Intom “Spettaklu”!
1 L-appostlu Pawlu kiteb: “Sirna spettaklu għad-dinja, għall-anġli u għall-bnedmin.” (1 Kor. 4:9) Xi jfisser dan, u kif għandu jeffettwana fil-ministeru tagħna llum?
2 Għal xi ħadd minn Korintu, l-espressjoni “spettaklu” wisq probabbli kienet tfakkru fl-aħħar ħaġa li kienet isseħħ fil-kuntesti tal-gladjaturi Rumani. F’dawn il-kuntesti nies kundannati kienu jimmarċjaw quddiem eluf taʼ spettaturi qabel ma kienu jiġu mbiċċra b’mod kiefer. B’mod simili, udjenza kbira, kemm taʼ bnedmin u kemm t’anġli, osservat it-tbatijiet li l-Kristjani taʼ l-ewwel seklu kellhom ibatu sabiex jagħtu xiehda dwar is-Saltna. (Lhud 10:32, 33) L-integrità tagħhom effettwat mhux biss lil dawk il-ftit li rawhom iżda lil ħafna iktar, bħalma s-sabar tagħna jeffettwa lil ħafna fl-arena moderna taʼ llum. Għal min aħna spettaklu?
3 Għad-Dinja u għall-Bnedmin: Xi kultant il-mezzi tax-xandir jippubblikaw rapporti dwar l-attivitajiet tan-nies taʼ Jehovah. Filwaqt li napprezzaw rapporti tajbin li huma bbażati fuq il-fatti u huma kif suppost dwar ix-xogħol tagħna, aħna nistennew li jixterdu xi rapporti ħżiena dwarna mill-kritiċi taʼ kontrina minn żmien għal żmien. Minkejja dan, aħna rridu nkomplu nirrikkmandaw lilna nfusna bħala ministri t’Alla “kemm jekk jgħidu l-ħażin u kemm jekk jgħidu t-tajjeb fuqna.” (2 Kor. 6:4, 8) Dawk l-uħud onesti li qed josservawna jibdew jaraw kemm tassew aħna dixxipli veri taʼ Ġesù Kristu.
4 Għall-Anġli: Il-ħlejjaq spirti josservawna wkoll. Ix-Xitan u d-demonji tiegħu jħarsu—iżda “b’korla kbira,” u jipprovaw iwaqqfu x-xogħol taʼ “xhieda taʼ Ġesù.” (Apk. 12:9, 12, 17) L-anġli leali t’Alla jħarsu u jifirħu anki meta midneb wieħed jindem. (Lq. 15:10) Għandna nħossuna msaħħin meta nkunu nafu li l-anġli jaraw il-ministeru tagħna bħala l-iktar xogħol urġenti u taʼ benefiċċju li qed isir fuq l-art illum!—Apk. 14:6, 7.
5 Meta tiffaċċja l-oppożizzjoni jew taħseb li mhux qed ikollok riżultati fil-ministeru tiegħek, ftakar li int qiegħed fiċ-ċentru taʼ l-attenzjoni universali. Is-sabar leali tiegħek jgħid ħafna dwar l-integrità tiegħek. Maż-żmien, “it-taqbida t-tajba tal-fidi” tiegħek se tħallik “tirbaħ il-ħajja taʼ dejjem.”—1 Tim. 6:12.