LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w91 3/15
  • Nibdlu n-Natura Umana

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Nibdlu n-Natura Umana
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Għerq tal-​Problema
  • In-​Natura Umana Mibdula!
  • “Ix-​Xitan tal-​Iskrittura”
  • Restorazzjoni
  • “Il-Kelma t’Alla hi Ħajja u Teżerċita Qawwa”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
  • Għala Nixjieħu u Mmutu?
    Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem
  • Għadu Tal-Ħajja Taʼ Dejjem
    Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art
  • “Il-Kelma t’Alla Hi Ħajja”
    Il-Bibbja—Il-Kelma tʼAlla jew tal-Bniedem?
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
w91 3/15

Nibdlu n-​Natura Umana

“IL-​BNEDMIN ma jgħixux biss billi jiġġieldu kontra affarijiet mill-​agħar,” qal il-​filosfu Sir Isaiah Berlin. “Igħixu b’miri pożittivi, individwali u kollettivi.” Imma kemm hemm li jistgħu jsibu “miri pożittivi” bħal dawn? Taʼ spiss wisq in-​natura umana tinġibed lejn dak li hu negattiv u qerriedi.

Fl-Ingilterra, per eżempju, atti kriminali vjolenti dan l-​aħħar żdiedu bi 11 fil-​mija. “Xogħolna,” qalet il-​prim ministru Ingliża, “hu li nippruvaw insibu kontrolli biex iċ-​ċiviltà l-​kbira tistaʼ tkompli sejra.” Imma jistgħu l-​liġijiet jew il-​pressjoni politika, huma kemm huma intenzjonati tajjeb, verament ibiddlu t-​tendenza tan-​nies biex jagħmlu dak li hu ħażin? Il-​fatt li l-​ksur tal-​liġi jeżisti u qed jiżdied minkejja l-​liġijiet, u saħansitra minkejja azzjoni soda biex tiġi mħarsa l-​liġi, jitkellem waħdu. Hemm bżonn xi ħaġa iktar minn kontrolli legali. In-​natura nfisha tan-​nies trid tinbidel.

Il-Bibbja, waqt li tieħu ħarsa onesta u reali tal-​ħajja, tiddeskrivi l-​karatteristiċi ħżiena tal-​bniedem. Per eżempju, l-​appostlu Pawlu kiteb lil sħabu l-​Kristjani f’Galatja dwar “azzjonijiet immorali, maħmuġin, u indiċenti . . . In-​nies isiru egħdewwa u jiġġieldu; isiru għajjurin, irrabjati, u . . . jgħiru, jiskru, ikollhom orġji, u jagħmlu affarijiet oħra bħal dawn.” Skond Today’s English Version, li ġiet ikkwotata hawn, dawn il-​prattiċi degradanti kollha huma “dak li tagħmel in-​natura umana.”—Galatin 5:19-21.

Il-​Għerq tal-​Problema

Today’s English Version, madankollu, hija traduzzjoni ħielsa u l-​espressjoni “dak li tagħmel in-​natura umana” hija sempliċement frażi li tixbah lil dak li Pawlu fil-​fatt qal. Il-​kelma Griega wżata minn Pawlu, sarx, tfisser “laħam,” mhux “natura umana.” Għal din ir-​raġuni, traduzzjonijiet litterali jitkellmu dwar “ix-​xogħlijiet tal-​laħam” biex jesprimu preċiz l-​espressjoni taʼ Pawlu fl-​ilsien modern tagħna.a

Ir-rakkont tal-​Bibbja dwar kif id-​dnub daħal fix-​xena umana hu ċar u sempliċi—fil-​fatt, tant hu sempliċi li ħafna nies jagħżlu li ma jemmnuhx. Dan hu kif jiddeskrivih Pawlu: “Permezz taʼ bniedem wieħed id-​dnub daħal fid-​dinja u l-​mewt permezz tad-​dnub, u b’hekk il-​mewt infirxet fuq il-​bnedmin kollha għaliex kollha kienu dinbu.” (Rumani 5:12) Pawlu qiegħed hawn jalludi għal Ġenesi, l-​ewwel ktieb tal-​Bibbja, u għall-​ħolqien tal-​ewwel raġel, Adam, u martu, Eva. Id-​diżubbidjenza apposta tagħhom hi magħrufa sew. Minħabba fiha, ġew issentenzjati għall-​mewt. In-​nisel tagħhom wirtu l-​imperfezzjonijiet tagħhom u mietu bl-​istess mod. Mela allura, “kollha dinbu u ma jilħqux il-​glorja t’Alla.” Għal din ir-​raġuni bażika, l-​iktar l-​iktar in-​natura umana llum hija riflessjoni mċajpra taʼ kif kienet meta Alla oriġinalment ħalaq lill-​bniedem perfett.—Rumani 3:23; Ġenesi, kapitli 2 u 3.

In-​Natura Umana Mibdula!

Huwa possibbli, madankollu, li negħlbu ħafna mill-​agħar karatteristiċi tan-​natura umana. Tabilħaqq, il-​Bibbja tgħid li nistgħu nbiddlu n-​natura tagħna fis-​sens taʼ li nbiddlu l-​personalità tagħna. Kif? Bil-​għajnuna tal-​ispirtu qaddis t’Alla.—Rumani 8:9.

Pawlu, fl-​ittra tiegħu lil sħabu l-​Kristjani ġewwa Kolossi, poġġieha hekk: “Inżgħu l-​personalità l-​qadima bil-​prattiċi tagħha, u tlibbsu bil-​personalità l-​ġdida, li permezz tal-​għarfien eżatt qiegħda tiġġedded skond ix-​xbiha taʼ Dak li ħalaqha.” Fost il-​prattiċi tal-​personalità l-​qadima, hu jagħti lista taʼ xi wħud mill-​karatteristiċi li jqanqlu lin-​nies biex jinġibdu lejn dak li hu qerriedi: ix-​xewqa li twaġġa’, il-​korla, ir-​rabja, u l-​ħażen.—Kolossin 3:5-10.

Billi jikteb b’mod simili lill-​Kristjani f’Efesu, Pawlu jerġaʼ jsemmi l-​ħtieġa għal “personalità ġdida,” li jgħidilhom li “nħolqot skond ir-​rieda t’Alla fit-​tjieba vera u l-​lealtà.” Hu jiżżviluppa d-​diskussjoni tiegħu billi jgħid: “Ħalli kull imrar malizzjuż u rabja u għadab u twerżieq u kliem t’abbuż jittieħed lil hinn minnkom flimkien maʼ kull ħażen. Imma siru qalbkom tajba maʼ xulxin, billi tagħdru b’tenerezza.”—Efesin 4:24, 31, 32.

Kien realistiku l-​kliem taʼ Pawlu? Jistgħu tassew jinbidlu l-​personalitajiet? Sewwa, l-​evidenza turi li dawk il-​Kristjani bikrin għamlu bidliet radikali f’ħajjithom. Bħala grupp taʼ nies, huma kienu differenti ferm mid-​dinja taʼ madwarhom. Ġustin Martri, kittieb tal-​istorja fi żminijiet Kristjani bikrin, kiteb: “Aħna li bgħadna u qridna lil xulxin, u, minħabba fid-​differenzi tal-​manjieri, irrifjutajna li ngħixu maʼ bnedmin taʼ tribù differenti, issa, mindu deher Kristu, ngħixu f’termini taʼ kuntatt familjari magħhom, u nitolbu għall-​egħdewwa tagħna, u nippruvaw nipperswadu lil dawk li jobogħduna bla m’għandhom għalfejn biex igħixu fi qbil mal-​preċetti perfetti taʼ Kristu.”

X’ingħidu għal-​lum? Huwa possibbli li jsiru bidliet radikali fin-​natura taʼ persuna? Iva! Għaxriet taʼ eluf taʼ eżempji juru li bidliet drammatiċi għadhom qed iseħħu. Dan li ġej huwa biss wieħed minnhom.

