LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w98 4/1 pp. 10-15
  • Ktieb għan-Nies Kollha

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ktieb għan-Nies Kollha
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Iktar Ktieb li Ġie Mqassam fid-​Dinja
  • Rekord Uniku taʼ Preservazzjoni
  • Għal-​Lingwi li Jitkellmu n-​Nies Illum
  • Jistħoqqilha l-​Fiduċja Tagħna
  • Ktieb li “Jitkellem” b’Lingwi Ħajjin
    Ktieb Għan-Nies Kollha
  • Kif Baqaʼ Jeżisti l-​Ktieb?
    Ktieb Għan-Nies Kollha
  • Veru Li L-Bibbja Ġejja Minn Alla?
    Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art
  • Il-Bibbja Kif Baqgħet Teżisti sal-Lum?
    Stenbaħ!—2007
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
w98 4/1 pp. 10-15

Ktieb għan-​Nies Kollha

“Alla ma jħares lejn wiċċ ħadd, imma jilqaʼ lil kull min għandu l-​biżaʼ tiegħu u jagħmel is-​sewwa, ikun minn liema poplu jkun.”—ATTI 10:34, 35.

1. Wieħed professur kif wieġeb meta ġie mistoqsi x’kien jaħseb dwar il-​Bibbja, u x’iddeċieda li jagħmel?

IL-​PROFESSUR kien id-​dar il-​Ħadd wara nofsinhar, u ma kien qiegħed jistenna lil ħadd imur għandu. Imma meta waħda minn ħutna l-​Kristjani marret għandu, hu qagħad jismagħha. Hi kellmitu dwar it-​tniġġis u l-​futur tad-​dinja​—suġġetti li lilu kienu jinteressawh. Madankollu, meta din daħħlet il-​Bibbja fid-​diskussjoni, hu deher xettiku. Għalhekk staqsietu x’kien jidhirlu mill-​Bibbja.

“Hija ktieb tajjeb li nkiteb minn xi rġiel intelliġenti,” wieġeb hu, “imma l-​Bibbja ma tridx tittieħed bis-​serjetà.”

“Qatt qrajtha l-​Bibbja?” staqsietu hi.

Maħsud, il-​professur kellu jammetti li ma kienx qraha.

Imbagħad staqsiet: “Kif tistaʼ tesprimi konvinzjoni soda dwar ktieb li qatt ma qrajt?”

Oħtna laqtet il-​musmar fuq rasu. Il-​professur iddeċieda li jeżamina l-​Bibbja u mbagħad jifforma opinjoni dwarha.

2, 3. Il-​Bibbja għala hija ktieb magħluq għal ħafna nies, u dan liema sfida jippreżentalna?

2 Il-​professur m’huwiex waħdu f’dan ir- rigward. Ħafna nies għandhom opinjonijiet fissi dwar il-​Bibbja avolja qatt ma qrawha personalment. Jistaʼ jkun li għandhom Bibbja. Għandhom mnejn saħansitra jirrikonoxxu l-​valur letterarju jew storiku tagħha. Imma għal ħafna, din hija ktieb magħluq. Xi wħud jgħidu, ‘M’għandix ċans naqra l-​Bibbja.’ Oħrajn jistaqsu bejnhom u bejn ruħhom, ‘Kif qatt jistaʼ ktieb antik ikun relevanti f’ħajti?’ Opinjonijiet bħal dawn jippreżentawlna sfida tabilħaqq. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah jemmnu bis-​sħiħ li l-​Bibbja “hija mnebbħa minn Alla, u tiswa biex wieħed jgħallem.” (2 Timotju 3:16, 17) Iżda kif nistgħu nikkonvinċu lin-​nies li, hu x’inhu l-​isfond razzjali, nazzjonali, jew etniku tagħhom, huma għandhom jeżaminaw il-​Bibbja?

