Taqtgħux Qalbkom fit-Tiġrija għall-Ħajja!
“Ħa niġru bis-sabar il-ġirja li għandna quddiemna.”—LHUD 12:1, Karm Żammit.
1, 2. Liema ġrajjiet eċċitanti qanqlu lill-qaddejja taʼ Jehovah matul dawn l-aħħar jiem?
AĦNA qed ngħixu fi żminijiet eċċitanti u diffiċli ferm. Fl-1914, iktar minn 80 sena ilu, Ġesù ġie mqiegħed fuq it-tron bħala s-Sultan tas-Saltna tas-sema t’Alla. Beda “jum il-Mulej” u miegħu ż-“żmien taʼ l-aħħar” taʼ din is-sistema t’affarijiet. (Apokalissi 1:10; Danjel 12:9) Minn dakinhar ’l hawn it-tiġrija tal-Kristjan għall-ħajja bdiet tkun iktar urġenti. Il-qaddejja t’Alla tħabtu b’mod vigoruż biex iżommu l-pass mal-karru ċelestjali taʼ Jehovah, l-organizzazzjoni tiegħu tas-sema, li għaddej bla waqfien biex iwettaq l-iskopijiet taʼ Jehovah.—Eżekjel 1:4-28; 1 Korintin 9:24.
2 Sabu ferħ in-nies t’Alla hekk kif qegħdin ‘jiġru fit-tiġrija’ lejn il-ħajja taʼ dejjem? Iva, dażgur li sabu! Huma ħassewhom eċċitati ferm f’li jaraw il-ġbir tal-fdal taʼ ħut Ġesù, u jħossuhom ferħanin meta jirrealizzaw li l-issiġillar finali tal-fdal tal-144,000 qorob biex jintemm. (Apokalissi 7:3, 4) Iktar minn hekk, huma jinsabu eċċitati li qed jindunaw li s-Sultan maħtur taʼ Jehovah daħħal il-minġel biex jaħsad “il-ħsad taʼ l-art.” (Apokalissi 14:15, 16) U xi ħsad hu dan! (Mattew 9:37) S’issa, iktar minn ħames miljun ruħ ġew miġburin—“kotra kbira li ħadd ma jistaʼ jgħoddha, minn kull ġens u tribù, minn kull poplu u lsien.” (Apokalissi 7:9) Ħadd ma jistaʼ jgħid kemm se tkun kbira finalment dik il-folla, ladarba l-ebda bniedem ma jistaʼ jgħoddha.
3. Minkejja liema ostakli rridu aħna dejjem nipprovaw nikkultivaw spirtu ferrieħi?
3 Veru li Satana jipprova jfixkilna jew iġagħalna nbattu hekk kif inkunu għaddejjin b’veloċità fit-tiġrija. (Apokalissi 12:17) U ma kienx faċli li wieħed jibqaʼ jiġri matul il-gwerer, il-ġuħ, il-pesti, u t-tbatijiet l-oħrajn kollha li jimmarkaw iż-żmien tat-tmiem. (Mattew 24:3-9; Luqa 21:11; 2 Timotju 3:1-5) Xorta waħda, qlubna jimtlew bil-ferħ hekk kif tmiem it-tiġrija riesaq dejjem iktar qrib. Aħna nistinkaw biex nirriflettu l-ispirtu li Pawlu ħeġġeġ lil sħabu l-Kristjani taʼ żmienu biex ikollhom: “Ifirħu dejjem fil-Mulej: nerġaʼ ngħidilkom, ifirħu.”—Filippin 4:4.
4. Liema xorta taʼ spirtu kien muri mill-Kristjani Filippin?
4 M’hemm l-ebda dubju li l-Kristjani li lilhom Pawlu kien qed jindirizza dawk il-kelmiet kienu qegħdin isibu ferħ fil-fidi tagħhom, għax Pawlu qalilhom: “[“Komplu,” “NW”] ifirħu fil-Mulej!” (Filippin 3:1) Il-Filippin kienu kongregazzjoni ġeneruża, li jafu jħobbu, u li qdew b’żelu u entużjażmu. (Filippin 1:3-5; 4:10, 14-20) Imma mhux il-Kristjani taʼ l-ewwel seklu kollha kellhom dak l-ispirtu. Per eżempju, xi wħud mill-Kristjani Lhud li lilhom Pawlu kiteb il-ktieb taʼ Lhud kienu qed jikkaġunaw tħassib.
“Nagħtu Ħafna Aktar Kas”
5. (a) Il-Kristjani Ebrej liema spirtu kellhom meta ġiet ifformata l-ewwel kongregazzjoni Kristjana? (b) Iddeskrivi l-ispirtu li kellhom xi Kristjani Ebrej madwar is-sena 60 E.K.
5 L-ewwel kongregazzjoni Kristjana fl-istorja tad-dinja kienet magħmula minn Lhud naturali u proseliti u din ġiet stabbilita fis-sena 33 E.K. Liema xorta taʼ spirtu kellha din? Ikun biżżejjed li wieħed jaqra l-kapitli tal-bidu tal-ktieb t’Atti biex jinduna bl-entużjażmu u l-ferħ tagħha, saħansitra waqt il-persekuzzjoni. (Atti 2:44-47; 4:32-34; 5:41; 6:7) Hekk kif għaddew għaxriet taʼ snin, madankollu, l-affarijiet inbiddlu, u ħafna Kristjani Lhud b’mod evidenti bdew ibattu fit-tiġrija għall-ħajja. Xogħol wieħed taʼ referenza jgħid dan dwar is-sitwazzjoni li eżistiet madwar is-sena 60 E.K.: “Kundizzjoni taʼ traskuraġni u għejja, taʼ stennijiet mhux imwettqin, taʼ tamiet posposti, taʼ falliment qarrieq u nuqqas taʼ fiduċja fil-ħajja taʼ kuljum. Kienu Kristjani imma ftit li xejn kellhom apprezzament għall-glorja tas-sejħa tagħhom.” Kif setgħu Kristjani midlukin jaslu f’dan l-istat? Li nikkunsidraw partijiet mill-ittra taʼ Pawlu lil-Lhud (miktuba madwar is-sena 61 E.K.) se jgħinna nwieġbu din il-mistoqsija. Li nikkunsidraw dan se jgħinna lkoll illum biex nevitaw li nispiċċaw fi stat spiritwali dgħajjef simili.
6. X’inhuma xi differenzi bejn il-qima taħt il-Liġi taʼ Mosè u l-qima bbażata fuq il-fidi f’Ġesù Kristu?
6 Il-Kristjani Ebrej kienu ġejjin mill-Ġudaiżmu, sistema li sostniet li tobdi l-Liġi li Jehovah ta permezz taʼ Mosè. Dik il-Liġi milli jidher baqgħet togħġob lil ħafna Kristjani Lhud, forsi minħabba li għal bosta sekli kienet l-uniku mezz taʼ komunikazzjoni maʼ Jehovah, u kienet sistema impressjonanti taʼ qima, b’saċerdozju, sagrifiċċji regulari, u tempju f’Ġerusalemm famuż mad-dinja kollha. Il-Kristjanità hija differenti. Din titlob vista spiritwali differenti, bħal dik li kellu Mosè, li “ħares ’il quddiem lejn il-ħlas [fil-futur]” u “żamm iebes, daqs kemm kieku kien qiegħed jara lil Alla li ma jidhirx.” (Lhud 11:26, 27) Ħafna Kristjani Lhud evidentement kienu neqsin minn vista spiritwali bħal din. Huma kienu qegħdin izappu minflok ma jiġru bi skop quddiemhom.
7. Is-sistema li ħriġna minna kif tistaʼ teffettwa l-mod taʼ kif aħna niġru fit-tiġrija għall-ħajja?
7 Hemm xi sitwazzjoni simili llum? Sewwa, l-affarijiet m’humiex eżattament l-istess. Xorta waħda, il-Kristjani qed joħorġu minn sistema t’affarijiet li tant tħobb tiftaħar. Id-dinja toffri opportunitajiet eċċitanti, imma fl-istess ħin, tpoġġi pressjonijiet kbar fuq in-nies. Barra minn hekk, ħafna minna ngħixu f’pajjiżi fejn attitudni taʼ xettiċiżmu hija komuni u fejn in-nies iqisu l-affarijiet b’attitudni egoista u taʼ jien l-ewwel. Jekk inħallu lilna nfusna niġu influwenzati minn sistema bħal din, ‘l-għajnejn taʼ qalbna’ jistgħu faċilment jiġu mdallmin. (Efesin 1:18) Kif nistgħu niġru sewwa fit-tiġrija għall-ħajja jekk m’għadniex nafu preċiż fejn sejrin?
8. X’inhuma xi modi li fihom il-Kristjanità hija superjuri għall-qima taħt il-Liġi?
8 Sabiex iqanqal lill-Kristjani Lhud, Pawlu fakkarhom dwar is-superjorità li s-sistema Kristjana għandha fuq il-Liġi Mosajka. Huwa minnu li meta l-ġens taʼ Iżrael naturali kien il-poplu taʼ Jehovah taħt il-Liġi, Jehovah kellimhom permezz taʼ profeti mnebbħin. Imma, skond Pawlu, illum jitkellem “permezz taʼ Ibnu, li hu għamlu werriet taʼ kollox, u li bih ukoll għamel il-ħolqien.” (Lhud 1:2) Barra minn hekk, Ġesù hu akbar minn ‘sħabu,’ is-slaten kollha mil-linja taʼ David. Hu saħansitra ogħla mill-anġli.—Lhud 1:5, 6, 9.
9. Aħna, bħall-Kristjani Lhud taʼ żmien Pawlu, għala għandna bżonn nagħtu “ħafna aktar kas” għal dak li jgħid Jehovah?
9 Għalhekk, Pawlu ta parir lill-Kristjani Lhud: “Għandna nagħtu ħafna aktar kas taʼ dak li smajna, li ma mmorrux nitbiegħdu ’l barra mit-triq.” (Lhud 2:1) Għalkemm li jitgħallmu dwar il-Kristu kienet barka taʼ l-għaġeb, ħafna iktar kien meħtieġ. Kellhom bżonn joqogħdu attenti ferm għall-Kelma t’Alla biex jikkumbattu l-influwenza tad-dinja Lhudija taʼ madwarhom. Aħna wkoll għandna bżonn “nagħtu ħafna aktar kas” taʼ dak li Jehovah jgħid minħabba l-propaganda kostanti li aħna niġu esposti għaliha minħabba d-dinja. Dan ifisser li niżviluppaw drawwiet tajbin taʼ studju u nżommu skeda tajba taʼ qari mill-Bibbja. Bħalma jgħid Pawlu iktar tard fl-ittra tiegħu lil-Lhud, dan ifisser ukoll attendenza regulari għal-laqgħat u li nxandru l-fidi tagħna lil oħrajn. (Lhud 10:23-25) Attività bħal din se tgħinna nibqgħu mqajmin spiritwalment sabiex it-tama glorjuża tagħna ma tiċċajparx. Jekk nimlew moħħna bil-ħsibijiet taʼ Jehovah, m’aħniex se niġu megħlubin jew żbilanċjati minn xi ħaġa, hi x’inhi, li din id-dinja tistaʼ tagħmlilna.—Salm 1:1-3; Proverbji 3:1-6.
“Agħmlu l-Qalb lil Xulxin”
10. (a) X’jistaʼ jiġrilu dak li ma jagħtix ħafna iktar kas għall-Kelma taʼ Jehovah? (b) Kif nistgħu aħna nkomplu ‘nagħmlu l-qalb lil xulxin’?
10 Jekk ma noqogħdux attenti ferm għall-affarijiet spiritwali, il-wegħdi t’Alla għandhom mnejn jibdew jidhru mhux reali. Dan ġara saħansitra fl-ewwel seklu meta l-kongregazzjonijiet kienu magħmulin biss minn Kristjani midlukin u xi wħud mill-appostli kienu għadhom ħajjin. Pawlu wissa lil-Lhud: “Ħuti, araw li f’ebda wieħed minnkom ma jkun hemm qalb imħassra bin-nuqqas taʼ twemmin li jwassal għall-firda minn Alla l-ħaj. Imma agħmlu l-qalb lil xulxin kull jum, sakemm inkunu għadna nistgħu ngħidu ‘illum’, biex ħadd minnkom ma jiġġarraf mid-dnub u jwebbes qalbu.” (Lhud 3:12, 13) L-espressjoni taʼ Pawlu “araw li” tenfasizza l-bżonn li noqogħdu attenti. Hemm periklu kbir! Nuqqas taʼ fidi—id-“dnub”—għandu mnejn jiżviluppa f’qalbna, u nistgħu nitbiegħdu minn Alla minflok ma nersqu eqreb lejh. (Ġakbu 4:8) Pawlu jfakkarna biex ‘nagħmlu l-qalb lil xulxin’. Għandna bżonn il-kordjalità tas-sħubija taʼ l-aħwa. “Min irid jinfired mill-oħrajn jara x’jaqlaʼ, u għal kull xejn jiġġieled.” (Proverbji 18:1) Il-bżonn għal sħubija bħal din tqanqal lill-Kristjani llum biex ikunu regulari f’li jattendu l-laqgħat tal-kongregazzjoni, l-assembleat, u l-konvenzjonijiet.
11, 12. Għala m’għandniex inkunu sodisfatti b’li sempliċement inkunu nafu duttrini Kristjani bażiċi?
11 Iktar tard fl-ittra tiegħu, Pawlu jkompli jagħti dan il-parir imprezzabbli: “Għalkemm issa jmisskom sirtu mgħallmin [“għalliema,” KŻ], għadkom teħtieġu ’l min jgħallimkom mill-ġdid l-ewwel elementi tal-kelma taʼ Alla; ġejtu fil-bżonn li tieħdu l-ħalib, u mhux ikel sħiħ. . . . L-ikel sħiħ hu tal-kbar, taʼ dawk li biż-żmien huma mdorrija jagħżlu bejn it-tajjeb u l-ħażin.” (Lhud 5:12-14) Evidentement, xi Kristjani Lhud kienu naqsu li jimxu ’l quddiem fil-fehma. Kienu ħaduha bil-lajma biex jaċċettaw id-dawl li dejjem jiżdied rigward il-Liġi u ċ-ċirkonċiżjoni. (Atti 15:27-29; Galatin 2:11-14; 6:12, 13) Xi wħud għandhom mnejn kienu għadhom jgħożżu prattiċi tradizzjonali bħalma huma s-Sibtijiet u l-Jum solenni annwali tat-Tpattija.—Kolossin 2:16, 17; Lhud 9:1-14.
12 Għaldaqstant, Pawlu jgħid: “Ħallina mill-ewwel elementi tat-tagħlim taʼ Kristu, u nimxu ’l quddiem lejn dak li hu aktar perfett.” (Lhud 6:1) Ġerrej f’maratona, li joqgħod b’sebaʼ għajnejn għad-dieta tiegħu, huwa kapaċi iktar jissaporti t-tellieqa twila u taʼ qtigħ il-qalb. Bl-istess mod, Kristjan li joqgħod attent ferm għan-nutriment spiritwali—billi ma jillimitax lilu nnifsu għall-‘ewwel elementi bażiċi tat-tagħlim’—se jkun iktar kapaċi jibqaʼ fuq il-korsa u jispiċċaha. (Qabbel 2 Timotju 4:7.) Dan ifisser li jiżviluppa interess fil-“wisaʼ u t-tul, l-għoli u l-fond” tal-verità, biex b’hekk jipprogressa lejn il-maturità.—Efesin 3:18.
“Tassew li Teħtieġu s-Sabar”
13. Il-Kristjani Ebrej kif urewha l-fidi tagħhom fil-passat?
13 Fil-perijodu li ġie immedjatament wara Pentekoste tas-sena 33 E.K., il-Kristjani Lhud ħadu waqfa soda minkejja oppożizzjoni ħarxa. (Atti 8:1) Forsi Pawlu kellu dan f’moħħu meta kiteb: “Ftakru f’dawk l-ewwel jiem: lanqas biss ilħaqtu ddawwaltu bit-tagħlim, li ma ġarrabtux bis-sabar taqbida ħarxa.” (Lhud 10:32) Sabar leali bħal dan wera l-imħabba tagħhom lejn Alla u b’dan ħassewhom liberi li jitkellmu miegħu. (1 Ġwann 4:17) Pawlu ħeġġiġhom biex ma jitilfux din il-libertà minħabba nuqqas taʼ fidi. Hu jħeġġiġhom: “Tassew li teħtieġu s-sabar biex tagħmlu r-rieda taʼ Alla u tiksbu dak li hu wiegħed. Għax ‘ftit ieħor, ftit ħafna, u dak li għandu jiġi ma jdumx ma jiġi.’”—Lhud 10:35-37.
14. Liema fatti għandhom jgħinuna biex nissaportu saħansitra wara ħafna snin li nkunu ilna naqdu lil Jehovah?
14 Xi ngħidu għalina llum? Il-biċċa l-kbira minna konna żelużi meta sirna nafu għall-ewwel darba l-verità Kristjana. Għad għandna dak iż-żelu? Jew ‘ħallejna dik l-imħabba li konna wrejna fil-bidu’? (Apokalissi 2:4) Bridna xi naqra, forsi konna xi daqsxejn iddiżappuntati jew iddejjaqna nistennew Armageddon? Ieqaf ftit, iżda, u ikkunsidra. Il-verità m’hijiex inqas taʼ l-għaġeb milli kienet qabel. Ġesù għadu s-Sultan tagħna tas-sema. Aħna għadna nittamaw għall-ħajja taʼ dejjem f’art magħmula ġenna, u għad għandna r-relazzjoni tagħna maʼ Jehovah. U qatt tinsa li: “Dak li għandu jiġi ma jdumx ma jiġi.”
15. Il-Kristjani kif issaportew persekuzzjoni ħarxa bħalma għamel Ġesù?
15 Għaldaqstant, il-kliem taʼ Pawlu ddokumentat f’Lhud 12:1, 2, (KŻ) huwa verament xieraq: “Ħa nwarrbu kull tagħbija, u d-dnub li tant malajr ifixkilna, u ħa niġru bis-sabar il-ġirja li għandna quddiemna. Billi nħarsu lejn Ġesù, li hu l-bidu u t-tmiem tal-fidi tagħna, u li għall-ferħ imqiegħed quddiemu sofra s-salib [“zokk tat-tortura,” NW], bla ma qies xejn il-għajb, u qagħad fil-lemin tat-tron taʼ Alla.” Hemm ħafna affarijiet li l-qaddejja taʼ Alla ssaportew f’dawn l-aħħar jiem. Bħal Ġesù, li kien leali sa ma miet mewta agonizzanti, xi wħud minn ħutna rġiel u nisa ssaportew fedelment l-eħrex persekuzzjoni—ħabsijiet, tortura, stupru, saħansitra l-mewt. (1 Pietru 2:21) Ma titqanqalx qalbna bl-imħabba lejhom meta nikkunsidraw l-integrità tagħhom?
16, 17. (a) Il-biċċa l-kbira tal-Kristjani liema sfidi fuq il-fidi tagħhom isaqqfu wiċċhom magħhom? (b) Liema affarijiet li jekk niftakruhom se jgħinuna nkomplu niġru t-tiġrija għall-ħajja?
16 Il-kliem li Pawlu kompla jgħid, madankollu, japplika għall-biċċa l-kbira tan-nies: “Sa issa fil-ġlieda tagħkom kontra d-dnub, għad ma żammejtux hekk iebes li wasaltu biex xerridtu demmkom.” (Lhud 12:4) Minkejja dan, f’din is-sistema t-triq tal-verità m’hi faċli għal ħadd minna. Xi wħud jiġu skuraġġiti minn ‘oppożizzjoni mill-midinbin’ fuq il-post tax-xogħol jew fl-iskola, billi jissaportu meta jwaqqgħuhom għaċ-ċajt jew jirreżistu l-pressjoni tad-dnub. (Lhud 12:3) Tentazzjoni kbira mermret id-determinazzjoni taʼ xi wħud f’li jżommu l-livelli għoljin t’Alla. (Lhud 13:4, 5) L-apostati effettwaw il-bilanċ spiritwali taʼ xi wħud li jagħtu widen għall-propaganda velenuża tagħhom. (Lhud 13:9) Xi oħrajn tilfu l-ferħ minħabba problemi taʼ personalità. L-enfasi żejda fuq id-divertiment u l-attivitajiet taʼ vaganzi dgħajfet lil xi Kristjani. U l-biċċa l-kbira jħossuhom taħt pressjoni minħabba l-problemi taʼ li jgħixu f’din is-sistema t’affarijiet.
17 Veru, ebda waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet ma ‘wasslet biex wieħed ixerred demmu.’ U ftit minn dawn jistgħu jkunu r-riżultat taʼ deċiżjonijiet li nkunu għamilna aħna stess. Imma dawn kollha huma taʼ sfida għall-fidi tagħna. Huwa minħabba f’hekk li għandna nżommu għajnejna fuq l-eżempju eċċellenti taʼ Ġesù f’dak li huwa sabar. Jalla qatt ma ninsew kemm hija taʼ l-għaġeb it-tama li għandna. Jalla qatt ma nitilfu l-konvinzjoni tagħna li Jehovah “jagħti l-ħlas xieraq lil dawk li jfittxuh.” (Lhud 11:6) Imbagħad, se jkollna s-saħħa spiritwali biex inkomplu niġru fit-tiġrija għall-ħajja.
Aħna Nistgħu Nissaportu
18, 19. Liema ġrajjiet storiċi jissuġġerixxu li l-Kristjani Ebrej f’Ġerusalemm taw kas il-parir imnebbaħ taʼ Pawlu?
18 Il-Kristjani Lhud kif irreaġixxew għall-ittra taʼ Pawlu? Xi sitt snin wara li nkitbet l-ittra lil-Lhud, il-Ġudea kienet daħlet fi gwerra. Fis-sena 66 E.K., l-armata Rumana assedjat lil Ġerusalemm, u wettqet il-kliem taʼ Ġesù: “Meta mbagħad taraw lil Ġerusalemm magħluqa minn kullimkien bl-eżerċti, tkunu tafu li l-qerda tagħha tkun waslet.” (Luqa 21:20) Madankollu, għall-benefiċċju taʼ xi Kristjani li kellhom ikunu f’Ġerusalemm f’dak iż-żmien, Ġesù qal: “Ħa jaħarbu mbagħad lejn il-muntanji dawk li jkunu fil-Lhudija u jitbiegħdu minnha dawk li jkunu ġo nofsha, u ma jerġgħux lura fiha dawk li jkunu fir-rabaʼ.” (Luqa 21:21) Għaldaqstant, il-gwerra kontra Ruma serviet taʼ prova: Kienu l-Kristjani Lhud se jabbandunaw lil Ġerusalemm, iċ-ċentru tal-qima Lhudija u l-post fejn kien hemm it-tempju glorjuż?
19 F’daqqa waħda, u bla ma ħadd jaf għalfejn, ir-Rumani rtiraw. X’aktarx li l-Lhud reliġjużi qiesu dan bħala prova li Alla kien qed jipproteġi l-belt qaddisa tagħhom. Xi ngħidu għall-Kristjani? L-istorja turi li huma ħarbu. Imbagħad, fis-sena 70 E.K., ir-Rumani ġew lura u qerdu totalment lil Ġerusalemm b’telf taʼ ħajja li jkexkxek. “Jum il-Mulej” imbassar minn Ġoel kien wasal fuq Ġerusalemm. Imma l-Kristjani leali ma kinux għadhom hemmhekk. Huma ‘nħelsu.’—Ġoel 3:3-5 [Ġoel 2:30-32, NW]; Atti 2:16-21.
20. Billi nafu li “Jum il-Mulej” il-kbir huwa qrib, b’liema modi għandu dan iqanqalna?
20 Illum, nafu li “Jum il-Mulej” kbir ieħor dalwaqt se jeffettwa lil din is-sistema t’affarijiet kollha kemm hi. (Ġoel 4:12-14 [Ġoel 3:12-14, NW]) Ma nafux meta se jiġi dak il-jum. Imma l-Kelma t’Alla taċċertana li żgur se jiġi! Jehovah jgħid li mhux se jittardja. (Ħabakkuk 2:3; 2 Pietru 3:9, 10) Għaldaqstant, ejjew “nagħtu ħafna aktar kas taʼ dak li smajna.” Nevitaw nuqqas taʼ fidi, ‘id-dnub li tant ifixkilna malajr.’ Inkunu ddeterminati biex nissaportu sakemm ikun hemm bżonn. Niftakru li l-organizzazzjoni ċelestjali taʼ Jehovah bħal karru għadha għaddejja. Se twettaq l-iskop tagħha. Għalhekk jalla lkoll kemm aħna nkomplu niġru u ma naqtgħux qalbna fit-tiġrija għall-ħajja!
Tiftakar?
◻ Billi nagħtu kas taʼ liema twissija li Pawlu ta lill-Filippin se jgħinna nissaportu fit-tiġrija għall-ħajja?
◻ X’se jgħinna nikkumbattu t-tendenza li din id-dinja għandha biex taljenana?
◻ Kif nistgħu ngħinu lil xulxin biex nissaportu fit-tiġrija?
◻ X’inhuma xi affarijiet li jistgħu jġagħlu lil Kristjan ibatti?
◻ L-eżempju taʼ Ġesù kif jistaʼ jgħinna nissaportu?
[Stampa f’paġni 18, 19]
Il-Kristjani, bħall-ġerrejja, ma jridu jħallu xejn jaljenahom
[Stampa f’paġna 21]
Xejn ma jistaʼ jżomm lill-karru l-kbir ċelestjali taʼ Jehovah milli jwettaq l-iskop tiegħu