il-kbir taʼ Ġeħova jistaʼ jidher fil-pariri li nagħtu lil uliedna jew lil oħrajn. Kristjan jistaʼ jirraġuna bejnu u bejn ruħu: ‘Jien għażilt li nabbanduna l-possibbiltajiet edukattivi jew taʼ karriera għaliex ħassejt li t-tmiem kien qrib ferm. Issa rrid inkun ċert li wliedi jieħdu t-taħriġ li jippermettilhom li jkollhom ħajja komda.’ Forsi xi wħud fi żmien Ħosea kellhom ħsibijiet simili. Jekk inhu hekk, kien il-parir li taw bħala ġenituri u li kien jiffoka fuq stil taʼ ħajja ‘mxebbaʼ’ taʼ benefiċċju għal uliedhom? U jekk l-ulied lura f’dak iż-żmien kienu, fil-fatt, għexu ħajja ‘mxebbaʼ,’ jew komda, x’kienet tkun is-sitwazzjoni tagħhom fis-sena 740 Q.E.K., meta s-Samarija nqerdet mill-Assirjani?—Ħosea 13:16; Sofonija 1:12, 13.
GĦIX BI STENNIJIET VALIDI
17. B’liema mod għandna nimitaw lil Mikea?
17 Bħall-aduraturi veri tal-qedem, nistgħu nkunu fiduċjużi li dak li wiegħed Alla se jitwettaq fil-ħin, fiż-żmien stabbilit tiegħu. (Ġożwè 23:14) Il-profeta Mikea kien għaqli li jistenna b’attitudni xierqa għall-Alla tas-salvazzjoni tiegħu. Ladarba aħna nistgħu nikkunsidraw dak li ġara fl-imgħoddi, nistgħu nħarsu lejn linja kronoloġika tal-perijodu tiegħu u naraw kemm Mikea għex qrib iż-żmien meta s-Samarija sfat megħluba. Xi ngħidu għalina u għaż-żmien li ngħixu fih? Meta nħarsu lura lejn ħajjitna, se jidher ċar li għamilna għażliet għaqlin, bħal dawk dwar karriera sekulari, stil taʼ ħajja, u l-ministeru full-time? Huwa minnu li ma nafux meta se jaslu “dak il-jum u s-siegħa.” (Mattew 24:36-42) Iżda m’hemmx dubju li qed naġixxu bl-għaqal jekk nikkultivaw attitudni bħal dik taʼ Mikea u naġixxu fi qbil magħha. U meta Mikea jiġi premjat bil-ħajja f’ġenna taʼ l-art imġedda, kemm se nieħdu gost inkunu nafu li bbenefikajna mill-messaġġ profetiku u l-eżempju leali tiegħu! Se nkunu sirna prova ħajja li Ġeħova hu l-Alla tas-salvazzjoni!
18, 19. (a) Għobadija pponta lejn liema gwaj li kien ġej? (b) Għobadija kif ta tama lil Israel?
18 Il-fiduċja tagħna għandha bażi soda. Per eżempju, aħseb ftit dwar il-ktieb qasir u profetiku t’Għobadija. Dan kien jiffoka fuq Edom tal-qedem u stqarr il-ġudizzju taʼ Ġeħova kontra dawk in-nies li ttrattaw ħażin lil ‘ħuhom,’ Israel. (Għobadija 12) Il-qerda mbassra seħħet, kif iddiskutejna f’Kapitlu 10 taʼ dan il-ktieb. Il-Babiloniżi taħt Nabonidu qerdu lil Edom f’nofs is-sitt seklu Q.E.K., u Edom bħala ġens ma baqax jeżisti. Iżda, hemm ħsieb importanti ieħor fil-messaġġ t’Għobadija, ħsieb li jeffettwa l-mod kif nistennew il-jum il-kbir taʼ Ġeħova.
19 Int taf li l-ġens għadu (Babilonja), li qered lil Edom, kien wettaq ukoll il-kastig t’Alla kontra l-poplu żleali tiegħu. Fis-sena 607 Q.E.K., il-Babiloniżi qerdu lil Ġerusalemm u ġarrew lil-Lhud fl-eżilju. L-art imbagħad saret ħerba. Spiċċa kollox hemmhekk? Le. Permezz t’Għobadija, Ġeħova bassar li l-Israelin kellhom jerġgħu jieħdu arthom taħt idejhom. F’Għobadija 17 tistaʼ taqra din il-wegħda inkuraġġanti: “Dawk li qed jaħarbu se jkunu fuq il-Muntanja Sijon, u din issir xi ħaġa qaddisa; u dar Ġakobb tieħu f’idejha l-affarijiet biex ikunu l-proprjetà tagħha.”