3 Ejjew niddiskutu xi ftit raġunijiet għala l-​Bibbja jistħoqqilha li tiġi eżaminata. Din id-​diskussjoni tistaʼ tgħammarna biex nirraġunaw maʼ dawk li niltaqgħu magħhom fil-​ministeru tagħna, u forsi nikkonvinċuhom li għandhom jikkunsidraw dak li tgħid il-​Bibbja. Fl-​istess ħin, din ir-​reviżjoni għandha ssaħħaħ l-​istess fidi tagħna li l-​Bibbja hija, tabilħaqq, dak li ssostni li hi​—“il-​kelma taʼ Alla.”—Lhud 4:12.

L-​Iktar Ktieb li Ġie Mqassam fid-​Dinja

4. Għala jistaʼ jingħad li l-​Bibbja hija l-​iktar ktieb imqassam fid-​dinja?

4 L-​ewwel, il-​Bibbja jixirqilha konsiderazzjoni għaliex fil-​wisaʼ hija l-​ktieb li l-​iktar ġie ċċirkolat u tradott fl-​istorja kollha taʼ l-​umanità. ’Il fuq minn 500 sena ilu, l-​ewwel edizzjoni stampata minn tipi taċ-​ċomb ħarġet mill-​istamperija taʼ Johannes Gutenberg. Minn dak in-​nhar ’l hawn, huwa stmat li ġew stampati erbaʼ biljun Bibbja, sħiħa jew partijiet minnha. Sa l-​1996, il-​Bibbja sħiħa jew partijiet minnha kienu ġew tradotti f’2,167 lingwa u djalett.a ’Il fuq minn 90 fil-​mija tal-​familja umana għandhom aċċess għal minn taʼ l-​inqas parti mill-​Bibbja bil-​lingwa tagħhom stess. Ebda ktieb ieħor​—reliġjuż jew mhux—​ma jersaq qrib din il-​figura!

5. Għala għandna nistennew li l-​Bibbja tkun aċċessibbli għan-​nies mad-​dinja kollha?

5 L-​istatistiċi waħedhom m’humiex prova li l-​Bibbja hija l-​Kelma t’Alla. Madankollu, għandna ċertament nistennew li dokumentazzjoni miktuba li hija mnebbħa minn Alla tkun aċċessibbli għan-​nies mad-​dinja kollha. Wara kollox, il-​Bibbja nfisha tgħidilna li “Alla ma jħares lejn wiċċ ħadd, imma jilqaʼ lil kull min għandu l-​biżaʼ tiegħu u jagħmel is-​sewwa, ikun minn liema poplu jkun.” (Atti 10:34, 35) Bħal ebda ktieb ieħor, il-​Bibbja qasmet fruntieri nazzjonali u għelbet ostakli razzjali u etniċi. Verament li l-​Bibbja hija ktieb għan-​nies kollha!

Rekord Uniku taʼ Preservazzjoni

6, 7. Għala m’hijiex ħaġa taʼ l-​iskantament li ebda waħda mill-​kitbiet oriġinali tal-​Bibbja m’hi magħrufa li għadha teżisti, u dan liema mistoqsija jqajjem?

6 Hemm raġuni oħra għala l-​Bibbja jistħoqqilha li tiġi eżaminata. Din baqgħet teżisti minkejja ostakli kemm naturali u kemm umani. Id-​dokumentazzjoni dwar kif ġiet ippreservata minkejja sfidi tremendi hija verament unika fost il-​kitbiet antiki.

7 Il-​kittieba tal-​Bibbja evidentement iddokumentaw kliemhom bil-​linka fuq il-​papiru (magħmul mix-​xitla Eġizzjana taʼ l-​istess isem) u l-​parċmina (magħmula mill-​ġlud taʼ l-​annimali).b (Ġob 8:11) Madankollu, materjali tal-​kitba bħal dawn għandhom għedewwa naturali. L-​istudjuż Oscar Paret jispjega: “Dawn iż-​żewġ mezzi taʼ kitba huma suxxettibbli ndaqs għall-​periklu taʼ l-​umdità, tal-​moffa, u taʼ diversi għamliet taʼ dud. Aħna nafu mill-​esperjenza tagħna taʼ kuljum kemm huwa faċli li l-​karta u saħansitra l-​ġilda b’saħħitha, jiddeterjoraw fl-​arja aperta jew f’xi kamra umda.” Mela m’hemmx għalfejn wieħed jiskanta li ebda waħda mill-​kitbiet oriġinali m’hi magħrufa li għadha teżisti; x’aktarx li dawn iddiżintegraw żmien twil ilu. Imma jekk il-​kitbiet oriġinali waqgħu vittma t’għedewwa naturali, il-​Bibbja kif baqgħet teżisti?

