Agħmel Dikjarazzjoni Pubblika għas-Salvazzjoni
“Kull min isejjaħ isem il-Mulej [Jehovah] isalva.”—RUMANI 10:13.
1. Matul l-istorja, liema twissijiet issemmgħu?
L-ISTORJA tiddeskrivi diversi ‘jiem taʼ Jehovah.’ Id-Dilluvju taʼ żmien Noè, il-qerda taʼ Sodoma u Gomorra, u t-tiġrif taʼ Ġerusalemm fis-snin 607 Q.E.K. u 70 E.K. kienu jiem taʼ Jehovah kbar u li jqanqlu l-biżaʼ. Kienu jiem li fihom dawk li rribellaw kontra Jehovah ħadu l-ġudizzju li kien ħaqqhom. (Malakija 3:23 [Malakija 4:5, NW]; Luqa 21:22) F’dawk il-jiem, ħafna għebu minħabba ħżunithom. Imma xi wħud baqgħu ħajjin. Jehovah ġiegħel li jinstemgħu twissijiet, billi avża lil uħud mill-agħar bil-katakliżmu imminenti u ta lil uħud b’qalb retta l-opportunità li jsibu s-salvazzjoni.
2, 3. (a) Liema twissija profetika ġiet ikkwotata f’Pentekoste? (b) Minn Pentekoste tas-sena 33 E.K., x’kien meħtieġ biex wieħed isejjaħ isem Jehovah?
2 Il-qerda taʼ Ġerusalemm fis-sena 70 E.K. hija eżempju li jispikka taʼ dan. Billi bassar dik il-ġrajja kważi 900 sena minn qabel, il-profeta Ġoel kiteb: “Fis-sema u l-art nuri sinjali, demm u nar u kolonni taʼ duħħan! Ix-xemx tinbidel fi dlam, u l-qamar f’demm, qabel ma jasal Jum il-Mulej, kbir u tal-biżaʼ!” Kif setaʼ xi ħadd jibqaʼ ħaj f’jum taʼ tkexkix bħal dan? Ġoel kiteb taħt ispirazzjoni: “Kull min isejjaħ isem il-Mulej [Jehovah] jinħeles, għax fuq il-muntanja Sijon ikun hemm is-salvazzjoni, kif qal il-Mulej, u f’Ġerusalemm jibqgħu xi wħud li l-Mulej isejjaħ.”—Ġoel 3:3-5 [Ġoel 2:30-32, NW].
3 F’Pentekoste tas-sena 33 E.K., l-appostlu Pietru indirizza ġemgħa taʼ Lhud u proseliti f’Ġerusalemm u kkwota l-profezija taʼ Ġoel, billi wera li s-semmiegħa tiegħu setgħu jistennew twettiq fi żmienhom: “Jien nagħmel għeġubijiet fl-għoli tas-smewwiet[,] u sinjali isfel fl-art: demm u nar u dħaħen kbar. Ix-xemx tinbidel fi dlam, u l-qamar f’demm[,] qabel ma jasal jum il-Mulej, jum kbir u glorjuż. U jiġri li kull min isejjaħ isem il-Mulej [Jehovah] ikun salv.” (Atti 2:16-21) Il-folol li kienu qegħdin jisimgħu lil Pietru kienu kollha taħt il-Liġi Mosajka, u għalhekk kienu jafuh isem Jehovah. Pietru spjega li, minn dak in-nhar ’l hemm, li wieħed isejjaħ l-isem taʼ Jehovah kien se jinvolvi xi ħaġa iżjed. B’mod speċjali, dan inkluda li wieħed jitgħammed f’isem Ġesù, il-wieħed li nqatel u mbagħad ġie rxoxtat għal ħajja immortali fis-sema.—Atti 2:37, 38.
