Se Żżommha l-Integrità Tiegħek?
KEMM mietu għasafar tal-bejt il-bieraħ? Ħadd ma jaf, u wisq probabbli ftit huma n-nies li jimpurtahom—hemm wisq għasafar. Madankollu, Jehovah jimpurtah. Billi rrefera għal dawn l-għasafar insinifikanti, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Anqas wieħed minnhom ma jaqaʼ fl-art mingħajr ir-rieda taʼ missierkom.” Hu kompla: “Xejn la tibżgħu; intom aqwa minn ħafna għasafar tal-bejt.”—Mattew 10:29, 31.
Iktar tard id-dixxipli fehmu iktar biċ-ċar kemm kien jistmahom Jehovah. Wieħed minnhom, l-appostlu Ġwanni, kiteb: “B’dan dehret l-imħabba taʼ Alla fina, għax Alla bagħat lil Ibnu l-waħdieni fid-dinja, biex ngħixu bih.” (1 Ġwann 4:9) Jehovah mhux biss jipprovdi l-fidwa imma wkoll jaċċerta lil kull qaddej tiegħu li: “Jien m’iniex se nħallik, anqas nitilqek.”—Lhud 13:5.
Jidher ċar li l-imħabba li għandu Jehovah lejn in-nies tiegħu hija waħda soda. Madankollu, tqum il-mistoqsija, ‘Aħna marbutin daqshekk maʼ Jehovah li qatt ma se nitilquh?’
L-Isforzi taʼ Satana biex Ikissrilna l-Integrità
Meta Jehovah ġibed l-attenzjoni taʼ Satana lejn il-mod taʼ kif Ġob kien qed jgħix ħajja taʼ integrità, Satana wieġeb: “Se jqimek Ġob jekk ma jikseb xejn minn dan?” (Ġob 1:9, Today’s English Version) Hu insinwa li l-lealtà tal-bnedmin lejn Alla kienet tiddependi b’mod esklużiv minn ‘dak li jistgħu jiksbu minnha.’ Kieku dan kien minnu, l-integrità taʼ kwalunkwe Kristjan setaʼ jsir kompromess minnha—bil-patt li l-offerta kienet taʼ tentazzjoni kbira.
Fil-każ taʼ Ġob, Satana lewwel allega li jekk Ġob jitlef dak kollu li kellu għal qalbu, il-lealtà tiegħu lejn Alla kienet se tgħib. (Ġob 1:10, 11) Meta dan l-insult ma rnexxiex, Satana allega: “Bniedem jagħti kulma jkollu sabiex jibqaʼ ħaj.” (Ġob 2:4, TEV) Għalkemm dak li qal Satana jistaʼ jkun veru għal xi wħud, Ġob irrifjuta li jikkomprometti l-integrità tiegħu. Ir-rekord storiku juri dan. (Ġob 27:5; 42:10-17) Għandek int lealtà simili? Jew se tħalli lil Satana jkissirlek l-integrità? Aħseb dwarek innifsek waqt li neżaminaw xi veritajiet li jinvolvu lil kull Kristjan.
L-appostlu Pawlu kien jemmen li l-lealtà Kristjana vera tistaʼ tkun qawwija ferm. Hu kiteb: “Jiena żgur li la l-mewt u la l-ħajja, . . . la ż-żmien t’issa u la taʼ li ġej, . . . u ebda ħliqa oħra ma jistgħu qatt jifirduna mill-imħabba taʼ Alla li dehret fi Kristu Ġesù Sidna.” (Rumani 8:38, 39) Aħna jistaʼ jkollna l-istess tip taʼ konvinzjoni jekk l-imħabba li għandna lejn Jehovah hija qawwija. Imħabba bħal din hija rabta li ma tistax titkisser u li lanqas il-mewt ma tistaʼ tirbaħha.
Jekk ikollna relazzjoni bħal din m’Alla, qatt m’aħna se nistaqsu, ‘Minn hawn u ftit snin oħra se nkun għadni naqdi lil Jehovah?’ Inċertezza bħal din kieku turi li l-lealtà tagħna lejn Alla tiddependi minn dak li jistaʼ jiġrilna matul ħajjitna. L-integrità vera ma tiġix effettwata minn ċirkustanzi esterni. Tiddependi mix-xorta taʼ persuna li aħna minn ġewwa. (2 Korintin 4:16-18) Jekk inħobbu lil Jehovah b’qalbna kollha, qatt m’aħna se niddiżappuntawh.—Mattew 22:37; 1 Korintin 13:8.
Madankollu, irridu niftakru li Satana qiegħed il-ħin kollu jipprova jkissrilna l-integrità. Hu jistaʼ jħajjarna naqgħu għall-ġibdiet tal-ġisem, iġagħalna nċedu għall-pressjoni minn taʼ mparna, jew iġib fuqna xi għawġ li jistaʼ jġagħalna nitilqu mill-verità. Id-dinja mbiegħda minn Alla hija l-alleata prinċipali taʼ Satana f’dan l-attakk, għalkemm l-imperfezzjonijiet tagħna jistgħu jagħmluhielu iktar faċli biex ikissrilna l-integrità. (Rumani 7:19, 20; 1 Ġwann 2:16) Minkejja dan, aħna għandna diversi vantaġġi f’din it-taqbida, l-iktar wieħed il-fatt li aħna nafu xi ħsibijiet għandu Satana.—2 Korintin 2:11.
X’inhuma l-ħsibijiet taʼ Satana? Pawlu spjegahom fl-ittra li kiteb lill-Efesin bħala “tnassis,” jew atti makakki.a (Efesin 6:11) Satana jpoġġi ħsibijiet makakki fil-mogħdija tagħna biex ikissrilna l-integrità. Inħossuna grati ħafna li nistgħu nagħrfu dawn l-atti makakki, ladarba l-metodi tax-Xitan huma mniżżlin għalina fil-Kelma t’Alla. L-isforzi taʼ Satana biex jipprova jkisser l-integrità taʼ Ġesù u taʼ Ġob jagħtu eżempju taʼ xi modi kif hu jipprova jkissrilna l-integrità Kristjana.
L-Integrità taʼ Ġesù Ma Setgħetx Titkisser
Fil-bidu tal-ministeru taʼ Ġesù, Satana kellu l-wiċċ tost jittanta lill-Iben t’Alla billi sfidah biex ibiddel ġebla f’ħobż. Kemm hu makakk! Ġesù kien ilu ma jiekol għal 40 ġurnata, u għalhekk bla dubju taʼ xejn kellu ħafna ġuħ. (Luqa 4:2, 3) Satana ssuġġerixxa li Ġesù kellu jissodisfa x-xewqa naturali tiegħu immedjatament, xi ħaġa li kienet kontra r-rieda taʼ Jehovah. Bl-istess mod illum, il-propaganda tad-dinja tinkuraġġixxi lil dak li jkun biex jissodisfa x-xewqat tiegħu minnufih, mingħajr ma joqgħod jaħseb dwar x’jistgħu jkunu l-konsegwenzi. Il-messaġġ hu, ‘Jixraq li tkun tiegħek issa,’ jew sempliċement, ‘Aqbad u agħmilha!’
Kieku Ġesù ssodisfa l-ġuħ li kellu mingħajr ma qies il-konsegwenzi, Satana kien jirnexxilu jġiegħel lil Ġesù jikkomprometti l-integrità tiegħu. Ġesù kien iħares lejn l-affarijiet b’ħarsa spiritwali, u hu wieġeb b’mod sod: “Hemm miktub li ‘l-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix.’”—Luqa 4:4; Mattew 4:4.
Imbagħad, Satana biddel it-tattika tiegħu. Waqt li uża ħażin l-Iskrittura, minfejn Ġesù kien qed jikkwota, ix-Xitan inkuraġġixxa lil Ġesù biex jinxteħet għal isfel mill-quċċata tat-tempju. ‘Anġlu se jkollu jieħu ħsiebek sew,’ sostna Satana. Ġesù ma kellu l-ebda ħsieb li jistaqsi għall-protezzjoni mirakoluża minn Missieru sempliċement biex jiġbed l-attenzjoni fuqu nnifsu. “‘Iġġarrabx lill-Mulej, Alla tiegħek,’” qallu Ġesù.—Mattew 4:5-7; Luqa 4:9-12.
L-aħħar tattika li uża Satana kienet iktar diretta. Hu pprova jasal għal ftehim maʼ Ġesù billi offrielu d-dinja kollha u l-glorja tagħha biex jadurah. Prattikament, dan kien kulma kellu x’joffri Satana. Imma Ġesù kif setaʼ jadura lill-għadu prinċipali taʼ Missieru? Xi ħaġa li lanqas biss għaddietlu minn moħħu! “‘Lill-Mulej, Alla tiegħek, għandek tadura, u lilu biss taqdi,’” wieġeb Ġesù.—Mattew 4:8-11; Luqa 4:5-8.
Wara li dawk it-tliet provi kienu fallew, Satana ‘telaq minn ħdejn [Ġesù] sa ma wasal il-waqt.’ (Luqa 4:13) Dan jindika li Satana kien il-ħin kollu għassa għal xi opportunità biex jgħaddi minn prova l-integrità taʼ Ġesù. Ħin konvenjenti biex jagħmel dan ġie madwar sentejn u nofs wara meta Ġesù beda jipprepara lid-dixxipli tiegħu għall-mewt imminenti tiegħu. L-appostlu Pietru qal: “Allaħares, Mulej! Ma jkun qatt li dan jgħaddi minn għalik!”—Mattew 16:21, 22.
Setaʼ dan il-parir b’intenzjoni tajba imma żbaljat jogħġob lil Ġesù ladarba kien ġej minn wieħed mid-dixxipli tiegħu? Ġesù rrikonoxxa mill-ewwel li dan il-kliem kien jirrifletti x-xewqat taʼ Satana, u mhux taʼ Jehovah. Kristu wieġeb b’mod sod: “Itlaq minn quddiemi, ja xitan! Int tfixkil għalija, għax m’intix tqis il-ħwejjeġ taʼ Alla, imma qiegħed taħsibha taʼ bniedem li int!”—Mattew 16:23.
Minħabba l-imħabba kostanti li Ġesù għandu lejn Jehovah, Satana ma kienx kapaċi jkisser l-integrità taʼ Ġesù. Xejn minn dak li setaʼ joffri x-Xitan, u l-ebda prova, kienet kemm kienet ħarxa, ma setgħu jdgħajfu l-lealtà li Ġesù kellu lejn Missieru tas-sema. Meta ċ-ċirkustanzi jagħmluhielna diffiċli li nżommu l-integrità tagħna, se jkollna aħna l-istess tip taʼ determinazzjoni? L-eżempju taʼ Ġob se jgħinna biex nifhmu aħjar l-isfidi li nistgħu niffaċċjaw.
Lealtà Meta Niffaċċjaw l-Avversità
Bħalma induna Ġob, l-avversità tistaʼ tiġi fuqna fi kwalunkwe ħin. Hu kien raġel miżżewweġ hieni b’għaxart itfal u kellu rutina spiritwali tajba. (Ġob 1:5) Imma bla ma kien jaf Ġob, l-integrità tiegħu lejn Alla kienet saret kontroversja fil-qorti tas-sema, u Satana kien determinat li jkisser bi kwalunkwe mod l-integrità taʼ Ġob.
Ġob malajr tilef il-ġid materjali kollu li kellu. (Ġob 1:14-17) Minkejja dan, l-integrità taʼ Ġob irreżistietha l-prova għax hu qatt ma kien ittama fil-flus. Hu u jiftakar fiż-żmien meta kien għani, Ġob qal: “Qatt għedt lid-deheb: ‘Inti t-tama tiegħi’? [Kieku] fraħt xi darba bil-kotra taʼ ġidi, . . . [kien ikun] delitt . . . talli nkun ċħadt ’l Alla li jsaltan fl-għoli.”—Ġob 31:24, 25, 28.
Illum, huwa possibbli wkoll li f’daqqa waħda nitilfu dak kollu li għandna. Wieħed negozjant li hu Xhud taʼ Jehovah daħqu bih meta ħadulu somma enormi taʼ flus, u minħabba f’hekk, kważi falla. Hu jammetti b’mod sinċier: “Kważi tani attakk f’qalbi. Fil-fatt, naħseb kien jagħtini wieħed kieku ma kinitx ir-relazzjoni li għandi maʼ Jehovah. Minkejja dan, din l-esperjenza ġagħlitni nirrealizza li l-valuri spiritwali ma kinux l-ewwel f’ħajti. L-entużjażmu li kelli biex nagħmel ħafna flus tefaʼ fid-dell l-affarijiet l-oħrajn kollha.” Minn dak inhar ’l hawn, dan ix-Xhud naqqas għal minimu l-attività tan-negozju tiegħu, u hu jaqdi b’mod regulari bħala pijunier awżiljarju, billi jqattaʼ 50 siegħa jew iktar kull xahar fil-ministeru Kristjan. Madankollu, problemi oħrajn jistgħu jkunu iktar qerrieda milli dak li jkun jitlef ġidu kollu.
Ġob bilkemm kienet għadha niżlitlu l-aħbar li tilef il-ġid kollu tiegħu meta waslitlu l-kelma li kienu mitulu l-għaxart itfal tiegħu. Hu baqaʼ jsostni: “Ikun imbierek isem il-Mulej.” (Ġob 1:18-21) Jekk f’daqqa waħda nitilfu diversi membri tal-familja tagħna, se nibqgħu nżommuha l-integrità tagħna? Francisco, indokratur Kristjan fi Spanja, tilef żewġt itfal f’inċident traġiku fuq xarabank. Hu sab il-faraġ billi resaq iktar qrib taʼ Jehovah u żied l-attività tiegħu fil-ministeru Kristjan.
Anki wara x-xokk li ħa meta tilef lit-tfal tiegħu, l-esperjenza ħarxa taʼ Ġob kien għad fadlilha biex tispiċċa. Satana laqtu b’marda orribbli taʼ wġigħ kbir. F’dak il-mument, Ġob irċieva parir ħażin minn martu. “Isħet ’l Alla u mut!” ħeġġitu hi. Ġob ma tax kas il-parir tagħha u “ma dinibx b’xufftejh.” (Ġob 2:9, 10) L-integrità tiegħu ma kinitx tiddependi mill-appoġġ emozzjonali tal-familja tiegħu, iżda mir-relazzjoni persunali tiegħu maʼ Jehovah.
Flora, li żewġha u binha l-kbir abbandunaw it-triq Kristjana iktar minn għaxar snin ilu, tifhem dak li bilfors ħass Ġob. “Meta f’daqqa waħda titlef l-appoġġ tal-familja tiegħek, tistaʼ tgħaddi minn trawma,” tammetti hi. “Iżda kont naf li ma kontx se nsib il-ferħ jekk ma nibqax fl-organizzazzjoni taʼ Jehovah. Għalhekk, waqaft soda u poġġejt lil Jehovah fl-ewwel post f’ħajti waqt li għamilt ħilti kollha biex inkompli nkun mara u omm tajba. Tlabt il-ħin kollu, u Jehovah saħħaħni. Jien persuna ferħana għax, minkejja l-oppożizzjoni determinata taʼ żewġi, tgħallimt niddependi kompletament fuq Jehovah.”
Pjan ieħor li Satana kien se juża biex ikisser l-integrità taʼ Ġob kien jinvolvi t-tlett iħbieb taʼ Ġob. (Ġob 2:11-13) Kemm bilfors li kien taʼ niket meta bdew jikkritikawh! Kieku emmen l-argumenti tagħhom, kien jitlef il-fiduċja li kellu f’Alla Jehovah. Il-parir skuraġġanti tagħhom setaʼ jkisser l-ispirtu u l-integrità tiegħu, u b’hekk il-pjan taʼ Satana kien se jirnexxi.
Minflok, Ġob insista: “Sa ma mmut ma nwarrabx minni l-integrità tiegħi!” (Ġob 27:5, KŻ) Hu ma qalx, ‘Ma nħallikomx twarrbu minni l-integrità tiegħi!’ Ġob kien jaf li l-integrità tiegħu kienet tiddependi minnu u mill-imħabba li kellu lejn Jehovah.
Manuvra Qadima biex Tinqabad Priża Ġdida
Satana għadu juża l-parir żbaljat jew il-kummenti bla ħsieb mingħand ħbiebna u sħabna Kristjani. Skuraġġiment li jiġi minn ġewwa l-kongregazzjoni jistaʼ jdgħajfilna l-morali iktar faċilment milli tistaʼ tagħmel il-persekuzzjoni li tkun ġejja minn barra l-kongregazzjoni. Anzjan Kristjan li kien esperjenza l-gwerra waqt li kien suldat għamel kuntrast bejn il-gwerra u l-uġigħ li ħass minħabba kliem bla ħsieb u azzjonijiet mingħand sħabu Kristjani. Dwar dawn taʼ l-aħħar, hu qal: “Hija l-iktar ħaġa diffiċli li qatt esperjenzajt.”
Mill-banda l-oħra, nistgħu nsiru tant skurmentati bl-imperfezzjonijiet taʼ sħabna fit-twemmin li ma nibqgħux inkellmu lil xi wħud minnhom jew saħansitra ma nibdewx immorru għal-laqgħat Kristjani. Il-fatt li nfarrġu lilna nfusna jistaʼ jidher li hu l-iktar ħaġa importanti. Imma kemm hu taʼ swied il-qalb li naraw sa mneħirna u nħallu l-iktar ħaġa prezzjuża li għandna—ir-relazzjoni tagħna maʼ Jehovah—tiddgħajjef b’dak li jistaʼ jagħmel jew jgħid ħaddieħor. Jekk inħallu dan jiġri, inkunu qegħdin naqgħu bħala priża taʼ Satana għal waħda mill-manuvri qodma tiegħu.
Bi dritt, infittxu livelli għoljin fil-kongregazzjoni Kristjana. Iżda jekk nistennew iżżejjed minn sħabna fit-twemmin, li huma imperfetti, żgur li se noħorġu diżappuntati. B’kuntrast, Jehovah hu realistiku f’dak li jirrikjedi mill-qaddejja tiegħu. Jekk nimitaw l-eżempju tiegħu, se nkunu kapaċi nissaportu l-imperfezzjonijiet tagħhom. (Efesin 4:2, 32) L-appostlu Pawlu ta dan il-parir: “Jekk int irrabjat, tħallix ir-rabja twasslek biex tagħmel dnub; tħallix inżul ix-xemx isibek għadek irrabjat; tħallix fiex iqabbad difrejh ix-xitan.”—Efesin 4:26, 27, The New English Bible.
Bħalma turi b’mod ċar il-Bibbja, Satana juża varjetà kbira taʼ attakki makakki bil-ħsieb li jiskopri—jekk jistaʼ—il-mod kif ikisser l-integrità taʼ Kristjan. Xi ftit mill-manuvri tiegħu huma sbieħ għall-ġisem midneb, oħrajn huma sors taʼ tbatija. Minn din id-diskussjoni, tistaʼ tara għala qatt m’għandek tinqabad fuq sieq waħda. Bl-imħabba li għandek lejn Jehovah soda ġo qalbek, kun determinat li turi li x-Xitan huwa giddieb u ferraħ lil qalb Jehovah. (Proverbji 27:11; Ġwann 8:44) Ftakar li l-integrità vera taʼ Kristjan ma trid qatt tiġi f’kompromess, hi x’inhi l-prova li tiġi fuqna.
[Nota taʼ taħt]
a L-istudjuż tal-Bibbja W. E. Vine jgħid li l-kelma Griega oriġinali tistaʼ tiġi tradotta wkoll “ħsieb makakk.”