LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w95 4/1 pp. 20-26
  • Int Prezzjuż f’Għajnejn Alla!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Int Prezzjuż f’Għajnejn Alla!
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Jehovah Iqisek Taʼ Valur
  • Jehovah X’Jara Fina?
  • X’Għamel Jehovah Biex Juri Mħabbtu
  • Xejn ma jistaʼ ‘jifridna mill-imħabba ta’ Alla’
    Ersaq Qrib Lejn Ġeħova
  • “Alla Hu Mħabba”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Int Prezzjuż Ħafna għal Ġeħova!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2021
  • Ġeħova Għadd ‘Saħansitra x-Xagħar taʼ Rasek’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
w95 4/1 pp. 20-26

Int Prezzjuż f’Għajnejn Alla!

“B’imħabba għal żmien indefinit ħabbejtek. Dak huwa għala ġbidtek b’qalb tajba bl-​imħabba.”—ĠEREMIJA 31:3.

1. L-​attitudni taʼ Ġesù lejn in-​nies komuni taʼ żmienu kif kienet differenti minn dik tal-​Fariżej?

SETGĦU jarawha f’għajnejh. Dan ir-​raġel, Ġesù, ma kien jixbah xejn lill-​mexxejja reliġjużi tagħhom; kien jimpurtah. Ħass ħniena għal dawn in-​nies għaliex “kienu mqaxxrin u mitfugħin ’l hawn u ’l hemm bħal ngħaġ mingħajr ragħaj.” (Mattew 9:36) Il-​mexxejja reliġjużi tagħhom suppost li kienu ragħajja taʼ mħabba li jirrappreżentaw lil Alla taʼ mħabba u mimli ħniena. Minflok, kienu jistmerru lin-​nies komuni bħala sempliċi marmalja​—u misħutin!a (Ġwann 7:47-49; qabbel Eżekjel 34:4.) Biċ-​ċar, ħarsa mgħawġa u m’hijiex skritturali bħal dik kienet differenti ħafna mill-​mod kif Jehovah iħares lejn il-​poplu tiegħu. Hu kien qal lill-​ġens tiegħu, Iżrael: “B’imħabba għal żmien indefinit ħabbejtek.”—Ġeremija 31:3.

2. It-​tliet imseħbin taʼ Ġob kif ipprovaw jikkonvinċuh li kien bla siwi f’għajnejn Alla?

2 Il-​Fariżej, iżda, ċertament li ma kinux l-​ewwel li pprovaw jikkonvinċu lin-​ngħaġ maħbubin taʼ Jehovah li kienu bla siwi. Ikkunsidra l-​każ taʼ Ġob. Għal Jehovah hu kien twajjeb u bla ħtija, imma t-​tliet “farraġa” nsinwaw li Ġob kien apostata mmorali u mill-​agħar li kien se jmut mingħajr ma jħalli traċċa warajh. Huma sostnew li Alla ma kienx se jistma xi tjieba min-​naħa taʼ Ġob, ladarba Alla ma kienx saħansitra jafda lill-​anġli tiegħu stess u kien iqis lill-​istess sema bħala m’huwiex nadif!—Ġob 1:8; 4:18; 15:15, 16; 18:17-19; 22:3.