20, 21. Għobadija 17 għala għandu jkun taʼ faraġ għalina?
20 L-istorja tikkonferma li dak li qal Ġeħova permezz t’Għobadija seħħ verament. Alla bassru, u hekk ġara. Eluf t’eżiljati minn Ġuda u Israel marru lura fis-sena 537 Q.E.K. Bil-barka taʼ Ġeħova, dawk li marru lura ttrasformaw dik li kienet ħerba f’dik li saret ġenna tħaddar. Int qrajt profeziji dwar dik it-trasformazzjoni meraviljuża f’Isaija 11:6-9 u 35:1-7. L-iktar ħaġa importanti kienet li l-qima vera ġiet stabbilita mill-ġdid, li kellha l-qalba tagħha fit-tempju taʼ Ġeħova li nbena mill-ġdid. B’hekk, Għobadija 17 jistaʼ jservi bħala prova oħra għalina li l-wegħdi taʼ Ġeħova huma taʼ min joqgħod fuqhom. Dawn dejjem jitwettqu.
21 Għobadija jikkonkludi l-profezija tiegħu b’dan il-kliem li jispikka: “Is-saltna ssir taʼ Ġeħova.” (Għobadija 21) B’fiduċja f’dan, int qed tistenna ż-żmien glorjuż meta Ġeħova permezz taʼ Ġesù Kristu se jaħkem u ma jkollu ebda oppożizzjoni fl-univers kollu kemm hu, inkluż il-pjaneta tagħna. Sew jekk ilek tistenna l-jum il-kbir taʼ Ġeħova—bil-barkiet li gawdejt—għal żmien qasir jew għal ħafna għaxriet taʼ snin, tistaʼ tkun assolutament ċert li dawn l-istennijiet ibbażati fuq il-Bibbja se jitwettqu.
22. Għala trid int li l-ħarsa tiegħek tirrifletti dik taʼ Ħabakkuk 2:3 u Mikea 4:5?
22 Għalhekk, huwa xieraq li nirripetu l-assiguranza taʼ Ħabakkuk, li żgur li tapplika għal żmienna: “Il-viżjoni qed tistenna ż-żmien stabbilit tagħha, u tibqaʼ tilheġ lejn it-tmiem, u mhix se tigdeb. Saħansitra jekk iddum, int ibqaʼ stennieha; għax se sseħħ żgur. Mhix se tkun tard.” (Ħabakkuk 2:3) Anki jekk minn kif jaraha l-bniedem donnu jidher li l-jum il-kbir taʼ Ġeħova qed idum biex jiġi, il-jum tiegħu żgur li se jiġi meta jrid hu. Ġeħova jwegħedna dan. B’hekk, dawk li ilhom żmien twil jaqdu lil Alla u dawk li bdew iqimuh dan l-aħħar jistgħu jimxu ’l quddiem flimkien b’fiduċja bħal dik espressa f’Mikea 4:5: “Aħna, min-naħa tagħna, se nimxu f’isem Ġeħova Alla tagħna għal żmien indefinit, saħansitra għal dejjem.”
PUNTI GĦALL-MEDITAZZJONI
• Liema punt prinċipali dwar l-attitudni tiegħek titgħallem minn Mikea 7:7; Ħabakkuk 2:3; u Sofonija 3:8?
• Il-parir li hemm f’Ġakbu 5:10, 11 għala hu importanti u utli għalik?
• Kif tistaʼ tibbenefika billi timmedita fuq it-2 Pietru 3:9, 11, 12, 14?
KIF SE TIBBENEFIKA?
• Sew jekk int għani u sew jekk int fqir, liema lezzjonijiet għandek titgħallem minn Għamos 3:15; 5:11; u Ħaggaj 1: 4-7?
• X’konflitt hemm bejn li tkun imxebbaʼ u bejn li tibqaʼ tistenna?—Ħabakkuk 3: 17, 18.
• Għala hu tassew importanti li tibqaʼ tistenna bil-ħeġġa?—Sofonija 1:12-15.
[Stampa f’paġna 153]
Sofonija
[Stampa f’paġna 154]
“‘Ibqgħu stennewni,’ hija l-kelma taʼ Ġeħova.”—Sofonija 3:8
[Stampi f’paġna 160]
Liema stil taʼ ħajja qed tinkuraġġixxi lil uliedek biex jgħixu?
[Stampa f’paġna 163]
Aħna naqdu lil Ġeħova bil-ferħ waqt li nżommu l-eternità quddiem għajnejna