Il-Barka taʼ Jehovah Tagħmel Għani
“Il-barka ta ’ Jehovah—dik hi li tagħmel għani, u hu ma jżid ebda wġigħ magħha.”−PROVERBJI 10:22.
1-3. Fil-waqt li ħafna huma kkonċernati dwar affarijiet materjali, liema fatt dwar il-għana materjali għandu kulħadd jirrikonoxxi?
HAWN nies li qatt ma jieqfu jitkellmu dwar il-flus—jew dwar kemm huma neqsin minnhom. Bi sfortuna għalihom, fi snin riċenti kellhom ħafna x’jiddiskutu. Fl-1992 saħansitra l-Punent affluwenti ġarrab riċessjoni, u esekuttivi kif ukoll ħaddiema taʼ kull qasam sabu ruħhom bla xogħol. Ħafna ddubitaw jekk għadx jerġgħu jaraw żmien taʼ prosperità stabbli.
2 Huwa ħażin li nitħassbu dwar il-benesseri materjali tagħna? Le, sa ċertu punt hija ħaġa naturali. Fl-istess ħin, hemm verità bażika li rridu nirrikonoxxu dwar il-għana. Fl-aħħar mill-aħħar, l-affarijiet materjali kollha jiġu mingħand il-Ħallieq. Huwa “l-veru Alla, Jehovah, . . . Dak li qiegħed jifrex l-art u dak li tipproduċi, Dak li qiegħed jagħti n-nifs lin-nies taʼ fuqha, u spirtu lil dawk li qegħdin jimxu fiha.”−Isaija 42:5.
3 Għalkemm Jehovah ma jaħtarx bil-quddiem min se jkun għani u min se jkun fqir, ilkoll kemm aħna rridu nagħtu kont tal-mod kif nużaw kwalunkwe sehem li għandna mill-“art u dak li tipproduċi.” Jekk nużaw il-għana tagħna biex niddominaw fuq oħrajn, Jehovah se jitlob kont minna. U kulmin jitjassar għar-rikkezzi minflok għal Jehovah se jsib li “dak li qiegħed jafda fir-rikkezzi tiegħu—hu nnifsu se jaqaʼ.” (Proverbji 11:28; Mattew 6:24; 1 Timotew 6:9) Prosperità materjali li mhix akkumpanjata minn qalb sottomessa lejn Jehovah hija fl-aħħar mill-aħħar mingħajr valur.—Ekkleżjasti 2:3-11, 18, 19; Luqa 16:9.
L-Iktar Prosperità Importanti
4. Il-prosperità spiritwali għala hija aħjar mill-abbundanza materjali?
4 Minbarra prosperità materjali, il-Bibbja ssemmi prosperità spiritwali. Din hi ċertament l-aħjar xorta. (Mattew 6:19-21) Prosperità spiritwali tinvolvi relazzjoni sodisfaċenti maʼ Jehovah li tistaʼ tibqaʼ għall-eternità. (Ekkleżjasti 7:12) Jerġaʼ, qaddejja t’Alla li huma għonja spiritwalment ma jitilfux minn barkiet materjali bnini. Fid-dinja l-ġdida, għana spiritwali se jkun marbut maʼ prosperità materjali. Uħud leali se jgawdu sigurtà materjali li ma tinkisibx b’kompetizzjoni ħarxa jew bl-issagrifikar tas-saħħa u l-kuntentizza, kif inhu taʼ spiss il-każ illum. (Salm 72:16; Proverbji 10:28; Isaija 25:6-8) Huma se jsibu li b’kull mod “il-barka taʼ Jehovah . . . tagħmel għani, u hu ma jżid ebda wġigħ magħha.”−Proverbji 10:22.
5. Ġesù liema wegħda ta rigward affarijiet materjali?
5 Saħansitra llum dawk li jgħożżu l-affarijiet spiritwali jħossu ċerta trankwillità fejn għandhom x’jaqsmu l-affarijiet materjali. Veru, huma jaħdmu biex iħallsu l-kontijiet u biex jitimgħu l-familji tagħhom. Jew xi wħud jistgħu saħansitra jitilfu l-impjieg tagħhom fi żminijiet taʼ riċessjoni. Imma ma jiddisprawx minħabba problemi bħal dawn. Minflok, huma jemmnu l-wegħda taʼ Ġesù meta qal: “Qatt tkunu anzjużi u tgħidu, ‘X’se nieklu?’ jew, ‘X’se nixorbu?’ jew, ‘X’se nilbsu?’ . . . Għax Missierkom tas-sema jaf li teħtieġu dawn l-affarijiet kollha. Ibqgħu, allura, fittxu l-ewwel is-saltna u t-tjieba tiegħu, u dawn l-affarijiet l-oħrajn kollha se jiżdidulkom.”−Mattew 6:31-33.
Għana Spiritwali Llum
6, 7. (a) Iddeskrivi xi aspetti tal-prosperità spiritwali tal-poplu t’Alla. (b) Liema profezija qiegħda titwettaq illum, u x’mistoqsijiet iqajjem dan?
6 Għaldaqstant, in-nies taʼ Jehovah għażlu li jpoġġu s-Saltna l-ewwel fil-ħajjiet tagħhom, u kemm qegħdin jiġu mberkin! Igawdu suċċess għani fix-xogħol tagħhom li jagħmlu dixxipli. (Isaija 60:22) Qegħdin jiġu mgħallmin minn Jehovah, billi jgawdu nixxiegħa bla tmiem taʼ affarijiet spiritwali tajbin ipprovduti permezz tal-“irsir fidil u diskret.” (Mattew 24:45-47; Isaija 54:13) Jerġaʼ, l-ispirtu taʼ Jehovah jinsab fuqhom, billi jifformahom fi fratellanza internazzjonali pjaċevoli.—Salm 133:1; Mark 10:29, 30.
7 Din hi verament prosperità spiritwali, xi ħaġa li l-flus ma jistgħux jixtruha. Hija twettieq notevoli tal-wegħda taʼ Jehovah: “Ġibu l-għexur kollha fil-maħżen, biex jiġi li jkun hemm l-ikel f’dari; u ttestjawni, jekk jogħġobkom, f’dan ir-rigward,’ qal Jehovah tal-armati, ‘jekk inix se niftħilkom il-kanċelli tal-għargħar tas-smewwiet u attwalment inbattal fuqkom barka sakemm m’hemmx iktar bżonn.” (Malakija 3:10) Aħna llum rajna t-twettieq taʼ din il-wegħda. Jehovah, is-Sors tal-għana kollu, għala, iżda, jitlob lill-qaddejja tiegħu biex iġibu l-għaxar parti, jew id-deċmi? Min jibbenefika mid-deċmi? Biex twieġeb dawn il-mistoqsijiet, ikkunsidra għala Jehovah tkellem dan il-kliem permezz taʼ Malakija fil-Ħames seklu Q.E.K.
Deċmi u Offerti
8. Skond il-patt tal-Liġi, il-prosperità materjali taʼ Iżrael fuq liema ħaġa kienet tiddependi?
8 Fi żmien Malakija n-nies t’Alla ma kellhomx prosperità. Għala le? F’parti kellu x’jaqsam maʼ offerti u deċmi. Lura f’dak iż-żmien, Iżrael kien taħt il-patt tal-Liġi taʼ Mosè. Meta Jehovah għamel dak il-patt, hu wiegħed li jekk Iżrael iżommu l-parti tagħhom minnu, hu kien se jberikhom spiritwalment u materjalment. Fi kliem ieħor, il-prosperità taʼ Iżrael kienet tiddependi fuq il-fedeltà tagħhom.—Dewteronomju 28:1-19.
9. Fil-jiem taʼ Iżrael tal-qedem, Jehovah għala kien jirrikjedi minn Iżrael li jħallsu d-deċmi u jġibu l-offerti?
9 Parti mill-obbligu taʼ Iżrael taħt il-Liġi kien li jġibu offerti lit-tempju u jħallsu d-deċmi. Xi wħud mill-offerti kienu jinħarqu kollha kemm huma fuq l-artal taʼ Jehovah, fil-waqt li oħrajn kienu jinqasmu bejn il-qassisin u l-uħud li jkunu qegħdin jippreżentaw is-sagrifiċċju, b’porzjonijiet speċjali offruti lil Jehovah. (Levitiku 1:3-9; 7:1-15) Rigward id-deċmi, Mosè qal lill-Iżraeliti: “Kull għaxar parti mill-art, miż-żerriegħa tal-art u tal-frotta tas-siġra, tappartjeni lil Jehovah. Hija xi ħaġa qaddisa għal Jehovah.” (Levitiku 27:30) Id-deċmi kienu jingħataw lill-ħaddiema Leviti fit-tabernaklu u iktar tard fit-tempju. Min-naħa tagħhom, il-Leviti li ma kinux qassisin kienu jagħtu l-għaxar parti milli kienu jirċievu lill-qassisin Aronniċi. (Numri 18:21-29) Jehovah għala kien jirrikjedi li Iżrael iħallsu d-deċmi? L-ewwel, biex huma setgħu juru b’mod li jidher l-apprezzament tagħhom għat-tjieba taʼ Jehovah. U t-tieni, sabiex setgħu jikkontribwixxu għall-manteniment tal-Leviti, li mbagħad dawn setgħu jikkonċentraw fuq l-obbligi tagħhom, inkluż it-tagħlim tal-Liġi. (2 Kronaki 17:7-9) B’dan il-mod il-qima vera kienet tiġi appoġġjata wkoll, u kulħadd kien jibbenefika.
10. X’ġara meta Iżrael naqsu li jġibu id-deċmi u l-offerti?
10 Għalkemm id-deċmi u l-offerti kienu iktar tard jintużaw mil-Leviti, dawn kienu verament għotjiet lil Jehovah u għalhekk riedu jkunu taʼ kwalità tajba, denji għalih. (Levitiku 22:21-25) X’ġara meta l-Iżraeliti naqsu li jġibu d-deċmi jew meta kienu jġibu offerti inferjuri? Ma kienx hemm kastig preskritt mil-Liġi, imma kien hemm il-konsegwenzi. Jehovah kien iżomm lura l-barka tiegħu, u l-Leviti, miċħudin mill-appoġġ materjali tagħhom, telqu d-doveri tagħhom tat-tempju sabiex imantnu lilhom infushom. B’hekk, Iżrael kollu kien ibati.
“Poġġu lil Qalbkom fuq il-Mogħdijiet Tagħkom”
11, 12. (a) X’irriżulta meta Iżrael naqsu li jħarsu l-Liġi? (b) Jehovah liema ħatra ta lil Iżrael meta ġabhom lura mill-Babilonja?
11 Matul il-korsa tal-istorja taʼ Iżrael, xi wħud kienu eżemplari f’li jipprovaw iħarsu l-Liġi, inkluż il-ħlas tad-deċmi. (2 Kronaki 31:2-16) Bħala regola ġenerali, iżda, il-ġens kien ittraskurat. Darba wara l-oħra, huma kisru l-patt maʼ Jehovah, sakemm hu fl-aħħar ħalliehom jiġu kkonkwistati u, fis-sena 607 Q.E.K., li jiġu ddeportati lejn il-Babilonja.—2 Kronaki 36:15-21.
12 Dik kienet dixxiplina ħarxa, imma wara 70 sena Jehovah irrestawra lill-poplu tiegħu f’artu. Ħafna mill-profeziji taʼ Ġenna f’Isaija kien se jkollhom it-twettieq inizzjali tagħhom wara dak ir-ritorn. (Isaija 35:1, 2; 52:1-9; 65:17-19) Madankollu, ir-raġuni ewlenija għala Jehovah ġab lura lill-poplu tiegħu kienet, mhux biex jibnu ġenna tal-art, imma biex jibnu mill-ġdid it-tempju u jirrestawraw il-qima vera. (Eżra 1:2, 3) Meta Iżrael kienu jobdu lil Jehovah, benefiċċji materjali kienu jsegwu, u l-barka taʼ Jehovah kienet tagħmilhom għonja spiritwalment kif ukoll materjalment. Fi qbil maʼ dan, hekk kif waslu f’arthom fis-sena 537 Q.E.K., il-Lhud bnew artal f’Ġerusalemm u bdew xogħol fuq it-tempju. Madankollu, iltaqgħu maʼ oppożizzjoni ħarxa u waqfu. (Eżra 4:1-4, 23) Bħala riżultat, Iżrael ma gawdewx il-barka taʼ Jehovah.
13, 14. (a) X’kien ir-riżultat meta Iżrael naqsu li jibnu mill-ġdid it-tempju? (b) Fl-aħħar kif inbena mill-ġdid it-tempju, imma liema nuqqasijiet min-naħa taʼ Iżrael huma rrapportati?
13 Fis-sena 520 Q.E.K., Jehovah qajjem lill-profeti Ħaggaj u Żakkarija biex iħeġġu lil Iżrael biex jerġgħu lura għax-xogħol tal-bini tat-tempju. Ħaggaj wera li l-ġens kien qed ibati tbatijiet materjali u assoċja dan man-nuqqas taʼ żelu tagħhom għad-dar taʼ Jehovah. Hu qal: “Dan hu dak li Jehovah tal-armati qal, ‘Poġġu lil qalbkom fuq il-mogħdijiet tagħkom. Intom żrajtu ħafna żerriegħa, imma hemm dħul taʼ naqra. Hemm ikel, imma mhux li wieħed jixbaʼ. Hemm xorb, imma mhux sal-punt li wieħed jisker. Hemm ilbies taʼ ħwejjeġ, imma mhux li xi ħadd isir sħun; u dak li qiegħed jikri lilu nnifsu qiegħed jikri lilu nnifsu għal borża li għandha t-toqob.’ Dan hu dak li Jehovah tal-armati qal, ‘Poġġu lil qalbkom fuq il-mogħdijiet tagħkom. Itilgħu fuq il-muntanja, u tridu ġġibu l-injam. U ibnu d-dar, biex inkun nistaʼ nieħu gost biha u nistaʼ nkun igglorifikat.”—Ħaggaj 1:5-8.
14 Inkuraġġiti minn Ħaggaj u Żakkarija, l-Iżraeliti poġġew qlubhom fuq il-mogħdijiet tagħhom, u t-tempju nbena. Xi 60 sena wara, iżda, Neħemija żar Ġerusalemm u sab li Iżrael kien għal darb’oħra sar negliġenti għal-Liġi taʼ Jehovah. Hu kkorreġa dan. Imma fit-tieni żjara, sab li l-affarijiet kienu għal darb’oħra ddeterjoraw. Hu jirrapporta: “Irnexxieli nsib li l-istess porzjonijiet tal-Leviti ma kinux ġew mogħtijin lilhom, u b’hekk il-Leviti u l-għannejja li qegħdin jagħmlu x-xogħol telqu jiġru lil hemm, kull wieħed lejn il-għalqa tiegħu stess.” (Neħemija 13:10) Din il-problema ġiet ikkorreġuta, u “Ġuda kollu, min-naħa tagħhom, ġabu l-għexur tal-qamħ u tal-inbid ġdid u taż-żejt lejn l-imħażen.”−Neħemija 13:12.
Jisirqu lil Jehovah
15, 16. Jehovah, permezz taʼ Malakija, għal liema nuqqasijiet ċanfar lil Iżrael?
15 Wisq probabbli, l-ipprofetizzar taʼ Malakija kien f’dan l-istess perijodu taʼ żmien ġenerali, u l-profeta jgħidilna iżjed dwar in-nuqqas taʼ fedeltà taʼ Iżrael. Hu jniżżel bil-miktub il-kliem taʼ Jehovah lil Iżrael: “Jekk jien missier, fejn hu l-unur għalija? U jekk jien sid grandjuż, fejn hu l-biżaʼ minni?’ qalilkom Jehovah tal-armati, O qassisin li qegħdin tistmerru lil ismi.” X’kienet il-problema? Jehovah jispjega: “Meta tippreżentaw annimal għami għall-issagrifikar [tgħidu]: ‘M’hu xejn ħażin.’ U meta tippreżentaw annimal zopp jew wieħed marid [tgħidu]: ‘M’hu xejn ħażin.’”—Malakija 1:6-8.
16 B’dan il-mod grafiku, Malakija juri li fil-waqt li l-Iżraeliti kienu qegħdin iġibu l-offerti, il-kwalità fqira taʼ dawn uriet nuqqas taʼ rispett grass. Malakija kiteb ukoll: “Minn jiem missirijietkom tal-qedem intom tbigħedtu mir-regolamenti tiegħi u ma ħaristuhomx. Erġgħu lura lejja, u jien se nerġaʼ lura lejkom,’ qal Jehovah tal-armati.” L-Iżraeliti ma kinux jafu speċifikament x’kellhom jagħmlu, u għalhekk staqsew: “B’liema mod se nerġgħu lura?” Jehovah wieġeb: “Se jisraq il-bniedem tal-art lil Alla? Imma intom qegħdin tisirqu lili.” Iżrael kif setaʼ jisraq lil Jehovah, is-Sors taʼ kull għana? Jehovah wieġeb: “Fil-għexur u fil-kontribuzzjonijiet.” (Malakija 3:7, 8) Iva, billi naqsu li jġibu d-deċmi u l-offerti tagħhom, Iżrael kien qed jisraq lil Jehovah!
17. Id-deċmi u l-offerti liema għan qdew f’Iżrael, u Jehovah liema wegħda jagħmel rigward id-deċmi?
17 Dan l-isfond storiku juri l-importanza tad-deċmi u l-offerti f’Iżrael. Kienu turija taʼ apprezzament min-naħa tad-donatur. U kienu jgħinu fl-appoġġ tal-qima vera b’mod materjali. B’hekk, Jehovah issokta jinkuraġġixxi lil Iżrael: “Ġibu l-għexur kollha fil-maħżen.” Billi wera x’kien se jiġri jekk jagħmlu dan, Jehovah wiegħed: “Se . . . nbattal fuqkom barka sakemm m’hemmx iktar bżonn.” (Malakija 3:10) Il-barka taʼ Jehovah kienet se tagħmilhom għonja.
Iġġudikati mill-“Veru Mulej”
18. (a) Jehovah dwar il-miġja taʼ min iwissi? (b) Meta kien hemm miġja lejn it-tempju, min kien involut, u x’kien ir-riżultat għal Iżrael?
18 Jehovah permezz taʼ Malakija wissa wkoll li hu kien se jiġi biex jiġġudika lill-poplu tiegħu. “Ħares! Qiegħed nibgħat lill-messaġġier tiegħi, u jrid jiftaħ mogħdija quddiemi. U f’daqqa waħda se jiġi fit-tempju Tiegħu l-veru Mulej, li lilu intom qegħdin tfittxu, u l-messaġġier tal-patt li bih qegħdin titgħaxxqu. Ħares! Ċertament li se jiġi.” (Malakija 3:1) Meta seħħet il-miġja mwiegħda lejn it-tempju? F’Mattew 11:10, Ġesù kkwota l-profezija taʼ Malakija dwar messaġġier li kien se jipprepara t-triq u applikaha għal Ġwanni l-Għammied. (Malakija 4:5; Mattew 11:14) Mela fis-sena 29 E.K., iż-żmien għall-ġudizzju kien wasal! Min kien it-tieni messaġġier, il-messaġġier tal-patt li kien se jakkompanja lil Jehovah, “[i]l-veru Mulej,” lejn it-tempju? Ġesù nnifsu, u f’żewġ okkażjonijiet hu ġie fit-tempju f’Ġerusalemm u b’mod drammatiku naddfu, billi waddab ’il barra lis-sarrafa tal-flus diżonesti. (Mark 11:15-17; Ġwann 2:14-17) Rigward dan iż-żmien taʼ ġudizzju tal-ewwel seklu, Jehovah staqsa b’mod profetiku: “Min se joqgħod għall-jum tal-miġja tiegħu, u min se jkun dak li joqgħod wieqaf meta jidher hu?” (Malakija 3:2) Fil-fatt, Iżrael ma qagħadx wieqaf. Huma ġew spezzjonati, instabu nieqsa, u fis-sena 33 E.K., ġew imwarrbin għalkollox bħala l-ġens magħżul taʼ Jehovah.—Mattew 23:37-39.
19. Fdal b’liema mod irritorna lejn Jehovah fl-ewwel seklu, u liema barka rċevew?
19 Madankollu, Malakija kiteb ukoll: ‘Jehovah irid joqgħod bil-qiegħda bħal raffinatur u wieħed li jnaddaf il-fidda u jrid inaddaf lil ulied Levi; u jrid jiċċarahom bħad-deheb u bħall-fidda, u ċertament li se jsiru għal Jehovah poplu li qiegħed jippreżenta offerta tal-għotja fit-tjieba.’ (Malakija 3:3) Fi qbil maʼ dan, fil-waqt li l-biċċa l-kbira li kienu jistqarru li jaqdu lil Jehovah fl-ewwel seklu ġew imwarrbin għalkollox, xi wħud ġew imnaddfin u ġew għand Jehovah, billi offrew sagrifiċċji aċċettabbli. Min? Dawk li aċċettaw lil Ġesù, il-messaġġier tal-patt. F’Pentekoste tas-sena 33 E.K., 120 minn dawn l-uħud li aċċettaw kienu miġburin flimkien f’għorfa f’Ġerusalemm. Imsaħħin mill-ispirtu qaddis, huma bdew jippreżentaw offerta tal-għotja fit-tjieba u malajr bdew jiżdiedu fil-għadd. Ma damux ma nfirxu mal-Imperu Ruman kollu. (Atti 2:41; 4:4; 5:14) B’hekk, fdal irritorna lejn Jehovah.—Malakija 3:7.
20. Meta Ġerusalemm u t-tempju tagħha ġew meqrudin, Iżrael il-ġdid t’Alla xi ġralu?
20 Dan il-fdal taʼ Iżrael, li sar jinkludi Ġentili mlaqqmin, bħal li kieku, fiz-zokk tas-siġra taʼ Iżrael, kien “Iżrael [ġdid] t’Alla,” ġens ifformat minn Kristjani midlukin bl-ispirtu. (Galatin 6:16; Rumani 11:17) Fis-sena 70 E.K., “jum . . . jaqbad bħall-forn” ġie fuq Iżrael tal-laħam meta Ġerusalemm u t-tempju tagħha nqerdu mill-armati Rumani. (Malakija 4:1; Luqa 19:41-44) Xi ġralu l-Iżrael spiritwali t’Alla? Jehovah wera “mogħdrija lejhom, sewwa sew bħalma raġel juri mogħdrija lejn ibnu li qiegħed jaqdih.” (Malakija 3:17) Il-kongregazzjoni Kristjana midluka tat kas tat-twissija profetika taʼ Ġesù. (Mattew 24:15, 16) Huma baqgħu ħajjin, u l-barka taʼ Jehovah baqgħu tagħmilhom għonja spiritwalment.
21. X’mistoqsijiet jibqgħu dwar Malakija 3:1 u 10?
21 X’ivvindikar għal Jehovah! Malakija 3:1 kif, iżda, qed jitwettaq illum? U Kristjan kif għandu jirreaġixxi għall-inkuraġġiment f’Malakija 3:10 biex iġib id-deċmi kollha fil-maħżen? Dan se jiġi diskuss fl-artiklu li jmiss.
Tistaʼ Tispjega?
◻ Fl-aħħar mill-aħħar, min hu s-Sors tal-għana kollu?
◻ Il-prosperità spiritwali għala hi aħjar mill-għana materjali?
◻ Id-deċmi u l-offerti liema għan qdew f’Iżrael?
◻ Jehovah, “il-veru Mulej,” meta ġie fit-tempju biex jiġġudika lil Iżrael, u b’liema riżultat?
◻ Min irritorna lejn Jehovah wara li ġie fit-tempju tiegħu fl-ewwel seklu E.K.?