LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • bt kap. 7 pp. 52-59
  • Ixandru “l-Aħbar Tajba Dwar Ġesù”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ixandru “l-Aħbar Tajba Dwar Ġesù”
  • Nagħtu Xhieda bid-Dettall Dwar is-Saltna t’Alla
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “Id-Dixxipli li Nxterdu” (Atti 8:4-8)
  • “Agħtuha Lili Wkoll Din l-Awtorità” (Atti 8:9-25)
  • “Qed Tifhem Dak Kollu li Qed Taqra?” (Atti 8:26-40)
  • Filippu—Evanġelista Żeluż
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Uri l-Ispirtu taʼ Pijunier
    Il-Ministeru tas-Saltna—2004
  • Kont Taf?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2024
  • Teħtieġ l-Għajnuna biex Tifhem il-Bibbja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
Ara Iżjed
Nagħtu Xhieda bid-Dettall Dwar is-Saltna t’Alla
bt kap. 7 pp. 52-59

KAPITLU 7

Ixandru “l-Aħbar Tajba Dwar Ġesù”

Filippu jħalli eżempju bħala evanġelizzatur

Ibbażat fuq Atti 8:4-40

1, 2. L-isforzi biex iwaqqfu lin-nies t’Alla milli jippritkaw l-aħbar tajba, kif kellhom effett oppost fl-ewwel seklu?

TFAQQA’ mewġa taʼ persekuzzjoni ħarxa, u Sawl jibda “jħarbat” lill-kongregazzjoni—espressjoni li fil-lingwa oriġinali tiddeskrivi krudeltà brutali. (Atti 8:3) Id-dixxipli jaħarbu, u għal xi wħud donnu jidher li l-mira taʼ Sawl li jeqred il-Kristjanità dalwaqt kienet se sseħħ. Madankollu, it-tixrid tal-Kristjani rriżulta f’xi ħaġa li ma kinitx mistennija. X’inhi?

2 Dawk li jinxterdu jibdew ‘ixandru l-aħbar tajba’ fil-pajjiżi li ħarbu fihom. (Atti 8:4) Immaġina ftit! Il-persekuzzjoni mhux biss ma rnexxilhiex twaqqaf lin-nies t’Alla milli jippritkaw l-aħbar tajba, imma, fil-fatt, għenet biex il-messaġġ jinxtered! Billi xerrdu lid-dixxipli, il-persekuturi mingħajr ma riedu ppermettew li x-xogħol tal-ippritkar tas-Saltna jinfirex f’territorji ’l bogħod. Bħalma se naraw, ġrat xi ħaġa simili fi żmienna.

“Id-Dixxipli li Nxterdu” (Atti 8:4-8)

3. (a) Min hu Filippu? (b) Il-biċċa l-kbira tan-nies fis-Samarija għala kienu għadhom ma semgħux bl-aħbar tajba, u madankollu Ġesù x’kien bassar li kellu jiġri f’dan it-territorju?

3 Wieħed “mid-dixxipli li nxterdu” kien Filippu.a (Atti 8:4; ara l-kaxxa “Filippu ‘l-Evanġelizzatur.’”) Hu mar is-Samarija, belt li l-biċċa l-kbira tan-nies fiha kienu għadhom ma semgħux bl-aħbar tajba, għax Ġesù qabel kien qal lill-appostli: “Tidħlux f’belt Samaritana. Imma morru biss għand in-nies t’Iżrael.” (Mt. 10:5, 6) Madankollu, Ġesù kien jaf li, maż-żmien, is-Samarija kienet se tingħata xhieda bid-dettall, għax qabel ma telaʼ fis-sema, hu qal: “Se tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm, fil-Lhudija kollha, fis-Samarija, u fl-art kollha.”—Atti 1:8.

4. Is-Samaritani kif iwieġbu għall-ippritkar taʼ Filippu, u liema fattur għandu mnejn ikkontribwixxa għar-reazzjoni tagħhom?

