LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w98 1/1 pp. 22-32
  • “Hija Qalbek Retta Miegħi?”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Hija Qalbek Retta Miegħi?”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ġeħu taʼ Żmienna u Ġeħonadab taʼ Żmienna
  • Għadhom Jippridkaw biż-​Żelu
  • Jieqfu Sodi
  • Ċelebrazzjoni li Tispikka tal-​Mafkar
  • “Minn Kull Ġens u Tribù, . . . u Lsien”
  • ‘Nibqgħu fil-​Karru’
  • Ġeħu b’Mod Żeluż Appoġġa l-Qima Pura
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
  • Min Se Jibqaʼ Ħaj F’“Jum il-Mulej”?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Issa Huwa ż-Żmien għal Azzjoni Deċiżiva
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Sultana kattiva tiġi kkastigata
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
w98 1/1 pp. 22-32

“Hija Qalbek Retta Miegħi?”

“Tassew ejja miegħi u ara kif ma nittollera ebda rivalità lejn Jehovah.”—2 SLATEN 10:16, NW.

1, 2. (a) Is-​sitwazzjoni reliġjuża taʼ Iżrael kif marret mill-​ħażin għall-​agħar? (b) Fis-​sena 905 Q.E.K., liema bidliet drammatiċi kienu waslu biex iseħħu f’Iżrael?

IS-​SENA 905 Q.E.K. kienet żmien taʼ bidla kbira f’Iżrael. Kważi 100 sena qabel, Jehovah kien ġiegħel lis-​saltna unita taʼ Iżrael tiġi maqsuma minħabba l-​apostasija taʼ Salamun. (1 Slaten 11:9-13) Ġuda, is-​saltna tan-​Nofsinhar, f’dak iż-​żmien kellha lil Reħobogħam bin Salamun jaħkem fuqha, waqt li Iżrael, is-​saltna tat-​Tramuntana, kienet taħt is-​Sultan Ġerobogħam, wieħed Efrati. B’sogħba, is-​saltna tat-​Tramuntana kellha bidu diżastruż. Ġerobogħam ma riedx li s-​sudditi tiegħu jivvjaġġaw lejn is-​saltna tan-​Nofsinhar biex iqimu ġewwa t-​tempju, billi beżaʼ li kienet se togħġobhom l-​idea li jmorru lura lejn id-​dar taʼ David. Għalhekk, stabbilixxa l-​qima taʼ l-​għoġol f’Iżrael u b’hekk stabbilixxa mudell taʼ idolatrija li dam sa ċertu punt matul l-​istorja kollha tas-​saltna tat-​Tramuntana.—1 Slaten 12:26-33.

2 L-​affarijiet marru għall-​agħar meta Aħab, bin Omri, sar sultan. Martu Ġeżabel, li kienet barranija, tat spinta lill-​qima taʼ Bagħal u qatlet lill-​profeti taʼ Jehovah. Minkejja t-​twissijiet ċari tal-​profeta Elija, Aħab m’għamel xejn biex iwaqqafha. Madankollu, fis-​sena 905 Q.E.K., Aħab kien mejjet, u beda jaħkem ibnu Ġoram. Issa kien wasal iż-​żmien biex l-​art tiġi mnaddfa. Eliżew, is-​suċċessur t’Elija, informa lil Ġeħu, il-​kmandant militari, li Jehovah kien qiegħed jidilku biex ikun is-​sultan suċċessiv taʼ Iżrael. B’liema inkarigu? Biex jeqred għalkollox lid-​dar midinba taʼ Aħab u jivvendika demm il-​profeti li kien ġie mxerred minn Ġeżabel.—2 Slaten 9:1-10.

3, 4. Ġeħonadab kif wera li qalbu kienet ‘retta maʼ qalb Ġeħu’?

3 B’ubbidjenza għall-​kmand t’Alla, Ġeħu ġagħal li tinqatel il-​mara mill-​agħar Ġeżabel, u wara dan irħielha biex inaddaf lil Iżrael billi jeqred għalkollox id-​dar taʼ Aħab. (2 Slaten 9:15–10:14, 17) Imbagħad iltaqaʼ maʼ wieħed li kien jappoġġjah. “Iltaqaʼ maʼ Ġeħonadab bin Rekab ġej biex jiltaqaʼ miegħu. Meta bierku, għaldaqstant qallu: ‘Hija qalbek retta miegħi, sewwa sew bħalma qalbi stess hija maʼ qalbek?’ Għal dan Ġeħonadab qal: ‘Hija.’ ‘Jekk hija, tassew agħtini idek.’ Għalhekk tah idu. Minħabba f’hekk ġagħlu jitlaʼ fuq il-​karru miegħu. Imbagħad hu qal: ‘Tassew ejja miegħi u ara kif ma nittollera ebda rivalità lejn Jehovah.’ U żammewh riekeb miegħu fil-​karru tiegħu tal-​gwerra.”—2 Slaten 10:15, 16, NW.

4 Ġeħonadab (jew, Ġonadab) ma kienx Iżraelit. Minkejja dan, fi qbil maʼ ismu (li jfisser “Jehovah Hu Dejjem Lest,” “Jehovah Hu Nobbli,” jew “Jehovah Hu Ġeneruż”), hu kien adoratur taʼ Jehovah. (Ġeremija 35:6) Ċertament, hu kellu interess mhux tas-​soltu f’li jara kif Ġeħu ‘ma kien jittollera ebda rivalità lejn Jehovah.’ Kif nafuh dan? Sewwa, ma kinitx xi kumbinazzjoni li hu ltaqaʼ mas-​sultan midluk taʼ Iżrael. Ġeħonadab kien “ġej biex jiltaqaʼ miegħu,” u dan kien fi żmien meta Ġeħu kien diġà mmassakra lil Ġeżabel u lil oħrajn fid-​dar taʼ Aħab. Ġeħonadab kien jaf x’kien qed jiġri meta aċċetta l-​istedina taʼ Ġeħu biex jitlaʼ fil-​karru tiegħu. Kien bla ebda dubju taʼ xejn fuq in-​naħa taʼ Ġeħu​—u taʼ Jehovah—​f’dan il-​konflitt bejn il-​qima vera u dik falza.

Ġeħu taʼ Żmienna u Ġeħonadab taʼ Żmienna

5. (a) Liema bidliet dalwaqt se jseħħu għall-​bnedmin kollha? (b) Min hu Ġeħu Akbar, u min jirrappreżentah fuq l-​art?

5 Illum, l-​affarijiet dalwaqt se jitbiddlu b’mod radikali għall-​bnedmin kollha hekk kif ġara fil-​każ taʼ Iżrael lura fis-​sena 905 Q.E.K. Iż-​żmien huwa issa qrib meta Jehovah se jnaddaf l-​art mir-​riżultati ħżiena kollha taʼ l-​influwenza taʼ Satana, inkluża r-​reliġjon falza. Min hu Ġeħu taʼ żmienna? Ħadd għajr Ġesù Kristu, li lilu huwa indirizzat il-​kliem profetiku: “Tħażżem, qalbieni, b’sejfek fuq ġenbek; ilbes il-​ġieħ u l-​ġmiel tiegħek! Irkeb għar-​rebħa tas-​sewwa u l-​ħaqq.” (Salm 45:4, 5 [Salm 45:3, 4, NW]) Ġesù hu rrappreżentat fuq l-​art mill-​“Iżrael taʼ Alla,” Kristjani midlukin “li jħarsu l-​preċetti taʼ Alla u li għandhom ix-​xhieda taʼ Ġesù.” (Galatin 6:16; Apokalissi 12:17) Mill-​1922 ’l hawn dawn l-​aħwa midlukin taʼ Ġesù wissew bla biżaʼ dwar l-​atti taʼ ġudizzju mingħand Jehovah li qegħdin fil-​qrib.—Isaija 61:1, 2; Apokalissi 8:7–9:21; 16:2-21.

6. Min ħareġ mill-​ġnus biex jappoġġja lill-​Kristjani midlukin, u dawn kif telgħu fuq il-​karru, biex ngħidu hekk, taʼ Ġeħu Akbar?

6 Il-​Kristjani midlukin qatt ma kienu waħedhom. Sewwa sew bħalma Ġeħonadab ħareġ jiltaqaʼ maʼ Ġeħu, ħafna mill-​ġnus ħarġu biex jappoġġjaw lil Ġesù, Ġeħu Akbar, u lir-​rappreżentanti tiegħu fuq l-​art fil-​waqfa tagħhom għall-​qima vera. (Żakkarija 8:23) Imsejħin in-​“nagħaġ oħra” tiegħu minn Ġesù, fl-​1932 huma ġew irrikonoxxuti bħala l-​ekwivalenti modern taʼ Ġeħonadab tal-​qedem u ġew mistednin biex ‘jitilgħu fil-​karru’ taʼ Ġeħu taʼ żmienna. (Ġwann 10:16) Kif? Billi “jħarsu l-​preċetti taʼ Alla” u jieħdu sehem mal-​midlukin fix-​xogħol taʼ “xhieda taʼ Ġesù.” Illum, dan jinkludi l-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba tas-​Saltna stabbilita t’Alla taħt Ġesù bħala s-​Sultan. (Mark 13:10) Fl-​1935 dawn il-​“Ġonadabijiet” ġew identifikati bħala l-​“kotra kbira” t’Apokalissi 7:9-17.

7. Il-​Kristjani llum kif urew li ‘qalbhom għadha retta’ maʼ qalb Ġesù?

7 Mis-​snin tletin ’l hawn, il-​kotra kbira u ħuthom il-​midlukin b’kuraġġ kbir taw prova taʼ l-​appoġġ tagħhom lejn il-​qima vera. F’ċerti pajjiżi fl-​Ewropa tal-​Lvant u l-​Punent, fil-​Lvant Imbiegħed, u fl-​Afrika, ħafna minnhom mietu għall-​fidi tagħhom. (Luqa 9:23, 24) F’pajjiżi oħrajn, ġew mitfugħin il-​ħabs, attakkati, jew ippersegwitati b’xi modi oħrajn. (2 Timotju 3:12) X’rekord taʼ fidi waqqfu dawn! U r-​Rapport tas-​Sena taʼ Servizz 1997 juri li għadhom iddeterminati biex jaqdu lil Alla, jiġri x’jiġri. ‘Qalbhom għadha retta’ maʼ qalb Ġesù. Dan ġie muri matul l-​1997, meta 5,599,931 pubblikatur tas-​Saltna, kważi lkoll kemm huma “Ġonadabijiet,” qattgħu total taʼ 1,179,735,841 siegħa fix-​xogħol taʼ li jagħtu xiehda għal Ġesù.

Għadhom Jippridkaw biż-​Żelu

8. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah kif juru ż-​żelu tagħhom għall-​qima vera?

8 Ġeħu kellu reputazzjoni li jsuq il-​karru tiegħu b’veloċità kbira​—evidenza taż-​żelu tiegħu biex iwettaq l-​inkarigu tiegħu. (2 Slaten 9:20) Ġesù, Ġeħu Akbar, hu deskritt bħala ‘mifni’ biż-​żelu. (Salm 69:10 [Salm 69:9, NW]) Allura, ma niħduhiex bi kbira li l-​Kristjani veri llum huma magħrufin għaż-​żelu tagħhom. Kemm fil-​kongregazzjoni u kemm fil-​pubbliku, huma ‘jippridkaw il-​kelma b’urġenza fi staġun favorevoli, fi staġun taʼ inkwiet.’ (2 Timotju 4:2, NW) Iż-​żelu tagħhom kien speċjalment evidenti fil-​bidu taʼ l-​1997 wara li artiklu fil-​Ministeru Tas-​Saltna kien inkuraġġixxa lil kulmin setaʼ biex jieħu sehem fis-​servizz taʼ pijunier awżiljarju. Kull pajjiż stabbilixxa mira inkwantu għan-​numru taʼ pijunier awżiljarju. X’kien ir-​riżultat? Taʼ l-​għaġeb! Ħafna fergħat kellhom iktar minn dak li mmiraw lejh. Fl-​Ekwador għamlu mira taʼ 4,000 imma f’Marzu rrapportaw 6,936 pijunieri awżiljarji. Il-​Ġappun irrapporta total taʼ 104,215 matul dawk it-​tliet xhur. Fiż-​Żambja, fejn il-​mira kienet 6,000, f’Marzu ġie rrapportat li kien hemm 6,414-il pijunier awżiljarju; f’April 6,532; u f’Mejju 7,695. Mal-​globu kollu, il-​quċċata fil-​pijunieri awżiljarji u regulari flimkien kienet 1,110,251, żjieda taʼ 34.2 fil-​mija fuq l-​1996!

9. Barra mix-​xogħol minn dar għal dar, ix-​Xhieda taʼ Jehovah b’liema modi oħrajn isibu n-​nies biex jgħidulhom l-​aħbar tajba?

9 L-​appostlu Pawlu qal lill-​anzjani f’Efesu: “Qatt ma bżajt nurikom dak li hu taʼ fejda għalikom u ngħallimkom kemm fil-​beraħ u kemm fid-​djar [“minn dar għal dar,” KŻ].” (Atti 20:20) Ix-​Xhieda taʼ Jehovah llum jimitaw l-​eżempju taʼ Pawlu u b’żelu kbir jippridkaw l-​aħbar tajba minn dar għal dar. Madankollu, għandu mnejn ma jkunx faċli li nsibu n-​nies id-​dar. Għaldaqstant, “l-​irsir leali u diskret” jinkuraġġixxi lill-​pubblikaturi tas-​Saltna biex javviċinaw lin-​nies fil-​postijiet tagħhom taʼ negozju, fit-​toroq, f’xatt-il baħar, fil-​ġonna pubbliċi​—kulfejn jistgħu jinstabu n-​nies. (Mattew 24:45-47, NW) Ir-​riżultati kienu eċċellenti.

10, 11. Pubblikaturi f’żewġ pajjiżi kif urew l-​inizjattiva mill-​aħjar tagħhom f’li jsibu wħud interessati li normalment ma jistgħux jiġu kkuntattjati fi djarhom?

10 F’Kopenħagen ġewwa d-​Danimarka, grupp żgħir taʼ pubblikaturi qegħdin jagħtu xiehda fit-​toroq barra l-​istazzjonijiet tal-​ferrovija. Minn Jannar sa Ġunju, ħallew 4,733 rivista, kellhom ħafna konversazzjonijiet interessanti, u għamlu ħafna żjajjar lura. Diversi pubblikaturi f’dak il-​pajjiż stabbilew rotot bir-​rivisti fil-​ħwienet. Hemm belt fejn kull nhar taʼ ġimgħa jarma suq kbir, b’eluf taʼ viżitaturi. Għalhekk, il-​kongregazzjoni rranġat għal xiehda regulari fis-​suq. F’post wieħed iżuru l-​iskejjel u jiħdulhom pakkett b’materjal informattiv li jkun fih pubblikazzjonijiet li huma speċjalment addattati għall-​għalliema.

11 Fil-​Ħawajj ukoll saru sforzi biex jintlaħqu dawk li ma jinstabux id-​dar. It-​territorji speċjali jinkludu nħawi pubbliċi (toroq, ġonna, postijiet fejn jipparkjaw il-​karozzi, u fuq l-​istages), inħawi industrijali, ċentri bil-​ħwienet u ajruporti, xiehda bit-​telefon, trasport pubbliku (fuq tal-​linja), u fl-​inħawi taʼ l-​università u skejjel għoljin oħrajn. Tingħata attenzjoni biex jiġi aċċertat li jiġi assenjat in-​numru xieraq taʼ Xhieda għal kull territorju u li dawk li jiġu assenjati jiġu mħarrġin kif jixraq. F’ħafna pajjiżi jiġu rrapportati sforzi organizzati tajjeb simili għal dawn. Bħala riżultat, qegħdin jiġu kkuntattjati nies interessati li x’aktarx qatt ma setgħu jiġu kkuntattjati fil-​ministeru minn dar għal dar.

Jieqfu Sodi

12, 13. (a) Satana liema tattika uża kontra x-​Xhieda taʼ Jehovah matul l-​1997? (b) F’ċertu pajjiż, il-​propaganda qarrieqa kif kellha l-​effett oppost fuq dawk li għamluha?

12 Fl-​1997, f’numru taʼ pajjiżi, ix-​Xhieda taʼ Jehovah sfaw vittmi taʼ propaganda malizzjuża u qarrieqa li wħud ippromwovew bl-​objettiv ċar li jkunu jistgħu jieħdu azzjoni legali kontriehom. Imma huma ma ċedewx! (Salm 112:7, 8) Huma ftakru fit-​talba tas-​salmista: “Jixluni l-​kburin bil-​gideb; imma jien b’qalbi kollha nħares il-​preċetti tiegħek.” (Salm 119:69) Din il-​pubbliċità giddieba hija sempliċement evidenza li l-​Kristjani veri kellhom jiġu mibgħudin bħalma pprofetizza Ġesù. (Mattew 24:9) U xi drabi ġara l-​oppost. Raġel fil-​Belġju qara artiklu degradanti dwar ix-​Xhieda taʼ Jehovah f’gazzetta popolari. Ixxokkjat bir-​rimarki taʼ malafama, hu attenda laqgħa f’Sala tas-​Saltna l-​Ħadd taʼ wara. Hu għamel arranġamenti biex jistudja l-​Bibbja max-​Xhieda u kompla jagħmel progress mgħaġġel. Qabel, dan ir-​raġel kien membru taʼ gang. L-​istudju tiegħu tal-​Bibbja għenu biex inaddaf ħajtu, xi ħaġa li nnotaw in-​nies taʼ madwaru. Żgur li l-​kittieb taʼ l-​artiklu mimli malafama ma kellux riżultat bħal dan f’moħħu!

13 Xi nies taʼ qalb onesta fil-​Belġju ma beżgħux jesprimu l-​opinjoni tagħhom kontra l-​propaganda qarrieqa. Fosthom kien hemm wieħed li qabel kien prim ministru, li ammetta li kien jammira ferm dak li kienu wettqu x-​Xhieda taʼ Jehovah. U wieħed deputat kiteb: “Kuntrarju għall-​insinwazzjonijiet li ċċirkolaw f’ċerti okkażjonijiet, [ix-Xhieda taʼ Jehovah] ngħid għalija ma narax li qed jirrappreżentaw l-​iċken periklu għall-​istituzzjonijiet taʼ l-​Istat. Huma ċittadini li jħobbu l-​paċi, kuxjenzjużi, u juru rispett lejn l-​awtoritajiet.” Tabilħaqq għaqli, huwa l-​kliem taʼ l-​appostlu Pietru: “Ġibu rwieħkom sewwa qalb il-​pagani biex, jekk huma jgħidu fuqkom bħallikieku kontu nies ħżiena, jaraw sewwa l-​għemil tajjeb tagħkom u jsebbħu ’l Alla meta jasal jum iż-​żjara tiegħu.”—1 Pietru 2:12.

Ċelebrazzjoni li Tispikka tal-​Mafkar

14. X’kienu xi rapporti eċċitanti taʼ l-​attendenzi tal-​Mafkar fl-​1997?

14 Huwa xieraq li dawk li jagħtu xiehda għal Ġesù għandhom iqisu l-​Mafkar tal-​mewt tiegħu bħala okkażjoni speċjali fis-​sena. Fis-​sena 1997, 14,322,226 kienu preżenti fit-​23 taʼ Marzu biex jiċċelebraw din il-​ġrajja. Dan kien ’il fuq minn 1,400,000 iktar milli fl-​1996. (Luqa 22:14-20) F’ħafna pajjiżi l-​attendenza tal-​Mafkar kienet bil-​wisq iktar min-​numru taʼ pubblikaturi tas-​Saltna, u dan juri prospetti mill-​aħjar għal żjieda fil-​futur. Per eżempju, fil-​Ħaiti, fl-​1997 kien hemm quċċata taʼ 10,621 pubblikatur, waqt li 67,259 attendew għall-​Mafkar. Tistaʼ tiċċekkja r-​rapport annwali f’paġni 28 sa 31 u tara kemm pajjiżi oħrajn kellhom attendenzi għoljin simili meta mqabblin man-​numru taʼ pubblikaturi.

15. F’xi pajjiżi, ħutna kif għelbu problemi serji sabiex jiċċelebraw il-​Mafkar?

15 Għal xi wħud, ma kienx faċli li jattendu għall-​Mafkar. Fl-​Albanija kien hemm kerfju fis-​7 taʼ fil-​għaxija minħabba t-​taqlib ċivili. Fil-​115-il grupp żgħir madwar il-​pajjiż, il-​Mafkar beda fil–5:45. Ix-​xemx niżlet fis–6:08, u din immarkat il-​bidu taʼ l-​14 taʼ Nisan. L-​emblemi ġew mgħoddijin bejn wieħed u ieħor fis–6:15. Fil-​biċċa l-​kbira tal-​każi t-​talba taʼ l-​għeluq saret fis–6:30, u dawk li attendew irritornaw bil-​ħeffa lejn id-​dar qabel il-​kerfju. Xorta waħda, l-​attendenza għall-​Mafkar kienet taʼ 3,154, imqabbla maʼ quċċata taʼ 1,090 pubblikatur. F’pajjiż Afrikan wieħed, minħabba t-​taqlib ċivili kien impossibbli li tintuża s-​Sala tas-​Saltna, u għalhekk żewġ anzjani ddeċidew li jiltaqgħu fid-​dar t’anzjan ieħor, biex jagħmlu l-​arranġamenti ħalli ċ-​ċelebrazzjoni jagħmluha fi gruppi iżgħar. Sabiex jaslu f’dik id-​dar, iż-​żewġ anzjani kellhom jaqsmu gandott tad-​dranaġġ. Però, kien hemm il-​ġlied f’dawk l-​inħawi, u s-​suldati moħbijin kienu jisparaw fuq kulmin jipprova jaqsam il-​gandott. Wieħed anzjan ġera min-​naħa għall-​oħra u ma ġralu xejn. It-​tieni wieħed kien qed jaqsam meta samaʼ sparatura. Hu ntefaʼ fl-​art u tkaxkar għal post taʼ kenn hekk kif il-​bullits għaddew żbrixx maʼ rasu. Il-​laqgħa taʼ l-​anzjani rnexxielha ssir b’suċċess, u ntlaħqu l-​ħtiġijiet tal-​kongregazzjoni.

“Minn Kull Ġens u Tribù, . . . u Lsien”

16. Il-​klassi taʼ l-​irsir leali u diskret kif irranġat biex l-​aħbar tajba tasal fost gruppi lingwistiċi żgħar?

16 L-​appostlu Ġwanni qal li kotra kbira kellha toħroġ “minn kull ġens u tribù, minn kull poplu u lsien.” (Apokalissi 7:9) Għaldaqstant, il-​Ġemgħa li Tiggverna tara li l-​letteratura tkun disponibbli f’iktar u iktar lingwi​—inklużi dawk taʼ tribujiet remoti u gruppi żgħar taʼ nies. Fil-​Możambik, per eżempju, il-​fuljett Il-​Ħajja f’Dinja Ġdida taʼ Paċi ġie stampat f’ħames lingwi oħrajn. Fin-​Nikaragwa, il-​brochure Gawdi l-​Ħajja fuq l-​Art Għal Dejjem! sar disponibbli fil-​lingwa Miskito​—l-​ewwel pubblikazzjoni tas-​Soċjetà f’dik il-​lingwa. Ħafna Indjani Miskito aċċettaw il-​brochure bil-​ferħ hekk kif rawh fil-​lingwa tagħhom stess. Fis-​sena 1997, is-​Soċjetà approvat letteratura f’25 lingwa oħra u stampat iktar minn biljun rivista.

17. Liema grupp lingwistiku ġie megħjun fil-​Korea, u l-​vidjos kif għenu ferm lil dan is-​settur tal-​popolazzjoni?

17 Fil-​Korea ġie megħjun grupp lingwistiku ieħor. Fl-​1997 saret l-​ewwel konvenzjoni bil-​lingwa bis-​sinjali Koreana. Fil-​Korea hemm 15-il kongregazzjoni b’543 pubblikatur li jużaw il-​lingwa bis-​sinjali, imma għall-​konvenzjoni attendew 1,174, u tgħammdu 21. Biex jiġu megħjunin it-​torox li jsibuha diffiċli biex jifhmu l-​kliem miktub jew mitkellem, qed jiġu prodotti pubblikazzjonijiet fuq il-​vidjo fi 13-il-lingwa bis-​sinjali differenti. B’hekk, it-​torox qegħdin jiġu megħjunin biex “jaqraw” u saħansitra jistudjaw l-​aħbar tajba, b’riżultati mill-​aħjar. Fl-​Istati Uniti, persuna truxa qabel kienet iddum sa ħames snin biex tagħmel progress sal-​punt tal-​magħmudija. Issa, b’numru taʼ vidjos disponibbli bil-​Lingwa bis-​Sinjali Amerikana, fil-​każ taʼ xi torox, dan ġie mnaqqas għal madwar sena.

‘Nibqgħu fil-​Karru’

18. Wara li ltaqaʼ ma Ġeħonadab, Ġeħu x’irħielha biex jagħmel?

18 Lura fis-​sena 905 Q.E.K., wara li Ġeħonadab ngħaqad miegħu, Ġeħu rħielha biex jeqred il-​qima falza. Hu ħareġ stedina lill-​adoraturi kollha taʼ Bagħal: “Niedu laqgħa kbira f’ġieħ Bagħal.” Imbagħad bagħat jgħarraf fl-​art kollha biex ikun ċert li ebda adoratur taʼ Bagħal ma jitħalla barra. Hekk kif il-​folol daħlu bi ħġarhom fit-​tempju l-​kbir taʼ l-​alla falz, qagħdu attenti li l-​ebda adoratur taʼ Jehovah ma kien hemmhekk. Fl-​aħħarnett, Ġeħu u l-​armata tiegħu eliminaw lill-​adoraturi taʼ Bagħal. B’hekk, “Ġeħu qered ’il Bagħal minn Iżrael.”—2 Slaten 10:20-28.

19. Minħabba dak li ġej fuq il-​bnedmin, liema spirtu għandna nuru, u liema inkarigu għandna nkunu qed inħabirku fih?

19 Illum, il-​ġudizzju finali fuq ir-​reliġjon falza kollha qiegħed preċiżament quddiemna. Taħt il-​gwida anġelika l-​Kristjani qegħdin jipproklamaw l-​aħbar tajba lill-​bnedmin kollha, waqt li jinkuraġġuhom biex jibżgħu minn Alla u biex jisseparaw lilhom infushom mir-​reliġjon falza. (Apokalissi 14:6-8; 18:2, 4) Dawk ġwejdin huma inkuraġġiti biex jissottomettu ruħhom għas-​Saltna t’Alla taħt Ġesù Kristu, is-​Sultan taʼ Jehovah, li qiegħed fuq it-​tron. (Apokalissi 12:10) F’dan iż-​żmien eċċitanti, ma rridux inħallu ż-​żelu tagħna jiddgħajjef hekk kif nieqfu sodi għall-​qima vera.

20. Int x’se tkun iddeterminat li tagħmel matul is-​sena taʼ servizz 1998?

20 Darba waħda, meta s-​Sultan David kien taħt pressjoni kbira, hu talab: “Sħiħa qalbi, o Alla, sħiħa qalbi; ħa ngħanni u ninseġ għanja: [I]nfaħħrek, Sidi, fost il-​popli.” (Salm 57:8, 10 [Salm 57:7, 9, NW]) Jalla aħna wkoll nibqgħu sħaħ. Matul is-​sena taʼ servizz 1997, minkejja ħafna diffikultajiet, għajta kbira taʼ tifħir ġiet mgħajta għall-​glorja t’Alla Jehovah. Jalla tinstemaʼ għajta simili, saħansitra akbar, matul din is-​sena taʼ servizz. U jalla nkomplu nagħmlu dan minkejja dak li jistaʼ jagħmlilna Satana biex jiskuraġġina jew jopponina. B’hekk, se nuru li qalbna tibqaʼ retta maʼ qalb Ġeħu Akbar, Ġesù Kristu, u se nwieġbu b’ruħna kollha għall-​eżortazzjoni mnebbħa: “Ifirħu, twajbin, u thennew fil-​Mulej; għajjtu bil-​ferħ, intom ilkoll taʼ qalbkom safja [“retta,” NW].”—Salm 32:11.

Tistaʼ Tispjega?

◻ Liema bidliet seħħew f’Iżrael fis-​sena 905 Q.E.K.?

◻ Min hu Ġeħu taʼ żmienna, u dawk tal-​“kotra kbira” kif urew li ‘qalbhom hija retta’ maʼ qalbu?

◻ Liema statistiċi mir-​rapport annwali juru ż-​żelu li wrew ix-​Xhieda taʼ Jehovah matul is-​sena taʼ servizz 1997?

◻ Minkejja dak li Satana jistaʼ jagħmlilna, liema spirtu se nuru aħna matul is-​sena taʼ servizz 1998?

[Tabella f’paġni 28-31]

RAPPORT TAS-​SENA TAʼ SERVIZZ 1997 TAX-​XHIEDA TAʼ JEHOVAH MADWAR ID-​DINJA

(Ara r-​rivista)

[Stampa f’paġna 26]

L-​attendenza li spikkat tal-​Mafkar turi l-​prospetti mill-​aħjar għal żjieda fil-​futur

[Stampa f’paġna 27]

Bħalma Ġeħonadab appoġġja lil Ġeħu, hekk ukoll il-​“kotra kbira” llum tappoġġja lil Ġeħu Akbar, Ġesù Kristu, u lil ħutu midlukin

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja