Folla Kbira t’Adoraturi Veri—Minfejn Ġew?
“Ħares! folla kbira, . . . mill-ġnus u t-tribujiet u l-popli u l-ilsna kollha, bil-wieqfa quddiem it-tron u quddiem il-Ħaruf.”—RIVELAZZJONI 7:9.
1. Il-viżjonijiet profetiċi f’Rivelazzjoni għala huma taʼ interess kbir għalina llum?
LEJN tmiem l-ewwel seklu E.K., l-appostlu Ġwanni ra viżjonijiet taʼ ġrajjiet meraviljużi konnessi maʼ l-iskop taʼ Jehovah. Xi ftit mill-affarijiet li ra fil-viżjonijiet qegħdin jitwettqu issa stess. Oħrajn għandhom jitwettqu fil-futur immedjat. Dawn kollha jduru madwar il-kulminazzjoni drammatika taʼ l-iskop grandjuż taʼ Jehovah biex iqaddes ismu quddiem il-ħolqien kollu. (Eżekjel 38:23; Rivelazzjoni 4:11; 5:13) Barra minn hekk, dawk jinvolvu l-prospetti taʼ ħajja taʼ kull wieħed minna. Dak kif inhuwa hekk?
2. (a) L-appostlu Ġwanni x’ra fir-rabaʼ viżjoni tiegħu? (b) Liema mistoqsijiet rigward din il-viżjoni sejrin nikkunsidraw?
2 Fir-rabaʼ waħda mis-serje taʼ viżjonijiet taʼ Rivelazzjoni, Ġwanni ra anġli jżommu lura rjieħ taʼ distruzzjoni sakemm “l-irsiera t’Alla tagħna” jiġu ssiġillati fuq ġbinhom. Imbagħad ra żvilupp l-iktar eċċitanti—“folla kbira, li l-ebda bniedem ma kellu l-ħila jgħodd, mill-ġnus u t-tribujiet u l-popli u l-ilsna kollha,” magħqudin f’li jqimu lil Jehovah u jonoraw lil Ibnu. Dawn, intqal lil Ġwanni, kienu nies li kellhom joħorġu mit-tribulazzjoni l-kbira. (Rivelazzjoni 7:1-17) Min huma l-uħud deskritti bħala “rsiera t’Alla tagħna”? U min se jifforma l-“folla kbira” taʼ wħud li jibqgħu ħajjin wara t-tribulazzjoni? Se tkun int wieħed minnhom?
Min Huma “L-Irsiera T’Alla Tagħna”?
3. (a) Fi Ġwann 10:1-18, Ġesù kif xebbah ir-relazzjoni tiegħu mas-segwaċi tiegħu? (b) Ġesù x’għamel possibbli għan-ngħaġ tiegħu permezz tal-mewt taʼ sagrifiċċju tiegħu?
3 Madwar erbaʼ xhur qabel mewtu, Ġesù tkellem dwaru nnifsu bħala “r-ragħaj mill-aħjar” u s-segwaċi tiegħu bħala “ngħaġ” li għalihom kien se jagħti ħajtu. Semma b’mod speċjali lin-ngħaġ misjubin minnu ġewwa maqjel tan-ngħaġ figurattiv u wara dan mogħtijin kura speċjali minnu. (Ġwann 10:1-18)a B’imħabba, Ġesù tassew ċeda lil ruħu għan-nom tan-ngħaġ tiegħu, billi pprovda l-prezz tar-rahan li kien meħtieġ sabiex ikunu jistgħu jinħelsu mid-dnub u l-mewt.
4. Min huma l-ewwel uħud miġburin bħala ngħaġ fi qbil maʼ dak li Ġesù qal hawnhekk?
4 Qabel għamel dak, madankollu, Ġesù bħala r-Ragħaj mill-Aħjar personalment ġabar dixxipli. L-ewwel uħud ġew introdotti lilu minn Ġwanni l-Battista, il-“purtinar” tat-tixbieha taʼ Ġesù. Ġesù kien qed ifittex nies li jwieġbu għall-opportunità li jsiru parti miż-‘żerriegħa komposta t’Abraham.’ (Ġenesi 22:18; Galatin 3:16, 29) Ikkultiva fi qlubhom apprezzament għas-Saltna tas-smewwiet, u żgurahom li kien se jħejjilhom post fid-dar taʼ Missieru tas-sema. (Mattew 13:44-46; Ġwann 14:2, 3) B’mod xieraq qal: “Minn jiem Ġwanni l-Battista s’issa s-saltna tas-smewwiet hija l-mira li lejha jagħfsu l-bnedmin, u dawk li qegħdin jagħfsu ’l quddiem qegħdin jaħtfuha.” (Mattew 11:12) Dawn li segwewh sabiex jiksbu dik il-mira taw prova li kienu ġol-maqjel tan-ngħaġ li dwaru tkellem Ġesù.
5. (a) Min huma “l-irsiera t’Alla tagħna” li jirreferi għalihom Rivelazzjoni 7:3-8? (b) X’juri li ħafna iżjed kellhom jingħaqdu fil-qima maʼ l-Iżraeliti spiritwali?
5 F’Rivelazzjoni 7:3-8, dawk li b’suċċess jagħfsu ’l quddiem lejn dik il-mira tas-sema huma rreferuti wkoll bħala “l-irsiera t’Alla tagħna.” (Ara 1 Pietru 2:9, 16.) Il-144,000 li jissemmew hemmhekk huma biss Lhud naturali? Dawk li qegħdin fil-maqjel tan-ngħaġ figurattiv tat-tixbieha taʼ Ġesù huma biss Lhud? Żgur li le; huma membri taʼ l-Iżrael spiritwali t’Alla, ilkoll kemm huma sħab maʼ Kristu fiż-żerrriegħa spiritwali t’Abraham. (Galatin 3:28, 29; 6:16; Rivelazzjoni 14:1, 3) Iż-żmien kellu eventwalment jiġi, m’għandniex xi ngħidu, meta l-għadd iffissat kellu jimtela. Imbagħad x’kien se jiġri? Bħalma kienet bassret il-Bibbja, oħrajn—folla kbira minnhom—kellhom jingħaqdu maʼ dawn l-Iżraeliti spiritwali f’li jqimu lil Jehovah.—Żakkarija 8:23.
In-“Ngħaġ Oħra”—Huma Dawk Kristjani Ġentili?
6. Ġwann 10:16 jipponta lejn liema żvilupp?
6 Wara li semma maqjel tan-ngħaġ wieħed fi Ġwann 10:7-15, Ġesù daħħal grupp ieħor fl-istampa, billi qal: “Għandi ngħaġ oħra, li m’humiex taʼ dan il-maqjel; dawk ukoll irrid inġib, u se jagħtu widen lil leħni, u se jsiru merħla waħda, ragħaj wieħed.” (Ġwann 10:16) Min huma dawk in-“ngħaġ oħra”?
7, 8. (a) L-idea li n-ngħaġ oħra huma Kristjani Ġentili għala hija mibnija fuq konklużjoni żbaljata? (b) Liema fatti rigward l-iskop t’Alla għall-art għandhom ikunu relatati mal-fehma tagħna dwar min huma n-ngħaġ oħra?
7 Il-kummentaturi tal-Kristjaneżmu ġeneralment jassumu li dawn in-ngħaġ oħra huma Kristjani Ġentili u li dawk fil-maqjel tan-ngħaġ li rreferejna għalih qabel huma Lhud, dawk li kienu taħt il-patt tal-Liġi, u li ż-żewġ gruppi jmorru fis-sema. Imma Ġesù kien imwieled Lhudi u kien grazzi għal twelidu taħt il-patt tal-Liġi. (Galatin 4:4) Iżjed minn hekk, dawk li jqisu lin-ngħaġ oħra bħala Kristjani Ġentili li se jiġu ppremjati b’ħajja fis-sema qegħdin jonqsu li jieħdu f’kunsiderazzjoni aspett importanti taʼ l-iskop t’Alla. Meta Jehovah ħalaq lill-ewwel bnedmin u poġġiehom fil-ġnien t’Għeden, għamilha ċara li l-iskop tiegħu kien li l-art tkun ippopolata, li kollha kemm hi tkun ġenna, u li l-bnedmin li jieħdu ħsiebha jgawdu ħajja għal dejjem—bil-kundizzjoni li jirrispettaw u jobdu lill-Ħallieq tagħhom.—Ġenesi 1:26-28; 2:15-17; Isaija 45:18.
8 Meta Adam dineb, l-iskop taʼ Jehovah ma nġiebx fix-xejn. Alla b’imħabba għamel provvediment għal nisel Adam biex ikollhom l-opportunità jgawdu dak li Adam naqas li japprezza. Jehovah bassar li kien se jqajjem ħellies, żerriegħa, li permezz tiegħu barkiet kienu se jintgħamlu disponibbli għall-ġnus kollha. (Ġenesi 3:15; 22:18) Dik il-wegħda ma kenitx tfisser li n-nies tajbin kollha fuq l-art kienu se jittieħdu fis-sema. Ġesù għallem lis-segwaċi tiegħu jitolbu: “Ħa tiġi saltnatek. Ħa tintgħamel ir-rieda tiegħek, kif fis-sema, ukoll fuq l-art.” (Mattew 6:9, 10) Ftit qabel ma qal it-tixbieha mniżżla fi Ġwann 10:1-16, Ġesù kien qal lid-dixxipli tiegħu li kien biss lil “merħla ċkejkna” li Missieru kien approva li jagħti s-Saltna tas-sema. (Luqa 12:32, 33) Mela meta naqraw it-tixbieha taʼ Ġesù dwaru nnifsu bħala r-Ragħaj mill-Aħjar li jċedi ruħu għan-nom tan-ngħaġ tiegħu, ikun żball li teskludi mill-istampa l-maġġoranza taʼ dawk li Ġesù jġib taħt il-ħarsien taʼ mħabba tiegħu, l-uħud li jsiru sudditi fuq l-art tas-Saltna tiegħu tas-sema.—Ġwann 3:16.
9. Sa minn kmieni mis-sena 1884, l-Istudenti tal-Bibbja x’fehmu li kienet l-identità tan-ngħaġ oħra?
9 Sa kmieni mis-sena 1884, il-Watch Tower identifika lin-ngħaġ oħra bħala li huma nies li se jingħataw l-opportunità li jgħixu fuq din l-art taħt kundizzjonijiet li jwettqu l-iskop oriġinali t’Alla. Dawk l-Istudenti tal-Bibbja bikrin irrealizzaw li xi wħud minn dawn in-ngħaġ oħra se jkunu nies li għexu u mietu qabel il-ministeru taʼ Ġesù fuq l-art. Kien hemm, madankollu, xi dettalji li ma fehmux b’mod korrett. Per eżempju, ħasbu li l-ġbir tan-ngħaġ oħra kien se jseħħ wara li l-midlukin kollha jkunu ħadu l-premju tagħhom tas-sema. Xorta waħda, irrealizzaw b’mod definit li n-ngħaġ oħra ma kinux sempliċement Kristjani Ġentili. L-opportunità biex issir wieħed min-ngħaġ l-oħra hija miftuħa kemm għal-Lhud kif ukoll għall-Ġentili, għal nies tal-ġnus u r-razez kollha.—Qabbel Atti 10:34, 35.
10. Sabiex inkunu dawk li Ġesù jqis tassew bħala n-ngħaġ oħra tiegħu, x’irid ikun veru dwarna?
10 Biex tixirqilhom id-deskrizzjoni mogħtija minn Ġesù, in-ngħaġ oħra iridu jkunu nies li, minkejja l-isfond razzjali jew etniku, jirrikonoxxu lil Ġesù Kristu bħala r-Ragħaj mill-Aħjar. Dak x’jinkludi? Iridu juru ruħhom ġwejdin u li lesti li jiġu ggwidati, liema kwalitajiet huma karatteristiċi tan-ngħaġ. (Salm 37:11) Kif inhuwa veru dwar il-merħla ċkejkna, iridu ‘jagħrfu leħen ir-ragħaj mill-aħjar’ u ma jħallux lilhom infushom jiġu żvijati minn oħrajn li jistgħu jfittxu li jinfluwenzawhom. (Ġwann 10:4; 2 Ġwann 9, 10) Iridu japprezzaw l-importanza taʼ dak li għamel Ġesù f’li ċeda ruħu għan-nom tan-ngħaġ tiegħu u jeżerċitaw fidi sħiħa f’dak il-provvediment. (Atti 4:12) Iridu “jagħtu widen” għal-leħen tar-Ragħaj mill-Aħjar meta jħeġġiġhom biex jagħtu servizz sagru biss lil Jehovah, biex ifittxu l-ewwel is-Saltna, biex iżommu separati mid-dinja, u biex juru mħabba li tissagrifika lilha nfisha għal xulxin. (Mattew 4:10; 6:31-33; Ġwann 15:12, 13, 19) Tapplika għalik id-deskrizzjoni taʼ dawk li Ġesù jqishom bħala n-ngħaġ oħra tiegħu? Tridha li tkun? X’relazzjoni prezzjuża ssir disponibbli għal dawk kollha li verament isiru ngħaġ oħra taʼ Ġesù!
Rispett Lejn Awtorità Tas-Saltna
11. (a) Fis-sinjal tal-preżenza tiegħu, Ġesù x’qal dwar in-ngħaġ u l-mogħoż? (b) Min huma l-aħwa li Ġesù jirreferi għalihom?
11 Bosta xhur wara li ta t-tixbieha t’hawn fuq, Ġesù kien mill-ġdid f’Ġerusalemm. Meta kien bil-qiegħda fuq il-Muntanja taż-Żebbuġ li kienet tħares fuq il-medda tat-tempju, ipprovda lid-dixxipli b’dettalji tas-‘sinjal tal-preżenza tiegħu u tal-konklużjoni tas-sistema t’affarijiet.’ (Mattew 24:3) Għal darb’oħra tkellem dwar il-ġbir tan-ngħaġ. Fost affarijiet oħrajn, qal: “Meta Bin il-bniedem jasal fil-glorja tiegħu, u l-anġli kollha miegħu, imbagħad se joqgħod bil-qiegħda fuq it-tron glorjuż tiegħu. U l-ġnus kollha se jinġabru quddiemu, u se jifred lin-nies wieħed mill-ieħor, sewwa sew bħalma ragħaj jifred in-ngħaġ mill-mogħoż. U se jpoġġi lin-ngħaġ fuq il-leminija tiegħu, imma l-mogħoż fuq ix-xellug tiegħu.” F’din il-parabbola, Ġesù wera li dawk li b’dan il-mod jingħataw attenzjoni mis-Sultan se jiġu ġġudikati fuq il-bażi taʼ kif ittrattaw maʼ ‘ħutu.’ (Mattew 25:31-46) Min huma dawn ħutu? Huma Kristjani mnisslin bl-ispirtu li huma għalhekk ‘ulied Alla.’ Ġesù hu l-Iben imwieled l-ewwel t’Alla. Għaldaqstant, huma ħut Kristu. Huma “l-irsiera t’Alla tagħna” msemmijin f’Rivelazzjoni 7:3, l-uħud magħżulin minn fost l-umanità biex jieħdu sehem maʼ Kristu fis-Saltna tiegħu tas-sema.—Rumani 8:14-17.
12. Il-mod kif in-nies jittrattaw maʼ ħut Kristu għala huwa taʼ importanza kbira?
12 Il-mod kif bnedmin oħrajn jittrattaw maʼ dawn il-werrieta tas-Saltna huwa taʼ importanza vitali. Tħares lejhom int bħalma jagħmel Ġesù Kristu u bħalma jagħmel Jehovah? (Mattew 24:45-47; 2 Tessalonkin 2:13) L-attitudni taʼ persuna lejn dawn l-uħud midlukin tirrifletti l-attitudni tagħha lejn Ġesù Kristu nnifsu u lejn Missieru, is-Sovran Universali.—Mattew 10:40; 25:34-46.
13. L-Istudenti tal-Bibbja fl-1884 sa liema punt fehmu l-parabbola tan-ngħaġ u l-mogħoż?
13 Fil-ħarġa tiegħu t’Awissu 1884, il-Watch Tower b’mod korrett indika li n-“ngħaġ” f’din il-parabbola huma wħud li se jkollhom imqiegħed quddiemhom il-prospett taʼ ħajja perfetta fuq l-art. Kien mifhum ukoll li l-parabbola jrid ikollha applikazzjoni meta Kristu jkun qiegħed jaħkem mit-tron glorjuż tiegħu tas-sema. Madankollu, f’dak iż-żmien m’għarfux b’mod ċar meta kellu jibda x-xogħol taʼ frid deskritt hemm u kemm kellu jdum.
14. Taħdita waqt konvenzjoni fl-1923 kif għenet lill-Istudenti tal-Bibbja biex japprezzaw meta kellha titwettaq il-parabbola profetika taʼ Ġesù?
14 Madankollu, fl-1923, f’taħdita waqt konvenzjoni, J. F. Rutherford, li dak iż-żmien kien president tal-Watch Tower Society, iċċara ż-żmien għat-twettieq tal-parabbola tan-ngħaġ u l-mogħoż. Għala? F’parti, għaliex il-parabbola turi li ħut is-Sultan—għall-anqas xi wħud minnhom—se jkunu għadhom fuq l-art. Fost il-bnedmin, is-segwaċi midlukin tiegħu biss jistgħu verament jissejħu ħutu. (Ebrej 2:10-12) Dawn m’humiex se jkunu fuq l-art matul il-Millennju, biex jipprovdu lin-nies opportunità sabiex jagħmlulhom il-ġid bil-modi li ddeskriva Ġesù.—Rivelazzjoni 20:6.
15. (a) Liema żviluppi għenu lill-Istudenti tal-Bibbja biex jidentifikaw b’mod korrett lin-ngħaġ tal-parabbola taʼ Ġesù? (b) In-ngħaġ kif taw evidenza taʼ l-apprezzament tagħhom għas-Saltna?
15 F’dik it-taħdita fl-1923, sar sforz biex jiġu identifikati dawk li għalihom tapplika d-deskrizzjoni tal-Mulej tan-ngħaġ u tal-mogħoż, imma affarijiet oħrajn kellhom bżonn jiġu mifhumin qabel is-sinjifikat sħiħ tal-parabbola setaʼ jkun ċar. Matul is-snin taʼ wara, Jehovah b’mod progressiv ġibed dawn id-dettalji importanti għall-attenzjoni tal-qaddejja tiegħu. Dawn inkludew li jifhmu b’mod ċar, fl-1927, li “l-irsir leali u diskret” hu l-ġemgħa sħiħa taʼ Kristjani midlukin bl-ispirtu fuq l-art; ukoll li japprezzaw, fl-1932, il-ħtieġa li jidentifikaw lilhom infushom bla biżaʼ mal-qaddejja midlukin taʼ Jehovah, bħalma Ġonadab għamel maʼ Ġeħu. (Mattew 24:45; 2 Slaten 10:15) F’dak iż-żmien, fuq il-bażi taʼ Rivelazzjoni 22:17, dawn l-uħud bħal ngħaġ kienu speċifikament inkuraġġiti biex jieħdu sehem f’li jieħdu l-messaġġ tas-Saltna għand oħrajn. L-apprezzament tagħhom għas-Saltna Messjanika kien se jqanqalhom mhux biss biex jestendu qalb tajba umanitarja lejn l-uħud midlukin tal-Mulej imma biex jiddedikaw il-ħajjiet tagħhom lil Jehovah permezz taʼ Kristu u biex isiru mseħbin mill-qrib maʼ l-uħud midlukin tiegħu, billi jieħdu sehem b’mod żeluż fix-xogħol li qegħdin jagħmlu. Qiegħed int tagħmlu dak? Lil dawk li jagħmluh, is-Sultan se jgħid: “Ejjew, intom li ġejtu mberkin minn Missieri, irtu s-saltna mħejjija għalikom mit-tisjis tad-dinja.” Quddiemhom se jkun hemm il-prospett grandjuż taʼ ħajja taʼ dejjem f’perfezzjoni fil-qasam taʼ l-art tas-Saltna.—Mattew 25:34, 46.
Il-“Folla Kbira”—Fejn Sejrin?
16. (a) L-Istudenti tal-Bibbja bikrin liema ideat żbaljati kellhom dwar l-identità tal-kotra l-kbira, jew il-folla l-kbira, taʼ Rivelazzjoni 7:9? (b) Meta u fuq liema bażi ġiet ikkorreġuta l-ħarsa tagħhom?
16 Għal xi żmien il-qaddejja taʼ Jehovah kienu jemmnu li l-kotra l-kbira (jew, il-folla l-kbira) taʼ Rivelazzjoni 7:9, 10 kienet differenti min-ngħaġ oħra taʼ Ġwann 10:16 u n-ngħaġ taʼ Mattew 25:33. Minħabba li l-Bibbja tgħid li qegħdin “bil-wieqfa quddiem it-tron,” kien maħsub li se jkunu fis-sema, mhux fuq tronijiet, imexxu bħala werrieta sħab maʼ Kristu, imma f’post sekondarju quddiem it-tron. Kienu meqjusin bħala Kristjani inqas leali, uħud li ma wrewx spirtu taʼ sagrifiċċju veru tagħhom infushom. Fl-1935 dik il-ħarsa ġiet ikkorreġuta.b Eżami taʼ Rivelazzjoni 7:9 fid-dawl taʼ testi bħalma huma Mattew 25:31, 32 għamilha ċara li nies hawn fuq l-art setgħu jkunu “quddiem it-tron.” Ukoll ġie indikat li Alla m’għandux żewġ livelli taʼ fedeltà. Dawk kollha li għandhom l-approvazzjoni tiegħu jridu jżommu integrità lejh.—Mattew 22:37, 38; Luqa 16:10.
17, 18. (a) Liema fattur qanqal iż-żjieda kbira, mill-1935 ’l hawn, fl-għadd taʼ dawk li jħarsu ’l quddiem lejn ħajja eterna fuq l-art? (b) Dawk tal-folla l-kbira f’liema xogħol vitali qegħdin jieħdu sehem b’mod żeluż?
17 Għal ħafna snin in-nies taʼ Jehovah kienu tkellmu dwar il-wegħdi t’Alla rigward l-art. Minħabba dak li stennew li jseħħ lura fis-snin għoxrin, ipproklamaw li “Miljuni Issa Ħajjin M’Huma Se Jmutu Qatt.” Imma ma kienx hemm miljuni li ħaddnu l-provvedimenti t’Alla għall-ħajja f’dak iż-żmien. Fil-maġġoranza taʼ dawk li aċċettaw il-verità, l-ispirtu qaddis iġġenera t-tama taʼ ħajja fis-sema. B’mod speċjali wara l-1935, madankollu, bidla notevoli seħħet. Ma kienx għaliex il-Watchtower kien injora t-tama taʼ ħajja eterna fuq l-art. Għal għaxriet taʼ snin il-qaddejja taʼ Jehovah kienu tkellmu dwar dan u kienu fittxew lil dawk li tixirqilhom id-deskrizzjoni tal-Bibbja. Fiż-żmien maħtur taʼ Jehovah, iżda, hu ħa ħsieb li dawn juru lilhom infushom.
18 Id-dokumenti disponibbli juru li għal ħafna snin il-biċċa l-kbira minn dawk li attendew għall-Mafkar ħadu mill-emblemi. Imma sa 25 sena wara l-1935, l-attendenza fil-Mafkar annwali tal-mewt taʼ Kristu żdiedet b’mod drammatiku għal iktar minn mitt darba taʼ l-għadd taʼ dawk li kienu qegħdin jieħdu mill-emblemi. Min kienu dawn l-oħrajn? Membri prospettivi tal-folla l-kbira. B’mod ċar, iż-żmien taʼ Jehovah biex jiġborhom u biex iħejjihom għal salvazzjoni fit-tribulazzjoni kbira li kienet quddiemhom kien wasal. Bħalma kien imbassar, ġew “mill-ġnus u t-tribujiet u l-popli u l-ilsna kollha.” (Rivelazzjoni 7:9) Qegħdin jieħdu sehem b’mod żeluż fix-xogħol li bassar Ġesù meta qal: “Din l-aħbar tajba tas-saltna se tkun ippridkata fl-art abitata kollha għal xiehda lill-ġnus kollha; u mbagħad se jiġi t-tmiem.”—Mattew 24:14. (w95 2/1)
[Noti taʼtaħt]
a Għal diskussjoni fit-tul u aġġornata dwar l-imqajjel tan-ngħaġ taʼ Ġwann kapitlu 10, ara It-Torri Taʼ L-Għassa tal-15 t’April, 1984, paġni 7-16, u The Watchtower tal-15 taʼ Frar, 1984, paġna 31.
b The Watchtower, l-1 u l-15 t’Awissu, 1935.
X’Inhuwa L-Kumment Tiegħek?
◻ Il-viżjoni f’Rivelazzjoni kapitlu 7 għala hija taʼ interess speċjali?
◻ In-ngħaġ oħra taʼ Ġwann 10:16 għala m’humiex limitati għal Kristjani Ġentili?
◻ X’irid ikun veru dwar dawk li għalihom tapplika d-deskrizzjoni Biblika tan-ngħaġ oħra?
◻ Il-parabbola tan-ngħaġ u l-mogħoż kif tenfasizza rispett lejn l-awtorità tas-Saltna?
◻Liema ħaġa turi meta kien wasal iż-żmien taʼ Jehovah biex jiġbor il-folla l-kbira taʼ Rivelazzjoni 7:9?