Mingħand il-Qarrejja
Il-Ġurnata tat-Tieġ Veru ħadt pjaċir bis-serje t’artikli “Il-Ġurnata tat-Tieġ—Kif Nagħmluha l-Bidu taʼ Ferħ Kbir.” (8 taʼ Frar, 2002) Peress li għadni żgħir, qed nipprepara lili nnifsi mentalment għal dan il-pass importanti taż-żwieġ. Dawn l-artikli għenuni nifhem kif nistaʼ nagħmel il-preparamenti mingħajr l-istress li hu tant komuni fost il-koppji żgħar u wkoll dwar kif nistaʼ nżomm l-unjoni waħda ferħana. Jekk jogħġobkom, tiqfux milli tagħtu attenzjoni lil dawk bħalna li qed nagħmlu kull sforz biex inpoġġu fil-prattika dak li Jehovah irid mill-qaddejja tiegħu.
F. C., Italja
Dejjem nibqaʼ impressjonata kif Jehovah jipprovdi l-gwida eżatt meta l-iktar li jkolli bżonnha. Il-ħarġa taʼ Stenbaħ! tat-8 taʼ Frar, 2002, ma kinitx eċċezzjoni. Dawn l-aħħar ftit xhur, jien u l-għarus tiegħi konna qed nippjanaw għat-tieġ tagħna, u bdejna nħossu t-tensjoni. L-artikli tal-ftuħ fakkruni li dawn ix-xhur taʼ preparamenti fir-realtà huma sbieħ u li l-ansjetà ħlief uġigħ taʼ qalb ma ġġibx.
H. M., Awstralja
Il-paġna 10 tas-serje t’artikli timplika li huwa aċċettabbli għal raġel miżżewweġ li jitlaq mid-dar jekk hu jemmen li għandu raġunijiet validi għas-separazzjoni. Jien u l-mara ma sibna xejn fil-Bibbja li jappoġġa dan. Fil-fatt, il-Bibbja turi l-kontra—il-mara tistaʼ titlaq imma r-raġel ma jistax. Ġenesi 2:24 jgħid li r-raġel għandu “jingħaqad maʼ martu.” U l-1 Korintin 7:11 jgħid, “jekk [hi, “NW”] tiġi li tħallih,” imma mbagħad il-vers ikompli, “ir-raġel ma għandux jitlaq lil martu.”
K. L., Awstralja
“Stenbaħ!” iwieġeb: Ġenesi 2:24 irid jiġi kunsidrat fil-kuntest tiegħu. L-ordni divina dokumentata hawn ma kinitx mogħtija bħala direzzjoni rigward xi separazzjoni possibbli. L-ittra taʼ Pawlu lill-Korintin turi biċ-ċar li Jehovah iqisu ferm iż-żwieġ, u li koppja għandha tagħmel kull sforz biex iż-żwieġ ma jitkissirx. Jidher ċar, għalhekk, li ma kienx l-iskop taʼ Pawlu li joħloq żewġ regoli—waħda għall-mara u oħra għar-raġel. Il-versi 10 u 11 iħeġġu kemm lir-raġel u kemm lill-mara biex ma jitilqux, jekk dan ikun possibbli. B’hekk, b’mod raġunevoli, dak li japplika għall-mara japplika wkoll għar-raġel.
Iż-Żgħażagħ Jistaqsu Għadni kemm spiċċajt naqra l-artiklu “Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . X’Jiġri jekk Niltaqaʼ maʼ Xi Ħadd li Naf mill-Iskola?” (8 taʼ Marzu, 2002) Peress li jien ministru full-time u nattendi skola sekondarja, spiss ħassejtni bħalma ħassu Simon li kien kwotat fl-artiklu. Jien ukoll kont nittama li ma niltaqaʼ maʼ ħadd mill-iskola tiegħi waqt li nkun fuq il-ministeru. Dan l-artiklu eċċellenti kien tfakkira mingħand Jehovah. Nirringrazzjah għal dan.
S. S., Stati Uniti
Jien għandi 14-il sena, u kont nibżaʼ li niltaqaʼ maʼ sħabi taʼ l-iskola waqt li nkun fuq it-territorju fejn inkun qed nippriedka. Il-fatt li naf li Jehovah qed jgħinni waqt li nkun qiegħed inħabbat il-bibien jimlieni bil-faraġ. L-artiklu veru saħħaħni.
M. L., Italja
Iċ-Chewing Gum Grazzi għall-artiklu “Iċ-Chewing Gum—Modern iżda Antik.” (8 taʼ Mejju, 2002) Jien inħobbu ċ-chewing gum imma, bla ma nintebaħ, nibilgħu kważi kull meta nieħdu. Dan l-artiklu wissieni biex ma nibilgħux. Se nimxi fuq il-parir tagħkom!
K. B., Tajlandja
Id-Dniefel Jien għandi 14-il sena, u nixtieq nirringrazzjakom ħafna għall-artiklu “Ġurnata mad-Dniefel.” (8 taʼ Jannar, 2002) Dan l-artiklu veru laqatni. L-informazzjoni kienet eċċellenti u turi kemm hi kbira u tal-biżaʼ l-qawwa taʼ Jehovah biex ħalaq kreaturi taʼ l-għaġeb u intelliġenti bħal dawn. Ladarba d-dniefel huma l-annimali favoriti tiegħi, inħares ’il quddiem għad-dinja l-ġdida t’Alla meta nkun nistaʼ nsir nafhom aħjar.
A. C., Awstralja
Tweġibiet taʼ l-Editur Nixtieq ngħidilkom prosit għat-tweġibiet li tagħtu għall-ittri li kultant jidhru f’“Mingħand il-Qarrejja.” L-editur tal-gazzetta lokali tagħna huwa magħruf għall-kummenti li jweġġgħu, arroganti, u sarkastiċi li jagħmel lil dawk li jkunu kitbu fil-gazzetta, anki meta dak li jkun pubblikat fil-gazzetta jkun żbaljat. Hija ħaġa sabiħa li tara t-tweġibiet mill-edituri taʼ Stenbaħ! għax dawn jirriflettu dinjità bilanċjata fir-rivista u konsiderazzjoni għall-qarrej.
K. W., Stati Uniti