4. Il-Kristjani liema messaġġ iddikjaraw maʼ kullimkien?
4 Minn Pentekoste ’l quddiem, il-Kristjani xerrdu l-kelma dwar Ġesù rxoxtat. (1 Korintin 1:23) Huma għamlu magħruf il-fatt li l-bnedmin setgħu jiġu adottati bħala wlied spiritwali taʼ Alla Jehovah u jsiru parti mill-“Iżrael [il-ġdid] taʼ Alla,” ġens spiritwali li kien se ‘jiddikjara maʼ kullimkien it-tifħir taʼ Jehovah.’ (Galatin 6:16; 1 Pietru 2:9) Dawk li kienu se jibqgħu leali sal-mewt kellhom jirtu ħajja immortali fis-sema bħala werrieta sħab maʼ Ġesù fis-Saltna tiegħu tas-smewwiet. (Mattew 24:13; Rumani 8:15, 16; 1 Korintin 15:50-54) Iktar minn hekk, dawn il-Kristjani kellhom jipproklamaw il-miġja tal-jum il-kbir taʼ Jehovah, jum li jqanqal il-biżaʼ. Kellhom iwissu lid-dinja Lhudija li din kienet se tesperjenza tribulazzjoni li tisboq kull ħaġa li sa dak iż-żmien kienet laqtet lil Ġerusalemm u lil dawk li kienu jistqarru li huma l-poplu t’Alla. Madankollu, kien se jkun hemm min jibqaʼ ħaj. Min? Dawk li sejħu isem Jehovah.
Fl-“Aħħar tad-Dinja”
5. Liema twettiq tal-profezija seħħ illum?
5 F’ħafna modi, il-kundizzjonijiet taʼ dak iż-żmien kienu stampa bil-quddiem taʼ dak li naraw illum. Mill-1914 ’l hawn, l-umanità qiegħda tgħix f’perijodu taʼ żmien speċjali li l-Bibbja tirreferi għalih bħala ż-“żmien taʼ l-aħħar,” “tmiem id-dinja,” u “l-aħħar tad-dinja.” (Danjel 12:1, 4; Mattew 24:3-8; 2 Timotju 3:1-5, 13) Fis-seklu tagħna, gwerer krudili, vjolenza bla rażan, u r-rovina tas-soċjetà u taʼ l-ambjent ipprovdew twettiq rimarkevoli tal-profezija tal-Bibbja. Dawn huma kollha parti mis-sinjal ipprofetizzat minn Ġesù, u jindikaw li l-umanità dalwaqt se ġġarrab il-jum finali taʼ Jehovah, jum deċiżiv u li jqanqal il-biżaʼ. Dan jilħaq il-quċċata tiegħu fil-battalja taʼ Armageddon, il-punt kruċjali taʼ “diqa kbira li mill-bidu tad-dinja sa issa għadu qatt ma kien hawn bħalha u anqas ikun hawn.”—Mattew 24:21; Apokalissi 16:16.
6. (a) Jehovah kif aġixxa u għadu jaġixxi biex isalva lill-ġwejdin? (b) Fejn insibu l-pariri taʼ Pawlu dwar kif nibqgħu ħajjin?
6 Hekk kif il-jum taʼ ħerba joqrob dejjem iżjed, Jehovah qed jaġixxi għas-salvazzjoni tal-ġwejdin. Matul dan iż-“żmien taʼ l-aħħar,” hu ġabar l-aħħar uħud mill-Iżrael spiritwali t’Alla u mis-snin tletin ’il quddiem ġibed l-attenzjoni tal-qaddejja tiegħu fuq l-art lejn il-ġbir taʼ “kotra kbira li ħadd ma jistaʼ jgħoddha, minn kull ġens u tribù, minn kull poplu u lsien.” Bħala grupp, dawn joħorġu ħajjin “mit-taħbit il-kbir.” (Apokalissi 7:9, 14) Imma kif jistaʼ kull individwu jaċċerta ruħu li se jibqaʼ ħaj? L-appostlu Pawlu jwieġeb dik il-mistoqsija. F’Rumani kapitlu 10, hu jagħti pariri mill-aħjar għas-sopravivenza—pariri li kienu japplikaw fi żmienu u li japplikaw mill-ġdid fi żmienna.
Talba Għas-Salvazzjoni
7. (a) Liema tama hija identifikata f’Rumani 10:1, 2? (b) Jehovah għala jistaʼ issa jġiegħel li jixxandar “Evanġelju” iżjed mifrux?
7 Meta Pawlu kiteb il-ktieb taʼ Rumani, Jehovah kien diġà warrab minnu lil Iżrael bħala ġens. Xorta waħda, l-appostlu afferma: “Nixtieq tassew minn qalbi nitlob quddiem Alla li niesi jsalvaw.” It-tama tiegħu kienet li individwi Lhud setgħu jiksbu għarfien eżatt tar-rieda t’Alla, li jwassal biex huma jiġu salvati. (Rumani 10:1, 2) Iktar minn hekk, Jehovah kieku jixtieq is-salvazzjoni għall-bnedmin li jeżerċitaw fidi mad-dinja kollha, bħalma hu indikat fi Ġwann 3:16: “Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja taʼ dejjem.” Is-sagrifiċċju bħala rahan taʼ Ġesù fetaħ it-triq għal dik is-salvazzjoni grandjuża. Bħal fi żmien Noè u fi żminijiet oħrajn taʼ ġudizzju li ġew wara, Jehovah qed iġiegħel li jixxandar “l-Evanġelju,” biex jindika t-triq lejn is-salvazzjoni.—Mark 13:10, 19, 20.
8. Wara l-eżempju taʼ Pawlu, Kristjani veri lejn min jestendu rieda tajba llum, u kif?
8 B’turija tar-rieda tajba tiegħu stess kemm lejn il-Lhud u kemm lejn il-Ġentili, Pawlu ppriedka f’kull opportunità. Kien “jipperswadi lil-Lhud u l-Griegi.” Hu qal lill-anzjani taʼ Efesu: “Qatt ma bżajt nurikom dak li hu taʼ fejda għalikom u ngħallimkom kemm fil-beraħ u kemm fid-djar, u nwissi lil-Lhud u lill-Griegi li għandhom jindmu u jduru lejn Alla u jemmnu fil-Mulej tagħna Ġesù.” (Atti 18:4; 20:20, 21) Bl-istess mod, ix-Xhieda taʼ Jehovah llum iħabirku fl-ippridkar, mhux biss għal dawk li huma parti mill-Kristjaneżmu imma għall-popli kollha, anki “sa truf l-art.”—Atti 1:8; 18:5.
Nistqarru l-“Kelma tal-Fidi”
9. (a) Rumani 10:8, 9 liema xorta taʼ fidi jinkuraġġixxi? (b) Meta u kif għandna nagħmlu dikjarazzjoni tal-fidi tagħna?
9 Biex insalvaw neħtieġu fidi dejjiema. Waqt li kkwota minn Dewteronomju 30:14, Pawlu ddikjara: “‘Il-kelma qiegħda ħdejk, f’fommok u f’qalbek’; jiġifieri, il-kelma tal-fidi li aħna nxandru.” (Rumani 10:8) Hekk kif nippridkaw dik “il-kelma tal-fidi,” din issir iżjed u iżjed minquxa fil-fond taʼ qalbna. Hekk ġralu Pawlu, u dak li jkompli jgħid jistaʼ jsaħħaħ id-determinazzjoni tagħna biex inkunu bħalu f’li naqsmu dik il-fidi m’oħrajn: “Jekk inti tistqarr b’fommok, ‘Ġesù hu l-Mulej’, u temmen b’qalbek li Alla qajjmu mill-imwiet, inti ssalva.” (Rumani 10:9) Din id-dikjarazzjoni ma ssirx biss quddiem oħrajn meta nitgħammdu imma trid tkun dikjarazzjoni kontinwa, xiehda pubblika b’żelu dwar l-aspetti grandjużi kollha tal-verità. Din il-verità tiffoka fuq l-isem prezzjuż tal-Mulej Sovran Jehovah; fuq is-Sultan Messjaniku u l-Feddej tagħna, Sidna Ġesù Kristu; u fuq il-wegħdi meraviljużi tas-Saltna.
10. Fi qbil maʼ Rumani 10:10, 11, kif għandna nittrattawha din “il-kelma tal-fidi”?
10 M’hemmx salvazzjoni għal min ma jaċċettax u ma japplikax din “il-kelma tal-fidi,” bħalma jissokta jgħid l-appostlu: “Wieħed jemmen f’qalbu biex ikollu l-ġustizzja u jistqarr b’xufftejh biex ikollu s-salvazzjoni. L-Iskrittura tgħid, ‘Kull min jemmen fih ma jintilifx.’” (Rumani 10:10, 11) Irridu niksbu għarfien eżatt dwar din “il-kelma tal-fidi” u nibqgħu nrawmuha fi qlubna biex b’hekk niġu mqanqlin nitkellmuha m’oħrajn. Ġesù nnifsu jfakkarna: “Jekk xi ħadd, minn dan in-nisel żieni u midneb taʼ llum, għad jistħi minni u minn kliemi, Bin il-bniedem ukoll għad jistħi minnu meta jiġi fil-glorja taʼ Missieru flimkien maʼ l-anġli mqaddsa.”—Mark 8:38.
11. L-aħbar tajba kemm trid tiġi pproklamata b’mod estensiv, u għala?
11 Bħalma kien imbassar mill-profeta Danjel, f’dan iż-żmien taʼ l-aħħar, “il-bnedmin bil-għaqal” jidhru jiddu b’“dija bħal dik tas-sema,” hekk kif ix-xiehda dwar is-Saltna tinfirex sa truf l-art. Huma “wasslu ’l ħafna fis-sewwa,” u l-veru għarfien sar tassew abbundanti, għax Jehovah, iżjed ma jmur, iżjed qiegħed jitfaʼ dawl qawwi fuq il-profeziji rigward dan iż-żmien taʼ l-aħħar. (Danjel 12:3, 4) Dan hu messaġġ taʼ salvazzjoni li huwa vitali għas-sopravivenza taʼ dawk kollha li jħobbu l-verità u t-tjieba.
12. Rumani 10:12 kif inhu fi qbil mal-kariga taʼ l-anġlu deskritta f’Apokalissi 14:6?
12 L-appostlu Pawlu jissokta: “Ma hemmx għażla bejn Lhudi u Grieg; hu s-Sid taʼ kulħadd u għani maʼ dawk kollha li jsejjħulu.” (Rumani 10:12) L-“Evanġelju” jrid jiġi ppridkat illum fuq skala globali saħansitra akbar—lill-popli kollha, sa truf l-art. L-anġlu taʼ Apokalissi 14:6 jibqaʼ jittajjar f’nofs is-sema, u jafdalna ‘l-Evanġelju taʼ dejjem ħalli nxandruh lil kulmin jgħammar fuq l-art, lil kull ġens, tribù, ilsien u poplu.’ Dan kif se jkun taʼ benefiċċju għal min jaġixxi?
Insejħu Isem Jehovah
13. (a) X’inhu t-test tagħna għas-sena 1998? (b) Dan it-test tas-sena għala huwa ferm addattat illum?
13 Waqt li jikkwota minn Ġoel 3:5 [Ġoel 2:32, NW], Pawlu jiddikjara: “Kull min isejjaħ isem il-Mulej [Jehovah] isalva.” (Rumani 10:13) Kemm huwa xieraq li dak il-kliem intgħażel bħala t-test tas-sena għax-Xhieda taʼ Jehovah għall-1998! Qatt qabel ma kien iktar importanti daqs illum li nimxu ’l quddiem b’fiduċja f’Jehovah, billi nagħmlu magħruf ’l ismu u l-iskopijiet grandjużi li dan jirrappreżenta! Bħal fl-ewwel seklu, hekk ukoll fl-aħħar jiem tas-sistema preżenti taʼ affarijiet korrotta, tinstemaʼ l-għajta tidwi: “Salvaw lilkom infuskom minn dan in-nisel ħażin.” (Atti 2:40) Hija stedina b’għajta qawwija għal dawk kollha li jibżgħu minn Alla minn madwar id-dinja ħa jsejħu lil Jehovah biex jagħti s-salvazzjoni lilhom u wkoll lil dawk li jisimgħu d-dikjarazzjoni pubblika tagħhom taʼ l-aħbar tajba.—1 Timotju 4:16.
14. Lil liema Blata rridu nsejħu għas-salvazzjoni?
14 X’se jiġri meta l-jum il-kbir taʼ Jehovah jiżbroffa fuq din il-pjaneta? Il-biċċa l-kbira m’humiex se jfittxu lil Jehovah biex isalvahom. Fil-biċċa l-kbira tagħhom il-bnedmin se jissoktaw “jgħidu lill-muntanji u lill-blat: ‘Ordmuna u aħbuna minn wiċċ dak li hemm bilqiegħda fuq it-tron u mill-korla tal-Ħaruf.’” (Apokalissi 6:15, 16) It-tama tagħhom se tkun fl-organizzazzjonijiet u fl-istituzzjonijiet bħal muntanji taʼ din is-sistema taʼ affarijiet. Kemm ikun bil-wisq aħjar, iżda, li kieku jafdaw fl-akbar Blata li teżisti, Alla Jehovah! (Dewteronomju 32:3, 4) Dwaru, is-Sultan David qal: “Il-Mulej blata tiegħi, fortizza u ħellies tiegħi.” Jehovah hu l-“blata tas-salvazzjoni tagħna.” (Salm 18:3 [Salm 18:2, NW]; Salm 95:1) Ismu huwa “torri qawwi,” l-uniku “torri” b’saħħtu biżżejjed biex jipproteġina matul il-kriżi li ġejja. (Proverbji 18:10) Għalhekk, huwa vitali li l-akbar għadd possibbli taʼ nies mill-kważi sitt biljun ruħ ħajjin illum jiġu mgħallmin isejħu isem Jehovah b’fedeltà u sinċerità.
15. Rumani 10:14 x’jindika rigward il-fidi?
15 Bix-xieraq, l-appostlu Pawlu jissokta jistaqsi: “Imma kif jistgħu jsejjħu lil dak li ma jemmnux fih?” (Rumani 10:14) Hemm kotriet kbar taʼ nies li għad jistgħu jiġu megħjunin iħaddnu l-“kelma tal-fidi,” sabiex isejħu lil Jehovah għas-salvazzjoni. Il-fidi hija taʼ importanza vitali. Pawlu jistqarr f’ittra oħra: “Mingħajr il-fidi ma jistax ikun li wieħed jogħġob lil Alla. Għax kull min jersaq lejn Alla jeħtieġlu jemmen li Alla jeżisti u li hu jagħti l-ħlas xieraq lil dawk li jfittxuh.” (Lhud 11:6) Kif, iżda, se jpoġġu fidi f’Alla iktar miljuni taʼ nies? Fl-ittra lir-Rumani, Pawlu jistaqsi: “Kif jistgħu jemmnu f’dak li ma semgħux bih?” (Rumani 10:14) Jipprovdi Jehovah l-mezz biex huma jisimgħu? Dażgur li jipprovdi! Agħti widen għal dak li jkompli jgħid Pawlu: “Kif jistgħu jisimgħu jekk ma jxandrulhomx?”
16. Fl-arranġament divin, il-predikaturi għala huma essenzjali?
16 Mill-argument taʼ Pawlu huwa ċar daqs il-kristall li hemm bżonn taʼ predikaturi. Ġesù indika li dan jibqaʼ japplika, matul iż-żminijiet kollha “sa l-aħħar taż-żmien.” (Mattew 24:14; 28:18-20) L-ippridkar huwa parti essenzjali mill-arranġament divin biex in-nies jiġu megħjunin isejħu isem Jehovah sabiex jinħelsu. Saħansitra fil-Kristjaneżmu l-maġġor parti tan-nies ma jagħmlu xejn biex jonoraw l-isem prezzjuż t’Alla. Ħafna nies iħawdu għalkollox lil Jehovah maʼ żewġ identitajiet oħrajn f’domma taʼ Trinità li ma tistax tiġi spjegata. Ukoll, ħafna jaqgħu fil-kategorija msemmija f’Salm 14:1 u Salm 53:2 [Salm 53:1, NW]: “Jgħid l-iblah f’qalbu: ‘M’hemmx Alla!’” Huma għandhom bżonn ikunu jafu li Jehovah hu dak Alla l-ħaj, u jridu jifhmu dak kollu li ismu jirrappreżenta jekk iridu jinħelsu fit-tribulazzjoni kbira li riesqa bil-għaġla.
Ir-‘Riġlejn Sbieħ’ taʼ Dawk li Jippridkaw
17. (a) Għala huwa xieraq li Pawlu jikkwota profezija taʼ restawr? (b) X’inhu involut f’li wieħed ikollu ‘riġlejn sbieħ’?
17 L-appostlu Pawlu għandu mistoqsija vitali oħra: “Kif jistgħu jxandrulhom jekk ma jkunux mibgħuta? Bħalma hemm miktub: ‘Kemm huma sbieħ riġlejn dawk li jħabbru l-ġid.’” (Rumani 10:15) Pawlu hawnhekk jikkwota Isaija 52:7, li huwa parti minn profezija taʼ restawr li ilha tapplika mill-1919 ’l hawn. Illum, għal darb’oħra, Jehovah qiegħed jibgħat ‘lil min iħabbar il-bxara, lil min ixandar is-sliem, lil min iħabbar ir-riżq, lil min ixandar is-salvazzjoni.’ B’ubbidjenza, “l-għassiesa” midlukin t’Alla u l-imseħbin tagħhom ikomplu jgħajtu bil-ferħ. (Isaija 52:7, 8) Riġlejn dawk li jħabbru s-salvazzjoni llum jistgħu jgħejjew, u jimtlew bit-trab ukoll, waqt li jimxu minn dar għal dar, imma kemm jixgħel wiċċhom bil-ferħ! Jafu li huma mqabbdin minn Jehovah sabiex jipproklamaw l-aħbar tajba taʼ paċi u biex ifarrġu lill-uħud imnikktin, billi jgħinuhom isejħu isem Jehovah bil-għan li jiġu salvati.
18. Rumani 10:16-18 x’jgħid rigward ir-riżultat finali li jseħħ meta tiġi msemmaʼ l-aħbar tajba?
18 Kemm jekk in-nies ‘jemmnu l-kelma li semgħu’ u kemm jekk jagħżlu li ma jobduhiex, kliem Pawlu huwa veru: “Imma ngħid jien, jaqaw ma semgħux? Żgur li semgħu. L-Iskrittura tgħid: ‘Leħinhom xtered maʼ l-art kollha, u l-kelma tagħhom laħqet truf id-dinja.’” (Rumani 10:16-18) Sewwa sew bħalma “s-smewwiet ixandru l-glorja taʼ Alla,” kif jidher mix-xogħlijiet tiegħu taʼ ħolqien, hekk ukoll ix-Xhieda tiegħu fuq l-art iridu jniedu ‘s-sena tal-grazzja tal-Mulej, u jum il-vendetta t’Alla u jfarrġu lill-imnikktin.’—Salm 19:1-4; Isaija 61:2.
19. X’se jkun ir-riżultat għal dawk li ‘jsejħu isem Jehovah’ illum?
19 Il-jum il-kbir u li jkexkex taʼ Jehovah qed joqrob iktar u iktar. “Ah, x’jum dan! Għax fil-qrib jum il-Mulej, jasal bħal riefnu mingħand Xaddaj.” (Ġoel 1:15; 3:4 [Ġoel 2:31, NW]) It-talba tagħna hija li iktar kotriet taʼ nies iwieġbu b’urġenza għall-aħbar tajba, billi jinġemgħu lejn l-organizzazzjoni taʼ Jehovah. (Isaija 60:8; Ħabakkuk 2:3) Ftakar li jiem oħrajn taʼ Jehovah rriżultaw f’rovina għall-uħud mill-agħar—fi żmien Noè, fi żmien Lot, u fi żmien Iżrael u Ġuda apostati. Aħna qegħdin issa fix-xifer taʼ l-akbar waħda mit-tribulazzjonijiet, meta r-riefnu tempestuż taʼ Jehovah se jiknes il-ħażen minn fuq wiċċ din il-pjaneta, billi jħejji t-triq għal ġenna taʼ paċi eterna. Se tkun int wieħed li “[j]sejjaħ isem il-Mulej [Jehovah]” b’fedeltà? Jekk inhu hekk, ithenna bil-ferħ! Għandek il-wegħda t’Alla stess li int se ssalva.—Rumani 10:13.
Kif Twieġeb Int?
◻ Liema affarijiet ġodda ġew ipproklamati wara Pentekoste tas-sena 33 E.K.?
◻ Il-Kristjani kif għandhom joqogħdu attenti għall-“kelma tal-fidi”?
◻ X’ifisser li ‘ssejjaħ isem Jehovah’?
◻ Messaġġiera tas-Saltna f’liema sens għandhom ‘riġlejn sbieħ’?
[Stampi f’paġna 13]
In-nies t’Alla qed jiddikjaraw l-eċċellenzi tiegħu f’Puerto Rico, fis-Senegal, fil-Perù, f’Papua New Guinea—iva, madwar il-globu kollu