Afda f’Jehovah—Dak Alla li Hu Reali
Qatt ħarist lejn is-sema f’lejl mingħajr sħab u rajt mijiet taʼ kwiekeb? Kif taħseb li bdew jeżistu?
FIL-ĦEMDA tal-lejl, il-kwiekeb donnhom bdew jgħidulu xi ħaġa lis-Sultan David taʼ Iżrael tal-qedem, tant li qanqluh biex jikteb: “Is-smewwiet ixandru l-glorja taʼ Alla, għemil idejh tħabbar il-firxa tas-sema.” (Salm 19:2 [19:1, NW]) Iva, il-Ħallieq u mhux il-ħolqien jixraqlu ‘li jilqaʼ l-glorja u l-ġieħ u s-setgħa.’—Apokalissi 4:11; Rumani 1:25.
Hu “Alla [li] jibni kollox,” tgħid il-Bibbja. (Lhud 3:4) Tabilħaqq, dak Alla veru, ‘li Jaħweh hu ismu, hu waħdu l-Għoli fuq l-art kollha.’ (Salm 83:19 [83:18, NW]) U hu m’huwiex xi illużjoni—xi miraġġ. Ġesù Kristu qal dan dwar Missieru tas-sema, Jehovah: “Dak li bagħatni hu reali.”—Ġwann 7:28, NW.
Jehovah—Dak li Jwettaq l-Iskopijiet Tiegħu
L-isem uniku t’Alla, Jehovah, jidher kważi 7,000 darba fl-Iskrittura Ebrajka biss. Dak l-istess isem juri kemm Hu reali. L-isem t’Alla letteralment ifisser “Hu Jikkaġuna li Jsir.” Alla Jehovah b’hekk jiddeskrivi lilu nnifsu bħala Dak li Jwettaq l-iskopijiet tiegħu. Meta Mosè staqsa lil Alla x’jismu, Jehovah żied dan dwar it-tifsir taʼ ismu: “Jien se nuri li nkun dak li se nuri li nkun.” (Eżodu 3:14, NW) It-traduzzjoni taʼ Rotherham tistqarr ċar u tond: “Jien Se Nsir dak kollu li jogħġobni.” Jehovah juri li jkun, jew jagħżel li jsir, dak li jkun hemm bżonn biex iġiegħel l-iskopijiet taʼ tjieba u l-wegħdi tiegħu jsiru realtà. B’hekk, hu għandu ħafna titli impressjonanti, bħalma huma, Ħallieq, Missier, Mulej Sovran, Ragħaj, Mulej taʼ l-eżerċti, Semmiegħ it-talb, Imħallef, Mgħallem Grandjuż, Feddej.—Mħallfin 11:27; Salm 23:1; 65:3 (65:2, NW); 73:28; 89:27 (89:26, NW); Isaija 8:13; 30:20; 40:28; 41:14.
Dak Alla veru biss għandu d-dritt li jkollu l-isem Jehovah, għax il-bnedmin qatt ma jistgħu jkunu żguri li l-pjanijiet tagħhom se jirnexxu. (Ġakbu 4:13, 14) Jehovah biss jistaʼ jgħid: “Bħalma x-xita u s-silġ jinżlu mis-smewwiet, u ma jerġgħux lura mnejn ġew bla ma jsaqqu l-art, imma jġegħluha tnissel u tnibbet, u tagħti ż-żerriegħa ’l min jiżraʼ u l-ħobż ’il min jiekol, hekk jiġri minn kelmti: hija toħroġ minn fommi, u ma terġax lura vojta, imma tagħmel dak li jogħġob lili, u ttemm dak li nkun bgħattha tagħmel.”—Isaija 55:10, 11.
Jehovah iwettaq l-iskop tiegħu b’tant ċertezza li saħansitra dak li jistaʼ jidher mhux reali għall-bnedmin, għalih jidher li huwa reali. Ħafna żmien wara l-mewt t’Abraham, Iżakk, u Ġakobb, Ġesù semmiehom u qal: “Hu [Jehovah] m’huwiex Alla tal-mejtin, iżda tal-ħajjin, għax għalih [“huma lkoll ħajjin,” NW].” (Luqa 20:37, 38) Dawn it-tliet patrijarki leali kienu mejtin, imma l-iskop t’Alla biex jirxoxtahom tant kien ċert li se jitwettaq li għalih kienu daqslikieku ħajjin. Bħalma ma kienx diffiċli għal Jehovah li joħloq l-ewwel bniedem mit-trab taʼ l-art, daqshekk ieħor mhux se jkun diffiċli għalih li jerġaʼ jagħti l-ħajja lil dawn il-qaddejja leali tal-qedem.—Ġenesi 2:7.
L-appostlu Pawlu jipprovdi eżempju ieħor tal-fatt li Alla jġiegħel l-iskopijiet tiegħu jitwettqu. Fl-Iskrittura, Abraham jissejjaħ “missier taʼ kotra kbira taʼ ġnus.” (Rumani 4:16, 17) Meta Abram kien għad ma kellux tfal, Jehovah biddillu ismu għal Abraham, li jfisser “Missier taʼ Folla [Kotra].” Jehovah ġiegħel li t-tifsira taʼ dak l-isem issir realtà billi b’miraklu ġedded il-qawwiet prokreattivi tax-xwejjaħ Abraham u taʼ martu, Sarah, li wkoll kienet imdaħħla sew fiż-żmien.—Lhud 11:11, 12.
Peress li Ġesù Kristu hu mogħni b’tant qawwa u awtorità, hu tkellem dwar realtajiet minn ħarsa ferm superjuri għal dik tal-bnedmin. Għalkemm l-għażiż ħabib tiegħu Lazzru kien miet, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Ħabibna Lazzru rieqed; iżda ħa mmur u nqajjmu.” (Ġwann 11:11) Ġesù għala tkellem dwar raġel mejjet bħala li kien sempliċement rieqed?
Meta Ġesù wasal Betanja, il-belt fejn kien joqgħod Lazzru, hu mar ħdejn il-qabar u talab li titneħħa l-ġebla li kienet qed timblokka d-daħla. Wara li talab b’leħen għoli, hu kkmanda: “Lazzru, oħroġ!” U waqt li għajnejn dawk kollha preżenti kienu ffissati fuq il-qabar, “dak li kien mejjet ħareġ, b’idejh u riġlejh infaxxati u b’maktur maʼ wiċċu.” Ġesù mbagħad qalilhom: “Ħollulu l-faxex u ħalluh imur.” (Ġwann 11:43, 44) Ġesù rxoxta lil Lazzru—reġaʼ ta l-ħajja lil bniedem li kien ilu mejjet erbat ijiem! Kristu ma kienx qed jgħawweġ il-verità meta qal li ħabibu kien rieqed. Għal Jehovah u Ġesù, il-mejjet Lazzru kien bħallikieku sempliċement rieqed. Iva, Ġesù u Missieru jikkonċernaw ruħhom f’affarijiet li huma reali biss.
Jehovah Jistaʼ Jbiddel it-Tamiet Tagħna f’Realtajiet
X’kuntrast kbir hemm bejn l-idoli qarrieqa u dak Alla veru! Dawk li jqimu l-idoli jemmnu b’mod żbaljat li l-oġġetti li jqimu għandhom poteri sovrumani. Minkejja d-devozzjoni kollha li tingħatalhom, dawn l-idoli qatt ma se jsiru kapaċi jagħmlu l-mirakli. Mill-banda l-oħra, Alla Jehovah jistaʼ b’mod xieraq jirreferi għall-qaddejja tiegħu li ilhom żmien twil mejtin bħala li huma ħajjin għax hu kapaċi jagħtihom il-ħajja mill-ġdid. “Il-Mulej tassew hu Alla,” u hu qatt ma se jqarraq bil-poplu tiegħu.—Ġeremija 10:10.
Kemm huwa taʼ faraġ li nkunu nafu li meta jasal il-waqt taʼ Jehovah, il-mejtin li jinsabu fil-memorja tiegħu se jiġu rxoxtati—se jerġgħu jingħataw il-ħajja! (Atti 24:15) Iva, l-irxoxt jinvolvi restawr tal-karatteristiċi tal-ħajja taʼ l-individwu. M’hijiex problema għall-Ħallieq, li għandu għerf u qawwa infiniti, biex jiftakar il-karatteristiċi tal-mejtin u jirxoxtahom. (Ġob 12:13; Isaija 40:26) Ladarba Jehovah għandu mħabba bl-abbundanza, hu se juża l-memorja perfetta tiegħu sabiex iġib lill-mejtin lura għall-ħajja fuq art magħmula ġenna bil-personalità li kellhom qabel ma mietu.—1 Ġwann 4:8.
Hekk kif joqrob tmiem id-dinja taʼ Satana, il-futur ċertament li jidher sabiħ għal dawk li qed jafdaw f’dak Alla veru. (Proverbji 2:21, 22; Danjel 2:44; 1 Ġwann 5:19) Is-salmista jaċċertana: “Ftit ieħor, u l-ħażin ma jkunx aktar; għad tħares fejn kien u ma ssibux. Imma l-ġwejdin għad jirtu l-art, u bi sliem kotran jitgħaxxqu.” (Salm 37:10, 11) Il-kriminalità u l-vjolenza se jkunu affarijiet taʼ l-imgħoddi. Il-ġustizzja se tittrijonfa, u mhux se jkun hemm iktar tbatijiet ekonomiċi. (Salm 37:6; 72:12, 13; Isaija 65:21-23) Se titneħħa kwalunkwe traċċa taʼ diskriminazzjoni soċjali, razzjali, tribwali, u etnika. (Atti 10:34, 35) La l-gwerer u lanqas l-armamenti ma se jibqgħu iktar. (Salm 46:10 [46:9, NW]) F’dak iż-żmien “ħadd minn min jgħammar hemm ma jgħid: ‘Jien marid.’” (Isaija 33:24) Kulħadd se jkun mimli enerġija u jgawdi saħħa perfetta. (Apokalissi 21:3, 4) Il-Ġenna fuq l-art dalwaqt se ssir realtà. Għax dan hu l-iskop taʼ Jehovah!
Iva, it-tamiet kollha li huma bbażati fuq il-Bibbja dalwaqt se jitwettqu. Għala għandna nħallu lilna nfusna niġu mqarrqin bl-affarijiet li d-dinja qed tagħmilhom l-idoli tagħha meta jistaʼ jkollna fiduċja sħiħa f’Jehovah? Hija r-rieda tiegħu li “l-bnedmin kollha jsalvaw u jaslu biex jagħrfu l-verità.” (1 Timotju 2:3, 4) Minflok ma naħlu l-ħin u r-riżorsi tagħna fl-illużjonijiet, jew il-miraġġi taʼ din is-sistema t’affarijiet u l-allat tagħha, ejja nikbru fl-għarfien dwar Alla li hu reali u nafdaw fih b’qalbna kollha.—Proverbji 3:1-6; Ġwann 17:3.
[Stampa f’paġna 6]
Għal Jehovah u Ġesù, Lazzru kien sempliċement rieqed
[Stampi f’paġna 7]
Il-Ġenna fuq l-art dalwaqt se ssir realtà