LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w99 7/15 pp. 9-14
  • Ngħinu lin-Nies Jersqu Qrib taʼ Jehovah

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ngħinu lin-Nies Jersqu Qrib taʼ Jehovah
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Iskop taʼ l-​Ippridkar Tagħna
  • L-​Irwol Tagħna fix-​Xogħol taʼ Jehovah
  • Jehovah lil Min Jiġbed?
  • Ħaddiema m’Alla
  • Xogħol taʼ Bini li se Jibqaʼ
  • Nibnu Mħabba għal Alla u għal Kristu
  • Il-​Messaġġ li Għandna Nxandru
    Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
  • Xogħlok Se Jirreżistih in-Nar?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Ibqaʼ qrib taʼ Ġeħova
    X’nistgħu nitgħallmu mill-Bibbja?
  • Li naħdmu flimkien m’Alla jġib il-ferħ
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2016
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
w99 7/15 pp. 9-14

Ngħinu lin-​Nies Jersqu Qrib taʼ Jehovah

“Ħadd ma jmur għand il-​Missier jekk mhux permezz tiegħi.”—ĠWANN 14:6.

1. Ġesù rxoxtat liema kmand ta lid-​dixxipli tiegħu, u x’irriżulta hekk kif ix-​Xhieda taʼ Jehovah obdewh?

ĠESÙ KRISTU kkmanda lis-​segwaċi tiegħu biex ‘jagħmlu dixxipli mill-​ġnus kollha, u jgħammduhom fl-​isem tal-​Missier u taʼ l-​Iben u taʼ l-​Ispirtu s-​Santu.’ (Mattew 28:19) Fl-​aħħar għaxar snin, ix-​Xhieda taʼ Jehovah għenu lil ħafna iktar minn tliet miljun ruħ biex jiġu għand Alla, u fiż-​żmien xieraq għammduhom b’simbolu tad-​dedikazzjoni tagħhom lilu biex jagħmlu r-​rieda tiegħu. Kemm aħna ferħanin li nistgħu ngħinuhom jersqu qrib t’Alla!—Ġakbu 4:8.

2. X’ġara għalkemm qed jitgħammdu ħafna ġodda?

2 Madankollu, f’xi pajjiżi fejn tgħammdu ħafna dixxipli ġodda, ma kienx hemm iż-​żjieda mistennija fl-​għadd taʼ pubblikaturi tas-​Saltna. M’għandniex xi ngħidu, irridu nieħdu in konsiderazzjoni lil dawk li mietu, billi r-​rata annwali taʼ mwiet hija madwar 1 fil-​mija. Madankollu, f’dawn l-​aħħar snin, għadd ġmielu tbegħdu għal xi raġuni jew oħra. Għala? Dan l-​artiklu u dak taʼ warajh se jeżaminaw kif in-​nies jinġibdu lejn Jehovah u xi raġunijiet għala forsi xi wħud jitbegħdu.

L-​Iskop taʼ l-​Ippridkar Tagħna

3. (a) Il-​missjoni fdata lid-​dixxipli taʼ Ġesù kif tikkorrispondi maʼ dik taʼ l-​anġlu msemmi f’Apokalissi 14:6? (b) X’wera li kien mod effettiv biex jitqanqal l-​interess tan-​nies fil-​messaġġ tas-​Saltna, imma liema problema teżisti?

3 F’dan iż-​“żmien tat-​tmiem,” id-​dixxipli taʼ Ġesù għandhom l-​inkarigu li jxerrdu “l-​għarfien veru,” rigward “dan l-​Evanġelju tas-​Saltna.” (Danjel 12:4, New World Translation; Mattew 24:14) Il-​missjoni tagħhom tikkorrispondi maʼ dik taʼ l-​anġlu li ġie “bl-​Evanġelju taʼ dejjem ħalli jxandru lil min jgħammar fuq l-​art, lil kull ġens, tribù, lsien u poplu.” (Apokalissi 14:6) F’din id-​dinja li tant hija preokkupata b’affarijiet mondani, ġeneralment l-​iktar mod effettiv biex tinteressa lin-​nies fis-​Saltna t’Alla u tgħinhom jersqu qrib taʼ Jehovah huwa billi tgħidilhom dwar it-​tama taʼ ħajja taʼ dejjem fuq l-​art magħmula ġenna. Filwaqt li dan huwa raġunevoli, dawk li jassoċjaw man-​nies t’Alla sempliċement biex jiksbu d-​dħul fil-​Ġenna taʼ l-​art m’għandhomx riġlejhom fis-​sod fit-​triq id-​dejqa li tagħti għall-​ħajja.—Mattew 7:13, 14.

4. Skond Ġesù u l-​anġlu li jittajjar fl-​għoli tas-​sema, x’inhu l-​iskop tax-​xogħol tagħna taʼ l-​ippridkar?

4 Ġesù qal: “Din hi l-​ħajja taʼ dejjem, li jagħrfu lilek, Alla waħdek veru, u lil Ġesù Kristu, li inti bgħatt.” (Ġwann 17:3) L-​anġlu li jittajjar fl-​għoli tas-​sema jiddikjara “Evanġelju taʼ dejjem” u jgħid lil dawk li jgħammru fuq l-​art: “Ibżgħu minn Alla u agħtuh glorja, għax ġiet is-​siegħa tal-​ħaqq tiegħu, u inxteħtu agħtu qima lil dak li għamel is-​sema u l-​art u l-​baħar u l-​għejun taʼ l-​ilmijiet.” (Apokalissi 14:7) Għaldaqstant, l-​iskop aħħari għala aħna nippridkaw l-​aħbar tajba huwa li ngħinu lin-​nies jersqu qrib taʼ Jehovah permezz taʼ Kristu Ġesù.

L-​Irwol Tagħna fix-​Xogħol taʼ Jehovah

5. Liema stqarrijiet minn Pawlu u minn Ġesù juru li aħna qed nagħmlu x-​xogħol taʼ Jehovah u mhux tagħna?

5 Waqt li jikteb lill-​Kristjani midlukin sħabu, l-​appostlu Pawlu jitkellem dwar il-​“ministeru taʼ din il-​ħbiberija [“rikonċiljazzjoni,” NW]” u jgħid li Alla jirrikonċilja lin-​nies miegħu fuq il-​bażi tas-​sagrifiċċju li Ġesù Kristu ħallas bħala prezz tal-​fidwa. Pawlu jgħid li huwa “bħallikieku Alla stess qiegħed isejjħilkom permezz tagħna” u li “nitlobkom f’ġieħ Kristu, ħallu lil Alla jħabbibkom miegħu.” Xi ħsieb li jqanqal il-​qalb! Kemm jekk aħna “ambaxxaturi [midlukin] taʼ Kristu” u kemm jekk aħna mibgħutin speċjali b’tamiet għall-​art, qatt m’għandna ninsew li dan huwa x-​xogħol taʼ Jehovah u mhux tagħna. (2 Korintin 5:18-20) Fil-​verità hu Alla li jiġbed lin-​nies lejh u jgħallem lil dawk li jiġu għand Kristu. Ġesù qal: “Ħadd ma jistaʼ jiġi għandi jekk il-​Missier li bagħatni ma jiġbdux lejja; u jiena nqajjmu mill-​imwiet fl-​aħħar jum. Hemm miktub fil-​Profeti, ‘U kulħadd ikun mgħallem minn Alla.’ Mela kull min jismaʼ lill-​Missier u jitgħallem minnu jiġi għandi.”—Ġwann 6:44, 45.

6.Jehovah kif qed jheżżeż lill-​ġnus b’mod preliminarju, u, fl-​istess ħin, min qed isib sigurtà fit-​“tempju” tiegħu taʼ qima?

6 F’dawn l-​aħħar jiem, Jehovah kif jiġbed lin-​nies u jiftħilhom “il-​bieb tal-​fidi”? (Atti 14:27; 2 Timotju 3:1) Mod ewlieni hu billi jġiegħel lix-​Xhieda tiegħu jipproklamaw il-​messaġġi tiegħu taʼ salvazzjoni u taʼ ġudizzju kontra din is-​sistema t’affarijiet mill-​agħar. (Isaija 43:12; 61:1, 2) Din il-​proklamazzjoni dinjija qed theżżiżhom lill-​ġnus​—sinjal bil-​quddiem tat-​tifrik b’ġudizzju li ġej dalwaqt. Fl-​istess ħin, nies li huma “prezzjużi” f’għajnejn Alla qed jinħarġu ’l barra minn din is-​sistema u qed isibu sigurtà fid-​“dar” tiegħu taʼ qima vera. B’hekk Jehovah qed iwettaq il-​kliem profetiku tiegħu miktub minn Ħaggaj: “[I]nqanqal il-​ġnus kollha, u l-​ġid kollu tal-​popli jiġi kollu hawn, u nimla dan it-​tempju bil-​glorja.”—Ħaggaj 2:6, 7; Apokalissi 7:9, 15.

7. Jehovah kif jiftaħ il-​qlub tan-​nies u jiġbed lil individwi lejh u lejn Ibnu?

7 Jehovah jiftaħ il-​qlub taʼ dawn l-​uħud li għandhom il-​biżaʼ t’Alla​—‘il-​ġid kollu tal-​popli’—​sabiex ikunu jistgħu ‘jifhmu dak li jgħidu’ x-​Xhieda tiegħu. (Ħaggaj 2:7; Atti 16:14) Bħal fl-​ewwel seklu, Jehovah xi drabi juża l-​anġli tiegħu biex jidderieġu lix-​Xhieda tiegħu lejn nies sinċieri li jkunu sejħulu għall-​għajnuna. (Atti 8:26-31) Hekk kif individwi jitgħallmu dwar il-​provvedimenti taʼ l-​għaġeb li Alla għamel għalihom permezz taʼ Ibnu, Ġesù Kristu, huma jinġibdu lejn Jehovah permezz taʼ l-​imħabba tiegħu. (1 Ġwann 4:9, 10) Iva, Alla jiġbed lin-​nies lejh u lejn Ibnu permezz tal-​“ħlewwa [“qalb tajba bl-​imħabba,” NW]” Tiegħu.—Ġeremija 31:3.

Jehovah lil Min Jiġbed?

8. Jehovah liema xorta taʼ nies jiġbed lejh?

8 Jehovah jiġbed lejh u lejn Ibnu lil dawk li jfittxuh. (Atti 17:27) Dawn jinkludu nies li qed “jitniehdu u jitbikkew minħabba l-​qżiżijiet kollha li jsiru” fil-​Kristjaneżmu u, fil-​fatt, mad-​dinja kollha. (Eżekjel 9:4) Huma “konxji tal-​bżonn spiritwali tagħhom.” (Mattew 5:3, NW) Tabilħaqq dawn huma “l-​umli taʼ l-​art,” li se jgħammru għal dejjem fl-​art magħmula ġenna.—Sofonija 2:3.

9. Jehovah kif inhu kapaċi jara jekk in-​nies humiex “disposti sewwa għall-​ħajja taʼ dejjem,” u lil dawn kif jiġbidhom lejh?

9 Jehovah kapaċi jaqra l-​qalb taʼ individwu. Is-​Sultan David qal lil ibnu Salamun: “Il-​Mulej jistħarreġ il-​qlub u jifhem kull għamla taʼ ħsieb. Jekk inti tfittxu, iħallik issibu.” (1 Kronaki 28:9) Fuq il-​bażi tal-​kundizzjoni tal-​qalb u l-​ispirtu, jew l-​attitudni dominanti, taʼ l-​individwu, Jehovah kapaċi jara jekk dan hux se jirreaġixxi jew le għall-​provvedimenti divini għall-​maħfra tad-​dnubiet u t-​tama taʼ ħajja taʼ dejjem fis-​sistema l-​ġdida taʼ tjieba t’Alla. (2 Pietru 3:13) Permezz tal-​Kelma tiegħu, pridkata u mgħallma mix-​Xhieda tiegħu, Jehovah jiġbed lejh u lejn Ibnu ‘lil dawk kollha li huma disposti kif jixraq għall-​ħajja taʼ dejjem,’ u dawn ‘isiru kredenti.’—Atti 13:48, NW.

10. X’juri li l-​fatt li Jehovah jiġbed lejh lil xi wħud u mhux lil oħrajn ma jinvolvix predestinazzjoni?

10 Il-​fatt li Jehovah jiġbed lejh lil xi wħud u mhux lil oħrajn jinvolvi xi forma taʼ predestinazzjoni? Le assolutament! Jekk Alla jiġbidx lil xi ħadd lejh jew le jiddependi fuq l-​aspirazzjonijiet taʼ l-​individwu nnifsu. Hu jirrispetta r-​rieda ħielsa tal-​ħlejjaq tiegħu. Jehovah jpoġġi quddiem l-​abitanti taʼ l-​art illum l-​istess għażla bħalma poġġa quddiem l-​Iżraeliti ’l fuq minn 3,000 sena ilu, meta Mosè qal: “Ara jiena llum qegħedtlek quddiemek il-​ħajja u l-​ġid, il-​mewt u d-​deni. . . . Nsejjaħ illum is-​sema u l-​art b’xhieda kontrikom: il-​ħajja u l-​mewt, li jien illum qegħedt quddiemek, il-​barka u s-​saħta. Agħżel il-​ħajja biex tgħix int u nislek, billi tħobb lill-​Mulej, Alla tiegħek, u tismaʼ l-​kelma tiegħu, u torbot qalbek miegħu, għax din hi ħajtek u t-​tul taʼ jiemek.”—Dewteronomju 30:15-20.

11. L-​Iżraeliti kif kellhom jagħżlu l-​ħajja?

11 Innota li l-​Iżraeliti kellhom jagħżlu l-​ħajja ‘billi jħobbu lil Jehovah, billi jisimgħu minnu, u billi jintrabtu miegħu.’ Meta tlissen dan il-​kliem, il-​poplu taʼ Iżrael kien għadu ma ħax il-​pussess taʼ l-​Art Imwegħda. Huma kienu għal-​lest fuq il-​Pjanuri taʼ Mowab, jippreparaw ruħhom biex jaqsmu x-​Xmara Ġordan u jidħlu f’Kangħan. Filwaqt li kienet ħaġa naturali għalihom li jaħsbu dwar l-​art “tajba u wiesgħa . . . tnixxi ħalib u għasel” li kienu dalwaqt se jirċievu, ir-​realizzazzjoni tal-​ħolm tagħhom kienet tiddependi fuq imħabbithom għal Jehovah, li jisimgħu minnu, u li jintrabtu miegħu. (Eżodu 3:8) Mosè dan għamlu ċar, billi qal: “Jekk tismaʼ mil-​liġi tal-​Mulej, Alla tiegħek, li qiegħed nordnalek illum: li tħobb lill-​Mulej, Alla tiegħek, li timxi fit-​triqat tiegħu, u li tħares l-​ordnijiet u l-​liġijiet u d-​digrieti tiegħu, [imbagħad] int tgħix u titkattar, u l-​Mulej, Alla tiegħek, ibierkek fl-​art li int sejjer fiha biex teħodha f’idejk.” (Korsiv tagħna.)—Dewteronomju 30:16.

12. L-​eżempju taʼ l-​Iżraeliti x’għandu jgħallimna dwar ix-​xogħol tagħna taʼ l-​ippridkar u t-​tagħlim?

12 M’għandux dan li għedna jgħallimna xi ħaġa dwar ix-​xogħol tagħna taʼ l-​ippridkar u t-​tagħlim f’dan iż-​żmien taʼ l-​aħħar? Aħna naħsbu dwar l-​art magħmula ġenna li dalwaqt tiġi u nitkellmu dwarha fil-​ministeru tagħna. Iżda la aħna, u lanqas dawk li lilhom nagħmlu dixxipli, m’aħna se naraw it-​twettiq tal-​wegħda jekk aħna, jew huma, qed naqdu lil Alla għal raġunijiet egoistiċi. Bħall-​Iżraeliti, aħna u dawk li lilhom ngħallmu rridu nitgħallmu ‘nħobbu lil Jehovah, nisimgħu minnu, u nintrabtu miegħu.’ Jekk dan niftakruh meta nwettqu l-​ministeru tagħna, se nkunu attwalment qed nikkollaboraw m’Alla f’li niġbdu lin-​nies lejh.

Ħaddiema m’Alla

13, 14. (a) Skond l-1 Korintin 3:5-9, kif insiru ħaddiema m’Alla? (b) L-​unur għal kwalunkwe żjieda lejn min għandu jmur, u għala?

13 Pawlu wera xi tfisser kollaborazzjoni m’Alla billi rrefera għall-​ikkultivar t’għalqa. Hu kiteb: “Min hu Apollo? Min hu Pawlu? Huma l-​ministri li permezz tagħhom intom emmintu u kull wieħed minnhom skond ma tah il-​Mulej. Jiena ħawwilt, Apollo saqqa, imma Alla hu li kabbar. Għalhekk, la min ħawwel ma hu xejn, u la min saqqa; imma Alla, li kabbar. Xorta waħda huma dak li ħawwel u dak li saqqa; kull wieħed jieħu l-​ħlas li ħaqqu skond ma ħadem. Aħna ħaddiema maʼ Alla; u intom l-​għalqa taʼ Alla, intom il-​bini taʼ Alla.”—1 Korintin 3:5-9.

14 Bħala ħaddiema m’Alla, irridu fedelment inħawlu “l-​kelma tas-​saltna” fi qlub in-​nies, imbagħad insaqqu kull interess li jintwera permezz taʼ żjajjar lura maħsubin tajjeb u studji tal-​Bibbja. Jekk il-​ħamrija, il-​qalb, tkun tajba, Jehovah jagħmel il-​parti tiegħu billi jġiegħel li ż-​żerriegħa tal-​verità Biblika tikber f’xitla produttiva. (Mattew 13:19, 23) Hu jiġbed lill-​individwu lejh u lejn Ibnu. Għalhekk, fl-​aħħar mill-​aħħar, kwalunkwe żjieda fl-​għadd taʼ proklamaturi tas-​Saltna hija dovuta għax-​xogħol taʼ Jehovah fuq qlub in-​nies, billi jġiegħel li ż-​żerriegħa tal-​verità tikber u billi jiġbed lil uħud bħal dawn lejh u lejn Ibnu.

Xogħol taʼ Bini li se Jibqaʼ

15. Pawlu liema tixbieha uża biex juri kif ngħinu lil oħrajn jiżviluppaw il-​fidi?

15 Filwaqt li nifirħu biż-​żjieda, aħna nixtiequ sinċerament li naraw li n-​nies jibqgħu jħobbu lil Jehovah, jisimgħu minnu, u jintrabtu miegħu. Jiddispjaċina meta naraw li xi wħud jibirdu jew jitbegħdu. Nistgħu nagħmlu xi ħaġa biex dan nevitawh? F’tixbieha oħra, Pawlu juri kif aħna nistgħu ngħinu lil oħrajn jiżviluppaw il-​fidi. Hu jikteb: “Pedament ieħor ħadd ma jistaʼ jqiegħed ħlief dak li ġa tqiegħed; u dan hu Ġesù Kristu. Jibni x’jibni dak li jkun fuq dan il-​pedament; deheb, fidda, ħaġar prezzjuż, injam, ħuxlief, tiben; ix-​xogħol taʼ kulħadd għad jidher; il-​Jum għad jurih u n-​nar għad jikxfu u jipprova x’jiswa x-​xogħol taʼ kull wieħed.”—1 Korintin 3:11-13.

16. (a) Iż-​żewġ tixbihat użati minn Pawlu kif ivarjaw fl-​objettiv tagħhom? (b) Ix-​xogħol tagħna taʼ bini kif jistaʼ ma jkunx sodisfaċenti u li ma jirreżistix in-​nar?

16 Fit-​tixbieha taʼ Pawlu dwar l-​għalqa, l-​iżvilupp jiddependi fuq taħwil kuxjenzjuż, tisqija regulari, u l-​barka t’Alla. It-​tixbieha l-​oħra taʼ l-​appostlu tenfasizza r-​responsabbiltà tal-​ministru Kristjan għal dak li jsir mix-​xogħol tiegħu taʼ bini. Bena hu fuq pedament ċert b’materjal taʼ kwalità? Pawlu jwissi: “[I]qis kull wieħed kif jibni.” (1 Korintin 3:10) Wara li nkunu qanqalna l-​interess taʼ dak li jkun billi ngħidulu jew ngħidulha dwar it-​tama taʼ ħajja taʼ dejjem fil-​Ġenna taʼ l-​art, niffokaw aħna t-​tagħlim tagħna biss fuq l-​affarijiet bażiċi taʼ l-​għarfien Skritturali u mbagħad inpoġġu l-​enfasi prinċipali fuq dak li individwu jrid jagħmel biex jikseb il-​ħajja taʼ dejjem? Jistaʼ jkun li t-​tagħlim tagħna jikkonsisti biss f’dan: ‘Jekk trid tgħix għal dejjem fil-​Ġenna taʼ l-​art, trid tistudja, tmur il-​laqgħat, u tieħu sehem fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar’? Jekk iva, m’aħniex qed nibnu l-​fidi taʼ dik il-​persuna fuq pedament solidu, u dak li nibnu għandu mnejn ma jirreżistix in-​nar tal-​provi jew jieqaf għall-​prova taż-​żmien. Li nipprovaw inressqu lin-​nies qrib taʼ Jehovah sempliċement bit-​tama taʼ ħajja fil-​Ġenna taʼ l-​art bi bdil għal ftit snin li wieħed iqattaʼ jaqdih huwa bħallikieku qed nibnu ‘bl-​injam, bil-​ħuxlief, u bit-​tiben.’

Nibnu Mħabba għal Alla u għal Kristu

17, 18. (a) X’inhu indispensabbli biex il-​fidi taʼ individwu tibqaʼ soda? (b) Kif nistgħu ngħinu persuna biex ikollha lil Kristu jgħammar f’qalbha jew f’qalbu?

17 Biex il-​fidi tibqaʼ soda, din trid tkun ibbażata fuq relazzjoni persunali m’Alla Jehovah permezz taʼ Ġesù Kristu. Bħala bnedmin imperfetti, aħna nistgħu naslu għal relazzjoni paċifika m’Alla bħal din biss permezz taʼ Ibnu. (Rumani 5:10) Ftakar li Ġesù qal: “Ħadd ma jmur għand il-​Missier jekk mhux permezz tiegħi.” Biex jgħin lil oħrajn jibnu l-​fidi, “pedament ieħor ħadd ma jistaʼ jqiegħed ħlief dak li ġa tqiegħed; u dan hu Ġesù Kristu.” Dan x’jinvolvi?—Ġwann 14:6; 1 Korintin 3:11.

18 Li tibni fuq Kristu bħala l-​pedament ifisser li tgħallem b’tali mod li l-​istudent tal-​Bibbja jiżviluppa mħabba profonda għal Ġesù permezz t’għarfien sħiħ dwar l-​irwol Tiegħu bħala l-​Feddej, il-​Kap tal-​kongregazzjoni, il-​Qassis il-​Kbir taʼ mħabba, u s-​Sultan renjanti. (Danjel 7:13, 14; Mattew 20:28; Kolossin 1:18-20; Lhud 4:14-16) Ifisser li lil Ġesù nagħmluh tant reali għalihom li tistaʼ tgħid li jkun qed jgħammar fi qlubhom. It-​talba tagħna għalihom għandha tkun bħall-​petizzjoni taʼ Pawlu għan-​nom tal-​Kristjani f’Efesu. Hu kiteb: “Jiena ninżel għarkubbtejja quddiem il-​Missier . . . biex skond l-​għana tal-​glorja tiegħu, jagħtikom . . . li Kristu jgħammar f’qalbkom permezz tal-​fidi, biex tniżżlu l-​għeruq tagħkom fl-​imħabba u fuqha tibnu ħajjitkom.”—Efesin 3:14-17.

19. X’għandu jkun ir-​riżultat taʼ li nibnu mħabba għal Kristu fil-​qlub taʼ l-​istudenti tagħna tal-​Bibbja, imma x’irid jiġi mgħallem?

19 Jekk nibnu b’tali mod li l-​imħabba għal Kristu tiżviluppa fil-​qlub taʼ l-​istudenti tagħna, dan loġikament se jirriżulta f’li nibnu mħabba għal Alla Jehovah. L-​imħabba, is-​sentimenti, u l-​mogħdrija taʼ Ġesù huma riflessjoni leali tal-​kwalitajiet taʼ Jehovah. (Mattew 11:28-30; Mark 6:30-34; Ġwann 15:13, 14; Kolossin 1:15; Lhud 1:3) Għalhekk, hekk kif in-​nies isiru jafu u jħobbu lil Ġesù, huma se jsiru jafu u jħobbu lil Jehovah.a (1 Ġwann 4:14, 16, 19) Għandna bżonn ngħallmu lill-​istudenti tal-​Bibbja li Jehovah hu l-​moħħ wara dak kollu li Kristu għamel għall-​umanità u li aħna għalhekk obbligati li nagħtuH ħajr, tifħir, u qima bħala “Alla, is-​salvatur tagħna.”—Salm 68:20, 21 [Salm 68:19, 20, NW]; Isaija 12:2-5; Ġwann 3:16; 5:19.

20. (a) Kif nistgħu ngħinu lin-​nies jersqu qrib t’Alla u taʼ Ibnu? (b) X’se nikkunsidraw fl-​artiklu li jmiss?

20 Bħala ħaddiema m’Alla, ejja ngħinu lin-​nies jersqu qrib tiegħu u taʼ Ibnu, billi ngħinuhom jiżviluppaw imħabba u fidi fi qlubhom. B’hekk Jehovah jsir reali għalihom. (Ġwann 7:28) Permezz taʼ Kristu, huma se jkunu jistgħu jistabbilixxu relazzjoni intima m’Alla, u se jħobbuh u jintrabtu miegħu. M’humiex se jagħmlu xi limitu taʼ żmien għas-​servizz tagħhom kollu mħabba, u se jeżerċitaw fidi li l-​wegħdi taʼ l-​għaġeb taʼ Jehovah se jitwettqu fiż-​żmien xieraq tiegħu. (Lamentazzjonijiet 3:24-26; Lhud 11:6) Madankollu, filwaqt li ngħinu lil oħrajn jiżviluppaw fidi, tama, u mħabba, aħna rridu nibnu l-​fidi tagħna stess sabiex tkun bħal bastiment mibni sod li kapaċi jbaħħar fil-​maltemp qawwi t’oppożizzjoni. Dan se nikkunsidrawh fl-​artiklu li jmiss.

[Nota taʼ taħt]

a Bħala għajnuna eċċellenti biex insiru nafu lil Ġesù aħjar u permezz tiegħu, lil Missieru, Jehovah, hemm il-​ktieb L-​Aqwa Bniedem Li Qatt Għex, pubblikat mill-​Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.

Bħala Reviżjoni

◻ Taʼ spiss kif inqanqlu l-​interess tan-​nies fil-​messaġġ tas-​Saltna, imma liema periklu jeżisti?

◻ Jehovah liema xorta taʼ nies jiġbed lejh u lejn Ibnu?

◻ Fuq xiex kien jiddependi d-​dħul taʼ Iżrael fl-​Art Imwegħda, u x’nistgħu nitgħallmu minn dan?

◻ Liema rwol għandna f’li ngħinu lin-​nies biex jersqu qrib taʼ Jehovah u taʼ Ibnu?

[Stampa f’paġna 10]

Għalkemm aħna nestendu lin-​nies it-​tama taʼ ħajja taʼ dejjem fil-​Ġenna taʼ l-​art, l-​objettiv ewlieni tagħna huwa li nressquhom qrib taʼ Jehovah

[Stampi f’paġna 13]

Iż-​żjajjar lura tagħna jistgħu jkunu effettivi ferm jekk nippreparaw sew

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja