LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w03 2/1 pp. 18-23
  • ‘Agħmlu Ħafna Frott’

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • ‘Agħmlu Ħafna Frott’
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Opportunità għal Tkabbir
  • Il-​Frott tal-​Kwalitajiet Kristjani
  • Nagħmlu l-​Frott tas-​Saltna
  • Nagħmlu l-​Frott Billi Nxerrdu ż-​Żerriegħa tas-​Saltna
  • Nagħtu l-​Aqwa Tagħna għall-​Glorja t’Alla
  • Biex Inxandru u biex Ngħallmu
  • L-​Interess Persunali Jagħmel Differenza
  • Ġeħova jħobb lil dawk li “jagħtu l-frott bis-sabar”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2018
  • Komplu ‘Agħtu Ħafna Frott’
    Il-Ministeru tas-Saltna—2007
  • Jagħtu l-frott bħala friegħi u jkunu ħbieb taʼ Ġesù
    Ġesù—It-triq, il-verità, u l-ħajja
  • Gawdi Affarijiet Tajbin Minħabba x-Xogħol Iebes Tiegħek
    Il-Ministeru tas-Saltna—2012
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
w03 2/1 pp. 18-23

‘Agħmlu Ħafna Frott’

“Intom tagħmlu ħafna frott u tkunu dixxipli tiegħi.”—ĠWANN 15:8.

1. (a) Liema hi l-​ħtieġa li Ġesù tkellem dwarha maʼ l-​appostli tiegħu għal min irid ikun dixxiplu? (b) Liema mistoqsija rridu nistaqsu lilna nfusna?

KIENET il-​lejla taʼ qabel mewtu. Ġesù kien ħa ħafna ħin biex jinkuraġġixxi lill-​appostli tiegħu matul diskussjoni intima li kellu magħhom. Sa issa, wisq probabbli kien qabeż nofs il-​lejl, iżda Ġesù, imqanqal mill-​imħabba għall-​ħbieb tal-​qalb tiegħu, kompla jitkellem. Imbagħad, waqt il-​konversazzjoni tiegħu, hu fakkarhom dwar ħtieġa importanti oħra li kellhom jilħqu sabiex jibqgħu dixxipli tiegħu. Hu qal: “Din hi l-​glorja taʼ Missieri, li intom tagħmlu ħafna frott u tkunu dixxipli tiegħi.” (Ġwann 15:8) Aħna llum nilħqu din il-​ħtieġa taʼ li nkunu dixxipli? Xi jfisser li ‘nagħmlu ħafna frott’? Biex inkunu nafu, ejja nkomplu nikkunsidraw il-​konversazzjoni taʼ dik il-​lejla.

2. Liema tixbiha dwar il-​frott jirrakkonta Ġesù fil-​lejla qabel ma miet?

2 Il-​parir li nagħmlu l-​frott jagħmel parti minn tixbiha li Ġesù qal lill-​appostli tiegħu. Hu qal: “Jiena d-​dielja vera u Missieri l-​bidwi. Kull fergħa fija li ma tagħmilx frott jaqtagħha; u kull waħda li tagħmel il-​frott jiżborha u jnaddafha, biex tagħmel frott aktar. Intom ġa ndaf minħabba l-​kelma li għedtilkom. Ibqgħu fija, u jiena nibqaʼ fikom. Kif il-​fergħa ma tistax tagħmel frott minnha nfisha jekk ma tibqax fid-​dielja, hekk anqas intom jekk ma tibqgħux fija. Jiena d-​dielja, intom il-​friegħi. . . . Din hi l-​glorja taʼ Missieri, li intom tagħmlu ħafna frott u tkunu dixxipli tiegħi. Kif ħabbni Missieri, hekk ħabbejtkom jiena. Ibqgħu fl-​imħabba tiegħi. Jekk tħarsu l-​kmandamenti tiegħi, intom tibqgħu fi mħabbti.”—Ġwann 15:​1-10.

3. Xi jridu jagħmlu s-​segwaċi taʼ Ġesù sabiex jagħmlu l-​frott?

3 F’din it-​tixbiha Jehovah huwa l-​Bidwi, Ġesù huwa d-​dielja, u l-​appostli li kien qed ikellem Ġesù huma l-​friegħi. Sakemm l-​appostli kienu se jistinkaw biex ‘jibqgħu f’Ġesù,’ jiġifieri magħqudin miegħu, huma kienu se jagħmlu l-​frott. Imbagħad Ġesù spjega kif l-​appostli setaʼ jirnexxilhom iżommu din l-​għaqda vitali billi qal: “Jekk tħarsu l-​kmandamenti tiegħi, intom tibqgħu fi mħabbti.” Iktar tard, l-​appostlu Ġwanni kiteb kliem simili lil sħabu l-​Kristjani: “Min iħares il-​kmandamenti [taʼ Ġesù] jgħammar fih.”a (1 Ġwann 2:24; 3:​24, Saydon) Għalhekk, billi jħarsu l-​kmandamenti taʼ Ġesù, is-​segwaċi tiegħu kienu se jibqgħu jgħammru fih, jew jibqgħu magħqudin miegħu, u permezz taʼ din l-​għaqda jkunu jistgħu jagħmlu l-​frott. X’tip taʼ frott irridu nagħmlu?

Opportunità għal Tkabbir

4. X’nistgħu nitgħallmu mill-​fatt li Jehovah ‘jaqtaʼ’ kull fergħa li ma tagħmilx frott?

4 Fit-​tixbiha tad-​dielja, meta jkun hemm fergħa li ma tagħtix frott Jehovah “jaqtagħha.” X’jurina dan? Dan mhux biss jurina li huwa meħtieġ mid-​dixxipli kollha li jagħmlu l-​frott, iżda wkoll li kollha huma kapaċi jagħmluh dan, minkejja ċ-​ċirkustanzi jew il-​limitazzjonijiet tagħhom. Wara kollox, ikun kontra l-​mod taʼ mħabba li jimxi bih Jehovah li kieku kellu ‘jaqtaʼ,’ jew jiskwalifika, lil dixxiplu taʼ Kristu għaliex ma jirnexxilux iwettaq xi ħaġa li tkun impossibbli għalih minħabba n-​nuqqas taʼ kapaċità tiegħu.—Salm 103:14; Kolossin 3:23; 1 Ġwann 5:3.

5. (a) It-​tixbiha taʼ Ġesù kif tindika li nistgħu nagħmlu progress fil-​frott li nipproduċu? (b) Liema żewġ tipi taʼ frott se nikkunsidraw?

5 It-​tixbiha taʼ Ġesù dwar id-​dielja turina wkoll li skond il-​limiti taċ-​ċirkustanzi tagħna, għandna nagħmlu l-​wisaʼ għal tkabbir fl-​attivitajiet tagħna bħala dixxipli. Innota kif ipoġġiha Ġesù: “Kull fergħa fija li ma tagħmilx frott jaqtagħha; u kull waħda li tagħmel il-​frott jiżborha u jnaddafha, biex tagħmel frott aktar.” (Ġwann 15:​2, korsiv tagħna.) Fl-​aħħar tat-​tixbiha, Ġesù ħeġġeġ lis-​segwaċi tiegħu biex jagħmlu “ħafna frott.” (Vers 8, korsiv tagħna.) X’ried jgħid biha? Bħala dixxipli, aħna qatt ma rridu nkunu sodisfatti bina nfusna. (Apokalissi 3:​14, 15, 19) Minflok, għandna nfittxu modi kif nagħmlu progress fil-​frott li nipproduċu. Liema tip taʼ frott irridu nistinkaw biex nagħmlu b’mod iktar abbundanti? Hemm (1) “il-​frott taʼ l-​Ispirtu” u (2) il-​frott tas-​Saltna.—Galatin 5:​22, 23; Mattew 24:14.

Il-​Frott tal-​Kwalitajiet Kristjani

6. Ġesù Kristu kif enfasizza l-​valur taʼ l-​ewwel frotta taʼ l-​ispirtu li tissemma?

6 L-​ewwel kwalità mniżżla fil-​lista tal-​“frott taʼ l-​Ispirtu” hija l-​imħabba. L-​ispirtu qaddis t’Alla jipproduċi l-​imħabba fil-​Kristjani għaliex jobdu l-​kmand mogħti minn Ġesù ftit qabel ma qal it-​tixbiha tad-​dielja li tagħmel il-​frott. Hu qal lill-​appostli tiegħu: “Nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin.” (Ġwann 13:34) Fil-​fatt, fil-​konversazzjoni tiegħu f’dak l-​aħħar lejl tal-​ħajja tiegħu fuq l-​art, Ġesù b’mod ripetut fakkar lill-​appostli dwar il-​bżonn li juru l-​kwalità taʼ l-​imħabba.—Ġwann 14:​15, 21, 23, 24; 15:​12, 13, 17.

7. L-​appostlu Pietru kif wera li l-​fatt li nagħmlu iktar frott huwa konness maʼ li nuru kwalitajiet bħal taʼ Kristu?

7 Pietru, li kien hemm f’dak il-​lejl, fehem li l-​imħabba bħal taʼ Kristu u l-​kwalitajiet konnessi magħha għandhom jidhru f’dawk kollha li huma dixxipli ġenwini taʼ Kristu. Ħafna snin wara, Pietru ħeġġeġ lill-​Kristjani biex jikkultivaw kwalitajiet bħalma huma r-​rażna, il-​ħbiberija taʼ l-​aħwa, u l-​imħabba. Hu kompla jgħid li jekk nagħmlu dan ma jħalliniex inkunu “rieqda u bla frott.” (2 Pietru 1:​5-8) Huma x’inhuma ċ-​ċirkustanzi tagħna, xorta nistgħu nuru l-​frott taʼ l-​ispirtu. Għalhekk, jalla nistinkaw biex nuru l-​imħabba, il-​ħniena, il-​ħlewwa, u kwalitajiet Kristjani oħrajn b’mod iktar sħiħ, għaliex “kontra dawn ma hemmx liġi,” jew limitu. (Galatin 5:23) Verament, ejja nagħmlu “frott aktar.”—Korsiv tagħna.

Nagħmlu l-​Frott tas-​Saltna

8. (a) X’konnessjoni hemm bejn il-​frott taʼ l-​ispirtu u l-​frott tas-​Saltna? (b) Liema mistoqsija huwa xieraq li nikkunsidraw?

8 Frott kollu kulur u sugu jżejjinha xitla. Madankollu, dan il-​frott m’huwiex biss prezzjuż minħabba li jżejjen. Il-​frott huwa vitali wkoll biex inissel ix-​xtieli permezz taż-​żerriegħa li fih. Bl-​istess mod, il-​frott taʼ l-​ispirtu jagħmel ħafna iktar milli jżejjen il-​personalità Kristjana tagħna. Il-​kwalitajiet bħall-​imħabba u l-​fidi jqanqluna wkoll biex inxerrdu l-​messaġġ tas-​Saltna li hu bħal żerriegħa misjub fil-​Kelma t’Alla. Innota kif l-​appostlu Pawlu jenfasizza din il-​konnessjoni vitali. Hu jgħid: “Aħna wkoll emminna [jiġifieri għandna l-​fidi, li hi parti mill-​frott taʼ l-​ispirtu], u għalhekk tkellimna.” (2 Korintin 4:13) B’dan il-​mod, Pawlu jkompli jispjega, aħna “noffru lil Alla sagrifiċċju taʼ tifħir f’kull ħin, jiġifieri l-​frott taʼ xufftejn li jistqarru ismu”—it-​tieni tip taʼ frott li rridu nuru. (Lhud 13:​15, Saydon) Hemm fejn nistgħu nkunu iktar produttivi f’ħajjitna, sewwasew biex nagħmlu “ħafna frott,” bħala proklamaturi tas-​Saltna?

9. Li nagħmlu l-​frott ifisser l-​istess bħal li nagħmlu dixxipli? Spjega.

9 Biex inwieġbu sew, l-​ewwel irridu nifhmu fiex jikkonsisti l-​frott tas-​Saltna. Huwa xieraq nikkonkludu li l-​fatt li nagħmlu l-​frott ifisser li nagħmlu dixxipli? (Mattew 28:19) Il-​frott li kellna nipproduċu jirreferi primarjament għall-​individwi li ngħinu biex isiru aduraturi mgħammda taʼ Jehovah? Le. Kieku dan kien il-​każ, is-​sitwazzjoni kienet tkun verament skuraġġanti għal dawk ix-​Xhieda għeżież li ilhom jipproklamaw fedelment il-​messaġġ tas-​Saltna għal snin sħaħ f’territorji fejn in-​nies ma tantx iwieġbu b’mod favorevoli. Tassew, kieku l-​frott tas-​Saltna li nagħmlu huwa rappreżentat biss minn dixxipli ġodda, Xhieda bħal dawn li jaħdmu iebes kieku jkunu qishom il-​friegħi li ma jagħtux frott fit-​tixbiha taʼ Ġesù! M’għandniex xi ngħidu, dan m’huwiex il-​każ. Allura, x’inhu l-​frott primarju tas-​Saltna tal-​ministeru tagħna?

Nagħmlu l-​Frott Billi Nxerrdu ż-​Żerriegħa tas-​Saltna

10. It-​tixbiha taʼ Ġesù dwar dak li jiżraʼ u d-​diversi tipi taʼ ħamrija kif turi x’inhu u x’m’huwiex il-​frott tas-​Saltna?

10 It-​tixbiha taʼ Ġesù dwar dak li jiżraʼ u t-​tipi differenti taʼ ħamrija turina x’inhi t-​tweġiba—tweġiba li tagħmel il-​qalb lil dawk li jagħtu xiehda f’territorji inqas produttivi. Ġesù qal li ż-​żerriegħa hija l-​messaġġ tas-​Saltna misjub fil-​Kelma t’Alla u li l-​ħamrija tirrappreżenta l-​qalb figurattiva tal-​bniedem. Xi żerrigħat “waqgħu f’art tajba, u nibtu u għamlu l-​frott.” (Luqa 8:8) Xi frott hu? Dak li jiġri hu li meta z-​zokk tal-​qamħa jinbet u jikber, dan jipproduċi bħala frott, mhux zkuk żgħar tal-​qamħ, iżda żerriegħa ġdida. Bl-​istess mod, il-​frott li jipproduċi Kristjan mhux bilfors ikun dixxipli ġodda, iżda żerriegħa ġdida tas-​Saltna.

11. Kif nistgħu nispjegaw x’inhu l-​frott tas-​Saltna?

11 Għalhekk, il-​frott f’dan il-​każ la hu dixxipli ġodda u lanqas kwalitajiet Kristjani mill-​aqwa. Ladarba ż-​żerriegħa li tinżeraʼ hi l-​kelma tas-​Saltna, il-​frott irid ikun din iż-​żerriegħa multiplikata għal ħafna drabi. Li nagħmlu l-​frott f’dan il-​każ jirreferi għal li nitkellmu dwar is-​Saltna. (Mattew 24:14) Huwa possibbli għalina li nagħmlu dan il-​frott tas-​Saltna—nipproklamaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna—ikunu xi jkunu ċ-​ċirkustanzi tagħna? Iva, huwa possibbli! Fl-​istess tixbiha Ġesù jispjega għala.

Nagħtu l-​Aqwa Tagħna għall-​Glorja t’Alla

12. Huwa possibbli għall-​Kristjani kollha li jagħmlu l-​frott tas-​Saltna? Spjega.

12 Ġesù qal: “Dak imbagħad li nżeraʼ f’art tajba, . . . jagħmel [dan] mija, dak sittin, u l-​ieħor tletin.” (Mattew 13:23) Il-​qamħ li jinżeraʼ fl-​għalqa jistaʼ jvarja fil-​produzzjoni skond iċ-​ċirkustanzi. B’mod simili, dak li nistgħu nagħmlu biex nipproklamaw l-​aħbar tajba jistaʼ jvarja skond iċ-​ċirkustanzi tagħna, u Ġesù wera li hu għarfu dan. Xi wħud għandhom mnejn ikollhom iktar opportunitajiet; oħrajn forsi għandhom saħħa aħjar u iktar enerġija. B’hekk, dak li nistgħu nagħmlu jistaʼ jkun inqas jew iktar minn dak li jagħmel ħaddieħor, iżda sakemm jirrappreżenta l-​aħjar tagħna, Jehovah se jieħu gost bih. (Galatin 6:4) Anki jekk l-​età avanzata jew xi mard li jdgħajjifna jillimita s-​sehem tagħna fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar, Missierna kollu mogħdrija, Jehovah, żgur li jarana bħala wħud li ‘nagħmlu ħafna frott.’ Għala? Għaliex nagħtu ‘kull ma għandna’—is-​servizz tagħna b’ruħna kollha.b​—Mark 12:​43, 44; Luqa 10:27.

13. (a) X’inhi r-​raġuni prinċipali għala ‘nibqgħu’ nagħmlu l-​frott tas-​Saltna? (b) X’se jgħinna nkomplu nagħmlu l-​frott f’territorji fejn in-​nies ma tantx iwieġbu b’mod favorevoli? (Ara l-​kaxxa f’paġna 21.)

13 Ikun xi jkun l-​ammont taʼ frott tas-​Saltna li nistgħu nipproduċu, se niġu mqanqlin biex ‘immorru [‘u nibqgħu,’ NW] nagħmlu l-​frott’ meta niftakru għala qed nagħmlu hekk. (Ġwann 15:16) Ġesù semma r-​raġuni prinċipali: “Din hi l-​glorja taʼ Missieri, li intom tagħmlu ħafna frott u tkunu dixxipli tiegħi.” (Ġwann 15:8) Iva, l-​attività tagħna taʼ l-​ippridkar tqaddes l-​isem taʼ Jehovah quddiem il-​bnedmin kollha. (Salm 109:30) Honor, Xhud leali li għandha fuq is-​70 sena, tgħid: “Anki f’territorji fejn in-​nies ma tantx iwieġbu b’mod favorevoli, huwa privileġġ li tirrappreżenta lill-​Iktar Għoli.” Meta Claudio, li ilu jaqdi bħala Xhud żeluż mill-​1974, ġie mistoqsi għala jkompli jippriedka avolja ftit huma dawk li jwieġbu fit-​territorju tiegħu, hu kkwota Ġwann 4:​34, fejn naqraw il-​kliem taʼ Ġesù: “L-​ikel tiegħi hu li nagħmel ir-​rieda taʼ min bagħatni u li nwassal fit-​tmiem l-​opra tiegħu.” Claudio kompla jgħid: “Bħal Ġesù, jien mhux biss irrid nibda iżda wkoll intemm ix-​xogħol tiegħi bħala proklamatur tas-​Saltna.” (Ġwann 17:4) Ix-​Xhieda taʼ Jehovah madwar id-​dinja jaqblu miegħu.—Ara l-​kaxxa “Kif ‘Nagħmlu l-​Frott Billi Nżommu Sħiħ,’” f’paġna 21.

Biex Inxandru u biex Ngħallmu

14. (a) Liema skop doppju kellu x-​xogħol taʼ Ġwanni l-​Battista u taʼ Ġesù? (b) Kif tiddeskrivi l-​attività Kristjana taʼ llum?

14 L-​ewwel proklamatur tas-​Saltna li jissemma fl-​Evanġelji hu Ġwanni l-​Battista. (Mattew 3:​1, 2; Luqa 3:​18) L-​iskop primarju tiegħu kien “biex jixhed,” u hu għamel dan b’fidi profonda u bit-​tama li “bih kulħadd jemmen.” (Ġwann 1:​6, 7) Fil-​fatt, xi wħud minn dawk li Ġwanni xandrilhom saru dixxipli taʼ Kristu. (Ġwann 1:​35-37) Għalhekk, Ġwanni kien kemm ixandar kif ukoll jagħmel dixxipli. Ġesù wkoll kien xandâr u għalliem. (Mattew 4:​23; 11:1) Mhux taʼ b’xejn mela li Ġesù kkmanda lis-​segwaċi tiegħu biex mhux biss ixandru l-​messaġġ tas-​Saltna iżda wkoll jgħinu lil individwi jaċċettawh sabiex isiru dixxipli tiegħu. (Mattew 28:​19, 20) Għalhekk, fix-​xogħol tagħna llum ix-​xandir u t-​tagħlim imorru id f’id.

15. Liema xebh hemm fir-​reazzjoni tan-​nies għax-​xogħol taʼ l-​ippridkar li kien isir fl-​ewwel seklu E.K. u dak li jsir illum?

15 Minn dawk kollha fl-​ewwel seklu E.K. li semgħu lil Pawlu jippriedka u jgħallem, “xi wħud emmnu dak li qalilhom, oħrajn ma emmnux.” (Atti 28:24) Illum, in-​nies jirreaġixxu bejn wieħed u ieħor l-​istess. B’sogħba, il-​biċċa l-​kbira miż-​żerriegħa tas-​Saltna taqaʼ fuq art li m’hijiex produttiva. Xorta waħda, xi żerriegħa taqaʼ fuq art tajba, joħorġulha l-​għeruq, u tinbet, eżatt bħalma bassar Ġesù. Fil-​fatt, madwar id-​dinja, medja taʼ iktar minn 5,000 individwu jsiru dixxipli ġenwini taʼ Kristu kull ġimgħa matul is-​sena kollha! Dawn id-​dixxipli ġodda ‘jemmnu dak li ntqalilhom,’ għalkemm il-​maġġuranza tan-​nies l-​oħra ma jemmnux. X’għen biex qalbhom tibda twieġeb għall-​messaġġ tas-​Saltna? Spiss ikun l-​interess persunali li juru x-​Xhieda—it-​tisqija taż-​żerriegħa li tkun għadha kif ġiet miżrugħa, b’mod figurattiv—li jagħmel id-​differenza. (1 Korintin 3:6) Ikkunsidra tnejn biss mill-​ħafna eżempji.

L-​Interess Persunali Jagħmel Differenza

16, 17. Għala huwa importanti li nuru interess persunali f’dawk li niltaqgħu magħhom fil-​ministeru tagħna?

16 Karolien, Xhud żagħżugħa fil-​Belġju, żaret mara anzjana li ma wriet l-​ebda interess fil-​messaġġ tas-​Saltna. Peress li l-​mara kellha idha nfaxxata, Karolien u seħbitha offrew li jgħinuha, iżda hi m’aċċettatx. Jumejn wara, l-​istess Xhieda reġgħu marru għand il-​mara u staqsewha kif kienet qed tħossha. “Dan għamel id-​differenza,” qalet Karolien. “Baqgħet mistagħġba meta rat li konna verament interessati fiha bħala persuna. Stidnitna nidħlu f’darha, u nbeda studju tal-​Bibbja.”

17 Sandi, Xhud fl-​Istati Uniti, ukoll turi interess persunali f’dawk l-​uħud li tippridkalhom. Hi tfittex fil-​gazzetta lokali għall-​avviżi taʼ familji li jkun għad kif kellhom tarbija u mbagħad tmur għand il-​ġenituri l-​ġodda b’Il-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-​Bibbja.c Peress li ġeneralment l-​omm tkun id-​dar u tieħu gost turi t-​tarbija lil min iżurha, spiss tinbeda konversazzjoni. “Jien nitkellem mal-​ġenituri dwar l-​importanza li jifformaw dik ir-​rabta mat-​tarbija li tiġi permezz tal-​qari,” tispjega Sandi. “Imbagħad inkellimhom dwar l-​isfidi tat-​trobbija tat-​tfal fis-​soċjetà taʼ llum.” Dan l-​aħħar, minħabba żjara bħal din, omm u sitt itfal bdew jaqdu lil Jehovah. Jekk nieħdu l-​inizjattiva u nuru interess persunali jistaʼ jkollna l-​istess riżultati taʼ ferħ fil-​ministeru tagħna.

18. (a) Għala hija l-​ħtieġa li ‘nagħmlu ħafna frott’ xi ħaġa possibbli għalina lkoll? (b) Liema tliet ħtiġijiet imsemmijin fl-​Evanġelju taʼ Ġwanni biex inkunu dixxipli int determinat li tilħaq?

18 Kemm iqawwilna qalbna l-​fatt li nkunu nafu li l-​ħtieġa biex ‘nagħmlu ħafna frott’ hi xi ħaġa possibbli għalina! Sew jekk aħna kbar u sew jekk żgħar, sew jekk aħna f’saħħitna u sew jekk morda, sew jekk inxandru f’territorji fejn in-​nies iwieġbu b’mod favorevoli u sew fejn ma tantx iwieġbu b’mod favorevoli, ilkoll kemm aħna kapaċi nagħmlu ħafna frott. Kif? Billi nuru l-​frott taʼ l-​ispirtu iktar bis-​sħiħ u billi nxerrdu l-​messaġġ tas-​Saltna t’Alla bl-​aħjar mod li nistgħu. Fl-​istess ħin, aħna nistinkaw biex ‘inżommu fil-​kelma taʼ Ġesù’ u biex ‘ikollna l-​imħabba bejnietna.’ Iva, billi nilħqu dawn it-​tliet ħtiġijiet importanti li ssemmew fl-​Evanġelju taʼ Ġwanni biex inkunu dixxipli, nuru li aħna ‘tassew dixxipli [taʼ Kristu].’—Ġwann 8:31; 13:35.

[Noti taʼ taħt]

a Għalkemm il-​friegħi tad-​dielja fit-​tixbiha jirreferu għall-​appostli taʼ Ġesù u Kristjani oħrajn li se jirtu post fis-​Saltna tas-​sema t’Alla, it-​tixbiha fiha veritajiet li minnhom is-​segwaċi kollha taʼ Kristu llum jistgħu jibbenefikaw.—Ġwann 3:16; 10:16.

b Dawk li ma jistgħux joħorġu minn darhom minħabba l-​età avanzata jew il-​mard għandhom mnejn ikunu jistgħu jagħtu xiehda bl-​ittri jew, fejn huwa permess, bit-​telefon, jew forsi jistgħu jaqsmu l-​aħbar tajba maʼ dawk li jżuruhom.

c Pubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

Mistoqsijiet għal Reviżjoni

• Liema tip taʼ frott irridu nagħmlu b’mod iktar abbundanti?

• Għala hija l-​mira li ‘nagħmlu ħafna frott’ xi ħaġa possibbli għalina lkoll?

• Liema tliet ħtiġijiet importanti msemmijin fl-​Evanġelju taʼ Ġwanni kkunsidrajna biex inkunu dixxipli?

[Kaxxa/Stampa f’paġna 21]

KIF ‘NAGĦMLU L-​FROTT BILLI NŻOMMU SĦIĦ’

X’JGĦINEK tkompli tippriedka l-​messaġġ tas-​Saltna fedelment f’territorji fejn in-​nies ma tantx iwieġbu b’mod favorevoli? Hawnhekk ġejjin xi tweġibiet t’għajnuna għal din il-​mistoqsija.

“Peress li nafu li għandna l-​appoġġ komplet taʼ Ġesù niġu mqanqlin biex inkunu ottimisti u nipperseveraw, minkejja r-​reazzjoni li nsibu fit-​territorju.”—Harry, 72 sena; tgħammed fl-​1946.

“L-​iskrittura tat-​2 Korintin 2:​17 (NW) dejjem tinkuraġġini. Din tgħid li meta aħna nieħdu sehem fil-​ministeru nkunu ‘taħt il-​ħarsa t’Alla, f’kumpanija maʼ Kristu.’ Meta nkun fil-​ministeru, nieħu gost bil-​kumpanija taʼ l-​akbar ħbieb tiegħi.”—Claudio, 43 sena; tgħammed fl-​1974.

“Sinċerament, ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar huwa ġlieda persunali għalija. Madankollu, nesperjenza kemm hu minnu l-​kliem li nsibu f’Salm 18:30 [18:​29, NW]: ‘Bl-​għajnuna taʼ Alla tiegħi nirbaħ is-​swar.’”—Gerard, 79 sena; tgħammed fl-​1955.

“Jekk jirnexxili naqra mqar skrittura waħda fil-​ministeru, inħossni sodisfatta għaliex il-​qalb taʼ xi ħadd tkun ġiet eżaminata mill-​Bibbja.”—Eleanor, 26 sena; tgħammdet fl-​1989.

“Dejjem nipprova metodi differenti. Tant hemm minnhom li qatt m’hu se jirnexxili nużahom kollha fis-​snin li fadalli ħaj.”—Paul, 79 sena; tgħammed fl-​1940.

“Ma noffendix ruħi meta xi ħadd iwieġeb b’mod negattiv. Nipprova nkun dħuli, nitkellem man-​nies u nismaʼ l-​opinjoni tagħhom.”—Daniel, 75 sena; tgħammed fl-​1946.

“Ġieli ltqajt maʼ wħud mgħammdin ġodda li qaluli li x-​xogħol tiegħi taʼ l-​ippridkar kellu sehem biex huma saru Xhieda. Mingħajr ma kont inkun naf, xi ħadd ieħor kien jistudja l-​Bibbja magħhom u jgħinhom jagħmlu progress. Inħoss ferħ kbir meta nara li l-​ministeru tagħna hu xogħol li nagħmluh bħala tim.”—Joan, 66 sena; tgħammdet fl-​1954.

U lilek x’jgħinek ‘tagħmel il-​frott billi żżomm sħiħ’?—Luqa 8:15.

[Stampi f’paġna 20]

Billi nuru l-​frott taʼ l-​ispirtu u nipproklamaw il-​messaġġ tas-​Saltna, aħna nkunu qed nagħmlu ħafna frott

[Stampa f’paġna 23]

Ġesù x’ried jgħid meta qal lill-​appostli tiegħu biex ‘jagħmlu ħafna frott’?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja