L-Ispirtu tal-Milied Matul is-Sena Kollha?
“Glorja lil Alla fl-ogħla postijiet tas-smewwiet, u paċi fuq l-art fost il-bnedmin taʼ rieda tajba.”—Luqa 2:14.
MILJUNI taʼ nies huma familjari maʼ dan il-kliem taʼ l-anġli t’Alla li ħabbru t-twelid taʼ Ġesù lir-rgħajja li kienu qed jirgħu l-imrieħel tagħhom bil-lejl. Matul iż-żmien li r-reliġjonijiet jistqarru li kien twieled Ġesù, ħafna Kristjani taʼ l-isem jagħmlu sforz speċjali biex itejbu l-kondotta tagħhom. L-attenzjoni li tingħata f’dan l-istaġun lill-ferħ, lill-paċi, u lir-rieda tajba—kwalitajiet imsemmijin fit-tħabbira anġelika—spiss jirreferu għaliha bħala l-ispirtu tal-Milied.
Sentimenti pożittivi bħal dawn jiġbdu saħansitra lil dawk in-nies li ma jiċċelebrawx il-Milied bħala festa reliġjuża. Anki huma japprezzaw is-sentimenti sbieħ li donnha tnissel din iċ-ċelebrazzjoni. F’pajjiżi fejn il-Milied iġib miegħu l-vaganzi taʼ l-iskola jew tax-xogħol, il-festa toffri lin-nies l-opportunità biex jistrieħu, iqattgħu ħin mal-familja u l-ħbieb, jew sempliċement biex jiddevertu. M’għandniex xi ngħidu, ħafna nies sinċieri jħarsu lejn il-Milied prinċipalment bħala żmien biex jagħtu ġieħ lil Ġesù Kristu.
Hu x’inhu s-sinifikat li jagħtu lill-Milied, ħafna nies jammettu li s-sentimenti pożittivi li ġġib magħha din il-festa huma biss temporanji. In-nies malajr jerġgħu lura għall-kondotta normali tagħhom. Komponiment letterarju intitolat “L-Ispirtu tal-Milied,” pubblikat f’ittra mir-Royal Bank of Canada, jgħid: ‘Bosta “Kristjani” jipprovaw jgħixu skond dan l-isem għal ftit ġimgħat kull sena billi juru rieda tajba lejn sħabhom il-bnedmin sa wara l-Ewwel tas-Sena, meta jerġgħu lura għall-attitudni egoistika tagħhom u l-indifferenza għall-ġid taʼ bnedmin oħrajn.’ Kif kompliet din l-istess ittra, dak li hu “bażikament ħażin” fl-ispirtu tal-Milied huwa li n-nies m’għandhomx dan l-ispirtu “matul is-sena kollha.”
Jekk int taqbilx maʼ din l-analisi jew le, din ċertament li tqajjem mistoqsijiet importanti. In-nies qatt se jkunu kapaċi jkunu ġenerużi u jifhmu lil xulxin fuq bażi permanenti? Teżisti xi tama realistika li t-tħabbira anġelika fil-lejl tat-twelid taʼ Ġesù se titwettaq? Jew it-tama taʼ paċi vera m’hi xejn ħlief ħolma?