Kun Lest li Ċċedi, Kun Bilanċjat
“Ibqaʼ fakkarhom biex ikunu . . . raġunevoli [“lesti li jċedu,” “NW,” ntt.].”—TITU 3:1, 2.
1, 2. Xi tgħid l-Iskrittura dwar li nkunu raġunevoli u lesti li nċedu, u dan għala huwa xieraq?
ĠEĦOVA, Missierna tas-sema kollu mħabba, għandu għerf bla tarf. Ladarba aħna l-ħolqien tiegħu, inħarsu lejh biex jiggwidana f’ħajjitna. Salm 48:15 [48:14, NW] Id-dixxiplu Kristjan Ġakbu jgħidilna li “l-għerf li ġej minn fuq hu l-ewwelnett safi, imbagħad iġib il-paċi, hu raġunevoli [“lest li jċedi,” NW, ntt.], lest li jobdi, mimli ħniena u frott tajjeb, ma jagħmilx distinzjonijiet parzjali, mhux ipokrita.”—Ġak. 3:17.
2 “Ħa jkun jaf kulħadd kemm intom raġunevoli [“lesti li ċċedu,” Kingdom Interlinear],” iħeġġeġ l-appostlu Pawlu.a (Flp. 4:5) Kristu Ġesù hu l-Mulej u l-Kap tal-kongregazzjoni Kristjana. (Efes. 5:23) Kemm hu importanti li lkoll kemm aħna naġixxu b’mod raġunevoli u nkunu lesti li nċedu, billi noqogħdu kompletament għad-direzzjoni taʼ Kristu u ma ninsistux għal dak li hu tagħna fir-relazzjonijiet maʼ bnedmin oħrajn!
3, 4. (a) Agħti eżempju taʼ kif nibbenefikaw meta nkunu lesti li nċedu. (b) X’se nikkunsidraw?
3 Meta nkunu lesti li nċedu b’mod bilanċjat, aħna se nibbenefikaw. Sabiex nagħtu eżempju: Wara li fil-Britannja nkixef pjan t’attakk terroristiku, il-biċċa l-kbira mill-passiġġieri taʼ l-ajru kienu lesti li jimxu mar-regolamenti u ma jtellgħux magħhom fuq l-ajruplan affarijiet li qabel setgħu jiħduhom magħhom. Meta nkunu qed insuqu xi vettura, nagħrfu l-ħtieġa li nċedu lil sewwieqa oħrajn, bħal per eżempju, meta nkunu qed induru maʼ xi roundabout, sabiex b’hekk ma jinħoloqx periklu u t-traffiku jibqaʼ għaddej mingħajr problemi.
4 Għal ħafna minna, m’huwiex faċli li nkunu raġunevoli u lesti li nċedu. Bħala għajnuna, ejja nikkunsidraw tliet aspetti taʼ li nkunu raġunevoli, jiġifieri, il-motiv tagħna, l-attitudni tagħna lejn l-awtorità, u safejn għandna nċedu.
Għala Għandna Nkunu Lesti li Nċedu?
5. Skond il-Liġi Mosajka, x’setaʼ jġiegħel lill-ilsir jagħżel li jibqaʼ maʼ sidu?
5 Eżempju meħud miż-żminijiet taʼ qabel il-Kristjanità joħroġ il-motiv xieraq għala għandna nkunu lesti li nċedu. Skond il-Liġi Mosajka, l-Ebrej li kienu saru lsiera kellhom jingħataw il-libertà tagħhom wara li jkunu ilhom jaqdu sebaʼ snin jew inkella fis-sena tal-Ġublew, jiddependi liema sena minnhom kienet tiġi l-ewwel. Imma l-ilsir setaʼ jagħżel li jibqaʼ lsir. (Aqra Eżodu 21:5, 6.) X’setaʼ jġiegħel lill-ilsir jagħmel dan? L-imħabba kienet tqanqal lill-ilsir biex jibqaʼ f’din is-sitwazzjoni, fl-awtorità tas-sid ħanin tiegħu.
6. L-imħabba x’għandha x’taqsam maʼ li nkunu lesti li nċedu?
6 B’mod simili, l-imħabba tagħna għal Ġeħova tqanqalna biex niddedikawlu ħajjitna u mbagħad ngħixu fi qbil mad-dedikazzjoni tagħna. (Rum. 14:7, 8) “L-imħabba t’Alla tfisser dan: li nosservaw il-kmandamenti tiegħu; u madankollu l-kmandamenti tiegħu m’humiex tqal,” kiteb l-appostlu Ġwanni. (1 Ġw. 5:3) Din l-imħabba ma tfittixx l-interessi tagħha. (1 Kor. 13:4, 5) Fir-relazzjonijiet tagħna maʼ bnedmin oħrajn, l-imħabba għall-proxxmu timmotivana biex inkunu lesti li nċedu u npoġġu lil oħrajn qabilna. Minflok ma nħallu l-egoiżmu jirbaħna, aħna nikkunsidraw l-interessi tagħhom qabel tagħna.—Flp. 2:2, 3.
7. Fil-ministeru, kif nistgħu nuru li aħna raġunevoli u lesti li nċedu?
7 La kliemna u lanqas l-għemejjel tagħna m’għandhom ifixklu lil ħaddieħor. (Efes. 4:29) Tabilħaqq, l-imħabba ġġegħelna nevitaw li nagħmlu xi ħaġa li tistaʼ ttellef lil dawk li ġejjin minn ambjenti jew kulturi differenti milli jkomplu jagħmlu progress u jaqdu lil Ġeħova. Dan taʼ spiss jitlob minna li nkunu raġunevoli u lesti li nċedu. Per eżempju, aħwa nisa missjunarji li huma mdorrijin jagħmlu l-makeup u jilbsu t-tights trasparenti ma jinsistux li jagħmlu dan f’lokalitajiet fejn nisa li jużaw dawn l-affarijiet huma meqjusin immorali, u b’hekk jistgħu jfixklu lil ħaddieħor.—1 Kor. 10:31-33.
8. L-imħabba għal Alla kif tistaʼ tgħinna nġibu ruħna bħala “l-iżgħar”?
8 L-imħabba tagħna għal Ġeħova tgħinna nwarrbu l-kburija. Wara li fost id-dixxipli nqalaʼ l-argument dwar min kien l-akbar fosthom, Ġesù ħa tifel u poġġieh f’nofshom. Hu spjega: “Kulmin jilqaʼ lil dan it-tifel f’ismi, jilqaʼ lili wkoll, u kulmin jilqaʼ lili, jilqaʼ wkoll lil dak li bagħatni. Għax min iġib ruħu bħal wieħed mill-iżgħar fostkom ilkoll, dan ikun il-kbir.” (Lq. 9:48; Mk. 9:36) Għal kull wieħed u waħda minna jistaʼ jkun verament taʼ sfida li nġibu ruħna bħala “l-iżgħar.” L-imperfezzjoni li writna kif ukoll it-tendenza għall-kburija jistgħu jimmotivawna biex infittxu l-prominenza, imma l-umiltà tgħinna nkunu raġunevoli u lesti li nċedu.—Rum. 12:10.
9. Sabiex inkunu raġunevoli u lesti li nċedu, xi rridu nirrikonoxxu?
9 Sabiex inkunu raġunevoli u lesti li nċedu, irridu nirrikonoxxu l-awtorità taʼ dawk li ġew maħturin minn Alla. Il-Kristjani veri kollha jagħrfu l-prinċipju importanti taʼ l-istat taʼ kap. L-appostlu Pawlu wera dan biċ-ċar lill-Korintin: “Irridkom tkunu tafu li l-kap taʼ kull raġel hu l-Kristu; u l-kap tal-mara hu r-raġel; u l-kap tal-Kristu hu Alla.”—1 Kor. 11:3.
10. X’juri l-fatt li noqogħdu kompletament għall-awtorità taʼ Ġeħova?
10 Meta nċedu, jew noqogħdu kompletament, għall-awtorità t’Alla nkunu qed nuru t-tama u l-fiduċja li għandna fih bħala Missier li jħobbna. Hu jaf tajjeb xi jkun qed jiġri u jistaʼ jippremjana kif jixraq. Ikun t’għajnuna li nżommu dan il-fatt f’moħħna meta oħrajn ma jittrattawniex bir-rispett jew jirrabjaw u jitmasħnu magħna. Pawlu kiteb: “Jekk inhu possibbli, sakemm jiddependi minnkom, żommu l-paċi mal-bnedmin kollha.” Pawlu enfasizza dan il-parir permezz taʼ din id-direzzjoni: “Tivvendikawx ruħkom, imma agħmlu l-wisaʼ għall-korla; għax hu miktub: ‘Il-vendetta tiegħi; jien inħallas, jgħid Ġeħova.’”—Rum. 12:18, 19.
11. Kif nistgħu nuru li aħna qegħdin taħt Kristu bħala l-kap tagħna?
11 Xi ħaġa oħra li għandna nirrispettaw fil-kongregazzjoni Kristjana hija l-awtorità taʼ dawk maħturin minn Alla. Rivelazzjoni kapitlu 1 jagħtina stampa taʼ Kristu Ġesù qed iżomm il-“kwiekeb” tal-kongregazzjoni f’idu l-leminija. (Riv. 1:16, 20) F’sens ġenerali, dawn il-“kwiekeb” jirrappreżentaw il-ġemgħat t’anzjani, jew indokraturi, fil-kongregazzjonijiet. Dawn l-indokraturi maħturin joqogħdu kompletament għat-tmexxija taʼ Kristu u jimitaw il-mod ħanin tiegħu taʼ kif jaġixxi m’oħrajn. Kull persuna fil-kongregazzjoni tissottometti ruħha għall-arranġament li għamel Ġesù għall-“ilsir leali u għaqli” biex jipprovdi l-ikel spiritwali fil-ħin xieraq. (Mt. 24:45-47) Illum, il-fatt li aħna lesti li nistudjaw u napplikaw din l-informazzjoni juri li aħna personalment irridu noqogħdu taħt Kristu bħala l-kap tagħna, u dan jikkontribwixxi għall-paċi u l-unità.—Rum. 14:13, 19.
Inċedu—Sa Liema Punt?
12. Għala hemm limitu dwar kemm irridu nċedu?
12 Madankollu, li nċedu ma jfissirx li aħna se nikkompromettu l-fidi jew il-prinċipji divini li nħaddnu. Liema pożizzjoni ħadu l-Kristjani tal-bidu meta l-mexxejja reliġjużi ordnawlhom biex ma jibqgħux jgħallmu fuq il-bażi taʼ isem Ġesù? Pietru u d-dixxipli l-oħrajn wieġbu bi qlubija: “Jeħtieġ li aħna nobdu lil Alla bħala ħakkiem iktar milli lill-bnedmin.” (Atti 4:18-20; 5:28, 29) Għaldaqstant, illum, jekk l-awtoritajiet governattivi jipprovaw iwaqqfuna bil-forza milli nippridkaw l-aħbar tajba, aħna ma niqfux—minkejja li forsi jkollna naġġustaw il-metodi li nużaw ħalli b’hekk nittrattaw is-sitwazzjoni bit-tattika. Jekk ikun hemm restrizzjonijiet fil-ministeru minn dar għal dar, nistgħu nfittxu modi oħrajn kif nikkuntattjaw lin-nies u nkomplu nobdu l-inkarigu li tana Alla. Bl-istess mod, meta “l-awtoritajiet superjuri” ma jħalluniex nagħmlu l-laqgħat tagħna, aħna niltaqgħu b’mod diskret fi gruppi żgħar.—Rum. 13:1; Ebr. 10:24, 25.
13. Ġesù x’qal dwar il-fatt li noqogħdu għal dawk li għandhom l-awtorità?
13 Fil-Priedka tiegħu taʼ fuq il-Muntanja, Ġesù wera l-bżonn taʼ li wieħed joqgħod għall-awtorità: “Jekk xi ħadd ikun irid itellgħek il-qorti biex jiħodlok il-libsa, agħtih ukoll il-mantar; u jekk xi ħadd fl-awtorità jġagħlek timxi miegħu kilometru, mur miegħu tnejn.” (Mt. 5:40, 41)b Iżjed minn hekk, l-interess tagħna fl-oħrajn kif ukoll ix-xewqa li ngħinuhom iqanqluna biex nagħmlu magħhom iktar milli hu mistenni minna.—1 Kor. 13:5; Titu 3:1, 2.
14. Għala m’għandna qatt inċedu għall-apostasija?
14 Minkejja dan, ix-xewqa tagħna li nċedu m’għandha qatt twassalna biex nagħmlu xi kompromess maʼ l-apostati. Il-pożizzjoni soda u ċara tagħna f’dan ir-rigward hi meħtieġa biex jinżammu l-purità tal-verità u l-għaqda fil-kongregazzjoni. Dwar “l-aħwa foloz,” Pawlu kiteb: “Lil dawn ma ċedejnilhomx u ma qgħadniex sottomessi lejhom, le, lanqas għal mument wieħed, sabiex il-verità taʼ l-aħbar tajba tibqaʼ għandkom.” (Gal. 2:4, 5) Jekk f’xi każ rari tinqalaʼ l-apostasija, il-Kristjani devoti għandhom jibqgħu sodi għal dak li hu sewwa.
L-Indokraturi Jridu Jkunu Lesti Li Jċedu
15. L-indokraturi Kristjani b’liema mod jistgħu jkunu raġunevoli u lesti li jċedu meta jiltaqgħu flimkien?
15 Waħda mill-kwalifiki li jeħtieġu dawk li jinħatru bħala indokraturi hija li jkunu raġunevoli, jew lesti li jċedu. Pawlu kiteb: “L-indokratur għandu jkun . . . raġunevoli [“lest li jċedi,” NW, ntt.].” (1 Tim. 3:2, 3) Dan hu vitali b’mod speċjali meta l-irġiel maħturin jiltaqgħu flimkien biex jiddiskutu affarijiet tal-kongregazzjoni. Qabel ma tittieħed xi deċiżjoni, kull wieħed preżenti jkun liberu li jesprimi lilu nnifsu b’mod ċar, għalkemm m’hemmx bżonn li kull anzjan jgħid xi ħaġa. Matul id-diskussjoni, wieħed jistaʼ jbiddel il-ħarsa tiegħu hekk kif jismaʼ lill-oħrajn jiġbdu l-attenzjoni lejn il-prinċipji Skritturali li jkunu japplikaw. Minflok ma joqgħod jirreżisti l-opinjoni taʼ ħaddieħor biex jinsisti fuq tiegħu, l-anzjan matur ikun lest li jċedi. Fil-bidu tad-diskussjoni, għandu mnejn ikun hemm opinjonijiet differenti, imma l-meditazzjoni u t-talb jippromwovu l-għaqda fost anzjani modesti li jkunu lesti li jċedu.—1 Kor. 1:10; Aqra Efesin 4:1-3.
16. Liema attitudni għandu juri indokratur Kristjan?
16 F’kulma jagħmel, anzjan Kristjan għandu jistinka biex jappoġġa l-ordni teokratiku. Din l-attitudni għandha tintwera anki meta jindokra l-merħla tiegħu, u għandha tgħinu juri konsiderazzjoni u ġentilezza m’oħrajn. “Irgħu l-merħla t’Alla li hemm fil-ħarsien tagħkom,” kiteb Pietru, “mhux bilfors, imma minn jeddkom; mhux għall-imħabba tal-qligħ diżonest, imma bil-ħerqa.”—1 Pt. 5:2.
17. Kull membru tal-kongregazzjoni kif jistaʼ jkun raġunevoli u lest li jċedi meta jittratta m’oħrajn?
17 Il-membri mdaħħlin fiż-żmien tal-kongregazzjoni japprezzaw l-għajnuna imprezzabbli li jagħtuhom dawk li huma iżgħar minnhom fl-età u jittrattawhom b’dinjità. Mill-banda l-oħra, iż-żgħażagħ jirrispettaw lil dawk akbar minnhom li għandhom ħafna snin t’esperjenza fis-servizz taʼ Ġeħova. (1 Tim. 5:1, 2) L-anzjani Kristjani jfittxu rġiel kwalifikati sabiex ikunu jistgħu jaqsmu magħhom ċerti responsabbiltajiet, u jħarrġuhom biex jgħinu fl-indokrar tal-merħla t’Alla. (2 Tim. 2:1, 2) Kull Kristjan individwali għandu japprezza l-parir imnebbaħ taʼ Pawlu: “Kunu ubbidjenti lejn dawk li qed imexxu fostkom u kunu sottomessi lejhom [“lesti li ċċedulhom,” NW, ntt.], għax huma qed jgħassulkom ruħkom bħala dawk li għad iridu jagħtu kont; sabiex dan jagħmluh bil-ferħ u mhux bit-tnehid, għax inkella jkun taʼ ħsara għalikom.”—Ebr. 13:17.
Inkunu Lesti li Nċedu Bħala Membri tal-Familja
18. Għala huwa xieraq li fil-familja nkunu raġunevoli u lesti li nċedu?
18 Il-membri tal-familja wkoll jeħtieġu li jkunu raġunevoli u lesti li jċedu. (Aqra Kolossin 3:18-21.) Il-Bibbja tindika l-irwol speċifiku li għandu kull membru tal-familja Kristjana. Il-missier hu l-kap taʼ martu kif ukoll il-wieħed responsabbli għall-gwida tat-tfal. Il-mara trid tirrikonoxxi l-awtorità taʼ żewġha, u t-tfal iridu jagħmlu ħilithom biex ikunu ubbidjenti, xi ħaġa li togħġob ħafna lill-Mulej. Kull membru tal-familja jistaʼ jippromwovi l-unità u l-paċi fil-familja billi jkun raġunevoli u lest li jċedi b’mod xieraq u bilanċjat. Il-Bibbja fiha xi eżempji li jgħinuna nifhmu dan il-punt.
19, 20. (a) Agħmel kuntrast bejn l-eżempju t’Għeli u dak taʼ Ġeħova dwar kif inċedu. (b) Liema lezzjonijiet jistgħu jitgħallmu l-ġenituri minn dawn l-eżempji?
19 Meta Samwel kien daqsxejn taʼ tifel, Għeli kien jaqdi bħala l-qassis il-kbir f’Iżrael. Madankollu, it-tfal t’Għeli, Ħofni u Fineħas, kienu “nies mill-agħar” li “ma kinux iqisu lill-Mulej.” Għeli semaʼ affarijiet ħżiena dwarhom, inkluż il-fatt li kienu qed jiżnu man-nisa li kienu jaqdu fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa. Kif irreaġixxa? Għeli qalilhom li jekk kienu qed jidinbu kontra Ġeħova, ma kien hemm ħadd li setaʼ jitlob għalihom. Imma hu naqas li jwiddibhom u jiddixxiplinahom. Għaldaqstant, ulied Għeli komplew fil-ħażen tagħhom. Fl-aħħar, Ġeħova ddetermina b’mod ġust li kien jistħoqqilhom il-piena tal-mewt. Meta semaʼ l-aħbar li kienu mietu, Għeli miet ukoll. X’riżultat tal-biki! Jidher ċar li l-fatt li Għeli ċeda għall-għemejjel ħżiena tagħhom billi ħalliehom ikomplu jwettquhom la kien sewwa u lanqas xieraq.—1 Sam. 2:12-17, 22-25, 34, 35; 4:17, 18.
20 B’kuntrast maʼ dan, ikkunsidra l-mod kif Alla ttratta maʼ l-ulied anġeliċi tiegħu. Il-profeta Mikajja kellu viżjoni taʼ l-għaġeb dwar laqgħa li Ġeħova kellu maʼ l-anġli Tiegħu. Ġeħova staqsiehom min minnhom kien kapaċi jqarraq bis-Sultan Aħab taʼ Iżrael sabiex jikkaġuna l-mewt taʼ dan is-sultan mill-agħar. Ġeħova semaʼ s-suġġerimenti li għamlu diversi wlied spirti. Imbagħad kien hemm anġlu li qal li kien jaf x’għandu jagħmel biex iqarraq b’Aħab. Ġeħova staqsieh x’kien se jagħmel. Sodisfatt, Ġeħova inkariga lill-anġlu biex iwettaq il-pjan tiegħu. (1 Slat. 22:19-23) Jekk napplikaw dan ir-rakkont għall-bnedmin, ma jistgħux il-membri tal-familja jitgħallmu lezzjoni minnu dwar kif ikunu raġunevoli u lesti li jċedu? Raġel Kristjan li jkun miżżewweġ u jkollu t-tfal għandu jikkunsidra l-ideat u s-suġġerimenti taʼ martu u wliedu. Mill-banda l-oħra, in-nisa u t-tfal għandhom jagħrfu li jekk huma esprimew xi opinjoni jew preferenza, għandu mnejn ikun meħtieġ li jċedu għad-direzzjoni tal-wieħed awtorizzat mill-Iskrittura biex jiddeċiedi.
21. X’se jiġi kunsidrat fl-artiklu li jmiss?
21 Kemm aħna grati għat-tfakkiriet mimlijin għerf u mħabba li jagħtina Ġeħova biex inkunu raġunevoli u lesti li nċedu! (Salm 119:99) Fl-artiklu li jmiss se nikkunsidraw kif il-fatt li nkunu lesti li nċedu b’mod bilanċjat se jgħinna nsibu l-ferħ fiż-żwieġ.
[Noti taʼ taħt]
a F’ħafna versi bil-lingwa oriġinali, il-kliem li uża l-appostlu Pawlu u li hawnhekk huwa tradott bħala “raġunevoli” u “raġunevolezza” jagħti wkoll l-idea taʼ li ċċedi. Xogħol wieħed taʼ referenza jgħid: “[Ir-raġunevolezza] tinvolvi l-fatt li wieħed ikun lest li jċedi d-drittijiet persunali tiegħu u juri konsiderazzjoni kif ukoll ġentilezza m’oħrajn.” Għaldaqstant, il-kelma oriġinali għandha s-sens taʼ li tkun raġunevoli u lest li ċċedi, u mhux li tinsisti biex tapplika l-Liġi t’Alla b’mod riġidu jew inkella li tinsisti fuq id-drittijiet tiegħek.
b Ara l-artiklu “Jekk Xi Ħadd Iġagħlek Timxi Miegħu,” fil-ħarġa tat-Torri taʼ l-Għassa taʼ l-15 taʼ Frar, 2005, paġni 23-6.
Int Kif Twieġeb?
• Liema riżultati tajbin jistaʼ jkollna meta nkunu lesti li nċedu?
• L-indokraturi kif jistgħu jkunu raġunevoli u lesti li jċedu?
• Għala huwa xieraq li nkunu raġunevoli u lesti li nċedu fil-familja?
[Stampa f’paġna 4]
L-anzjani jimitaw il-mod ħanin kif Kristu jittratta m’oħrajn
[Stampa f’paġna 6]
Meta l-anzjani tal-kongregazzjoni jiltaqgħu flimkien, il-fatt li jimmeditaw u jitolbu kif ukoll ikunu lesti li jċedu jgħinhom jippromwovu l-unità