Stephen trabba f’wieħed miċ-​ċentri industrijali tal-​Ingilterra. Missieru ma kien jemmen b’xejn. Fl-​età taʼ 12-il sena, Stephen ġie ssentenzjat għal tliet snin fl-​abatija. Kien stqarr li ħa sehem f’64 serqa minn djar! Ma damx ma tilef kull rispett lejn l-​awtorità, u iktar ma kiber, l-​atti kriminali tiegħu saru iktar serji. Kienu jinkludu frodi, sokor, ksur tal-​bonordni u assalt fuq il-​pulizija, li għal din l-​aħħar offiża Stephen intbagħat il-​ħabs. In-​natura tiegħu saret vjolenti ferm. “Ma hemm ebda att kriminali li raġel taʼ mingħajr Alla mhux se jikkommetti jekk il-​bżonnijiet tiegħu huma kbar biżżejjed,” hu qal.

X’setaʼ jbiddel lil bniedem kriminali aħrax bħal dan? Stephen maż-​żmien aċċetta għajnuna mingħand ħuh li kien sar wieħed mix-​Xhieda taʼ Jehovah. Wara li studja l-​Bibbja għal perijodu qasir taʼ żmien, Stephen beda jilbes “personalità ġdida.” Il-​bidliet li għamel kienu verament drammatiċi. Issa, ħames snin wara, hu miżżewweġ hieni u membru responsabbli taʼ kongregazzjoni tax-​Xhieda taʼ Jehovah li fiha jaqdi bħala qaddej ministerjali.

Mela n-​natura umana tistaʼ tinbidel f’każi individwali. Imma huma d-​djufijiet umani l-​unika raġuni għat-​‘tifrik taċ-​ċiviltà’ illum?

“Ix-​Xitan tal-​Iskrittura”

L-​appostlu Pawlu kiteb profezija rimarkabbli dwar dawn “l-​aħħar jiem.” Kliemu jidher fil-​kaxxa f’paġna 5. Innota li ż-​żjieda fil-​vjolenza u fil-​ħażen iġġib “żminijiet kritiċi li iebes biex issib tarfhom.” Hi biss in-​natura umana li hi responsabbli għal dan kollu?—2 Timotew 3:1.

Le, hemm xi ħaġ’oħra, forza taʼ ħażen mill-​agħar li qed timmanipula d-​djufijiet umani. Sewwa sew bħalma n-​nies isibuha diffiċli li jemmnu li l-​bniedem għandu d-​dnub li ntiret, bl-​istess mod isibuha iebsa li jaċċettaw li hemm qawwa li hi superjuri għall-​bniedem u li tipprova timmanipulah. Imma l-​Bibbja tgħid li teżisti qawwa bħal din: Satana x-​Xitan.

Il-kelma “Xitan” (li tfisser, “kalunnjatur”) tidher 33 darba fil-​Bibbja, u “Satana” (li tfisser, “wieħed li jirreżisti”) 52 darba. Il-​biċċa l-​kbira taʼ dawn ir-​referenzi għandhom x’jaqsmu mal-​istess persuna spirtu mill-​agħar. Xi wħud, iżda, jiċħdu l-​eżistenza taʼ Satana persunali, billi jippreferu jgħidu: “In-​natura umana bil-​ġibda tagħha lejn id-​dnub hija x-​xitan tal-​Iskrittura.”b Interessanti, iżda, li fir-​rakkont dwar Ġob, il-​qaddej leali taʼ Jehovah, it-​test Ebrajk juża l-​espressjoni has-Sa·tan’, ix-​Xitan, u f’​Luqa 4:2, naqraw li kien ix-​Xitan (bil-Grieg, ho di·a’bo·los) li ttanta lil Ġesù. (Ġob 1:6) Fiż-​żewġ każi, persuna partikulari hija indikata grammatikament. In-​natura umana ma tidħolx fiha.

L-appostlu Pawlu jżid fil-​għarfien tagħna taʼ kemm hu qawwi Satana meta, fil-​kitba tiegħu lill-​Efesin, jitkellem dwar il-​“ħakkiema tad-​dinja taʼ dan id-​dlam, . . . [i]l-forzi tal-​ispirti mill-​agħar fl-​imkejjen tas-​sema.” (Efesin 6:12) Flimkien maʼ Satana x-​Xitan, dawk il-​“ħakkiema tad-​dinja” huma demonji, ħlejjaq spirti inviżibbli u mill-​agħar. Qegħdin ‘iqarrqu bl-​art abitata kollha,’ billi jisfruttaw kemm jifilħu l-​qagħda mwaqqaʼ tal-​bniedem. (Rivelazzjoni 12:9) Hu għal din ir-​raġuni li Pawlu jħeġġeġ bil-​qawwa lil kull Kristjan biex ‘iżomm sod kontra t-​tnassis tax-​Xitan.’ Huwa kawża prinċipali għat-​tħassir tal-​umanità li naraw madwarna.—Efesin 6:11.

Restorazzjoni

Pietru, li għex fi żmien Pawlu, jassigurana li Satana u d-​demonji tiegħu m’humiex se jkunu hawn għal dejjem biex jieklu minn fuq il-​bnedmin. Hu jgħid: “Hemm smewwiet ġodda u art ġdida li aħna qegħdin nistennew skond il-​wegħda tiegħu, u f’dawn għandha tgħammar it-​tjieba.” (2 Pietru 3:13) Tabilħaqq, dalwaqt issa, il-​ħażen fil-​manifestazzjonijiet kollha tiegħu mhux se jkun iktar parti mix-​xena umana. Satana u d-​demonji tiegħu se jinqerdu. (Rumani 16:20; Rivelazzjoni 20:1-3) Imbagħad, tabilħaqq, in-​natura umana se tirrifletti “l-​glorja t’Alla,” bil-​ħajja taʼ dejjem bħala l-​prospett fiż-​żgur għall-​familja umana.—Rumani 3:23.

“Jien dejjem għedt u dejjem se ngħid,” stqarr il-​president Amerikan Thomas Jefferson, “li l-​użu bi studju tal-​Volum Sagru se jagħmel ċittadini aħjar . . . Il-​Bibbja tagħmel l-​aqwa nies fid-​dinja.” Bħalma rajna, in-​natura tagħna tistaʼ tinbidel jekk nagħtu ċans lill-​messaġġ qawwi tal-​Bibbja biex jinfluwenza lill-​ħajjiet tagħna. (Rumani 12:2) Nistgħu nagħżlu li nixxabbtu biex inħaddnu dak li hu nobbli u minn Alla. U biex isaħħaħna fl-​isforz tagħna biex nitjiebu, nistgħu nagħżlu li nassoċjaw maʼ dawk li sinċerament iridu li jagħmlu l-​istess ħaġa. (Ebrej 10:24, 25) Ix-​Xhieda taʼ Jehovah lesti li jgħinuk b’kull mod possibbli. Għax ma tikkuntattjahomx issa!

[Noti taʼ taħt]

a Qabbel: New World Translation of the Holy Scriptures; The Holy Bible, minn Robert Young; The Emphasised Bible, minn Joseph B. Rotherham; The Holy Bible in Modern English, minn Ferrar Fenton; The Modern Reader’s Bible, minn Richard G. Moulton.

b Stqarrija uffiċċjali taʼ twemmin tal-​Kristadelfjaniżmu, setta tal-​Kristjaneżmu.

[Kaxxa f’paġna 5]

“L-​AĦĦAR JIEM” Id-​Deskrizzjoni tal-​Bibbja

Imma kun af dan, li fl-​aħħar jiem se jkun hawn żminijiet kritiċi li iebes biex issib tarfhom. Għax in-​nies se jkunu jħobbu lilhom infsuhom, iħobbu l-​flus, faħħarin, kburin, midgħajja, ma jobdux mill-​ġenituri, ma jroddux ħajr, m’humiex leali, m’għandhom ebda affezzjoni naturali, mhux lesti li jiftehmu, kalunnjaturi, bla rażan, feroċi, mingħajr imħabba għat-​tjieba, tradituri, rashom iebsa, minfuħin bil-​kburija, iħobbu l-​pjaċiri minflok iħobbu ’l Alla, għandhom għamla taʼ devozzjoni lejn Alla imma juru li huma foloz għall-​qawwa tagħha; u minn dawn warrab.”—2 Timotew 3:1-5.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja