Kemm Hija Importanti s-Sħubija Kristjana?
1 “L-ebda bniedem m’hu gżira.” Din l-istqarrija li saret minn poeta Ingliż tas-seklu 17 tesprimi b’mod eżatt il-kliem misjub fil-Bibbja dwar il-bżonn bażiku tal-bniedem—is-sħubija. (Prov. 18:1) Is-sħubija Kristjana tagħna timla dan il-bżonn. Kif inhi taʼ benefiċċju għalina?
2 Fil-Ministeru: Wieħed mill-akbar benefiċċji huwa l-mod kif ħutna jsaħħuna u jappoġġawna fil-ministeru pubbliku. Ġesù bagħat lid-dixxipli tiegħu jippridkaw “tnejn tnejn.” (Mk. 6:7; Lq. 10:1) Fi qbil maʼ dan l-eżempju, meta naħdmu m’oħrajn fis-servizz taʼ l-għalqa, nesperjenzaw il-verità tal-kliem li nsibu f’Koħèlet 4:9, 10. Hekk kif inwettqu l-ministeru tagħna flimkien, il-fidi, l-ubbidjenza, u l-imħabba taʼ dawk li jkunu qegħdin magħna se jimlewna bil-kuraġġ u se jġeddulna ż-żelu tagħna.
3 Għall-Għajnuna Persunali: Il-fratellanza tagħna hija wkoll sors taʼ inkuraġġiment u gwida sabiex inkampaw mal-pressjonijiet u nirreżistu t-tentazzjonijiet. Kristjani sħabna jistgħu jiġbdulna l-attenzjoni lejn skritturi li jitkellmu dwar dak li jkun qed jinkwetana personalment. Jistgħu anki jitolbu għalina, bħalma aħna nagħmlu għalihom. (2 Kor. 1:11) U żgur li l-eżempju tajjeb tagħhom se jqanqalna biex nagħmlu t-tajjeb u se jsaħħaħna.
4 Fil-Laqgħat: Il-barka tas-sħubija Kristjana titgawda meta aħna nattendu regolarment għal-laqgħat Kristjani. (Lhud 10:24, 25) Il-programm ikun fih abbundanza taʼ istruzzjoni spiritwali, u l-attendenza tagħna għal-laqgħat iżżommna fil-qrib maʼ ħutna fit-twemmin. Dawn il-laqgħat jagħtuna l-opportunità li nisimgħu lil ħutna jesprimu l-fidi tagħhom, kemm jekk minn fuq il-platform jew fl-udjenza. (Rum. 1:12) Ir-rabta taʼ sħubija tagħna ssir iktar profonda meta nkellmu lil xulxin qabel u wara l-laqgħat. Okkażjonijiet bħal dawn jagħtuna l-opportunità biex nitkellmu dwar l-esperjenzi li jibnu l-fidi li kellna aħna stess. Il-personalitajiet tagħna jiġu effettwati b’mod pożittiv meta nissieħbu taʼ spiss maʼ dawk li jħobbu ’l Jehovah, il-Kelma tiegħu, ix-xogħol tiegħu, u l-poplu tiegħu.—Flp. 2:1, 2.
5 Għandna bżonn lil sħabna l-Kristjani. Ikun iktar diffiċli mingħajrhom biex nimxu fit-triq id-dejqa li tieħu għall-ħajja. Madankollu, bl-imħabba u l-inkuraġġiment tagħhom, nistgħu nkomplu mexjin lejn id-dinja l-ġdida taʼ tjieba taʼ Jehovah.—Mt. 7:14.