“Din l-Aħbar Tajba tas-Saltna Tiġi Pridkata”
“Din l-aħbar tajba tas-saltna tiġi pridkata fl-art abitata kollha bħala xiehda lill-ġnus kollha; u mbagħad jiġi t-tmiem.”—MATTEW 24:14.
Xi Tfisser: Il-kittieb tal-Evanġelju Luqa ddokumenta li Ġesù “beda jivvjaġġa minn belt għal belt u minn raħal għal raħal, jippriedka u jxandar l-aħbar tajba tas-saltna t’Alla.” (Luqa 8:1) Ġesù stess qal: ‘Irrid inxandar l-aħbar tajba tas-saltna t’Alla, għax għal dan intbgħatt.’ (Luqa 4:43) Hu bagħat lid-dixxipli tiegħu biex jippritkaw l-aħbar tajba fil-bliet u l-irħula u iktar tard qalilhom: “Tkunu xhieda tiegħi . . . sa l-iktar parti mbiegħda taʼ l-art.”—Atti 1:8; Luqa 10:1.
Din il-Karatteristika fil-Kristjani tal-Bidu: Id-dixxipli taʼ Ġesù ma ħlewx żmien biex jagħmlu dak li qalilhom Ġesù. “Kuljum fit-tempju u minn dar għal dar baqgħu jgħallmu u jxandru bla heda l-aħbar tajba dwar il-Kristu.” (Atti 5:42) L-ippritkar kien isir minn kull membru tal-kongregazzjoni, mhux minn grupp żgħir speċjali. L-istorjografu Neander osserva li “Ċelsu, l-ewwel kittieb kontra l-Kristjanità, iddieħaq bil-fatt li n-nissieġa, l-iskrapan, dawk li jippreparaw il-ġlud, l-iktar bnedmin illetterati u komuni, kienu predikaturi żelużi tal-evanġelju.” Fil-ktieb tiegħu (The Early Centuries of the Church), Jean Bernardi kiteb: “[Il-Kristjani] kellhom joħorġu u jitkellmu kullimkien u maʼ kulħadd. Fit-toroq u fil-bliet, fil-pjazez u fid-djar. Kemm jekk milqugħin jew le. . . . Sa truf l-art.”
Min Għandu Din il-Karatteristika Llum? Il-qassis Anglikan David Watson jikteb: “Il-fatt li l-knisja naqset milli tieħu l-ippritkar u t-tagħlim bis-serjetà hu raġuni waħda għat-telqa spiritwali ġenerali tal-lum.” Fil-ktieb tiegħu (Why Are the Catholics Leaving?), José Luis Pérez Guadalupe kiteb dwar l-attivitajiet tal-Evanġeliċi, l-Avventisti, u oħrajn u osserva li “huma ma jmorrux minn dar għal dar.” Dwar ix-Xhieda taʼ Ġeħova, hu kiteb: “Imorru b’mod sistematiku minn dar għal dar.”
Osservazzjoni interessanti u realistika minn Jonathan Turley tinsab f’pubblikazzjoni annwali (Cato Supreme Court Review, 2001-2002): “Semmi lix-Xhieda taʼ Ġeħova u l-biċċa l-kbira tan-nies mill-ewwel jaħsbu fi predikaturi li jżuruna fi djarna f’ħinijiet inkonvenjenti. Għax-Xhieda taʼ Ġeħova, li jipperswadu lin-nies minn bieb għal bieb ma jsirx biss biex javanzaw il-fidi tagħhom imma wkoll hu essenzjali għall-fidi tagħhom stess.”
[Kaxxa f’paġna 9]
Identifikajt il-Kristjanità Vera?
Meta nqisu l-iskritturi li ddiskutejna f’din is-serje t’artikli, min illum, taħseb int, qed jipprattika l-Kristjanità vera? Għalkemm hemm għaxriet t’eluf taʼ gruppi reliġjużi li jgħidu li huma Kristjani, żomm f’moħħok dak li Ġesù qal lis-segwaċi tiegħu: “Mhux kulmin jgħidli, ‘Mulej, Mulej,’ jidħol fis-saltna tas-smewwiet, imma min jagħmel ir-rieda taʼ Missieri li hu fis-smewwiet.” (Mattew 7:21) Li wieħed jidentifika lil dawk li qed jagħmlu r-rieda tal-Missier—u b’hekk għandhom il-karatteristiki tal-Kristjanità vera—u jassoċja magħhom, jistaʼ jwassal għal barkiet eterni taħt is-Saltna t’Alla. Nistidnuk tistaqsi lix-Xhieda taʼ Ġeħova, li ġabulek din ir-rivista, għal iktar informazzjoni dwar is-Saltna t’Alla u l-barkiet li se ġġib.—Luqa 4:43.