4 Filippu sab li s-Samarija kienet ‘lesta għall-ħsad.’ (Ġw. 4:35) Il-messaġġ tiegħu kien rifreskanti għal dawk li kienu jgħixu hemmhekk, u huwa faċli nifhmu għala. Il-Lhud ma kellhomx kuntatt mas-Samaritani, u ħafna saħansitra kienu jiddisprezzawhom. B’kuntrast, is-Samaritani sabu li l-messaġġ tal-aħbar tajba kien joffri tama lil kulħadd mingħajr distinzjonijiet tal-klassi, u b’hekk kien differenti ħafna mill-ħsieb tal-Fariżej li kellhom moħħhom magħluq. Billi ta xhieda biż-żelu u b’mod imparzjali lis-Samaritani, Filippu wera li ma kienx imtebbaʼ bil-preġudizzju taʼ dawk li kienu jistmerruhom. Mela, mhux taʼ b’xejn li folol Samaritani semgħu lil Filippu b’fehma waħda.—Atti 8:6.

5-7. Agħti eżempji taʼ kif it-tixrid tal-Kristjani wassal biex tinfirex l-aħbar tajba.

5 Illum, bħal fl-ewwel seklu, il-persekuzzjoni tan-nies t’Alla ma waqqfithomx milli jippritkaw. Għal darba wara l-oħra, il-Kristjani ġew imġegħlin jiċċaqalqu minn post għal ieħor—jew f’xi ħabs jew f’xi pajjiż ieħor. Dan għen biss biex jintroduċi l-messaġġ tas-Saltna lin-nies fil-post il-ġdid. Pereżempju, matul it-Tieni Gwerra Dinjija, ix-Xhieda taʼ Ġeħova rnexxielhom jagħtu xhieda mill-aqwa f’kampijiet tal-konċentrament tan-Nazi. Wieħed Lhudi li ltaqaʼ max-Xhieda hemmhekk jirrakkonta: “Il-qlubija tal-priġunieri li kienu Xhieda taʼ Ġeħova kkonvinċietni li l-fidi tagħhom kienet ibbażata fuq l-Iskrittura—u sirt Xhud jien stess.”

6 F’xi każi, anki xi persekuturi ngħataw xhieda u aċċettawha. Pereżempju, meta Xhud jismu Franz Desch ġie trasferit fil-kamp tal-konċentrament taʼ Gusen, fl-Awstrija, hu kellu opportunità jistudja l-Bibbja m’uffiċjal tal-SS. Immaġina l-ferħ tagħhom meta snin wara, iż-żewġt irġiel reġgħu ltaqgħu f’konvenzjoni tax-Xhieda taʼ Ġeħova u t-tnejn li huma kienu proklamaturi tal-aħbar tajba!

7 Ġrat xi ħaġa simili meta l-persekuzzjoni ġiegħlet lil xi Kristjani jaħarbu minn pajjiż għal ieħor. Pereżempju, fis-snin 70, ngħatat xhieda kbira fil-Mozambique meta Xhieda mill-Malawi ġew sforzati jaħarbu hemmhekk. Anki meta qamet l-oppożizzjoni iktar tard fil-Mozambique, ix-xogħol tal-ippritkar baqaʼ għaddej. “Veru, xi wħud minna ġew arrestati diversi drabi minħabba l-attività tal-ippritkar tagħna,” jgħid Francisco Coana. “Madankollu, meta ħafna wieġbu b’mod favorevoli għall-messaġġ tas-Saltna, konna fiduċjużi li Alla kien qed jgħinna, sewwasew bħalma għen lill-Kristjani tal-ewwel seklu.”

8. Bidliet politiċi u ekonomiċi kif kellhom impatt fuq ix-xogħol tal-ippritkar?

8 Naturalment, il-persekuzzjoni ma kinitx l-unika raġuni għat-tkabbir tal-Kristjanità f’territorji barranin. Fi snin reċenti, bidliet politiċi u ekonomiċi wkoll ippermettew li l-messaġġ tas-Saltna jilħaq lin-nies taʼ ħafna lingwi u gruppi nazzjonali. Xi wħud minn postijiet fejn hemm il-gwerra u minn inħawi batuti ekonomikament ħarbu lejn postijiet iktar stabbli u bdew jistudjaw il-Bibbja fil-pajjiż li marru joqogħdu fih. Bil-wasla taʼ ħafna refuġjati nħalqu territorji ġodda taʼ lingwi barranin. Qed tistinka int biex tagħti xhieda lin-nies “minn kull ġens u tribù u poplu u lsien” fit-territorju tiegħek?—Riv. 7:9.

