Aħna Ninsabu Ferħanin Inħabirku fis-Servizz taʼ Ġeħova!
1 L-appostlu Pawlu kien ferħan ‘jintefaq għalkollox’ sabiex iwettaq il-ministeru Kristjan tiegħu. (2 Kor. 12:15) B’mod simili llum, ħafna Kristjani jaħdmu iebes bħala pijunieri. Oħrajn b’responsabbiltajiet kbar fil-familja qed jagħmlu l-wisaʼ fl-iskeda mimlija tagħhom biex jieħdu sehem fil-ministeru kull ġimgħa. Xi wħud bi problemi serji taʼ saħħa jużaw l-enerġija limitata tagħhom biex jippromwovu l-interessi tas-Saltna. Kemm hu inkuraġġanti li tara l-poplu taʼ Ġeħova, minkejja l-età u ċ-ċirkustanzi, iħabrek fis-servizz taʼ Ġeħova!
2 Imħabba għall-Proxxmu: Meta nagħmlu dak kollu li nistgħu biex naqdu lil Ġeħova, billi nuru mħabba għal Alla u għall-proxxmu, aħna jkollna kuxjenza nadifa. Minħabba li Pawlu ta ħajtu f’li jaqsam l-aħbar tajba m’oħrajn, hu setaʼ jgħid bil-ferħ: “Illum irridkom tixhdu dwari li jien nadif mid-demm tal-bnedmin kollha.” (Atti 20:24, 26; 1 Tess. 2:8) Il-fatt li nieħdu sehem fil-ministeru sal-limiti li jippermettu ċ-ċirkustanzi tagħna se jipproteġina milli nsiru ħatjin tad-demm.—Eżek. 3:18-21.
3 Il-fatt li naħdmu iebes biex ngħinu lil ħaddieħor iġibilna lferħ. (Atti 20:35) Wieħed ħu qal: “Meta jasal fil-għaxija, u jien niġi lura d-dar wara ġurnata fis-servizz taʼ Ġeħova, inħossni għajjien tabilħaqq. Imma nkun ferħan, u niżżi ħajr lil Ġeħova talli tani ferħ li ħadd ma jistaʼ jiħodhuli.”
4 Imħabba għal Alla: L-iktar raġuni importanti li għaliha għandna nħabirku fis-servizz taʼ Ġeħova hi li dan jogħġob lil Missierna tas-sema. L-imħabba t’Alla tqanqalna biex nosservaw il-kmandamenti tiegħu, li jinkludu li nippridkaw u li nagħmlu dixxipli. (1 Ġw. 5:3) Anki meta n-nies juru l-apatija u l-oppożizzjoni, aħna bil-ferħ inkomplu naħdmu iebes għal Ġeħova.
5 M’huwiex iż-żmien li nnaqqsu l-pass. Aħna qed ngħixu fi żmien il-ħsad. (Mt. 9:37) Normalment bidwi jaħdem sigħat twal matul il-ħsad minħabba li għandu żmien limitat biex jiġbor il-prodott qabel ma jitħassar. Iż-żmien li fadal għall-ħsad spiritwali huwa qasir ukoll. Ħalli nżommu f’moħħna ż-żmien li qed ngħixu fih, u jalla lkoll kemm aħna nkomplu nistinkaw bil-ħeġġa fil-ministeru.—Lq. 13:24; 1 Kor. 7:29-31.