3. Satana liema mezzi juża llum biex jipprova jikkonvinċi lin-​nies li huma bla siwi u m’humiex taʼ min iħobbhom?

3 Illum, Satana għadu juża dan l-​‘att makakk’ li jipprova jikkonvinċi lin-​nies li m’humiex maħbubin u li huma bla siwi. (Efesin 6:11, nota taʼ taħt) Veru, huwa taʼ spiss jisseduċi lin-​nies billi jappella għall-​vanità u l-​kburija tagħhom. (2 Korintin 11:3) Imma jitgħaxxaq ukoll f’li jgħaffeġ ir-​rispett persunali taʼ wħud vulnerabbli. Dan huwa hekk b’mod partikulari f’dawn “l-​aħħar jiem” kritiċi. Ħafna llum jikbru ġo familji fejn m’hemm “ebda affezzjoni naturali”; ħafna jridu jittrattaw kuljum maʼ dawk li huma feroċi, egoisti, u stinati. (2 Timotew 3:1-5) Snin taʼ trattament ħażin, razziżmu, mibgħeda, jew abbuż setgħu kkonvinċew lil uħud bħal dawn li huma bla siwi u m’humiex taʼ min iħobbhom. Wieħed raġel kiteb: “Jien ma nħoss imħabba għal ħadd u ma nħossni maħbub minn ħadd. Insibha diffiċli ħafna biex nemmen li Alla jimpurtah minni.”

4, 5. (a) L-​idea li tħossok bla siwi għala hija kuntrarju għall-​Iskrittura? (b) Liema hija konsegwenza perikoluża f’li nemmnu li l-​ebda wieħed mill-​isforzi tagħna m’għandu siwi?

4 L-​idea li tħossok bla siwi qisha bħal daqqa taʼ sikkina fil-​qalb tal-​verità tal-​Kelma t’Alla, it-​tagħlim dwar ir-​rahan. (Ġwann 3:16) Jekk Alla kellu jħallas prezz daqshekk għoli​—il-​ħajja prezzjuża taʼ Ibnu stess—​biex jixtrilna opportunità biex ngħixu għal dejjem, ċertament li jħobbna; ċertament li niswew xi ħaġa f’għajnejH!

5 Barra minn hekk, kemm ikun skuraġġanti li nħossuna li qegħdin nagħtu dispjaċir lil Alla, li ebda sforz tagħna ma jiswa xi ħaġa! (Qabbel Proverbji 24:10.) F’dan id-​dawl negattiv, saħansitra inkuraġġiment ġenwin, imfassal biex jgħinna nkabbru s-​servizz tagħna lejn Alla fejn possibbli, jistaʼ għal xi wħud jinstemaʼ minflok bħala kundanna. Għandu mnejn jidher li qed jidwi l-​konvinzjoni ġewwinija tagħna stess li kwalunkwe ħaġa li nagħmlu m’hijiex biżżejjed.

6. X’inhi l-​aħjar duwa għal ħsibijiet negattivi għall-​aħħar dwarna nfusna?

6 Jekk tħoss sentimenti negattivi bħal dawn ġo fik, tiddisprax. Ħafna minna huma ibsin b’mod irraġonevoli magħna nfusna minn żmien għal żmien. U ftakar, il-​Kelma t’Alla hija mfassla biex “tiddritta l-​affarijiet” u biex ‘taqleb taʼ taħt fuq affarijiet li jkunu daħlu fil-​fond ħafna.’ (2 Timotew 3:16; 2 Korintin 10:4) L-​appostlu Ġwanni kiteb: “B’dan se nsiru nafu li noriġinaw mill-​verità, u se nassiguraw lil qlubna quddiemu rigward dak kollu li qlubna jistgħu jikkundannawna fih, għaliex Alla hu akbar minn qlubna u jaf l-​affarijiet kollha.” (1 Ġwann 3:19, 20) Ejjew nikkunsidraw, allura, tliet modi li bihom il-​Bibbja tgħallimna li aħna prezzjużi għal Jehovah.

Jehovah Iqisek Taʼ Valur

7. Ġesù kif għallem lill-​Kristjani kollha dwar il-​valur tagħhom f’għajnejn Alla?

7 L-​ewwel, il-​Bibbja tgħallem direttament li kull wieħed minna għandu siwi f’għajnejn Alla. Ġesù qal: “Ħames għasafar tal-​bejt jinbiegħu għal żewġ muniti taʼ valur żgħir, mhux hekk? Madankollu lanqas wieħed minnhom m’huwa minsi quddiem Alla. Imma saħansitra x-​xagħar taʼ rjuskom huwa magħdud kollu. Ħalli ma jkollkom ebda biżaʼ; intom tiswew iktar minn ħafna għasafar tal-​bejt.” (Luqa 12:6, 7) F’dak iż-​żmien, l-​għasfur tal-​bejt kien l-​orħos għasfur mibjugħ għall-​ikel, iżda lanqas wieħed minnhom ma kien jaħrab l-​attenzjoni tal-​Ħallieq tiegħu. B’hekk il-​pedament ġie stabbilit għal kuntrast taʼ l-​għaġeb: Rigward il-​bnedmin​—li jiswew bil-​wisq iżjed—​Alla jaf kull dettall. Bħal li kieku l-​istess xagħar taʼ rjusna kien magħdud individwalment!

8. Għala huwa realistiku li taħseb li Jehovah jistaʼ jgħodd ix-​xagħar taʼ rjusna?

8 Ix-​xagħar magħdud? Jekk tissuspetta li dan l-​aspett tat-​tixbieha taʼ Ġesù m’huwiex realistiku, ikkunsidra: Alla jiftakar lill-​qaddejja leali tiegħu b’mod daqshekk komplet li hu kapaċi jirxoxtahom​—joħloqhom mill-​ġdid f’kull dettall, inklużi l-​kodiċi ġenetiċi u komplessi tagħhom u s-​snin kollha tagħhom taʼ memorji u esperjenzi. Li jgħodd ix-​xagħar tagħna (li minnhom ir-​ras medja tnibbet madwar 100,000) tkun bravura sempliċi meta tipparagunaha!—Luqa 20:37, 38.

Jehovah X’Jara Fina?

9. (a) Liema huma xi kwalitajiet li Jehovah iqishom taʼ valur? (b) Għala taħseb li kwalitajiet bħal dawn huma prezzjużi għalih?

9 It-​tieni, il-​Bibbja tgħallimna dak li Jehovah iqis taʼ valur fina. Fi kliem sempliċi, hu jitgħaxxaq bil-​kwalitajiet pożittivi tagħna u bl-​isforzi tagħna. Is-​Sultan David qal lil ibnu Salamun: “Lill-​qlub kollha Jehovah qiegħed jifli, u kull inklinazzjoni tal-​ħsibijiet qiegħed jagħraf.” (1 Kronaki 28:9) Hekk kif Alla jfittex ġo biljuni taʼ qlub umani f’did-dinja vjolenti, mimlija mibgħeda, kemm ċertament li jitgħaxxaq meta jiltaqaʼ maʼ xi qalb li tħobb il-​paċi, il-​verità, u t-​tjieba! (Qabbel Ġwann 1:47; 1 Pietru 3:4.) X’jiġri meta Alla jsib qalb li tkun mimlija b’imħabba għalih, li tfittex biex titgħallem dwaru u taqsam għarfien bħal dan m’oħrajn? F’Malakija 3:16, Jehovah jgħidilna li hu jismaʼ lil dawk li jitkellmu m’oħrajn dwaru u saħansitra għandu “ktieb taʼ tfakkira” għal ‘dawk kollha fil-​biżaʼ taʼ Jehovah u għal dawk li qegħdin jaħsbu fuq ismu.’ Kwalitajiet bħal dawn huma prezzjużi għalih!

10, 11. (a) Xi wħud kif jistgħu jipprovaw ixejnu evidenza li Jehovah iqis taʼ valur il-​kwalitajiet tajbin tagħhom? (b) L-​eżempju t’Abija kif juri li Jehovah iqis taʼ valur kwalitajiet tajbin fi kwalunkwe ammont?

10 Il-​qalb li tikkundanna lilha nfisha, madankollu, tistaʼ tirreżisti evidenza bħal din dwar il-​valur tagħna f’għajnejn Alla. Hija tistaʼ b’mod insistenti tlissen minn taħt l-​ilsien, ‘Imma hemm tant oħrajn li huma iżjed eżemplari f’dawk il-​kwalitajiet minni. Kemm żgur ikun diżappuntat Jehovah meta jqabbilni magħhom!’ Jehovah ma jagħmilx paraguni, lanqas m’għandu livelli riġidi. (Galatin 6:4) Jaqra l-​qlub bi prudenza kbira, u jistma kwalitajiet tajbin fi kwalunkwe ammont.

11 Per eżempju, meta Jehovah ta digriet li d-​dinastija apostata kollha tas-​Sultan Ġeroboam kellha tiġi meqruda, eliminata bħal “demel,” Hu ordna li wieħed biss minn ulied is-​sultan, Abija, jingħata difna diċenti. Għala? “Xi ħaġa tajba lejn Jehovah dak Alla taʼ Iżrael instabet fih.” (1 Slaten 14:10, 13) Kien ifisser dan li Abija kien adoratur leali taʼ Jehovah? Mhux neċessarjament, ladarba miet, bħalma għamlu l-​bqija tan-​nies mill-​agħar taʼ daru. (Dewteronomju 24:16) Xorta waħda, Jehovah qies taʼ valur ix-​“xi ħaġa tajba” li ra f’qalb Abija u aġixxa fi qbil. Matthew Henry’s Commentary on the Whole Bible jinnota: “Fejn hemm biss xi ħaġa tajba taʼ dik ix-​xorta, din se tinstab: Alla li jfittixha, jaraha, tkun żgħira kemm tkun żgħira, u jieħu pjaċir biha.” U tinsiex li jekk Alla jsib saħansitra ammont żgħir taʼ xi kwalità tajba fik, hu jistaʼ jagħmilha tikber dment li int tipprova taqdih bil-​fedeltà.

12, 13. (a) Salm 139:3 kif juri li Jehovah iqis taʼ valur l-​isforzi tagħna? (b) F’liema sens jistaʼ jingħad li Jehovah jgħarbel l-​attivitajiet tagħna?

12 Jehovah iqis taʼ valur l-​isforzi tagħna b’mod simili. F’Salm 139:1-3, naqraw: “O Jehovah, int fittixt ġewwa fija, u tafni. Int innifsek sirt taf it-​tqegħid bil-​qiegħda tiegħi u l-​qawmien bil-​wieqfa tiegħi. Int ikkunsidrajt il-​ħsieb tiegħi mill-​bogħod. L-​ivvjaġġar tiegħi u li nimtedd għal tuli int kejjilt, u sirt familjari saħansitra mal-​mogħdijiet kollha tiegħi.” Mela Jehovah hu konxju taʼ l-​attivitajiet tagħna kollha. Imma hu iżjed minn sempliċi konxju tagħhom. Fl-​Ebrajk il-​frażi “sirt familjari saħansitra mal-​mogħdijiet kollha tiegħi” tistaʼ wkoll iġġorr it-​tifsira “int terfaʼ bħal teżor il-​mogħdijiet kollha tiegħi” jew “int tgħożż il-​mogħdijiet kollha tiegħi.” (Qabbel Mattew 6:19, 20.) Kif, iżda, jistaʼ Jehovah jgħożż il-​mogħdijiet kollha tagħna meta aħna daqshekk imperfetti u midinbin?

13 Taʼ interess, skond xi studjużi, meta David kiteb li Jehovah kien ‘kejjel’ il-​vjaġġi u l-​perijodi taʼ mistrieħ tiegħu, l-​Ebrajk litteralment fisser li “tgħarbel” jew “tidres.” Ktieb wieħed taʼ referenza osserva: “Dan ifisser . . . li tidres il-​ħliefa kollha, u tħalli l-​qamħ kollu​—biex issalva dak kollu li huwa taʼ valur. Mela hawn tfisser li Alla, bħal li kieku, għarblu. . . . Xerred dak kollu li kien ħliefa, jew dak kollu li kien bla valur, u ra x’kien baqaʼ li kien reali u sostanzjali.” Il-​qalb li tikkundanna lilha nfisha tistaʼ tgħarbel l-​attivitajiet tagħna bil-​mod oppost, billi ċċanfarna bla ħniena għal żbalji tal-​passat u twarrab ix-​xogħlijiet tajbin tagħna bħala li huma bla siwi. Imma Jehovah jaħfer id-​dnubiet tagħna jekk aħna sinċerament nindmu u nistinkaw iebes biex ma nirrepetux l-​iżbalji tagħna. (Salm 103:10-14; Atti 3:19) Hu jgħarbel u jiftakar ix-​xogħlijiet tajbin tagħna. Fil-​fatt, jiftakarhom għal dejjem dment li aħna nibqgħu leali lejh. Iqisha bħala nuqqas taʼ tjieba li jinsihom, u qatt m’hu bla tjieba!—Ebrej 6:10.

14. Liema ħaġa turi li Jehovah iqis taʼ valur l-​attività tagħna fil-​ministeru Kristjan?

14 Liema huma xi ftit mix-​xogħlijiet tajbin li Alla jqishom taʼ valur? Tistaʼ tgħid kwalunkwe ħaġa li nagħmlu f’li nimitaw lil Ibnu, Ġesù Kristu. (1 Pietru 2:21) Ċertament li xogħol wieħed importanti ħafna, allura, huwa t-​tixrid taʼ l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla. F’Rumani 10:15, naqraw: “Kemm huma attraenti saqajn dawk li jiddikjaraw aħbar tajba t’affarijiet tajbin!” Fil-​waqt li aħna normalment ma naħsbux dwar is-​saqajn ordinarji tagħna bħala “attraenti,” il-​kelma li Pawlu uża hawnhekk kienet l-​istess waħda wżata fil-​verżjoni Settwaġinta Griega biex tiddeskrivi lil Rebekka, Rakele, u Ġużeppi​—it-​tlieta li huma kienu magħrufin għall-​ġmiel tagħhom. (Ġenesi 26:7; 29:17; 39:6) Mela l-​ġiri tagħna fis-​servizz lil Alla tagħna, Jehovah, huwa sabiħ ferm u prezzjuż f’għajnejh.—Mattew 24:14; 28:19, 20.

15, 16. Jehovah għala jqis taʼ valur l-​issaportar tagħna, u l-​kliem tas-​Sultan David f’Salm 56:8 kif jenfasizza dan il-​fatt?

15 Kwalità oħra li Alla jqisha taʼ valur hija l-​issaportar tagħna. (Mattew 24:13) Ftakar, Satana jridek tagħti dahrek lil Jehovah. Kull ġurnata li int tibqaʼ leali lejn Jehovah hija ġurnata oħra li int tkun għent biex tipprovdi tweġiba għat-​tinbix taʼ Satana. (Proverbji 27:11) Xi drabi l-​issaportar m’huwiex ħaġa faċli. Problemi taʼ saħħa, inkwiet finanzjarju, niket emozzjonali, u ostakli oħrajn jistgħu jagħmlu kull ġurnata li tgħaddi taʼ prova. L-​issaportar quddiem provi bħal dawn huwa iżjed u iżjed prezzjuż għal Jehovah. Dak huwa għala s-​Sultan David staqsa lil Jehovah biex jaħżen id-​dmugħ tiegħu fi “flixkun tal-​ġild” figurattiv, billi staqsa fiduċjuż, “M’humiex fil-​ktieb tiegħek?” (Salm 56:8) Iva, Jehovah iqis bħala prezzjużi u jiftakar id-​dmugħ kollu u t-​tbatija li nissaportu biex inżommu l-​lealtà tagħna lejh. Dawn ukoll huma prezzjużi f’għajnejh.

16 Minħabba l-​kwalitajiet iktar mill-​aħjar tagħna u l-​isforzi tagħna, kemm huwa ċar li Jehovah isib ħafna li huwa taʼ valur f’kull wieħed minna! Minkejja kif stmatna d-​dinja taʼ Satana, Jehovah iqisna bħala prezzjużi u parti mill-​“affarijiet mixtiqin tal-​ġnus kollha.”—Ħaggaj 2:7.

X’Għamel Jehovah Biex Juri Mħabbtu

17. Is-​sagrifiċċju bħala rahan taʼ Kristu għala għandu jikkonvinċina li Jehovah u Ġesù jħobbuna bħala individwi?

17 It-​tielet, Jehovah jagħmel ħafna biex jagħti prova taʼ mħabbtu għalina. Ċertament, is-​sagrifiċċju bħala rahan taʼ Kristu huwa l-​iktar tweġiba potenti għall-​gidba satanika li aħna bla siwi jew li m’aħniex taʼ min iħobbna. Qatt m’għandna ninsew li l-​mewt agonizzanti li Ġesù sofra fuq iz-​zokk tat-​tortura u l-​agonija saħansitra akbar li ssaporta Jehovah f’li jara l-​mewt taʼ Ibnu l-​maħbub kienu prova taʼ mħabbithom għalina. Iktar minn hekk, dik l-​imħabba tapplika għalina personalment. Dak huwa l-​mod kif raha l-​appostlu Pawlu, għax kiteb: “L-​Iben t’Alla . . . ħabbni u ta lilu nnifsu f’idejn ħaddieħor għalija.”—Galatin 2:20.

18. Jehovah f’liema sens jiġbidna lejn Kristu?

18 Jehovah ta prova taʼ mħabbtu għalina billi għenna individwalment biex nieħdu vantaġġ mill-​benefiċċji tas-​sagrifiċċju taʼ Kristu. Ġesù qal fi Ġwann 6:44: “Ebda bniedem ma jistaʼ jiġi għandi jekk il-​Missier, li bagħatni, ma jiġbdux.” Permezz tax-​xogħol taʼ l-​ippridkar, li jilħaqna individwalment, u permezz taʼ l-​ispirtu qaddis tiegħu, li Jehovah juża biex jgħinna nifhmu u napplikaw veritajiet spiritwali minkejja l-​limitazzjonijiet u l-​imperfezzjonijiet tagħna, Jehovah personalment jiġbidna lejn Ibnu u t-​tama taʼ ħajja eterna. Jehovah jistaʼ għalhekk jgħid dwarna bħalma qal dwar Iżrael: “B’imħabba għal żmien indefinit ħabbejtek. Dak huwa għala ġbidtek b’qalb tajba bl-​imħabba.”—Ġeremija 31:3.

19. Il-​privileġġ tat-​talb għala għandu jikkonvinċina mill-​imħabba persunali li Jehovah għandu għalina?

19 Forsi huwa permezz tal-​privileġġ tat-​talb, iżda, li aħna nesperjenzaw l-​imħabba taʼ Jehovah bl-​iktar mod intimu. Hu jistieden lil kull wieħed minna biex ‘nitolbuh bla ma naqtgħu.’ (1 Tessalonkin 5:17) Hu jagħti widen! Saħansitra jissejjaħ “Semmiegħ it-​talb.” (Salm 65:2) Ma ddelegax din il-​kariga lil xi persuna oħra, lanqas saħansitra lil Ibnu stess. Aħseb ftit: Il-​Ħallieq taʼ l-​univers iħeġġiġna biex navviċinawh fit-​talb, bil-​libertà fi kliemna. Is-​suppliki tiegħek jistgħu saħansitra jqanqlu lil Jehovah biex jagħmel dak li altrimenti ma kienx jagħmel.—Ebrej 4:16; Ġakbu 5:16; ara Isaija 38:1-16.

20. L-​imħabba t’Alla għalina għala m’hija l-​ebda skuża għal importanza persunali jew egoiżmu min-​naħa tagħna?

20 L-​ebda Kristjan ibbilanċjat ma se jieħu evidenza bħal din taʼ l-​imħabba u l-​istima t’Alla bħala skuża biex iqis lilu nnifsu iktar importanti milli tassew hu. Pawlu kiteb: “Permezz tal-​qalb tajba m’hijiex mistħoqqa mogħtija lili jien ngħid lil kull wieħed li hemm fostkom biex ma jaħsibx dwaru nnifsu iktar milli huwa neċessarju li jaħseb; imma biex jaħseb biex ikollu moħħ f’loku, kull wieħed bħalma Alla qassamlu qies taʼ fidi.” (Rumani 12:3) Mela waqt li nitpaxxew fis-​sħana taʼ l-​imħabba taʼ Missierna tas-​sema, ejjew inkunu moħħna f’loku u niftakru li l-​qalb tajba bl-​imħabba t’Alla m’hijiex mistħoqqa.—Qabbel Luqa 17:10.

21. Liema gidba satanika rridu nirreżistu kontinwament, u liema verità divina rridu dejjem naħsbu dwarha?

21 Ħalli kull wieħed minna jagħmel l-​almu tiegħu biex jirreżisti l-​ideat kollha li Satana jippromwovi f’did-dinja xiħa u moribonda. Dak jinkludi li nirrifjutaw il-​ħsieb li aħna bla siwi jew m’aħniex maħbubin. Jekk il-​ħajja f’din is-​sistema għallmitek biex tara lilek innifsek bħala ostaklu wisq skuraġġanti saħansitra li ma jistax jintgħeleb mill-​imħabba mmensa t’Alla, jew ix-​xogħlijiet tajbin tiegħek bħala wisq insinjifikanti saħansitra għall-​għajnejn li jaraw kollox tiegħu biex jinnotawhom, jew dnubietek vasti wisq saħansitra biex jinksew bil-​mewt taʼ l-​għażiż Ibnu, int ġejt mgħallem gidba. Irrifjuta gideb bħal dan bl-​istmerrija kollha li tixraqlu! Ejjew inżommu dejjem f’moħħna l-​kliem imnebbaħ taʼ l-​apostlu Pawlu f’Rumani 8:38, 39: “Jien konvint li la l-​mewt la l-​ħajja la l-​anġli la l-​gvernijiet la affarijiet issa hawn la affarijiet li għandhom jiġu la qawwiet la għoli la fond u lanqas kull ħolqien ieħor ma se jkun kapaċi jifridna mill-​imħabba t’Alla li hija fi Kristu Ġesù l-​Mulej tagħna.” (w95 4/1)

[Nota taʼ taħt]

a Fil-fatt, kienu jiddisponu mill-​fqar bit-​terminu taʼ disprezz “ʽam-ha·ʼaʹrets,” jew “nies taʼ l-​art.” Skond wieħed studjuż, il-​Fariżej għallmu li wieħed m’għandu la jafdahom b’affarijiet taʼ valur, la jafda x-​xiehda tagħhom, la jistedinhom għandu, la jkun mistieden għandhom, lanqas saħansitra jixtri mingħandhom. Il-​mexxejja reliġjużi qalu li għal bint xi ħadd li tiżżewweġ wieħed minn dawn in-​nies ikun bħal li kieku wieħed jesponiha marbuta u bla difiża quddiem bhima.

X’Taħseb Int?

◻ Satana għala jipprova jikkonvinċina li aħna bla siwi u li m’aħniex maħbubin?

◻ Ġesù kif għallem li Jehovah iqis taʼ valur lil kull wieħed minna?

◻ Kif nafu li Jehovah jgħożż il-​kwalitajiet tajbin tagħna?

◻ Kif nistgħu nkunu ċerti li Jehovah iqis bħala teżor l-​isforzi tagħna?

◻ Jehovah kif ta prova taʼ mħabbtu għalina bħala individwi?

[Stampa f’paġna 24]

Jehovah jinnota u jiftakar lil dawk kollha li jaħsbu fuq ismu

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja