Tidħlox fiż-Żona taʼ Periklu!
IX-XOGĦOL tal-vulkanoloġi huwa li jagħmlu osservazzjonijiet u jiċċekkjaw l-evidenza biex imbagħad iwissu meta vulkan ikun wasal biex jiżbroffa. (Meta żbroffat il-Muntanja Fugen, il-pulizija kellhom iżommu lin-nies ’il barra miż-żona taʼ periklu.) Bl-istess mod, l-istudenti tal-Bibbja josservaw is-sinjal taʼ “tmiem id-dinja” u jagħmlu lil oħrajn konxji tal-periklu li qed joqrob.—Mattew 24:3.
Fl-istess kapitlu Bibliku li jwissina li waslet katastrofi globali, nistgħu naqraw din id-deskrizzjoni taʼ dak li jiġri qabel: “Iqum ġens kontra ġens u saltna kontra saltna, ikun hawn ġuħ kbir, u l-art titheżheż f’ħafna bnadi. . . . Iqumu bosta profeti foloz u jqarrqu b’ħafna nies. Joktor il-ħażen, u għalhekk l-imħabba tibred f’ħafna. . . . Dan l-Evanġelju tas-Saltna jixxandar fid-dinja kollha, biex il-ġnus kollha jkollhom xhieda. Mbagħad jiġi t-tmiem.”—Mattew 24:7-14.
M’għandniex għalfejn inkunu analisti taʼ l-aħbarijiet biex nifhmu li din il-profezija qed titwettaq issa. Dan esperjenzajnieh b’mod speċjali mill-1914 ’l hawn. Is-seklu l-ieħor ra żewġ gwerer dinjin, għadd taʼ gwerer ċivili, ġlied lokali, u konflitti razzjali u reliġjużi. Bħala riżultat taʼ dawn il-gwerer, l-umanità sofriet nuqqas taʼ ikel, flimkien maʼ nuqqasijiet oħrajn kaġunati minn diżastri naturali. It-terremoti belgħu l-ħajjiet taʼ ħafna nies. Feġġew ħafna kulti b’mexxejja dubjużi u segwaċi fanatiċi. Minħabba li ‘joktor il-ħażen,’ in-nies ma baqgħux juru mħabba, u li tkun ħabib mal-ġirien tiegħek m’għadhiex iktar il-ħaġa normali.
Aspett ieħor tas-sinjal li qed jitwettaq mingħajr ebda dubju huwa x-xogħol taʼ l-ippridkar mad-dinja kollha. Erġaʼ ħares lejn il-qoxra taʼ barra taʼ din ir-rivista, u tara l-kliem “Jħabbar is-Saltna taʼ Jehovah” bħala parti mit-titlu. Pubblikat f’132 lingwa u b’ċirkulazzjoni taʼ iktar minn 22 miljun kopja, It-Torri taʼ l-Għassa huwa għodda ewlenija għal dawk li jippridkaw “dan l-Evanġelju tas-Saltna” maʼ l-art abitata kollha. Din l-aħbar tajba tinkludi l-messaġġ li l-Ħallieq taʼ l-univers, Alla Jehovah, stabbilixxa s-Saltna tas-sema li se teqred lil din is-sistema mill-agħar t’affarijiet u se ġġib ġenna fuq l-art. Tabilħaqq, issa nistgħu nosservaw is-sinjal li Alla dalwaqt se jieħu azzjoni, u dan jindika li l-ħajjiet tan-nies f’din is-sistema t’affarijiet huma fil-periklu.—Qabbel it-2 Timotju 3:1-5; 2 Pietru 3:3, 4; Apokalissi 6:1-8.
Il-Jum taʼ Jehovah li Jqanqal il-Biżaʼ
X’se jiġri meta ż-żmien ikun xieraq għal Jehovah biex jesegwixxi l-ġudizzju tiegħu? Ismaʼ d-deskrizzjoni ħajja li jagħti hu stess taʼ dak li se jiġri mbagħad: “Fis-sema u l-art nuri sinjali, demm u nar u kolonni taʼ duħħan! Ix-xemx tinbidel fi dlam, u l-qamar f’demm, qabel ma jasal Jum il-Mulej, kbir u tal-biżaʼ!”—Ġoel 3:3, 4 [2:30, 31, NW].
Dak il-jum, ferm iżjed tal-biżaʼ u qerriedi minn kwalunkwe żbroff vulkaniku jew terremot lokali, qiegħed wara l-bieb. Il-profeta Sofonija jgħid: “Il-Jum il-kbir tal-Mulej fil-qrib! Fil-qrib, u riesaq b’ħeffa li ma bħalha! . . . Fin-nar imħeġġeġ taʼ qilltu tintemm l-art kollha, għax qerda jagħmel, u tassew taʼ l-għaġeb, minn kull min jgħammar fl-art.” Għalkemm “la l-fidda tagħhom lanqas dehebhom ma jkun jistaʼ jeħlishom f’jum il-korla tal-Mulej,” hemm mod kif tistaʼ ssalva f’dak il-jum li jqanqal il-biżaʼ.—Sofonija 1:14-18.
Biex juri kif, Sofonija jgħid: “Qabel ma l-korla mħeġġa tal-Mulej tilħaqkom; qabel ma jum il-korla tal-Mulej jasal għal fuqkom. Fittxu l-Mulej ilkoll, intom, l-umli taʼ l-art . . . fittxu l-ġustizzja, fittxu l-umiltà: biex forsi f’jum il-korla tal-Mulej ikollkom fejn tistkennu.” (Sofonija 2:2, 3) Aħna nistgħu nsibu kenn billi ‘nfittxu l-Mulej, infittxu l-ġustizzja, u nfittxu l-umiltà.’ Min qiegħed ifittex lil Jehovah llum?
Bla ebda dubju int torbot il-kelma “Jehovah” max-Xhieda taʼ Jehovah minħabba x-xogħol tagħhom taʼ l-ippridkar. Int għandek mnejn ħadt din ir-rivista mingħand wieħed minnhom. Huma magħrufin bħala ċittadini morali li jgħixu ħajja retta. Huma jagħmlu ħilithom kollha biex jilbsu “l-bniedem il-ġdid,” u dan jinkludi li jikkultivaw l-umiltà. (Kolossin 3:8-10) Din, jammettu huma, tiġi bħala riżultat taʼ li tkun edukat mill-organizzazzjoni viżibbli taʼ Jehovah, li madwar id-dinja hija rappreżentata mill-kongregazzjonijiet lokali tax-Xhieda taʼ Jehovah. Iva, tistaʼ ssib kenn flimkien mas-‘sħubija kollha kemm hi taʼ aħwa’ fost ix-Xhieda taʼ Jehovah mad-dinja kollha.—1 Pietru 5:9, NW.
Sib Kenn Issa
Biex insibu kenn billi nfittxu ’l Jehovah, irridu nkunu l-ħbieb tiegħu. X’jinvolvi dan? Il-Bibbja twieġeb: “Ma tafux li l-ħbiberija mad-dinja hija l-għadu taʼ Alla? Min mela jrid isir ħabib tad-dinja huwa għadu taʼ Alla.” (Ġakbu 4:4) Biex inkunu ħbieb t’Alla, irridu neħilsu minn kull irbit emozzjonali li jistaʼ jkollna maʼ din id-dinja preżenti mill-agħar, karatterizzata minn attitudni ribelluża lejn Alla.
Il-Bibbja twissina: “Tħobbux id-dinja u anqas dak li hemm fiha. Jekk xi ħadd iħobb id-dinja, l-imħabba tal-Missier ma tgħammarx fih. Kull ma fiha d-dinja, jiġifieri l-ġibda tal-ġisem u l-ġibda taʼ l-għajnejn u l-kburija tal-ħajja, dan m’huwiex ġej mill-Missier imma mid-dinja. U d-dinja bil-ġibdiet tagħha tgħaddi, iżda min jagħmel ir-rieda taʼ Alla jibqaʼ għal dejjem.” (1 Ġwann 2:15-17) Il-biċċa l-kbira tan-nies illum huma motivati mix-xewqat tal-ġisem—aptit sesswali bla rażan, kilba rgħiba għall-flus, u l-użu abbużiv tal-poter. Imma biex tkun fuq in-naħa taʼ Jehovah, trid tegħleb dawn ix-xewqat.—Kolossin 3:5-8.
Int għandek mnejn li ġieli qrajtha din ir-rivista, u forsi taqbel maʼ kif din tapplika l-profeziji Bibliċi. Madankollu, għandek mnejn taħsibha darbtejn qabel ma tieħu l-pass li jmiss, dak li tassoċja max-Xhieda taʼ Jehovah. Iżda jekk għandna diżastru x’niffaċċjaw, huwa biżżejjed li sempliċement nisimgħu t-twissija? Bħalma nistgħu naraw minn dak li ġara fl-iżbroff tal-Muntanja Fugen, irridu naġixxu fi qbil mat-twissija. Ftakar, minn taʼ l-inqas 15-il ġurnalista u fotografi tant ansjużi li jiksbu l-ewwel informazzjoni tilfu ħajjithom. Fil-fatt, wieħed fotografu miet b’sebgħu fuq il-buttuna tal-kamera tar-ritratti tiegħu. Wieħed vulkanologu—li kien qal, “Jekk għandi mmut, irrid li nkun f’xifer taʼ vulkan”—tilef ħajtu sewwa sew bħalma kien xtaq. Huma lkoll kienu dedikati għax-xogħol u l-miri tagħhom. Madankollu, huma ħallsu b’ħajjithom—il-prezz taʼ li ma tawx kas it-twissija.
Ħafna llum jisimgħu l-messaġġ dwar id-deċiżjoni t’Alla li jeqred din is-sistema mill-agħar t’affarijiet u jifhmu, sa ċertu punt, il-validità taʼ dik it-twissija. ‘Għandha mnejn tiġi eventwalment,’ jistgħu jirraġunaw huma, ‘imma mhux illum.’ Huma b’mod konvenjenti għalihom iħallu l-jum taʼ Jehovah għal iktar tard biex b’hekk ma jkollhomx x’ifixkilhom f’dak li f’għajnejhom jidher li hu l-iktar importanti bħalissa.
Bàruk kellu problema simili. Bħala s-segretarju tal-profeta tal-qedem Ġeremija, Bàruk wissa b’kuraġġ lill-Iżraeliti dwar il-kundanna li kienet riesqa fuq Ġerusalemm. Madankollu, darba minnhom hu ħassu għajjien fl-inkarigu tiegħu. Għal dan, Jehovah kkoreġieh: “Jaqaw int qiegħed tfittex ħwejjeġ kbar? Tfittixhomx.” Sew jekk hi għana, prominenza, jew sigurtà materjali, Bàruk ma kellux ‘ifittex ħwejjeġ kbar’ għalih innifsu. Ħaġa waħda kellha tinteressah, li jagħmel ir-rieda t’Alla biex jgħin lin-nies jieħdu l-waqfa fuq in-naħa Tiegħu. Bħala riżultat, ħajtu kienet tkun “bħallikieku priża tal-gwerra.” (Ġeremija 45:1-5) Bl-istess mod, minflok ma ‘nfittxu ħwejjeġ kbar’ għalina nfusna, għandna nfittxu lil Jehovah, u dan jistaʼ jwassalna biex insalvaw il-ħajjiet tagħna stess.
Fuq il-Muntanja Fugen, iktar minn 12-il pulizija u pompieri volontieri kienu fuq xogħol meta s-sħaba vulkanika tbaqbaq laqtithom. Huma kienu qed jipprovaw jgħinu u jipproteġu lin-nies li kienu fil-periklu. Kienu bħal dawk l-uħud li b’intenzjoni tajba jintefgħu b’ruħhom u b’ġisimhom biex jagħmlu din id-dinja aħjar. Nobbli kemm huma nobbli l-motivi tagħhom, “l-imgħawweġ ma tistax tiddrittah.” (Koħèlet 1:15) Din is-sistema mgħawġa t’affarijiet ma tistax tiġi drittata. Jagħmel sens li ssir “ħabib tad-dinja” billi tipprova ssalva sistema dinjija li Alla hu determinat li jeliminaha?
Ladarba Tkun Ħrabt, Ibqaʼ ’l Bogħod
Li taħrab minn sistema li qegħda fil-periklu hija ħaġa, imma li tibqaʼ fil-ħarsien protettiv tas-“sħubija kollha kemm hi taʼ l-aħwa” hija ħaġa oħra. (1 Pietru 2:17, NW) Ejja ma ninsewx il-bdiewa li, wara li ġew evakwati, reġgħu lura biex jagħtu titwila lill-għelieqi tagħhom viċin il-Muntanja Fugen. Wisq probabbli, huma kellhom sebaʼ mitt sena biex jerġgħu lura għall-ħajja “normali” li kellhom qabel. Imma tifhem li d-deċiżjoni tagħhom biex imorru lura ma kinitx għaqlija. Għandu mnejn li din ma kinitx l-ewwel darba li pprovaw jaqbżu l-linja. Forsi rifsu ż-żona taʼ periklu għal ftit ħin biss u ma ġara xejn. It-tieni darba, setgħu baqgħu ftit iżjed, u xorta baqaʼ ma ġara xejn. X’aktarx li ma tantx damu biex jidraw jaqbżu l-linja taʼ protezzjoni u rabbew il-kuraġġ biex jitlajjaw fl-inħawi taʼ periklu.
Ġesù Kristu rrefera għal sitwazzjoni simili li kellha sseħħ fi “tmiem id-dinja.” Hu qal: “Għax kif fiż-żmien taʼ qabel id-dilluvju kienu jieklu u jixorbu, jiżżewġu u jżewwġu sa dakinhar li Noè daħal fl-arka, u . . . [“ma tawx kas,” NW] sa ma wasal id-dilluvju u ġarr lil kulħadd, hekk tkun il-miġja taʼ Bin il-bniedem.”—Mattew 24:3, 38, 39.
Innota li Ġesù semma l-ikel, ix-xorb, u ż-żwieġ. Mhux għax dawn l-affarijiet huma ħżiena f’għajnejn Jehovah. Mela, x’kien hemm ħażin? In-nies fi żmien Noè “ma tawx kas,” billi għexu ħajja ċentrata fuq ir-rutina tagħhom tas-soltu. Waqt xi emerġenza, wieħed ma jistax jgħix ħajja “normali.” Ladarba tkun ħrabt minn din id-dinja kundannata, jew isseparajt ruħek minnha, trid tiġġieled ix-xenqa li terġaʼ tmur lura biex tieħu vantaġġ minn kwalunkwe ħaġa li tistaʼ takkwista minnha. (1 Korintin 7:31) Għandek mnejn timraħ ’il barra miż-żona spiritwali li hi bla periklu u terġaʼ lura mingħajr girfa bla ma ħadd jinduna b’xejn. Madankollu, x’aktarx li dan se jagħtik il-kuraġġ biex terġaʼ tirritorna fid-dinja għal darb’oħra, u tibqaʼ titlajja fiha daqsxejn iżjed. Hekk, malajr tistaʼ tiżviluppa l-attitudni: “It-tmiem mhux se jasal illum.”
Aħseb ftit, ukoll, dwar it-tliet sewwieqa tal-karozzini li tilfu ħajjithom jistennew il-ġurnalisti u l-fotografi meta s-sħaba vulkanika kaxkret kulma sabet quddiemha. Xi wħud illum jistgħu jsegwu lil oħrajn li ażżardaw imorru lura fid-dinja. Tkun xi tkun ir-raġuni, li ċċedi għaż-żegħil biex tirritorna f’żona perikoluża m’huwiex vallapena.
Il-vittmi kollha taʼ l-iżbroff tal-Muntanja Fugen kollha marru ’l hinn mil-linja taʼ sigurtà u daħlu fiż-żona taʼ periklu. Għalkemm stennew li l-muntanja għad tiżbroffa xi darba, ħadd minnhom ma ħaseb li kien se jkun dak in-nhar. Billi josservaw is-sinjal tal-konklużjoni taʼ din is-sistema t’affarijiet, ħafna jistennew li jum Jehovah għad jiġi xi darba imma x’aktarx li mhux daqshekk malajr. Xi wħud saħansitra jħossu li dak in-nhar ma jistaʼ qatt ikun “illum.” Attitudni bħal din hija tabilħaqq taʼ sogru.
“Jasal, tabilħaqq, jum il-Mulej bħal ħalliel,” wissa l-appostlu Pietru. Irridu nkunu għassa, ‘nistennew b’ħerqa kbira l-miġja tal-Jum taʼ Alla,’ nagħmlu l-aħjar tagħna biex ‘isibna fis-sliem, bla tebgħa u bla dnub.’ (2 Pietru 3:10-14) Wara l-qerda taʼ din is-sistema t’affarijiet mill-agħar, hemm tistenniena art magħmula ġenna taħt is-Saltna t’Alla. Jalla għall-ebda raġuni ma nitħajru nidħlu fiż-żona taʼ periklu, ladarba dak in-nhar li nirritornaw fid-dinja jistaʼ jinzerta l-jum taʼ Jehovah.
Sib kenn flimkien mal-poplu taʼ Jehovah u ibqaʼ magħhom.
[Stampi f’paġna 7]
Sib kenn flimkien mal-poplu taʼ Jehovah u ibqaʼ magħhom
[Sors taʼ l-istampa f’paġna 4]
Iwasa/Sipa Press