8. Matul is-​sekli, kif ġew ippreservati l-​kitbiet tal-​Bibbja?

8 Ftit taż-​żmien wara li nkitbu l-​oriġinali, bdew jinħarġu kopji miktubin bl-​idejn. Fil-​fatt, l-​ikkopjar tal-​Liġi u partijiet oħrajn taʼ l-​Iskrittura Mqaddsa sar professjoni f’Iżrael tal-​qedem. Per eżempju, Esdra l-​qassis, huwa deskritt bħala “skriba jaf tajjeb il-​Liġi taʼ Mosè.” (Esdra 7:6, 11; qabbel Salm 45:2 [Salm 45:1, NW].) Imma l-​kopji li saru kienu wkoll suġġetti għat-​tmermir; eventwalment dawn kellhom jiġu ssostitwiti minn jerġaʼ kopji oħrajn miktubin bl-​idejn. Dan il-​proċess taʼ l-​ikkopjar tal-​kopji dam sejjer għal sekli sħaħ. Ladarba l-​bnedmin m’humiex perfetti, l-​iżbalji li għamlu l-​kopjisti bidlu t-​test tal-​Bibbja sostanzjalment? L-​abbundanza taʼ evidenza tgħid le!

9. L-​eżempju tal-​Masoreti kif juri l-​preċiżjoni u l-​eżattezza tal-​kopjisti tal-​Bibbja?

9 Il-​kopjisti mhux biss kienu tas-​sengħa ġmielhom, imma huma kellhom ukoll rispett profond lejn il-​kliem li kienu jikkopjaw. Il-​kelma Ebrajka għal “kopjist” għandha referenza għal għadd u dokumentar. Biex nagħtu stampa tal-​preċiżjoni u l-​eżattezza tal-​kopjisti, ikkunsidra l-​Masoreti, kopjisti taʼ l-​Iskrittura Ebrajka li għexu bejn is-​sitt u l-​għaxar seklu E.K. Skond l-​istudjuż Thomas Hartwell Horne, huma kkalkulaw “kemm-il darba tidher kull ittra taʼ l-​alfabet [Ebrajk] fl-​Iskrittura Ebrajka kollha.” Aħseb ftit dan x’ifisser! Biex jevitaw li jħallu barra mqar ittra waħda, dawn il-​kopjisti dedikati kienu jgħoddu mhux biss il-​kliem ikkopjat, imma wkoll l-​ittri. Iva, skond kif ikkontja wieħed studjuż, jingħad li żammew rendikont taʼ 815,140 ittra individwali fl-​Iskrittura Ebrajka! Sforz diliġenti bħal dan assigura grad għoli t’eżattezza.

10. Liema evidenza konvinċenti hemm li t-​testi Ebrajċi u Griegi, li fuqhom huma bbażati t-​traduzzjonijiet moderni, jirrappreżentaw b’eżattezza l-​kliem tal-​kittieba oriġinali?

10 Fil-​fatt, hemm evidenza konvinċenti li t-​testi Ebrajċi u Griegi li fuqhom huma bbażati t-​traduzzjonijiet moderni jirrappreżentaw b’lealtà rimarkevoli l-​kliem tal-​kittieba oriġinali. L-​evidenza tikkonsisti f’eluf taʼ kopji taʼ manuskritti tal-​Bibbja miktubin bl-​idejn​—bejn wieħed u ieħor 6,000 taʼ l-​Iskrittura Ebrajka kollha jew partijiet minnha u xi 5,000 taʼ l-​Iskrittura Kristjana bil-​Grieg—​li għadhom jeżistu sa żmienna. Analisi bir-​reqqa u komparattiva tal-​ħafna manuskritti eżistenti għenet lill-​istudjużi tat-​testi biex jindunaw b’xi żbalji tal-​kopjisti u jiddeterminaw it-​test oriġinali. Waqt li kkummenta fuq it-​test taʼ l-​Iskrittura Ebrajka, l-​istudjuż William H. Green setaʼ b’hekk jistqarr: “Nistgħu ngħidu bla biżaʼ li l-​ebda xogħol tal-​qedem ma ġie trasmess b’tant eżattezza.” Aħna nistgħu jkollna fiduċja simili fit-​test taʼ l-​Iskrittura Griega Kristjana.

11. Fid-​dawl taʼ l-1 Pietru 1:24, 25, il-​Bibbja għala baqgħet teżisti sa żmienna?

11 Kemm kienet tgħib faċilment il-​Bibbja kieku ma kienx għall-​kopji miktubin bl-​idejn li ħadu post dawk oriġinali, bil-​messaġġ prezzjuż taʼ ġo fihom! Hemm raġuni waħda biss għala baqgħet teżisti​—Jehovah hu Dak li jippreserva u jipproteġi l-​Kelma tiegħu. Bħalma tgħid il-​Bibbja stess, fl-1 Pietru 1:24, 25: “Kull bniedem hu bħal ħaxix, u l-​glorja tiegħu kollha bħal ward ir-​rabaʼ; il-​ħaxix jinxef u l-​ward jaqaʼ imma l-​kelma tal-​Mulej tibqaʼ għal dejjem.”

Għal-​Lingwi li Jitkellmu n-​Nies Illum

12. Barra mill-​ikkopjar għal darba wara l-​oħra matul is-​sekli, liema ostaklu ieħor ħabtet wiċċha miegħu l-​Bibbja?

12 Li tibqaʼ teżisti wara sekli sħaħ taʼ kkopjar għal darba wara l-​oħra kien taʼ sfida biżżejjed, imma l-​Bibbja ffaċċjat ostaklu ieħor​—traduzzjoni għal-​lingwi kontemporanji. Il-​Bibbja trid titkellem bil-​lingwa tan-​nies sabiex tilħqilhom qlubhom. Madankollu, li wieħed jittraduċi l-​Bibbja​—bl-​iktar mill-​1,100 kapitlu u 31,000 vers li fiha—​m’hijiex xi biċċa xogħol faċli. Madankollu, matul is-​sekli, tradutturi dedikati aċċettaw l-​isfida bil-​ferħ, u kultant kellhom iħabbtu wiċċhom maʼ ostakli li dehru li ma setgħux jiġu megħlubin!

13, 14. (a) It-​traduttur tal-​Bibbja, Robert Moffat, liema sfida kellu jħabbat wiċċu magħha fl-​Afrika, kmieni fis-​seklu 19? (b) In-​nies li jitkellmu bl-​ilsien Zwanan kif irreaġixxew meta l-​Vanġelu taʼ Luqa sar disponibbli bil-​lingwa tagħhom?

13 Ikkunsidra, per eżempju, kif il-​Bibbja ġiet tradotta fil-​lingwi taʼ l-​Afrika. Fl-​1800, kien hemm biss madwar tużżana lingwi miktubin fl-​Afrika. Mijiet taʼ lingwi mitkellma oħrajn ma kellhom ebda sistema taʼ kitba. Din kienet l-​isfida li kellu jħabbat wiċċu magħha t-​traduttur tal-​Bibbja Robert Moffat. Fl-​1821, fl-​età taʼ 25 sena, Moffat waqqaf missjoni fost in-​nies tan-​Nofsinhar taʼ l-​Afrika li kienu jitkellmu bl-​ilsien Zwanan. Biex jitgħallem il-​lingwa tagħhom li ma kinitx tinkiteb, hu tħallat man-​nies. Moffat ippersevera u, mingħajr l-​għajnuna taʼ kotba sempliċi jew dizzjunarji, hu eventwalment irnexxielu jsib irkaptu tal-​lingwa, żviluppa forma miktuba għaliha, u għallem lil xi nies miz-​Zwana jaqraw dak l-​iskritt. Fl-​1829, wara li ħadem fost iz-​Zwanani għal tmien snin, hu spiċċa jittraduċi l-​Vanġelu taʼ Luqa. Iktar tard hu qal: “Kont naf b’individwi li ġew mijiet taʼ mili biex jiksbu kopji taʼ San Luqa. . . . Rajthom jirċievu partijiet minn San Luqa, jibku fuqhom, u jħaddnuhom maʼ sidirhom, u jxerrdu dmugħ taʼ ħajr, sakemm għedt lil iktar minn wieħed minnhom, ‘Se tgħarraq il-​kotba tiegħek bid-​dmugħ.’” Moffat irrakkonta wkoll dwar raġel Afrikan li ra numru taʼ nies jaqraw il-​Vanġelu taʼ Luqa u staqsiehom x’kellhom f’idejhom. “Din hi l-​kelma t’Alla,” weġbuh huma. “Din titkellem?” staqsa r-​raġel. “Iva,” qalulu, “tkellem lill-​qalb.”

14 Tradutturi dedikati bħal Moffat taw lil bosta Afrikani l-​ewwel opportunità biex jikkomunikaw bil-​miktub. Imma t-​tradutturi taw lin-​nies taʼ l-​Afrika rigal saħansitra iktar prezzjuż​—il-​Bibbja bl-​ilsien tagħhom stess. Iktar minn hekk, Moffat introduċa l-​isem divin lin-​nies taʼ Zwana, u uża dak l-​isem matul it-​traduzzjoni tiegħu kollha.c B’hekk, iz-​Zwanani rreferew għall-​Bibbja bħala “fomm Jehovah.”—Salm 83:19 [Salm 83:18, NW].

15. Il-​Bibbja għala hija verament ħajja llum?

15 Tradutturi oħrajn f’diversi partijiet tad-​dinja ħabbtu wiċċhom maʼ ostakli simili. Xi wħud saħansitra pperikolaw ħajjithom biex jittraduċu l-​Bibbja. Aħseb daqsxejn dwar dan: Li kieku l-​Bibbja baqgħet biss bl-​Ebrajk antik u bil-​Grieg antik, kieku din forsi ilha “mejta,” għax dawk il-​lingwi maż-​żmien intesew kważi għalkollox mill-​massa tan-​nies u qatt ma kienu magħrufin f’ħafna partijiet taʼ l-​art. Madankollu, il-​Bibbja hija verament ħajja għaliex, kuntrarju għal kwalunkwe ktieb ieħor, din tistaʼ “tkellem” lin-​nies tad-​dinja kollha bil-​lingwa tagħhom stess. Bħala riżultat, il-​messaġġ tagħha jibqaʼ ‘jaħdem fikom li emmintu [fiha].’ (1 Tessalonikin 2:13) The Jerusalem Bible tpoġġiha f’dawn il-​kelmiet: “Għadha qawwa ħajja fostkom li temmnu fiha.”

Jistħoqqilha l-​Fiduċja Tagħna

16, 17. (a) Biex il-​Bibbja tkun taʼ min jafdaha, liema evidenza għandu jkun hemm? (b) Agħti eżempju wieħed li juri s-​sinċerità tal-​kittieb tal-​Bibbja, Mosè.

16 ‘Tistaʼ verament tafdaha l-​Bibbja?’ xi wħud jistgħu jgħidu bejnhom u bejn ruħhom. ‘Tirreferi din għal nies li għexu tassew, postijiet li attwalment eżistew, u ġrajjiet li ġraw verament?’ Jekk inhu hekk, għandu jkun hemm evidenza li din kienet miktuba minn kittieba attenti u onesti. Dan iġibna għal raġuni oħra għala għandna neżaminaw il-​Bibbja: Hemm evidenza solida li hija eżatta u taʼ min jorbot fuqha.

17 Kittieba onesti jiddokumentaw mhux biss is-​suċċessi imma wkoll il-​fallimenti, mhux biss il-​qawwiet imma wkoll id-​dgħjufijiet. Il-​kittieba tal-​Bibbja wrew sinċerità rifreskanti bħal din. Ikkunsidra, per eżempju, kemm Mosè ma kienx jinħeba wara subgħajh. Fost l-​affarijiet li rrapporta bla tlaqliq kien hemm in-​nuqqas taʼ elokwenza fil-​kliem, li fl-​opinjoni tiegħu, dan għamlu mhux addattat li jkun il-​Mexxej taʼ Iżrael (Eżodu 4:10); l-​iżball serju li għamel u li minħabba fih ma setax jidħol fl-​Art Imwiegħda (Numri 20:9-12; 27:12-14); il-​fatt li ħuh Aron żgarra billi kkoopera maʼ l-​Iżraeliti ribellużi f’li jagħmlu l-​għoġol tad-​deheb (Eżodu 32:1-6); l-​irvell t’oħtu Mirjam, u l-​kastig umiljanti tagħha (Numri 12:1-3, 10); l-​ipprofanar li kkaġunaw neputijietu Nadab u Abiħu (Levitiku 10:1, 2); u l-​ilmentar u t-​tgergir ripetut taʼ l-​istess poplu t’Alla. (Eżodu 14:11, 12; Numri 14:1-10) Ma jindikax rapportar onest u miftuħ bħal dan tħassib sinċier għall-​verità? Ladarba l-​kittieba tal-​Bibbja kienu lesti li jirrapportaw informazzjoni xejn favorevoli dwar il-​maħbubin tagħhom, nieshom, u saħansitra dwarhom infushom, m’għandniex aħna raġuni tajba biex nafdaw kitbiethom?

18. Liema ħaġa tittimbra l-​kitbiet tal-​kittieba tal-​Bibbja bħala taʼ min jafdahom?

18 Il-​konsistenza tal-​kittieba tal-​Bibbja tittimbra wkoll il-​kitbiet tagħhom bħala taʼ min jafdahom. Huwa verament rimarkevoli kif erbgħin raġel li kitbu tul medda taʼ madwar 1,600 sena huma fi qbil, saħansitra fejn jidħlu dettalji żgħar. Madankollu, din l-​armonija m’hijiex tant irranġata bir-​reqqa li tqanqal xi suspetti taʼ kollużjoni. Għall-​kuntrarju, huwa ovvju li l-​qbil fid-​diversi dettalji ma kienx intenzjonat; taʼ spiss din l-​armonija hija purament b’koinċidenza.

19. Ir-​rakkonti dwar l-​arrest taʼ Ġesù li jinsabu fil-​Vanġeli kif jirrivelaw qbil li b’mod ċar ma kienx intenzjonat?

19 Biex nagħtu eżempju, ejjew nikkunsidraw inċident li seħħ fil-​lejl li fih Ġesù ġie arrestat. L-​erbaʼ kittieba tal-​Vanġeli kollha jiddokumentaw li wieħed mid-​dixxipli silet sejf u xejjirha lil wieħed irsir tal-​qassis il-​kbir, u qatagħlu widintu. Luqa biss, madankollu, jgħidilna li Ġesù “messlu widintu u fejjqu.” (Luqa 22:51) Imma mhux xi ħaġa hekk nistennew mill-​kittieb li kien magħruf bħala t-​“tabib għażiż”? (Kolossin 4:14) Ir-​rakkont taʼ Ġwanni jgħidilna li mid-​dixxipli kollha li kienu preżenti, dak li silet is-​sejf kien Pietru​—fatt li m’huwiex sorprendenti meta wieħed iqis it-​tendenza li kellu Pietru li ma jaħsibhiex darbtejn u li kien impulsiv. (Ġwann 18:10; qabbel Mattew 16:22, 23 u Ġwann 21:7, 8.) Ġwanni jirrapporta dettall ieħor li ma tantx jidher neċessarju: “Dan il-​qaddej kien jismu Malku.” Għala huwa Ġwanni biss li jagħti isem ir-​raġel? L-​ispjegazzjoni hija pprovduta minn fatt taʼ ftit importanza mistqarr b’kumbinazzjoni biss fir-​rakkont taʼ Ġwanni​—Ġwanni “kien midħla tal-​qassis il-​kbir.” Kien ukoll jaf lin-​nies taʼ dar il-​qassis il-​kbir; il-​qaddejja kienu midħla tiegħu, u hu tagħhom.d (Ġwann 18:10, 15, 16) Huwa naturali, allura, li Ġwanni jsemmi isem ir-​raġel ferut, fil-​waqt li l-​kittieba l-​oħrajn tal-​Vanġeli, li għalihom dar-raġel kien evidentement stranġier, ma jsemmuhx. Il-​qbil bejn dawn id-​dettalji kollha huwa rimarkevoli, u madankollu, jidher ċar li ma kienx intenzjonat. Hemm partita eżempji simili matul il-​Bibbja kollha.

20. Nies taʼ qalb onesta x’jeħtieġ li jsiru jafu dwar il-​Bibbja?

20 Mela nistgħu aħna nafdawha l-​Bibbja? Assolutament! Is-​sinċerità tal-​kittieba tal-​Bibbja u l-​konsistenza interna tal-​Bibbja jagħtuha t-​timbru ċar li qiegħda tgħid il-​verità. Nies taʼ qalb onesta jeħtieġ li jsiru jafu li huma jistgħu jafdaw il-​Bibbja, għax hija l-​Kelma mnebbħa tal-​“Mulej, Alla tas-​sewwa.” (Salm 31:6 [Salm 31:5, NW]) Hemm iktar raġunijiet għala l-​Bibbja hija ktieb għan-​nies kollha, bħalma se jiddiskuti l-​artiklu li jmiss.

[Noti taʼ taħt]

a Ibbażat fuq figuri ppubblikati mill-​United Bible Societies.

b Matul it-​tieni darba li kien il-​ħabs f’Ruma, Pawlu talab lil Timotju biex iġiblu l“-kotba [“r-​rombli,” New World Translation], l-​aktar il-​parċmini.” (2 Timotju 4:13) Pawlu kien x’aktarx qed jitlob għall-​partijiet mill-​Iskrittura Ebrajka sabiex setaʼ jistudjahom waqt li kien qiegħed il-​ħabs. Il-​frażi “l-​aktar il-​parċmini” għandha mnejn tindika li kemm ir-​rombli tal-​papiru u kemm oħrajn tal-​parċmina kienu involuti.

c Fl-1838, Moffat lesta traduzzjoni taʼ l-​Iskrittura Griega Kristjana. Bil-​għajnuna taʼ kollega spiċċa t-​traduzzjoni taʼ l-​Iskrittura Ebrajka fl-​1857.

d Il-fatt li Ġwanni kien familjari mal-​qassis il-​kbir u man-​nies taʼ daru jidher ukoll iktar tard fir-​rakkont. Meta rsir ieħor tal-​qassis il-​kbir jakkuża lil Pietru li kien wieħed mid-​dixxipli taʼ Ġesù, Ġwanni jispjega li dan l-​irsir kien “jiġi minn dak ir-​raġel li Pietru kien qatagħlu widintu.”—Ġwann 18:26.

Int Kif Twieġeb?

◻ Għala għandna nistennew li l-​Bibbja tkun l-​iktar ktieb aċċessibbli fid-​dinja?

◻ Liema evidenza hemm li l-​Bibbja ġiet ippreservata b’eżattezza?

◻ Liema ostakli ħabbtu wiċċhom magħhom dawk li ttraduċew il-​Bibbja?

◻ X’inhu dak li jittimbra l-​kitbiet tal-​Bibbja bħala taʼ min jafdahom?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja