X’Tiftakar?
Ħadt gost taqra l-ħarġiet reċenti taʼ It-Torri taʼ l-Għassa? Mela, ara jekk tistax twieġeb dawn il-mistoqsijiet li ġejjin:
• X’inhi l-empatija, u l-Kristjani għala għandhom jikkultivawha?
Hi l-abbiltà li npoġġu lilna nfusna fis-sitwazzjoni taʼ ħaddieħor, bħal per eżempju li nħossu l-uġigħ tal-persuna l-oħra f’qalbna. Il-Kristjani jingħataw il-parir biex ‘iħossu għal xulxin, jinħabbu bħal aħwa b’qalb ħanina u umli.’ (1 Pietru 3:8) Jehovah tana eżempju biex insegwuh meta niġu biex nuru l-empatija. (Salm 103:14; Żakkarija 2:12 [2:8, NW]) Aħna nistgħu ntejbu s-sensittività tagħna f’dan ir-rigward billi nagħtu widen, nosservaw, u nimmaġinaw.—4/15, paġni 24-6.
• Sabiex niksbu l-ferħ veru, għala għandu l-fejqan spiritwali jiġi qabel is-soluzzjoni finali għad-diżabilitajiet fiżiċi?
Ħafna nies li huma f’saħħithom fiżikament m’humiex henjin għax m’għandhomx soluzzjoni għall-problemi tagħhom. Mill-banda l-oħra, ħafna Kristjani li llum għandhom xi diżabilità fiżika qegħdin jaqdu lil Jehovah b’ferħ kbir. Dawk li qed igawdu fejqan spiritwali għandhom l-opportunità li jesperjenzaw it-tneħħija tad-diżabilitajiet fiżiċi fid-dinja l-ġdida.—5/1, paġni 6-7.
• Lhud 12:16 għala jqabbel lil Għesaw maʼ wieħed żieni?
Ir-rakkont tal-Bibbja juri li l-attitudni mentali taʼ Għesaw kienet iffokata fuq il-premjijiet immedjati u disprezz lejn l-affarijiet sagri. Jekk xi ħadd illum iħalli jiżviluppa dan it-tip taʼ mentalità, dan jistaʼ jwassal għal dnub serju, bħall-fornikazzjoni.—5/1, paġni 10-11.
• Min kien Tertuljanu, u għal xiex inhu magħruf?
Hu kien kittieb u teologu li għex fit-tieni u t-tielet seklu E.K. Hu baqaʼ magħruf għax-xogħlijiet letterarji li pproduċa biex jiddefendi l-hekk imsejħa Kristjanità. Meta ta d-difiża tiegħu, hu introduċa ideat u konċetti filosofiċi li pprovdew il-bażi għal duttrini korrotti, bħat-Trinità.—5/15, paġni 29-31.
• Il-ġenetika għala mhix responsabbli għalkollox għall-mard, l-imġiba, u l-mewt tal-bniedem?
Ix-xjenzati kkonkludew li evidentement hemm raġunijiet ġenetiċi għal ċertu mard, u xi wħud jemmnu li l-imġiba hi determinata mill-ġeni tagħna. Madankollu, il-Bibbja tagħtina dehen dwar l-oriġini tal-bniedem, inkluż kif id-dnub u l-imperfezzjoni bdew jifilġu lill-umanità. Filwaqt li l-ġeni jistaʼ jkollhom sehem biex jifformaw il-personalitajiet tagħna, l-imperfezzjoni tagħna u l-ambjent taʼ madwarna wkoll għandhom influwenza kbira.—6/1, paġni 9-11.
• Il-framment tal-papiru li nstab f’Oksirinku, fl-Eġittu, kif jixħet dawl fuq l-użu taʼ l-isem t’Alla?
Dan il-framment taʼ Ġob 42:11, 12 mis-Settanta Griega jinkludi t-Tetragrammaton (l-erbaʼ ittri Ebrajċi taʼ l-isem t’Alla). Din hi evidenza oħra li l-isem t’Alla bl-Ebrajk deher fis-Settanta, li taʼ spiss il-kittieba taʼ l-Iskrittura Griega Kristjana kkwotaw minnha.—6/1, paġna 30.
• L-avvenimenti vjolenti u qattiela tal-gladjaturi taʼ l-Imperu Ruman ġew imqabblin maʼ liema sports taʼ llum li għalih jattendu ħafna spettaturi?
Esibizzjoni li saret dan l-aħħar fil-Kolossew taʼ Ruma, fl-Italja, issuġġeriet xebh modern billi ntwerew partijiet minn filmati taʼ ġlied mal-barrin, boxing professjonali, tlielaq tal-karozzi u tal-muturi, u ġlied bejn l-ispettaturi taʼ avvenimenti sportivi oħrajn taʼ llum. Il-Kristjani tal-bidu ħadu bis-serjetà l-fatt li Jehovah la jħobb il-vjolenza u lanqas lil uħud vjolenti, u l-Kristjani taʼ llum għandhom jagħmlu l-istess. (Salm 11:5)—6/15, paġna 29.
• Hekk kif inħabirku biex insiru għalliema effettivi, x’nistgħu nitgħallmu mill-eżempju taʼ Esdra?
Esdra 7:10 jiġbed l-attenzjoni lejn erbaʼ affarijiet li għamel Esdra, affarijiet li nistgħu nħabirku biex nimitawhom. Jgħid hekk: “Esdra kien [1] ingħata minn qalbu [2] għall-istudju tal-Liġi tal-Mulej, [3] għall-osservanza tagħha, u [4] għat-tagħlim tad-digrieti u l-preċetti tagħha lil Iżrael.” (Korsiv tagħna.)—7/1, paġna 20.
• F’liema żewġ oqsma t’attività jkun xieraq li mara Kristjana tgħatti rasha?
L-ewwel, meta jinqalgħu sitwazzjonijiet fil-familja. Il-fatt li tgħatti rasha jirrifletti li hi tirrikonoxxi li r-raġel tagħha huwa responsabbli biex jieħu t-tmexxija fit-talb u t-tagħlim Bibliku. It-tieni, fejn jidħlu attivitajiet tal-kongregazzjoni, fejn hi tirrikonoxxi li l-aħwa rġiel mgħammdin huma awtorizzati Skritturalment biex jgħallmu u jidderieġu. (1 Korintin 11:3-10)—7/15, paġni 26-7.
• Il-Kristjani għala jirrikonoxxu li l-joga tinvolvi iktar minn sempliċi eżerċizzju u hija taʼ periklu?
L-iskop tal-joga bħala dixxiplina huwa li jwassal lil persuna biex issir ħaġa waħda maʼ spirtu sovruman. Kuntrarju għad-direzzjoni t’Alla, il-joga tinvolvi li l-attività spontanja tal-moħħ tieqaf. (Rumani 12:1, 2) Il-joga tistaʼ tesponi lil dak li jkun għall-perikli taʼ l-ispiritiżmu u l-okkult. (Dewteronomju 18:10, 11)—8/1, paġni 20-2.