“Agħtuha Lili Wkoll Din l-Awtorità” (Atti 8:9-25)

Xmun dak li qabel kien jipprattika l-maġija jersaq lejn l-appostli b’borża tal-flus. L-appostlu għandu jdejh fuq Kristjan. Fuq wara, Kristjan ieħor qed ifejjaq tifla li ma tistax timxi, waqt li n-nies qed jistagħġbu.

“Meta Xmun ra li n-nies qed jirċievu l-ispirtu qaddis billi l-appostli jqiegħdu jdejhom fuqhom, hu offra l-flus lill-appostli.”​——Atti 8:18

9. Min kien Xmun, u milli jidher x’ressqu lejn Filippu?

9 Filippu wettaq ħafna sinjali fis-Samarija. Pereżempju, fejjaq lil dawk li kellhom xi diżabilitajiet u saħansitra keċċa spirti mill-agħar. (Atti 8:6-8) Kien hemm raġel li kien impressjonat b’mod partikulari bl-għotjiet mirakolużi taʼ Filippu. Dan kien Xmun, wieħed li jipprattika l-maġija u li tant kien stmat li n-nies kienu jgħidu dwaru: “Dan ir-raġel għandu qawwa kbira mingħand Alla.” Imma issa Xmun ra l-qawwa vera t’Alla, bħalma kienet tidher fil-mirakli li wettaq Filippu, u Xmun sar jemmen. (Atti 8:9-13) Imma, iktar tard, il-motivi taʼ Xmun ġew imġarrbin. Kif?

10. (a) Pietru u Ġwanni x’għamlu fis-Samarija? (b) Xmun x’għamel malli ra li d-dixxipli l-ġodda rċivew l-ispirtu qaddis meta Pietru u Ġwanni qiegħdu jdejhom fuqhom?

10 Meta l-appostli saru konxji taż-żieda li kienet qed isseħħ fis-Samarija, huma bagħtu hemmhekk lil Pietru u lil Ġwanni. (Ara l-kaxxa “Pietru Juża ‘ċ-Ċwievet tas-Saltna t’Alla.’”) Malli waslu, iż-żewġ appostli qiegħdu jdejhom fuq id-dixxipli l-ġodda, u mbagħad kull wieħed minnhom irċieva l-ispirtu qaddis.b Meta Xmun ra dan, baqaʼ affaxxinat. “Agħtuha lili wkoll din l-awtorità,” hu qal lill-appostli, “ħalli fuq kull min inqiegħed idejja jirċievi l-ispirtu qaddis.” Xmun saħansitra offrielhom il-flus, bit-tama li jixtri dan il-privileġġ sagru!—Atti 8:14-19.

11. Pietru liema twissija jagħti lil Xmun, u Xmun kif iwieġeb?

11 It-tweġiba taʼ Pietru lil Xmun kienet soda. “Jalla l-fidda tiegħek tinqered miegħek,” qal l-appostlu, “għax int ħsibt li tistaʼ tixtri r-rigal b’xejn t’Alla. Int m’għandek x’taqsam assolutament xejn f’din il-ħaġa, għax m’intix sinċier f’għajnejn Alla.” Imbagħad Pietru ħeġġeġ lil Xmun biex jindem u jitlob maħfra. “Itolbu bil-ħniena lil Ġeħova,” qal Pietru, “forsi jaħfer l-intenzjoni ħażina taʼ qalbek.” Milli jidher, Xmun ma kienx raġel mill-agħar; hu ried jagħmel dak li hu sewwa, imma sempliċement ma kellux il-fehma xierqa. Għalhekk, talab bil-ħrara lill-appostli: “Itolbu bil-ħniena lil Ġeħova għalija, ħalli ma jiġrili xejn minn dak li għedtu.”—Atti 8:20-24.

12. X’inhi “s-simonija,” u kif uriet li kienet nassa fil-Kristjaneżmu?

12 Iċ-ċanfira li Pietru ta lil Xmun (Simon) hi taʼ twissija għall-Kristjani llum. Fil-fatt, il-kelma Maltija “simonija” ġiet ivvintata bħala riżultat taʼ dan l-inċident. “Simonija” tirreferi għall-bejgħ u x-xiri taʼ karigi, speċifikament f’kuntest reliġjuż. L-istorja tal-Kristjaneżmu apostata hi mimlija eżempji taʼ din il-prattika. Tabilħaqq, id-disaʼ edizzjoni taʼ The Encyclopædia Britannica (1878) qalet: “Studju dwar l-istorja tal-konklavi Papali jikkonvinċi lill-istudent li qatt ma kien hemm elezzjoni fil-knisja li ma ċċappsitx bis-simonija, filwaqt li f’għadd kbir tal-każi s-simonija prattikata fil-konklavi kienet tal-iktar tip vulgari, bla mistħija, u sfaċċat.”

13. Il-Kristjani b’liema modi għandhom jgħassu kontra s-simonija?

13 Il-Kristjani għandhom jgħassu kontra d-dnub tas-simonija. Pereżempju, m’għandhomx jipprovaw jiksbu favuri, bħal iktar privileġġi, minn dawk li qegħdin f’pożizzjonijiet taʼ indokrar billi jagħtuhom għotjiet ġenerużi jew tifħir eċċessiv. Min-naħa l-oħra, dawk li huma meqjusin li qegħdin f’pożizzjoni biex jagħtu xi favuri għandhom jevitaw li juru l-favoritiżmu lejn l-uħud għonja. Iż-żewġ sitwazzjonijiet jinvolvu s-simonija. Fil-fatt, il-qaddejja kollha t’Alla għandhom iġibu ruħhom “b’umiltà,” billi jistennew lill-ispirtu taʼ Ġeħova biex jaħtar lil dak li jkun għal privileġġi taʼ servizz. (Lq. 9:48) M’hemmx post fl-organizzazzjoni t’Alla għal dawk li jipprovaw “ifittxu l-glorja tagħhom stess.”—Prov. 25:27.

PIETRU JUŻA “Ċ-ĊWIEVET TAS-SALTNA T’ALLA”

Ġesù qal lil Pietru: “Se nagħtik iċ-ċwievet tas-Saltna t’Alla.” (Mt. 16:19) X’ried ifisser Ġesù? Ir-referenza tiegħu għaċ-“ċwievet” indikat li Pietru kien se jestendi l-għarfien u jiftaħ opportunitajiet għal gruppi distinti biex jidħlu fis-Saltna Messjanika. Pietru f’liema okkażjonijiet uża dawn iċ-ċwievet?

  • Pietru uża l-ewwel muftieħ f’Pentekoste tas-sena 33 WK meta ħeġġeġ lil-Lhud u l-proseliti Lhud biex jindmu u jitgħammdu. Xi 3,000 ruħ hekk għamlu, u saru werrieta prospettivi tas-Saltna.—Atti 2:1-41.

  • It-tieni muftieħ intuża ftit wara li Stiefnu miet martri. F’dan il-każ, Pietru u Ġwanni qiegħdu jdejhom fuq is-Samaritani li kienu għadhom kif tgħammdu, u wara dan, dawn l-uħud li kienu kkonvertew irċivew l-ispirtu qaddis.—Atti 8:14-17.

  • Pietru uża t-tielet muftieħ fis-sena 36 WK. F’dik is-sena, hu estenda t-tama għas-sema bħala wirt lill-Ġentili mhux ċirkonċiżi. Dan seħħ meta l-appostlu ta xhieda lil Kornelju, l-ewwel Ġentil mhux ċirkonċiż li sar dixxiplu Kristjan.—Atti 10:1-48.

“Qed Tifhem Dak Kollu li Qed Taqra?” (Atti 8:26-40)

14, 15. (a) Min kien l-“ewnuku Etjopjan,” u Filippu kif sabu? (b) Ir-raġel Etjopjan kif wieġeb għall-messaġġ taʼ Filippu, u l-magħmudija tiegħu għala ma kinitx att impulsiv? (Ara n-nota taʼ taħt.)

14 Issa l-anġlu taʼ Ġeħova għarraf lil Filippu biex jivvjaġġa fit-triq li minn Ġerusalemm tinżel għal Gaża. Jekk Filippu ħaseb dwar għala għandu jmur hemmhekk, malajr sar jaf ir-raġuni wara li ltaqaʼ m’ewnuku Etjopjan li kien qed “jaqra b’leħen għoli dak li kiteb il-profeta Isaija.” (Ara l-kaxxa “‘Ewnuku’ f’Liema Sens?”) L-ispirtu qaddis taʼ Ġeħova qanqal lil Filippu biex jersaq lejn il-karru tar-raġel. “Qed tifhem dak kollu li qed taqra?” hu staqsa lill-Etjopjan waqt li kien qed jiġri maġenb il-karru. “Kif nistaʼ nifhem,” wieġeb l-Etjopjan, “jekk ħadd ma jgħallimni?”—Atti 8:26-31.

15 L-Etjopjan stieden lil Filippu biex jitlaʼ fil-karru. Immaġina x’diskussjoni kellhom! L-identità tan-“nagħġa” jew “qaddej,” tal-profezija taʼ Isaija kienet ilha żmien twil misteru. (Is. 53:1-12) Madankollu, hekk kif komplew jivvjaġġaw, Filippu spjega lill-ewnuku Etjopjan li din il-profezija twettqet f’Ġesù Kristu. Bħal dawk li tgħammdu f’Pentekoste tas-sena 33 WK, l-Etjopjan—li diġà kien proselita Lhudi—mill-ewwel kien jaf x’għandu jagħmel. “Ara!” hu qal lil Filippu. “Hawn l-ilma! X’qed iżommni milli nitgħammed?” L-Etjopjan tgħammed minn Filippu mingħajr dewmien!c (Ara l-kaxxa “Il-Magħmudija ‘fl-Ilma.’”) Wara dan, l-ispirtu taʼ Ġeħova ggwida lil Filippu lejn inkarigu ġdid f’Asdod, fejn kompla jipprietka l-aħbar tajba.—Atti 8:32-40.

“EWNUKU” F’LIEMA SENS?

It-terminu Grieg ewnukos, tradott “ewnuku,” jistaʼ jirreferi jew għal raġel li ġie mċaħħad mill-abbiltà tiegħu li jnissel it-tfal jew sempliċement għal uffiċjal għoli tal-palazz. Uffiċjali tal-palazz li kienu jieħdu ħsieb il-ħarem tar-re għandhom mnejn kienu jiġu kastrati, imma l-emaskulazzjoni ma kinitx ħtieġa għal uffiċjali oħrajn, bħall-kuppier jew dak li jieħu ħsieb it-teżor tar-re. L-ewnuku Etjopjan li għammed Filippu evidentement kien dan it-tip t’uffiċjal, għax hu kien jieħu ħsieb teżor irjali. Bażikament, kien ministru tal-finanzi.

L-Etjopjan kien ukoll proselita—jiġifieri, wieħed mhux Lhudi li ħaddan il-qima taʼ Ġeħova. Infatti, kien għadu kif kien Ġerusalemm għall-qima. (Atti 8:27) Minħabba dan, nistgħu nikkonkludu li l-Etjopjan ma setax kien ewnuku fis-sens letterali, għax il-Liġi Mosajka kienet tipprojbixxi lill-irġiel kastrati milli jsiru parti mill-kongregazzjoni taʼ Iżrael.—Dt. 23:1.

IL-MAGĦMUDIJA “FL-ILMA”

Il-magħmudija Kristjana kif issir? Xi wħud jemmnu li hu biżżejjed li wieħed iferraʼ jew iroxx ftit ilma fuq ras dak li jkun. Madankollu, ir-rakkont jgħid li kemm Filippu u l-ewnuku ‘niżlu fl-ilma.’ (Atti 8:36, 38) Jekk kulma kien meħtieġ kien li wieħed iferraʼ jew iroxx ftit ilma, allura ma kienx ikun neċessarju għall-ewnuku li jwaqqaf il-karru tiegħu fejn kien hemm l-ilma. Għax anki ammont minimu taʼ ilma, bħalma kien ikun fih flixkun tal-ġild, kien ikun biżżejjed. Fil-fatt, hu probabbilment kellu flixkun bħal dan minħabba li kien qed jivvjaġġa fi “triq fid-deżert.”—Atti 8:26.

Skont id-dizzjunarju A Greek-English Lexicon, minn Liddell u Scott, il-kelma Griega baptiżo tfisser “għaddas, niżżel.” Referenzi Bibliċi għall-magħmudija jaqblu maʼ din id-definizzjoni. Ġwanni 3:23 jgħid li Ġwanni “kien qed jgħammed. Hu kien qiegħed f’Għajnun qrib Salim fejn kien hemm għadira kbira.” Bl-istess mod, ir-rakkont tal-magħmudija taʼ Ġesù jgħid: “Malli telaʼ mill-ilma, [Ġesù] ra s-sema tinfetaħ.” (Mk. 1:9, 10) Għalhekk, il-Kristjani veri jitgħammdu b’mod xieraq billi jitniżżlu kompletament taħt l-ilma.

16, 17. Illum, l-anġli kif inhuma involuti fix-xogħol tal-ippritkar?

16 Il-Kristjani llum għandhom il-privileġġ li jieħdu sehem f’xogħol bħal dak li għamel Filippu. Spiss, ikunu jistgħu jippreżentaw il-messaġġ tas-Saltna lil dawk li jiltaqgħu magħhom b’mod informali, bħal meta jkunu qed jivvjaġġaw. F’ħafna każi, jidher ċar li mhuwiex kumbinazzjoni meta jiltaqgħu ma’ xi ħadd taʼ qalb onesta. Dan hu mistenni, għax il-Bibbja tagħmilha ċara li l-anġli qed jidderieġu x-xogħol tal-ippritkar sabiex il-messaġġ jilħaq “lil kull ġens u tribù u lsien u poplu.” (Riv. 14:6) Id-direzzjoni anġelika fix-xogħol tal-ippritkar hi eżattament dak li bassar Ġesù. Fit-tixbiha tiegħu tal-qamħ u l-ħaxix ħażin, Ġesù qal li matul żmien il-ħsad—fl-aħħar jiem taʼ din id-dinja—“li jaħsdu huma l-anġli.” Hu żied jgħid li dawn il-ħlejjaq spirti kienu se “jneħħu mis-Saltna tiegħi lil dawk li jġiegħlu lil oħrajn jidinbu u lil dawk li jagħmlu l-ħażen.” (Mt. 13:37-41) Fl-istess ħin, Ġeħova qed juża l-anġli biex jiġbor lil dawk li għandhom it-tama li jgħixu fis-sema u lill-“folla kbira” taʼ “nagħaġ oħrajn” biex ikunu l-poplu tiegħu.—Riv. 7:9; Ġw. 6:44, 65; 10:16.

17 Bħala evidenza li dan qed iseħħ, xi wħud minn dawk li navviċinawhom fil-ministeru tagħna jgħidu li kienu qed jitolbu għall-għajnuna t’Alla. Ikkunsidra esperjenza waħda li fiha żewġ pubblikaturi tas-Saltna kellhom magħhom tifel żgħir. Fi tmiem l-għodwa, iż-żewġ Xhieda kienu se jieqfu mix-xogħol tal-ippritkar tagħhom, imma t-tifel kellu ħerqa mhux tas-soltu biex imur fid-dar li kien imiss. Infatti, hu mar waħdu u ħabbat il-bieb! Meta mara żagħżugħa fetħet il-bieb, iż-żewġ Xhieda adulti marru jkellmuha. B’sorpriża għalihom, il-mara qalet li kienet għadha kif talbet biex xi ħadd imur għandha ħalli jgħinha tifhem il-Bibbja. Ftiehmu biex jinbeda studju tal-Bibbja!

Koppja fil-ministeru minn dar għal dar iħabbtu l-bieb taʼ mara li kienet qiegħda titlob.

“Alla, int min int, jekk jogħġbok għinni”

18. Għala għandna dejjem napprezzaw il-ministeru tagħna?

18 Peress li tagħmel parti mill-kongregazzjoni Kristjana, int għandek il-privileġġ li taħdem flimkien mal-anġli hekk kif ix-xogħol tal-ippritkar tal-lum qed iseħħ fuq skala li qatt ma kien hawn bħalha. Dejjem għandna napprezzaw dan il-privileġġ. Jekk tippersevera fl-isforzi tiegħek, se ssib ferħ kbir hekk kif tkompli tiddikjara “l-aħbar tajba dwar Ġesù.”—Atti 8:35.

FILIPPU “L-EVANĠELIZZATUR”

Meta s-segwaċi taʼ Kristu nxterdu minħabba l-persekuzzjoni, Filippu mar is-Samarija. Milli jidher, hu kkoopera mill-qrib mal-ġemgħa li tiggverna tal-ewwel seklu, għax “meta l-appostli f’Ġerusalemm semgħu li n-nies fis-Samarija aċċettaw il-kelma t’Alla, huma bagħtulhom lil Pietru u Ġwanni.” Ir-riżultat kien li dawk li saru jemmnu rċivew l-għotja b’xejn tal-ispirtu qaddis.—Atti 8:14-17.

Filippu bilqiegħda fil-karru mal-ewnuku Etjopjan.

Wara l-ġrajjiet dokumentati f’​Atti kapitlu 8, Filippu jissemma darba oħra biss. Xi 20 sena wara li Filippu beda jipprietka, l-appostlu Pawlu u dawk li kienu qed jivvjaġġaw miegħu kienu fi triqithom lejn Ġerusalemm fi tmiem it-tielet vjaġġ missjunarju taʼ Pawlu. Dan il-grupp żbarka fi Ptolemajs. “L-għada,” jirrakkonta Luqa, “morna Ċesarija u dħalna fid-dar taʼ Filippu, li kien jipprietka l-aħbar tajba, u qgħadna miegħu. Hu kien wieħed mis-sebat irġiel li l-appostli għażlu f’Ġerusalemm. Dan ir-raġel kellu erbat ibniet mhux miżżewġin li kienu jipprofetizzaw.”—Atti 21:8, 9.

Jidher li Filippu baqaʼ fit-territorju fejn ġie assenjat jipprietka u kellu familja hemmhekk. Il-fatt li Luqa jirreferi għalih bħala dak “li kien jipprietka l-aħbar tajba” huwa sinifikanti. L-Iskrittura tuża dan it-terminu biex tiddeskrivi lil dawk li telqu djarhom ħalli jippritkaw l-aħbar tajba f’postijiet li qatt ma kienu nħadmu qabel. Huwa ovvju, mela, li ż-żelu taʼ Filippu għall-ministeru baqaʼ sod. U l-fatt li kellu erbat ibniet li kienu jipprofetizzaw ċertament li jindika li Filippu għallem lil familtu jħobbu u jaqdu lil Ġeħova.

a Dan mhuwiex l-appostlu Filippu. Imma huwa Filippu li, bħalma ġie notat f’Kapitlu 5 taʼ dan il-ktieb, kien fost is-“sebat irġiel taʼ min jafdahom” maħturin biex jorganizzaw it-tqassim tal-ikel taʼ kuljum fost ir-romol Kristjani li kienu jitkellmu bil-Grieg u dawk li kienu jitkellmu bl-Ebrajk f’Ġerusalemm.—Atti 6:1-6.

b Evidentement, id-dixxipli l-ġodda dak iż-żmien normalment kienu jiġu midlukin bl-ispirtu qaddis, jew jirċivuh, fil-magħmudija tagħhom. Dan kien jagħmilha possibbli li jkollhom it-tama li jaħkmu bħala slaten u qassisin ma’ Ġesù fis-sema. (2 Kor. 1:21, 22; Riv. 5:9, 10; 20:6) Madankollu, f’dan il-każ partikulari, id-dixxipli l-ġodda ma ġewx midlukin fil-magħmudija. Il-Kristjani mgħammdin ġodda rċivew l-ispirtu qaddis—u l-għotjiet mirakolużi li kienu assoċjati miegħu—biss wara li Pietru u Ġwanni qiegħdu jdejhom fuqhom.

c Dan ma kienx att impulsiv. Ladarba hu kien proselita Lhudi, l-Etjopjan diġà kellu għarfien tal-Iskrittura, inkluż il-profeziji Messjaniċi. Issa li kellu l-informazzjoni dwar l-irwol taʼ Ġesù fl-iskop t’Alla, setaʼ jitgħammed mingħajr dewmien.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja